L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Veritatis Splendor

 

 

VERITATIS SPLENDOR

ID-DIJA TAL-VERITÁ

Dwar is-sisien tad-Duttrina Morali tal-Knisja

 
 

ĠWANNI PAWLU II

ENĊIKLIKA

VERITATIS SPLENDOR


 

Lill-Isqfijiet kollha tal-Knisja Kattolika

Dwar is-sisien tad-duttrina morali tal-Knisja

 

Ħuti miqjuma fl-Episkopat,

Sliem u barka appostolika.

 

ID-DIJA TAL-VERITÁ tiddi fl-għemejjel kollha tal-Ħallieq, u l-aktar fil-bniedem maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1, 26): il-veritá ddawwal il-fehma tal-bniedem u ssawwar il-libertá tiegħu u hekk jasal biex jagħraf u jħobb lil Alla. Hu għalhekk li s-salmista jitlob: “Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek” (Salm 4, 7).


 

 

 

DAĦLA

ĠESÚ KRISTU, ID-DAWL VERU LI JDAWWAL

KULL BNIEDEM

 

1. Imsejħin għas-salvazzjoni bil-fidi f’Ġesú Kristu, “Id-dawl veru li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1, 9), il-bnedmin isiru “dawl fil-Mulej” u “wlied id-dawl” (Ef 5, 8) u jitqaddsu billi “joqgħodu għall-kelma tal-veritá” (1 Piet 1, 22).

 

Mhux dejjem ħaġa ħafifa toqgħod għall-kelma tal-veritá. Minħabba d-dnub misterjuż tan-nisel, li seħħ bit-tnassis tax-Xitan, dak li hu “giddieb u missier il-gideb” (Ġw 8,44), il-bniedem hu bla heda mħajjar biex ibiegħed ħarstu ‘l hemm minn Alla l-ħaj u veru, u jdawwarha lejn l-idoli (ara 1 Tes 1, 9) u jibdel “il-veritá ta’ Alla ma’ gidba” (Rum 1, 25); b’hekk iddalmet il-ħila tal-bniedem li jagħraf il-veritá u naqset ir-rieda tiegħu li joqgħod għaliha. U hekk waqa’ fir-relattiviżmu u x-xettiċiżmu (ara Ġw 18, 38) u fittex ħelsien qarrieq li hu kollu kemm hu bogħod mill-veritá.

 

Iżda ebda dlam tal-qerq u tad-dnub ma jista’ jeqred għal kollox fil-bniedem id-dawl ta’ Alla l-Ħallieq. Fil-fond tal-qalb tal-bniedem tibqa’ x-xewqa tal-veritá assoluta u għatx kbir għall-għarfien sħiħ tagħha. Dan b’mod ta’ l-għaġeb jidher fil-ħerqa bla mistriħ tal-bniedem għat-tfittix kullimkien u f’kull qasam. Dan jidher wisq aktar ukoll fil-ħerqa tal-bniedem ħa jkun jaf xi tfisser il-ħajja. Il-progress fix-xjenza u t-teknika, din ix-xhieda ċara tal-ħila tal-bniedem biex jifhem minghajr qatt ma jaqta’ qalbu, ma jeħilsux il-bniedem mid-dmir li jistħarreg dwar il-problemi reliġjużi l-aktar għoljin, anzi jħeġġuh biex jaffronta taqbid mill-aktar kiefer u deċisiv, dak tal-qalb u tal-kuxjenza morali.

 

2. Ebda bniedem ma jista’ jevitá din il-mistoqsija fondamentali: X’għandi nagħmel? Kif se nagħraf it-tajjeb mill-ħażin? Għal din il-mistoqsija l-bniedem jista’ jwieġeb biss bil-qawwa tad-dija tal-veritá li tiddi fil-fond ta’ l-Ispirtu tiegħu, kif jixhdilna s-salmista: “Ħafna jgħidu: ‘Min jurina r-riżq?’ Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek” (Salm 4, 7).

 

Id-dawl ta’ wiċċ Alla, fil-ġmiel kollu tiegħu, jiddi fuq il-wiċċ ta’ Ġesú Kristu, li hu “ix-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol 1, 15), “id-dija tal-glorja” tiegħu (Lh 1, 3), “mimli grazzja u veritá” (Ġw 1, 14). Hu “t-triq, il-veritá, il-ħajja” (Ġw 14, 6). Għalhekk it-tweġiba deċiżiva għal kull problema tal-bniedem, speċjalment il-problemi reliġjużi u morali, jagħtiha Ġesú Kristu, anzi t-tweġiba hi Ġesú Kristu nnifsu, kif jgħid il-Konċilju Vatikan II: Hu biss fil-misteru tal-Verb magħmul bniedem li verament jidher ċar il-misteru tal-bniedem. Għax Adam, l-ewwel bniedem, kien xbieha tal-bniedem li kellu jiġi, Kristu l-Mulej. Hu Kristu, it-tieni Adam, li wera lill-bniedem x’kien fih innifsu meta rrivela l-misteru tal-Missier u ta’ mħabbtu u wrieh ukoll x’kienet is-sejħa tassew għolja tiegħu”[1].

 

Ġesú Kristu, “dawl tal-ġnus”, idawwal wiċċ il-Knisja tiegħu u jibgħatha fid-dinja tħabbar l-Evanġelju lill-ħolqien kollu (ara Mt 16, 15)[2]. Hekk il-Knisja, il-poplu ta’ Alla fost il-ġnus[3], waqt li tqis sewwa l-isfidi ġodda ta’ l-istorja u l-isforzi tal-bnedmin biex ifittxu xi tfisser il-ħajja, toffri ‘l kulħadd it-tweġiba li toħroġ mill-veritá dwar Ġesú Kristu u l-Evanġelju tiegħu. Il-Knisja ma tieqaf qatt tħares “id-dmir tagħha li tagħraf is-sinjali taż-żminijiet u tfissirhom fid-dawl ta’ l-Evanġelju, b’mod li tkun tista’ twieġeb, b’mod adatt għaż-żmien li jkun, għall-mistoqsijiet tal-bnedmin dwar xi tfisser il-ħajja u dwar il-ħajja li għad trid tiġi u x’rabtiet hemm bejniethom”[4].

 

3. Ir-Rgħajja tal-Knisja, f’xirka mas-suċċessur ta’ San Pietru, huma qrib il-fidili f’dan l-isforz tagħhom billi, bi mħabba u ħniena, ifittxu dejjem kliem ġdid, li bih ikellmu mhux biss lil dawk li jemmnu, imma wkoll lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Il-Konċilju Vatikan II hu xhieda tassew ta’ l-għaġeb ta’ din l-imġiba tal-Knisja li, bħala “esperta ta’ l-umanitá”[5], taqdi kull bniedem u lill-bniedem kollu kemm hu[6].

 

Il-Knisja taf li dak li hu mitlub mill-moralitá jolqot fil-fond is-sentiment ta’ kull bniedem, u jimpenja ‘l kulħadd, ukoll lil dawk li la jagħrfu ‘l Kristu u l-Evanġelju tiegħu u lanqas lil Alla. Il-Knisja taf li t-triq tas-salvazzjoni ta’ kulħadd hi proprju fil-mixi fil-ħajja morali, kif fakkar b’mod l-aktar ċar il-Konċilju Vatikan II meta kiteb: “Dawk li bla ħtija tagħhom ma jafux bl-Evanġelju ta’ Kristu u bil-Knisja tiegħu, iżda bis-sinċeritá kollha ta’ qalbhom qed ifittxu lil Alla, u qed iħabirku biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla, magħrufa minn dak li tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, bil-ħidma tal-grazzja, jistgħu jiksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem”. Il-Konċilju jkompli jgħid: “Il-Providenza ta’ Alla ma ċċaħħadx minn kull għajnuna meħtieġa għas-salvazzjoni lil dawk li mingħajr ebda ħtija tagħhom għad ma waslux għall-għarfien sħiħ ta’ Alla u qed iħabirku, mhux mingħajr l-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla biex jgħixu ħajja tajba. Kull ma għandhom tajjeb u veru, il-Knisja tqisu bħala tħejjija għall-Evanġelju mogħti minn Dak li jdawwal kull bniedem biex fl-aħħar jikseb il-ħajja”[7].

 

 

L-GĦAN TA’ DIN L-ENĊIKLIKA

 

4. Spiss, u l-aktar f’dawn l-aħħar mitejn sena, il-Papiet, kemm individwalment u kemm flimkien mal-Kulleġġ ta’ l-Isqfijiet, żvillupaw u xandru tagħlim morali dwar il-ħafna oqsma differenti tal-ħajja tal-bniedem. F’isem Kristu u bl-awtoritá tiegħu, huma ħeġġu, wissew, għallmu; fit-tħabrik tagħhom favur il-bniedem, huma u jaqdu l-missjoni tagħhom, wettqu, għenu u farrġu. Bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu tal-veritá taw sehemhom biex ikun hemm għarfien aħjar ta’ dak li titlob il-moralitá fl-oqsma tas-sesswalitá umana, tal-familja, u tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika. It-tagħlim tagħhom, kemm fit-tradizzjoni tal-Knisja u kemm fl-istorja tal-bniedem, hu għarfien dejjem aktar fil-fond tal-moralitá[8].

 

Iżda llum, milli jidher, jeħtieġ li nirriflettu mill-ġdid fuq it-tagħlim morali kollu tal-Knisja, bil-ħsieb preċiż li nfakkru xi veritajiet fondamentali tad-duttrina kattolika li, fiċ-ċirkostanzi ta’ llum, qed jiġu mgħawġa jew imċaħħdin. Fil-komunitá nisranija stess seħħet qagħda ġdida li rat it-tixrid ta’ ħafna dubji u diffikultajiet ta’ natura umana u psikoloġika, soċjali u kulturali, u ta’ natura kollha kemm hi teoloġika wkoll, dwar it-tagħlim morali tal-Knisja. Illum m’għadhiex aktar kwistjoni ta’ xi nuqqas ta’ qbil sistematiku dwar kollox, li qiegħed imur kontra t-tagħlim morali tradizzjonali tal-Knisja, bażat fuq għadd ta’ presupposti antropoloġiċi u etiċi. Dawn il-presupposti għandhom l-għeruq tagħhom fl-influwenza, ftit jew wisq evidenti, ta’ xi fehmiet li jaslu biex jifirdu l-libertá tal-bniedem mir-relazzjoni essenzjali u kostituttiva tagħha mal-veritá. Hekk qed titwarrab id-duttrina tradizzjonali dwar il-liġi naturali u l-universalitá u l-awtoritá li ma tiġi nieqsa qatt tal-preċett tagħha; xi tagħlim morali tal-Maġisteru qed jitqies bħallikieku mhux possibbli li wieħed jaċċettah, anzi qed jitqies ukoll li l-istess Maġisteru m’għandux jindaħal fi kwistjonijiet morali, ħlief forsi biss biex “iħeġġeġ il-kuxjenzi” jew biex “jipproponi xi valuri” ħalli fid-dawl tagħhom kull indcdividwu, mingħajr ħadd ma jindaħallu, jiddeċiedi hu x’għandu jagħmel u x’jagħżel f’ħajtu.

Ta’ min jinnota b’mod partikulari n-nuqqas ta’ qbil li hemm bejn it-tweġib tradizzjonali tal-Knisja u xi fehmiet teoloġiċi li qed jinxterdu wkoll fis-Seminarji u fil-Fakultajiet teoloġiċi, dwar kwistjonijiet li huma ta’ importanza kbira għall-Knisja u għall-ħajja ta’ fidi ta’ l-insara kif huma wkoll għas-soċjetá tal-bnedmin kollha kemm hi.

B’mod partikulari nistaqsu: Il-kmandamenti ta’ Alla, li huma miktubin fil-qalb tal-bniedem u huma parti mill-Patt ta’ Alla, jistgħu verament imexxu l-għażliet li kuljum jagħmlu l-individwi u s-soċjetajiet? Tista’ tobdi ‘l Alla u għalhekk tħobb ‘l Alla u ‘l għajrek mingħajr ma tħares dawn il-kmandamenti fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja? Imxerrda ħafna wkoll hi l-fehma li mir-rabta intima li ma titħassar qatt li hemm bejn il-fidi u l-moralitá bħallikieku l-fidi biss meħtieġa biex wieħed ikun membru tal-Knisja u biex tkun imħarsa l-għaqda intima tagħha, waqt li fil-qasam tal-moralitá hu permezz pluraliżmu ta’ fehmiet u ta’ suriet ta’ mġiba skond ma tgħid lil kull individwu l-kuxjenza suġġettiva tiegħu jew skond ma jvarjaw il-qagħdiet soċjali u kulturali.

 

5. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi li għadhom magħna sa llum, iddeċidejt – kif kont ħabbart fl-ittra Appostolika Spiritus Domini ta’ l-1 ta’ Awissu 1987 għeluq it-tieni mitt sena tal-mewt ta’ San Alfons Marija de’ Liguori – li nikteb enċiklika “li titratta aktar fit-tul u aktar fil-fond il-problemi li għandhom x’jaqsmu mas-sisien stess tat-teoloġija morali”[9], sisien li huma mheżża sewwa minn xi tendenzi tat-teoloġija morali ta’ żmienna.

 

Inkellem lilkom, ħuti meqjuma fl-Episkopat, li taqsmu miegħi r-responsabbiltá tal-ħarsien tat-“tagħlim tajjeb” (2 Tim 4, 3) bil-ħsieb li nindikaw b’mod l-aktar ċar xi aspetti duttrinali li huma ta’ importanza fondamentali biex naffaċċjaw din il-kriżi, għaliex qed toħloq tant u tant diffikultajiet għall-ħajja morali ta’ l-insara, u tax-xirka tal-Knisja, kif ukoll għall-ħajja soċjali ġusta ta’ solidarjetá.

 

Jekk din l-enċiklika, li ilha tant mistennija, qed tiġi stampata issa, dan ġara wkoll għaliex ridt li l-ewwel joħroġ il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika billi għandu tifsira sħiħa u sistematika tad-duttrina morali nisranija kollha. Il-Katekiżmu jurina l-ħajja morali ta’ min jemmen, fl-elementi fondamentali tagħha, u fil-ħafna aspetti tagħha bħala l-ħajja ta’ “wlied Alla”. L-insara huma u jagħrfu fil-fidi d-dinjitá ġdida tagħhom, huma msejħin biex minn issa jgħixu “ħajja li tixraq l-Evanġelju ta’ Kristu” (ara Fil 1, 27). Permezz tas-sagramenti u t-talb huma jirċievu l-grazzja ta’ Kristu u d-doni ta’ l-Ispirtu tiegħu, li jagħtuhom il-ħila li jgħixu din il-ħajja”[10]. Għalhekk din l-enċiklika, hija u tagħmel riferenza għall-Katekiżmu bħala “riferenza żgura u awtentika tad-duttrina kattolika”[11] tittratta biss xi problemi fondamentali dwar id-duttrina morali tal-Knisja f’sura ta’ dixxerniment meħtieġ dwar dawk il-problemi ta’ l-etika u tad-duttrina morali li qed jiġu diskussi mill-istudjużi. L-għan proprju ta’ din l-enċiklika dan hu: dwar il-problemi li qed jiġu diskussi, l-ewwelnett nixtiequ nuru f’dawl tassew ċar il-prinċipji tad-duttrina morali, bażati fuq l-Iskrittura u t-Tradizzjoni Appostolika ħajja[12], imbagħad nuru wkoll f’dawl ċar il-presupposti u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ftehim li hemm mad-duttrina morali.

 

 

 

 

 

KAP I

 

“MGĦALLEM, X’TAJJEB GĦANDI NAGĦMEL”

(Mt 19, 16)

 

KRISTU U T-TWEĠIBA DWAR IL-MISTOQSIJA MORALI

 

RESAQ WIEĦED FUQU...(Mt 19, 16)

6. Id-djalogu ta’ Ġesú maż-żagħżugħ għani li naqraw fil-kap XIX ta’ l-Evanġelju ta’ San Mattew jiswa ħafna biex jagħtina b’mod ħaj u dirett it-tagħlim morali ta’ Kristu. “Resaq wieħed fuqu u qallu: “Mgħallem, x’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” U Ġesú qallu: ‘Għax tistaqsini fuq it-tajjeb? Wieħed hu t-tajjeb. Jekk int trid tidhol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti’. ‘Liema?’ staqsieh dak. U Ġesú wieġbu: ‘la toqtolx, la tiżnix, la tistraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u ‘l ommok, u ħobb ‘l għajrek bħalek innifsek’. Qallu ż-żagħżugħ. ‘Jien dan kollu ħaristu: x’jonqosni iżjed? Wieġeb Ġesú: ‘Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja’” (Mt 19, 16-21)[13].

 

7. “Resaq wieħed...” Fiż-żagħżugħ., li l-Evanġelju ta’ San Mattew ma jgħidilniex x’kien jismu, għandna naraw kull bniedem li jaf jew ma jafx, jersaq lejn Kristu, il-Feddej tal-bniedem, u jistaqsih dwar il-moralitá. Għaż-żagħżugħ, aktar mill-mistoqsija dwar il-kmandamenti li kellu jħares kienet importanti l-mistoqsija dwar it-tifsir sħiħ tal-ħajja. U tassew din hi x-xewqa li hi fil-qalba ta’ kull ma l-bniedem jagħmel u jiddeċiedi, it-tfittix fis-skiet u l-ħerqa fil-fond tal-qalb tal-bniedem li għalihom tqanqlu l-libertá tiegħu. Din il-mistoqsija hi fl-aħħar sejħa lil Dak li hu waħdu Tajjeb li jiġbidna u jsejħilna lejh, hi l-eku tas-sejħa ta’ Alla li hu l-bidu u t-tmiem tal-ħajja tal-bniedem. Proprju għalhekk il-Konċilju Vatikan II talab tiġdid fit-teoloġija morali, b’mod li turi bit-tagħlim tagħha s-sejħa għolja li l-insara għandhom fi Kristu[14], it-tweġiba waħdanija li biss tista’ ttemm ix-xewqat kollha tal-qalb tal-bniedem.

 

Alla sejjaħ lill-Knisja biex tkun tista’ sseħħ din il-“laqgħa” ma’ Kristu. Il-Knisja “dan tixtieq li kull bniedem isib ‘il Kristu, u li Kristu stess jimxi ma’ kull bniedem”[15].

 

MGĦALLEM, X’TAJJEB GĦANDI NAGĦMEL BIEX NIKSEB IL-ĦAJJA TA’ DEJJEM” (Mt 19,16)

 

8. Il-mistoqsija li ż-żagħżugħ għamel lil Ġesú ta’ Nazaret ħarġet mill-fond ta’ qalbu: hi mistoqsija essensjali għall-ħajja ta’ kull bniedem li teħtieġ tweġiba, għax hi mistoqsija dwar dak li hu moralment tajjeb u għandu jsir u dwar il-ħajja ta’ dejjem. Iż-żagħżugħ li kellem ‘il Kristu kien jaf sewwa bir-rabta li hemm bejn il-ġid morali u t-tmiem sħiħ tad-destin tiegħu. Hu Iżraelita twajjeb li għex, biex ngħidu hekk, taħt id-dell tal-Liġi tal-Mulej. Jekk għamel il-mistoqsija lil Ġesú, nistgħu nissopponu li għamilha għax miġbud mill-persuna ta’ Kristu, u dan qajjem fih innifsu mistoqsijijiet ġodda dwar x’inhu moralment tajjeb. Għaraf il-ħtieġa li jersaq lejn Dak li ta bidu għax-xandir tiegħu b’eżortazzjoni fondamentali ġdida: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet: indmu u emmnu fil-Bxaa t-tajba” (Mk 1, 15).

 

Jeħtieġ li l-bniedem ta’ żmienna wkoll jerġgħu jduru lejn Kristu biex jilqgħu minn għandu t-tweġiba dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Hu l-Imgħallem, l-Irxoxt, li għandu l-ħajja fih innifsu, li hu dejjem mal-Knisja tiegħu u fid-dinja kollha. Hu jfisser lill-insara l-Kotba Mqaddsa, u, huwa u jirrivela r-rieda sħiħa tal-Missier, jgħallem il-veritá dwar l-imġiba morali. Kristu l-għajn ewlenija u l-quċċata ta’ l-ekonomija tas-salvazzjoni, l-Alpha u l-Omega, il-bidu u t-tmiem ta’ l-istorja kollha tal-bniedem (ara Apok 1, 8; 21, 6; 22,13), juri x’inhi l-qagħda tal-bniedem u x’inhi s-sejħa sħiħa tiegħu. Għalhekk, “il-bniedem li jrid jagħraf fil-fond lilu nnifsu –mhux biss fl-aspetti u l-kwalitajiet ta’ ħajtu li hu jagħraf minnufih, li spiss huma imperfetti, jinsabu barra minnu nnifsu, u kemm-il darba superfiċjali u qarrieqa – għandu jersaq lejn Kristu, bil-qtigħ il-qalb u d-dubji tiegħu, bid-dgħufija u l-ħażen tiegħu, bil-ħajja u bil-mewt tiegħu. Għandu, biex ngħidu hekk, jidħol fih kollu kemm hu, għandu “jieħu għalih” u jagħmel tiegħu l-veritá kollha kemm hi ta’ l-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa biex jerġa’ jsib lilu nnifsu. Jekk dan il-proċess iseħħ fil-fond tal-bniedem, dan ikollu l-frott mhux biss ta’ l-adorazzjoni ta’ Alla, imma wkoll ta’ l-istagħġib kbir bih innifsu”[16].

 

Jekk mela rridu naslu fil-qalba tat-tagħlim ta’ l-Evanġelju dwar l-imġiba morali, u nifhmu dak kollu li fiha hu għoli u ma jitbiddel qatt, għandna ngħarblu bir-reqqa kollha t-tifsira tat-tweġiba ta’ Ġesú, immexxijin minnu. B’għarfien psikoloġiku mill-aktar fin, Ġesú wieġeb liż-żagħżugħ qisu qed jeħodlu idu biex imexxih pass pass ‘il quddiem ħa jwasslu għall-veritá sħiħa.

 

“WIEĦED HU T-TAJJEB” (Mt 19, 17)

9. Ġesú qallu: “Għax tistaqsini fuq it-tajjeb? Wieħed hu t-Tajjeb. Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti” (Mt 19, 17). Fl-Evanġelju ta’ San Mark u ta’ San Luqa l-mistoqsija hi b’dan il-kliem li ġej: “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss” (Mk 10, 18; ara Lq 18, 19).

 

Qabel ma wieġeb għall-mistoqsija, Kristu wissa liż-żagħżugħ biex jgħarbel lilu nnifsu ħa jara għaliex għamel il-mistoqsija: “L-Imgħallem tajjeb” lil dak li staqsieh – u lilna lkoll – jgħidlu li t-tweġiba għall-mistoqsija: “X’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” tista’ tinsab biss jekk wieħed idur b’qalbu kollha lejn Dak li hu waħdu “t-Tajjeb”. “Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss” (Mk 10,18; ara Lq 18, 19) Alla waħdu jista’ jwieġeb għall-mistoqsija dwar x’inhu t-tajjeb, għax Hu biss hu t-Tajjeb.

 

Tfittex int innifsek x’inhu t-tajjeb mhux ħlief li ddur lejn Alla, li hu l-milja tat-tjieba. Ġesú juri li l-mistoqsija magħmula lilu miż-żagħżugħ hi, fl-aħħar mill-aħħar, mistoqsija reliġjuża u li t-tjieba, li tiġbed u fl-istess ħin torbot lill-bniedem, għandha l-bidu tagħha f’Alla, hi l-istess Alla. Alla biss jistħoqqlu tħobbu “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu” (Mt 22, 37). Hu l-għajn ta’ l-hena tal-bniedem. Ġesú jreġġa’ lura l-mistoqsijiet ta’ Alla, li hu waħdu Tajjeb, il-milja tal-ħajja, l-għan aħħari ta’ kull għemil tal-bniedem, l-hena perfett.

 

10. Il-Knisja mgħallma bi kliem l-Imgħallem, temmen li l-bniedem maħluq xbieha tal-Ħallieq tiegħu, mifdi bid-demm ta’ Kristu, u mqaddes bil-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu, għandu bħala l-għan aħħari ta’ ħajtu li jkun “għat-tifħir tal-glorja” ta’ Alla (ara Ef 1, 12), billi jfittex li kull ħaġa li jagħmel tirrifletti d-dija ta’ dik il-glorja. “Agħraf lilek innifsek, o ruh taq’ ġmiel li ma bħalu, int xbieha ta’ Alla” – jikteb San Ambroġ – “Agħraf lilek innifsek, o bniedem, int il-glorja ta’ Alla (1Kor 14, 7). Isma’ kif int glorja ta’ Alla. Il-Profeta jgħid: Il-għerf tiegħek ta’ l-għaġeb, ma nwassalx għalih (Salm 138, 6): jiġifieri fl-għemil tiegħi l-kobor tiegħek sar aktar ta’ l-għaġeb, fil-fehma tal-bniedem jixxandar l-għerf tiegħek. Meta nqis lili nnifsi, li int tagħraf mill-ħsibijiet moħbija u mis-sentimenti l-aktar għolja tiegħi, jien nagħraf il-misteri ta’ l-għerf tiegħek. Agħraf mela lilek innifsek bniedem u ara kemm int kbir, u ishar fuqek innifsek...”[17].

 

Dak il-bniedem hu u dak li għandu jidher meta Alla juri lilu nnifsu. Id-Dekalogu għandu s-sisien tiegħu fuq dan il-kliem: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta’ l-Eġittu, minn dar il-jasar. Ma jkollokx allat oħra għajri” (Eż 20, 2-3). Alla “fl-għaxar kelmiet” tal-Patt ma’ Iżrael, u fil-liġi kollha, għarraf lilu nnifsu u ġie magħruf bħala Dak li hu “waħdu t-Tajjeb”, bħala Dak li, għalkemm daħal id-dnub fin-nofs, baqa’ l-“mudell” ta’ kull għemil morali, skond il-kmandament: “Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom” (Lev 19, 2); bħala Dak li baqa’ fidil fl-imħabba tiegħu għall-bniedem, u tah il-Liġi tiegħu (ara Eż 19, 9-24; 20, 18-21), biex titwaqqaf mill-ġdid l-armonija li kien hemm fil-bidu mal-Ħallieq u mal-ħolqien kollu u biex, fuq kollox, jerġgħu lura għall-imħabbtu: “Nitlajja f’nofskom u nkun Alla tagħkom u intom tkunu l-poplu tiegħi” (Lev 26, 12).

Il-ħajja morali tidher bħala tweġiba dovuta għal ħafna inizjattivi li minn rajh Alla jkattar għall-imħabba tiegħu għall-bniedem. Hi tweġiba ta’ mħabba skond id-Dewtronomju dwar l-aqwa kmandament: “isma’, o Iżrael, Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb mela l-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti, li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek” (Dewt 6, 47) B’dan il-mod il-ħajja morali, marbuta ma l-imħabba mogħtija minn Alla minn rajh, trid turi l-glorja tiegħu: “Biżżejjed għal min iħobb lil Alla li jkun jogħġob lil min iħobb, għax wieħed m’għandux jistenna ħlas aqwa mill-istess imħabba: għax l-imħabba ġejja minn Alla nnifsu hu mħabba”[18].

 

11. Il-Kliem “wieħed hu t-tajjeb” ireġġagħna għall-ewwel tavla” tal-kmandamenti, li twassalna biex ngħarfu ‘l Alla bħala l-Mulej u li lilu biss għandha tingħata qima għall-qdusija bla qjies tiegħu (ara Eż 20, 2-11). Ħaġa tajba tkun ta’ Alla u tobdih, timxi flimkien miegħu fiċ-ċokon tiegħek, int u tagħmel dak li hu ġust u tħobb u tkun ħanin (ara Mikea 6, 8). Tagħraf il-Mulej bħala Alla hu l-ewwel kap, il-qofol tal-Liġi, li minnu joħorġu u lejh iwasslu l-kmandamenti partikulari kollha. Bil-moralitá tal-kmandamenti jidher ċar li l-poplu ta’ Iżrael hu tal-Mulej, għax Alla biss hu waħdu t-Tajjeb. Din hi x-xhieda tal-Kotba Mqaddsa li għandhom kull paġna tagħhom mimlija bl-għarfien ħaj tal-qdusija bla qjies ta’ Alla: “Qaddis, qaddis, qaddis, il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti” (Is 6, 3).

 

Iżda, jekk Alla waħdu hu t-tajjeb, ebda sforz tal-bniedem, u lanqas il-ħarsien strett tal-kmandamenti ma jwasslu biex “isseħħ” il-Liġi, jiġifieri li tagħraf il-Mulej bħala Alla u tagħtih il-qima li tistħoqq lilu biss (ara Mt 4,10). “Is-sbuħija” tiġi biss b’don ta’ Alla: għax hi stedina għal sehem fit-Tjieba ta’ Alla li dehret u ngħatat f’Ġesú, dak li ż-żagħżugħ għani sejjaħlu: “Mgħallem tajjeb” (Mk 10, 17; Lq 18, 18). Dak li ż-żagħżugħ kien forsi għadu qed jintebaħ bih u fl-aħħar ġie rivelat għal kollox minn Ġesú stess bl-istedina: “Ejja, imxi warajja” (Mt 19, 21).

 

 “JEKK INT TRID TIDĦOL FIL-ĦAJJA, ĦARES IL-KMANDAMENTI” (Mt 19, 17).

 

12. Alla biss jista’ jwieġeb għall-mistoqsija x’inħu t-tajjeb, għax hu waħdu t-Tajjeb. Iżda Alla ġa wieġeb għal din il-mistoqsija: dan għamlu meta ħalaq il-bniedem u mexxieh b’imħabba u għerf lejn l-għan aħħari tiegħu permezz ta’ liġi miktuba f’qalbu stess (ara Rum 2, 15), “il-liġi tan-natura”. Din “m’hijiex ħlief id-dawl tal-fehma li tnissel fina minn Alla bih nagħrfu x’għandna nagħmlu u x’ma għandniex nagħmlu. Dan id-dawl u din il-liġi Alla tahom lill-bniedem fil-ħolqien”[19]. Dan għamlu wkoll fil-ġrajja ta’ Iżrael l-aktar bl-“għaxar kelmiet” jew kmandamenti fis-Sinaj li bihom ta bidu għall-poplu tal-Patt (ara Eż 24) u sejjaħlu biex ikun għalih “poplu minn fost il-popli kollha”, “ġens qaddis” (Eż 19, 56) biex bih tiddi qdusitu fost il-ġnus (ara Għerf 18, 4; Eżek 20, 41). Id-don tad-Dekalogu hu wegħda u sinjal tal-Patt il-Ġdid li bih il-liġi tinkiteb mill-ġdid fil-fond tal-qalb tal-bniedem (ara Ġer 31, 31-34) u tieħu l-post tal-liġi tad-dnub, li ħassret il-qalb tal-bniedem (ara Ġer 17, 1). Tingħata mbagħad “qalb ġdida” għax fiha tgħammar “ruħ ġdida”, l-Ispirtu ta’ Alla (ara Eżek 36, 24-28)[20].

 

Minħabba f’hekk, wara li Ġesú tenna b’mod l-aktar ċar: “Wieħed hu t-tajjeb”, liż-żagħżugħ qallu: “Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-Kmandamenti” (Mt 19, 17). B’dan il-mod tintwera r-rabta li ma bħala li hemm bejn il-ħajja ta’ dejjem u l-ħarsien tal-kmandamenti ta’ Alla, għaliex il-kmandamenti ta’ Alla juru lill-bniedem it-triq tal-ħajja u jwassluh għaliha. Minn fomm Ġesú stess, Mose ġdid, jingħataw mill-ġdid lill-bnedmin il-kmandamenti tad-Dekalogu; Hu jwettaqhom għal kollox u jurihomlna bħala triq u kondizzjoni għas-salvazzjoni. Il-kmandamenti huma marbutin ma’ wegħda: fil-Patt il-Qadim il-wegħda kienet ta’ art li fiha l-poplu kien jista’ jgħix ħieles u skond il-ġustizzja (ara Dewt 6, 20-25); fil-Patt il-Ġdid il-wegħda hi dwar “is-Saltna tas-smewwiet”, kif ħabbar Ġesú huwa u jagħti bidu għad-“Diskors tal-muntanja” – li jxandar fit-tul u b’mod sħiħ il-Liġi l-Ġdida (ara Mt 5-7) diskors li hu marbut b’mod ċar mad-Dekalogu mogħti minn Alla lil Mosé fuq is-Sinaj. Il-frażi “ħajja ta’ dejjem” tfisser l-istess realtá tas-Saltna, għax il-ħajja ta’ dejjem hi tisħib fl-istess ħajja ta’ Alla; isseħħ fil-milja kollha tagħha wara l-mewt, iżda hi bil-fidi minn issa stess dawl tal-veritá, għajn ta’ tifsir għall-ħajja, bidu ta’ tisħib fil-qofol tal-mixi wara Kristu. Dan għaliex Ġesú, wara l-laqgħa maż-żagħżugħ għani, qal lid-dixxipli: “Kull min iħalli ‘l daru jew ‘il ħutu jew il-missieru jew ‘l ommu jew ‘l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi jerġa’ jircievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem” (Mt 19, 29).

13. It-tweġiba ta’ Ġesú ma kinitx biżżejjed għaż-żagħżugħ, li kompla jistaqsi lill-Imgħallem dwar il-kmandamenti li għandhom jitħarsu: “‘liema?’ staqsieh” (Mt 19, 18). Staqsa x’għandu jagħmel fil-ħajja biex juri l-għarfien tiegħu tal-qdusija ta’ Alla. Wara li dawwar ħsieb iż-żagħżugħ lejn Alla, Ġesú jsemmilu xi kmandamenti tad-Dekalogu li huma dwar il-proxxmu. Ġesú wieġbu; ‘la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġah lil missierek u ‘l ommok u ħobb lil għajrek bħalek innifsek’” (Mt 19, 18-19).

 

Mill-kontest tad-djalogu u l-aktar meta nqabblu dak li jgħid San Mattew ma’ dak li jgħidu San Mark u San Luqa dwar din il-grajja, jidher li Ġesú ma riedx isemmi kull kmandament u l-kmandamenti kollha meħtieġa “għad-dħul fil-ħajja”, iżda aktar ried jgħarraf liż-żagħżugħ biċ-“ċentralitá” tad-Dekalogu imqabbel ma’ kull kmandament ieħor, għax id-Dekalogu juri lill-bniedem x’ifisser “Jien hu l-Mulej Alla tiegħek”. Iżda ma nistgħux ma nintebħux liema kienu l-kmandamenti ta’ dik li ngħidulha “it-tieni tavla” tad-Dekalogu li jinġabru f’dak li hu l-pedament tagħhom, il-kmandamenti ta’ l-imħabba tal-proxxmu: “Ħobb ‘l għajrek bħalek innifsek” (Mt 19, 19; Mk 12, 31). Dan il-kmandament b’mod ċar juri d-dinjitá speċjali tan-natural tal-bniedem “li fost il-ħlejjaq kollha, Alla lilu biss ried minħabba fih innifsu”[21]. Il-kmandamenti tad-Dekalogu m’humiex ħlief rifrazzjoni tal-kmandament waħdieni dwar il-ġid tal-persuna li mill-ħafna suriet ta’ ġid tagħha tikseb l-identitá ta’ kreatura spiritwali u korporali fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Alla, ma’ għajrha u mad-dinja madwarha. Kif jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika l-għaxar kamandamenti ġew rivelati minn Alla. Fl-istess ħin jgħallmuna x’inhi verament in-natura tal-bniedem. Juru x’inhuma d-dmirijiet fondamentali tiegħu[22].

 

Il-kmandamenti li Ġesú fakkar liż-żagħżugħ li tkellem miegħu iridu jħarsu l-ġid tal-persuna tal-bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla, permezz tal-ħarsien ta’ ġidu kollu. “La toqtolx, tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz” huma normi morali, f’sura ta’ projbizzjonijiet. Kamandamenti f’sura negattiva jfissru b’mod aktar qawwi l-ħtieġa assoluta li tkun imħarsa l-ħajja tal-bniedem, ix-xirka tal-persuni fiż-żwieġ, il-proprjetá privata, l-imħabba għall-veritá u l-fama t-tajba tan-nies.

 

Huma kmandamenti li juru x’għandhom ikunu l-kundizzjonijiet fondamentali għall-imħabba tal-proxxmu, u fl-istess ħin huma għarfien ta’ dawn il-kondizzjonijiet. Huma l-ewwel pass fil-mixi lejn il-ħelsien, u bidu tiegħu. “L-ewwel ħelsien mela – jikteb Santu Wistin – hu l-ħelsien minn kull għemil ħażin...bħalma huwa l-qtil, l-adulterju, it-tinġis taż-żina, is-serq, il-qerq, is-sagrileġġ u l-bqija. Meta l-bniedem jibda ma jagħmilx dan (u kull bniedem nisrani m’għandux jagħmlu), jibda jerfa’ ħarstu lejn il-ħelsien; iżda dan huwa biss bidu, mhux ħelsien perfett...”[23].

 

14. Dan żgur ma jfissirx li Kristu ried li l-imħabba tal-proxxmu tiġi qabel l-imħabba ta’ Alla jew li tinfired minnha. Hu veru l-kuntrarju, kif jidher mid-djalogu ma’ wieħed għaref fil-Liġi: lil dan l-għaref li għamel lil Ġesú tista’ tgħid l-istess mistoqsija li kien għamillu ż-żagħżugħ, indikalu ż-żewġ kmandamenti ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu (ara Lq 10, 25-27) u wissieh li biss il-ħarsien tagħhom seta’ jwassal għall-ħajja ta’ dejjem: “Agħmel hekk u tgħix” (Lq 10, 28). L-Imgħallem wieġeb bil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, parabbola li hi l-aqwa u l-aħjar mezz biex nifhmu l-kmandament ta’ l-imħabba tal-proxxmu (Lq 10, 30-37).

 

Iż-żewġ kmandamenti li “huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti” (Mt 22, 40) għandhom rabta li ma bħalha bejniethom u qishom jidħlu f’xulxin. Kristu bi kliemu u b’għemilu ta xhieda ta’ l-għaqda bejniethom ta’ dawn iż-żewġ kmandamenti, għaqda li ma tista’ tiġi nieqsa qatt: il-missjoni tiegħu laħqet il-qofol tagħha fuq is-Salib, li bih ġejna mifdijin (ara Ġw 3, 14-15), li hu sinjal ta’ l-imħabba waħda tiegħu għall-Missier u għall-ġens kollu tal-bnedmin (ara Ġw 13, 1).

 

Madankollu, kemm il-Patt il-Qadim u kemm il-Patt il-Ġdid jgħidu ċar li ma jistax ikun hemm vera mħabba ta’ Alla mingħajr l-imħabba tal-proxxmu, li sseħħ bil-ħarsien tal-kmandamenti. Dan jiktbu b’qawwa li ma bħalha San Ġwann; “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Jien nħobb ‘l Alla’, u jobgħod lil ħuħ, dan ikun giddieb, għax min ma jħobbx lil ħuħ li jara kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4, 20).

 

L-Evanġelista jtenni t-tagħlim morali tal-predikazzjoni ta’ Kristu, tagħlim imfisser b’mod ċar u tassew ta’ l-għaġeb fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (Lq 10, 30-37) u fid-“diskors” dwar il-ġudizzju ta’ l-aħħar (ara Mt 25, 31-46).

 

15. Fid-“diskors fuq il-muntanja” li hi l-magna charta[24] tat-tagħlim morali ta’ l-Evanġelju, Ġesú qal: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni” (Mt 5, 17). Kristu hu l-muftieħ biex nifhmu l-Iskrittura “Intom tistudjaw l-Iskrittura...hemmhekk issibu x-xhieda fuqi” (Ġw 5, 39); hu l-qofol ta’ l-ekonomija tas-salvazzjoni, u jiġbor fih it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, il-wegħdiet tal-Liġi u s-sħubija tagħhom fl-Evanġelju; Hu r-rabta ħajja u ta’ dejjem bejn il-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid. San Ambroġ, huwa u jfisser kliem San Pawl” “L-iskop tal-Liġi hu Kristu” (Rum 10, 4), jikteb: “Il-milja tal-Liġi u mhux in-nuqqasijiet tagħha, hi fi Kristu; għax Hu ġie mhux biex ineħħi l-Liġi imma biex iwassalha għall-perfezzjoni, għaliex kif hemm il-veritá fit-Testment il-Qadim, imma l-veritá sħiħa hi fit-Testment il-Ġdid, hekk il-Liġi mogħtija permezz ta’ Mosé hi biss xbieha tal-liġi vera. Il-liġi ta’ Mosé hi xbieha tal-veritá[25].

 

Ġesú wassal għall-perfezzjoni l-kmandamenti ta’ Alla, u l-aktar il-kmandament ta’ l-imħabba tal-proxxmu, billi wassal għat-tifsir sħiħ u għoli tagħhom dak li kienu jitolbu: l-imħabba tal-proxxmu tinbet f’qalb li tħobb, u għax tħobb għandha l-ħila tagħmel kull ma titlob, għoli kemm hu għoli. Ġesú wera li l-kmandamenti ma għandniex nifhmuhom bħallikieku qed jgħidulna biss l-inqas li wieħed ma jistax ma jagħmilx, iżda huma iktar it-triq li fiha jrid jimxi min irid jikseb il-perfezzjoni morali u spiritwali li tagħha l-imħabba hi l-qofol (ara Kol 3, 14). Hekk il-kmandament “La toqtolx” hu stedina għall-imħabba kollha ħerqa biex tkun imħarsa u tiġi ‘l quddiem ħajjet il-proxxmu; il-kmandament li jipprojbixxi ż-żina hu stedina biex wieħed iħares lejn l-oħrajn b’ħarsa ta’ safa’, hekk li juri kull rispett lejn it-tifsira tal-ġisem għaż-żwieġ”. “Smajtu x’intqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx’. Mela jekk xi ħadd joqtol, ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuħ...Smajtu x’intqal: ‘La tagħmilx adulterju’; imma jien ngħidilkom li kull min iħares lejn mara u jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu’” (Mt 5, 21-22, 27-28). Kristu nnifsu hu “t-tmiem” ħaj tal-Liġi, għaliex hu juri t-tifsir sħiħ tal-Liġi bl-għoti tiegħu nnifsu kollu kemm hu: Hu nnifsu jsir il-Liġi ħajja u personali, li jistedinna biex nimxu warajh; bl-Ispirtu s-Santu jagħtina l-grazzja li nissieħbu f’ħajtu u f’imħabbtu, u jagħtina l-qawwa biex nagħtu xhieda għalih bl-għażliet u l-għemejjel tagħna (ara Ġw 13, 34-35).

 

“JEKK TRID TKUN PERFETT” (Mt 19, 21)

16. It-tweġiba dwar il-kmandamenti ma kinitx biżejjed għaż-żagħżugħ li staqsa lil Ġesú. “Jien dan kollu ħaristu. X’jonqosni iżjed?” (Mt 19, 20). Hi ħaġa tassew iebsa tgħid b’kuxjenza ċara, “Jiena dan kollu ħaristu” jekk tqis tassew t-toqol ta’ dak li titlob il-Liġi ta’ Alla u jinsab fiha. Iż-żagħżugħ għani, minkejja li ta din it-tweġiba u minn tfulitu ħares l-ideal morali bis-serjetá u l-ġenerożitá kollha, għaraf li kien għadu ħafna ‘l bogħod, u quddiem Ġesú ntebaħ li kien nieqes minn xi ħaġa. Dan l-għarfien miż-żagħżugħ tal-faqar tiegħu, wassal lil Ġesú għall-aħħar tweġiba. Huwa u jagħraf ix-xewqa taż-żagħżugħ għal xi ħaġa aqwa, aktar ‘il fuq mit-tifsiraleġistika tal-kmandamenti, l-Imgħallem tajjeb stiednu jaqbad it-triq tal-perfezzjoni: “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema, imbagħad ejja u imxi warajja” (Mt 19, 21).

 

Kif qrajna u fissirna t-tweġiba ta’ qabel ta’ Ġesú, hekk issa rridu naqraw u nfissru din it-tweġiba, jiġifieri fid-dawl tat-tagħlim morali kollu kemm hu ta’ l-Evanġelju, u l-aktar fid-dawl tad-Diskors tal-Muntanja, fid-dawl tal-beatitudni (ara Mt 5, 3-12), li l-ewwel waħda fosthom hi l-hena tal-foqra, “il-foqra fl-ispirtu” kif isejħilhom San Mattew (Mt 5, 3) jiġifieri l-umli u ċ-ċkejknin.

 

F’dan is-sens nistgħu ngħidu li l-beatitudnijiet ukoll jinsabu fit-tweġiba li Ġesú ta liż-żagħżugħ li staqsieh: “X’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Kull beatiduni, bil-mod proprja tagħha, twiegħed dak il-“id” li jiftaħ il-ħajja ta’ dejjem għall-bniedem, anzi li hu stess huwa l-ħajja ta’ dejjem.

 

Proprjament il-beatitudnijiet ma humiex normi speċjali dwar l-imġiba, imma jitkellmu dwar qagħdiet u dispożizzjonijiet fondamentali, għalhekk m’humiex eżattament l-istess ħaġa bħal kmandamenti. Iżda min-naħa l-oħra ma hemm ebda firda jew oppożizzjoni bejn il-beatitudnijiet u l-kmandamenti: it-tnejn huma għall-ġid, għall-ħajja ta’ dejjem. Id-Diskors tal-Muntanja jibda bit-tmien beatitudnijiet iżda fid-Diskors tintwera r-relazzjoni li għandhom mal-kmandamenti (ara Mt 5, 20-48), għaliex id-Diskors tal-Muntanja juri li l-kmandamenti huma miftuħin u diretti lejn il-perfezzjoni, li hi proprja tal-beatitudnijiet. Il-beatitudnijiet huma l-ewwelnett wegħdiet, li minnhom indirettament joħprġu direttivi dwar il-ħajja morali. Fis-superjoritá oriġinali tagħhom huma sura ta’ xbieha ta’ Kristu magħmula minnu stess u proprju għalhekk huma stedina għall-mixi warajh u għal xirka fil-ħajja miegħu[26].

 

17. Ma nafux kemm fehem iż-żagħżugħ ta’ l-Evanġelju t-tifsir għoli u impenjattiv ta’ l-ewwel tweġiba ta’ Ġesú: “Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti”; iżda hi ħaġa żgura li l-ħerqa li wera ż-żagħżugħ għall-ħarsien tal-kmandamenti morali kollha, kienet għalqa tajba li fiha kienet tista’ tinbet u tikber ix-xewqa għall-perfezzjoni, jiġifieri jagħmel dak li jfissru bil-mixi wara Kristu. Id-djalogu ta’ Ġesú maż-żagħżugħ jgħinna nifhmu l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kobor morali tal-bniedem imsejjaħ għall-perfezzjoni: iż-żagħżugħ, li ħares il-kmandamenti, wera li ma kienx jista’ bil-ħila tiegħu biss jagħmel il-pass li kellu jiġi wara: biex jagħmlu kien jeħtieġlu libertá umana matura: “Jekk trid”, u d-don tal-grazzja ta’ Alla: “Ejja, imxi warajja”.

 

Il-perfezzjoni titlob dik il-maturitá fl-għoti tiegħu nnifsu li għaliha hi msejħa l-libertá tal-bniedem. Ġesú juri liż-żagħżugħ li l-kmandamenti huma l-ewwel kondizzjoni biex tinkiseb il-ħajja ta’ dejjem, waqt li l-bejgħ ta’ kull ma kellu ż-żagħżugħ ħa jimxi wara l-Mulej għandha sura ta’ proposta, ta’ kondizzjoni: “Jekk trid...” Kliem Ġesú juri d-dinamiżmu tal-libertá miexja lejn il-kobor sħiħ tagħha u fl-istess ħin jagħti xhieda tar-rabta fondamentali li hemm bejn il-libertá u l-liġi ta’ Alla. Il-libertá tal-bniedem u l-liġi ta’ Alla m’humiex kontra xulxin, iżda, għall-kuntrarju, isejħu ‘l xulxin. Id-dixxiplu ta’ Kristu jaf li s-sejħa tiegħu hi sejħa għall-libertá: “Intom, ħuti, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien” (Gal 5, 13), itenni San Pawl ferħan u mkabbar. Iżda minnufih jagħmel għażla: “Imma, tinqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba” (ibid). Il-qawwa li biha San Pawl jeħodha kontra dawk li kienu qed ifittxu l-ġustifikazzjoni tagħhom bil-Liġi ma għandha x’taqsam xejn mal-“ħelsien” qarrieq tal-bniedem mill-kmandamenti li, għall-kuntrarju, huma għall-qadi ta’ l-imħabba: “Kull min iħobb, ikun iħares il-bqija tal-liġi, għax il-kmandamenti ‘la tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib’ u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb ‘l għajrek bħalek innifsek” (Rum 13, 8-9).

 

Santu Wistin stess, wara li tkellem fuq il-ħarsien tal-kmandamenti bħala l-ewwel sura ta’ libertá mhux perfetta, kompla jgħid: “Għaliex, forsi xi ħadd jistaqsi, m’hijiex libertá perfetta? Dan għaliex nilmaħ fil-membri ta’ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi...Min-naħa l-libertá u min-naħa l-oħra l-jasar; għad mhux libertá sħiħa, mhux libertá pura, mhux libertá bla ebda nuqqas, għax għad ma hemmx l-eternitá. Min-naħa għadna dgħajfa, u min-naħa l-oħra ksibna l-libertá. Kull ma hu dnub fina tneħħa bil-Magħmudija; iżda, nistaqsu, issa li tneħħa kull ħażen, ma baqa’ fina ebda dgħufija? Kieku ma baqax dgħufija, hawn fid-dinja konna ngħixu bla dnubiet. Min jisogra jgħid dan ħlief min hu supperv u ma jistħoqqlux il-ħniena tal-ħelsien?...Mela għax għad fadal xi dgħufija nissogra ngħid li meta naqdu ‘l Alla aħna ħielsa, u meta naqdu l-liġi tad-dnub aħna għandna lsiera”[27].

 

18. Dawk “li jgħixu skond il-ġisem” iqisu bħala toqol il-liġi ta’ Alla, anzi sura ta’ ċaħda jew b’xi mod, ta’ nuqqas tal-libertá tagħhom; għall kuntrarju min hu mqanqal mill-imħabba u “jimxi fl-Ispirtu” (ara Gal 5, 16) jixtieq jgħin lill-oħrajn u fil-Liġi ta’ Alla jsib it-triq fondamentali u meħtieġa għall-imħabba li jagħżel bil-libertá kollha u jgħixha; anzi jintebaħ b’qawwa fih innifsu – “ħtieġa” vera u mhux xi ħaġa li jrid jagħmel għax imġiegħel bilfors – li twasslu biex ma jiqafx jagħmel biss l-inqas li titlob minnu l-Liġi, imma jagħmel kull ma titlob fil-“milja” kollha tagħha. Għadha mixja mhux żgura, mixja dgħajfa sakemm għadna ngħixu f’din id-dinja, iżda mixja li tista’ titjieb permezz tal-grazzja li tagħtina l-ħelsien sħiħ ta’ wlied Alla (ara Rum 8, 21), u għalhekk bil-ħajja morali tagħna nwieġbu għas-sejħa għolja li biha sirna “wlied fl-Iben”.

 

Din is-sejħa għall-imħabba perfetta m’hijiex biss għal ftit bnedmin. L-istedina: “Mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra”, flimkien mal-wegħda: “u jkollok teżor fis-sema” hi għal kulħadd għax hi s-sbuħija fondamentali tal-kmandament ta’ l-imħabba tal-proxxmu, kif l-istedina ta’ wara: “imbagħad ejja u imxi warajja” hi s-sura speċifika ġdida tal-kmandament ta’ l-imħabba ta’ Alla. Il-kmandamenti u l-istedina magħmula minn Ġesú liż-żagħżugħ għani huma għall-qadi ta’ dik l-imħabba waħda u indiviżibbli li minn rajha tfittex dik il-perfezzjoni li l-qjies tagħha hu Alla waħdu: “Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 48). Fl-Evanġelju ta’ San Luqa, Ġesú jkompli jfisser din il-perfezzjoni b’dan il-mod: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6, 36).

 

 “EJJA U IMXI WARAJJA” (Mt 19, 21)

19. It-triq u fl-istess ħin in-natura stess ta’ din il-perfezzjoni hi l-mixi wara Kristu: fil-mixi wara Kristu tħalli kull ma għandek, lilek innifsek ukoll. Din fl-aħħħar mill-aħħar hi l-konklużjoni tad-djalogu ta’ Ġesú maż-żagħżugħ: “ejja u imxi warajja” (Mt 19, 21). Hi stedina, li l-għoli ta’ l-għaġeb tagħha għarfuh id-dixxipli wara l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, meta l-Ispirtu s-Santu wassalhom għall-veritá kollha (ara Ġw 16, 13).

 

Kristu nnifsu jieħu l-inizjattiva u jistieden għall-mixi warajh. Is-sejħa qabel xejn issir lil dawk li jafdalhom xi missjoni speċjali. L-ewwel lit-Tnax, iżda hi ħaġa ċara li kull min jemmen hu msejjaħ biex ikun dixxiplu ta’ Krsitu (ara Atti 6, 1). Għalhekk timxi wara Kristu hu l-pedament essenzjali u naturali tad-duttrina morali nisranija; kif il-poplu ta’ Iżrael mexa wara Alla, li mexxiehom mid-deżert sa l-Art imwiegħda (ara Eż 13,21), hekk id-dixxiplu jrid jimxi wara Ġesú li lejh hu miġbud mill-Missier innifsu (ara Ġw 6, 44).

 

Dan ma jfissirx biss li tkun lest tisma’ t-tagħlim u tobdi l-kmandamenti iżda hi ħaġa aktar radikali, tingħaqad mal-persuna stess ta’ Kristu, tissieħeb f’ħajtu u f’xortih, u fl-ubbidjenza kollha mħabba u ħielsa tiegħu. Id-dixxiplu ta’ Ġesú, ta’ dak Ġesú li fih l-Għerf sar bniedem, huwa u jimxi warajh bil-fidi, jsir dixxiplu ta’ Alla (ara Ġw 6, 45). Dan għaliex Ġesú hu d-dawl tad-dinja, id-dawl tal-ħajja (ara Ġw 8, 12), ir-ragħaj li jmexxi n-ngħaġ tiegħu u jmantnihom (ara Ġw 10,11-16); hu t-triq, il-veritá u l-ħajja (ara Ġw 14, 6); hu dak li jwassalna għand il-Missier, tant li meta naraw lilu, l-Iben, inkunu naraw il-Missier (ara Ġw 14, 6-10). Għalhekk tkun tixbaħ lil Iben, li hu “x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol 1, 15), ifisser tkun tixbaħ lill-Missier.

 

20. Ġesú jitlobna nimxu warajh u nimxu fit-triq ta’ l-imħabba tiegħu, imħabba li biha ta lilu nnifsu kollu kemm hu lil ħutu għall-imħabba ta’ Alla. “Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu ‘l xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 12). Il-kelma “bħalma” tfisser imitazzjoni ta’ Kristu, ta’ mħabbtu li fissirha bil-ħasil tas-saqajn: “Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju biex kif jien għamilt magħkom hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13, 14-15). L-imġiba ta’ Ġesú, kliemu, għemilu u l-kmandamenti tiegħu, huma r-regola tal-ħajja morali nisranija. Dawn l-għemejjel tiegħu, u l-aktar il-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-salib, huma rivelazzjoni ħajja ta’ l-imħabba tiegħu għall-Missier u għall-bnedmin ukoll. Hu f’din l-imħabba li Ġesú jrid li jkunu jixbħuh dawk li jimxu warajh. Dan hu l-kmandament “ġdid”: “Nagħtikom kmandament ġdid li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 34-35).

 

Din il-kelma “bħalma” turi wkoll il-qjies ta’ l-imħabba ta’ Ġesú li bih id-dixxipli għandhom iħobbu ‘l xulxin. Wara li qal: “Dan hu l-kmandament tiegħi li tħobbu ‘l xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 12). Ġesú kompla jgħid kliem li kien ifisser l-offerta ta’ ħajtu b’sagrifiċċju fuq is-salib, ix-xhieda ta’ l-imħabba “għall-aħħar” (Ġw 13, 1): “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għall-ħbiebu” (Ġw 15, 13).

 

Liż-żagħżugħ, li Ġesú stiednu biex jimxi warajh fit-triq tal-perfezzjoni talbu biex ikun perfett fil-kmandament ta’ l-imħabba, fil-kmandament “tiegħu”, biex jissieħeb miegħu f’dan l-għoti sħiħ tiegħu nnifsu, jiġifieri biex ikun jixbħu fl-istess imħabba ta’ l-Imgħallem “it-tajjeb”, dak li ħabb “għall-aħħar”. Dan Ġesú jitolbu mingħand kull bniedem li jrid jimxi warajh: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mt 16, 24).

 

21. Timxi wara Kristu ma jfissirx li tkun tixbħu biss minn barra, għax il-mixi wara Kristu jimpenja l-bniedem sal-fond ta’ l-eżistenza kollha tiegħu. Tkun dixxiplu ta’ Kristu jfisser li ssir bħalu, hu li ħa s-sura ta’ lsir u ċekken lilu nnifsu sal-mewt tas-salib (ara Fil 2, 5-8). Kristu permezz tal-fidi jgħammar fil-qlub ta’ dawk li jemmnu (ara Ef 3,17) u hekk id-dixxiplu jsir jixbaħ lill-Mulej u jkun bħalu. Dan hu frott tal-grazzja u tal-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu li jaħdem fina.

 

In-nisrani li jsir ħaġa waħda ma’ Kristu, isir membru tal-ġisem tiegħu li hu l-Knisja (ara 1 Kor 12, 13.27). Bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Magħmudija tagħti lin-nisrani xebħ sħiħ ma’ Kristu fil-misteru ta’ l-Għid tal-mewt u tal-qawmien tiegħu għall-ħajja, tlibbsu ‘l Kristu (ara Gal 3, 27): “Nifirħu u nroddu ħajr – itenni Santu Wistin huwa u jkellem l-imgħammdin ġodda - ...mhux biss sirna nsara, imma sirna Kristu... Stagħġbu, ifirħu: sirna Kristu!”[28]

 

Mejjet għad-dnub, l-imgħammed jikseb ħajja ġdida (ara Rum 6, 3-11), jgħix għal Alla fi Kristu Ġesú, imsejjaħ biex jimxi skond l-Ispirtu, u juri frott l-Ispirtu f’ħajtu (ara Gal 5, 16-25). It-tisħib fl-Ewkaristija, is-sagrament tal-Patt il-Ġdid (ara 1 Kor II, 23-29), hu l-milja tax-xebh sħiħ ma’ Kristu, l-għajn “tal-ħajja ta’ dejjem” (ara Ġw 6, 51-58), il-bidu u l-qawwa ta’ dak l-għoti sħiħ tiegħek innifsek, li – kif jixhdilna San Pawl – Ġesú riedna nfakkru fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa u f’ħajjitna: “Kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi” (1 Kor 11, 26).

 

 

“GĦAL ALLA KOLLOX JISTA’ JKUN” (Mt 19,26)

 

22. Ta’ dwejjaq hu l-għeluq tad-djalogu ta’ Ġesú maż-żagħżugħ għani: “Iż-żagħżugħ, kif sema’ dan, telaq b’qalbu sewda, għax kien għani ħafna” (Mt 19, 22). Mhux l-għani biss, imma d-dixxipli wkoll tħawdu bl-istedina li għamel Ġesú biex jimxi warajh, għaliex dan il-mixi jisboq ix-xewqa kollha tal-bniedem u l-ħila kollha tiegħu: “id-dixxipli stagħġbu ħafna meta semgħu dan, u qalu: “Mela min jista’ jsalva?” (Mt 19, 25). Iżda l-Imgħallem semmielhom il-qawwa ta’ Alla: “Għal bnedmin dan ma jistax ikun, għal Alla kollox jista’ jkun” (Mt 19, 26).

 

Fl-istess kap ta’ l-Evanġelju ta’ San Mattew (Mt 19, 3-10) Ġesú, huwa u jfisser il-Liġi ta’ Mosé dwar iż-żwieġ, neħħa d-dritt tal-kitba tad-divorzju u reġġa’ lura l-Liġi ta’ Mosé għall-ħarsien tal-prinċipju” aktar iebes tal-bidu: il-pjan oriġinali ta’ Alla għall-bniedem, li l-bniedem ma kellux aktar ħila għalih wara d-dnub: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosé takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom; iżda ma kienx hekk fil-bidu” (Mt 10, 8). Meta Ġesú fakkar dan “il-prinċipju”, id-dixxipli tħawdu u fissru t-taħwid tagħhom b’dan il-kliem: “mela la darba din hi l-kondizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ” (Mt 19, 10). U Ġesú, b’riferenza ċara għall-kariżma taċ-ċelibat “minħabba s-Saltna tas-smewwiet” (Mt 19, 12), huwa u jagħti regola ġenerali, ħabbar l-għajnuna ġdida u ta’ l-għaġeb li kienet se tingħata lill-bniedem mill-grazzja ta’ Alla: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifmuha” (Mt 19, 11).

 

Il-bniedem ma jistax jixbaħ ‘il Kristu fl-imħabba tiegħu u jħobbu bil-ħila tiegħu biss: jista’ jkollu l-ħila għal din l-imħabba biss b’don li jingħatalu. Kif il-Mulej Ġesú rċieva l-imħabba tal-Missier, hekk hu minn rajh jagħtiha lid-dixxipli: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jien. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15, 9). Id-don ta’ Kristu hu l-Ispirtu stess, u l-imħabba hija l-ewwel “frott” ta’ l-Ispirtu (ara Gal 5, 22): “L-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5, 5). U Santu Wistin jistaqsi lilu nnifsu: “L-imħabba twassal għall-ħarsien tal-kmandamenti, jew il-ħarsien tal-kmandamenti jwassal għall-imħabba? Iżda hemm xi ħadd li jaħseb li l-imħabba ma tiġix l-ewwel? Min ma jħobbx m’għandux raġuni biex iħares il-kmandamenti”[29].

 

23. “Il-liġi ta’ l-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesú ħelsitni mil-liġi tad-dnub u tal-mewt” (Rum 8, 2). B’dan il-kliem l-Appostlu San Pawl iwassalna biex inqisu x’relazzjoni hemm bejn il-liġi (antika) u l-grazzja (il-liġi l-ġdida), fid-dawl ta’ l-istorja tas-salvazzjoni li ntemmet fi Kristu. Jagħraf li l-Liġi kienet għat-tagħlim tal-bniedem midneb biex ikun jista’ jqis in-nuqqas tal-ħila tiegħu u tneħħilu l-fehma li hu kien biżżejjed għalih innifsu ħalli hekk jasal biex jitlob u jirċievi “l-ħajja fl-Ispirtu”. F’din il-ħajja ġdida biss jista’ jkun hemm ħarsien sħiħ tal-kmandamenti ta’ Alla. Dan għaliex niksbu l-ġustifikazzjoni bil-fidi fi Kristu (ara Rum 3, 28): din “il-ġustizzja” li titlobha l-liġi imma ma tistax tagħtiha lil ħadd, kull nisrani jsibha rivelata u mogħtija lilu mill-Mulej Ġesú. Mill-ġdid Santu Wistin b’mod ta’ l-għaġeb jiġbor fil-qosor it-tagħlim ta’ San Pawl dwar il-liġi u l-grazzja: “Il-Liġi ngħatat biex infittxu l-grazzja; il-grazzja ngħatat biex isseħħ il-liġi”[30].

 

L-imħabba u l-ħajja skond l-Evanġelju m’għandniex naħsbu li huma, l-ewwel u qabel kollox, xi sura ta’ kmandament, għaliex huma ‘l fuq minn kull ħila tal-bniedem, u jistgħu jseħħu biss bħala frott tad-don ta’ Alla, li jfejjaq, isaħħaħ u jbiddel qalb il-bniedem bil-grazzja tiegħu: “Alla ta’ l-liġi permezz ta’ Mosé, imma l-grazzja u l-veritá seħħu permezz ta’ Ġesú Kristu” (Ġw 1, 17).

 

Minħabba f’dan, il-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem hi marbuta mad-don tal-grazzja, u d-don ta’ l-Ispirtu li rċevejna hu “rhan tal-wirt tagħna” (Ef 1, 14).

 

 “ARA JIENA NAGĦKOM DEJJEM, SA L- AĦĦAR TAŻ-ŻMIEN” (Mt 28,29)

 

25. Id-djalogu maż-żagħżugħ għani Ġesú jkomplih b’xi mod f’kull żmien tal-ġrajja tal-bniedem, illum ukoll. Il-mistoqsija “Mgħallem, x’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” toħroġ mill-qalb ta’ kull bniedem, u hu dejjem Kristu biss li jagħti tweġiba sħiħa u definittiva. L-Imgħallem, li jgħallem il-kmandamenti ta’ Alla, li jsejjaħ għall-mixi warajh u jagħti l-grazzja għall-ħajja ġdida jinsab dejjem jaħdem fostna skond ma wiegħed: “Ara, jiena magħkom dejjem sa’ l-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 20) Kristu hu dejjem mal-bniedem f’kull żmien permezz tal-ġisem tiegħu, li hu l-Knisja: għalhekk il-Mulej wiegħed l-Ispirtu s-Santu lid-dixxipli tiegħu biex jibqa’ magħhom u jfakkarhom u jgħallimhom il-kmandamenti tiegħu (ara Ġw 14, 26) u jkun dejjem il-bidu ta’ ħajja ġdida fid-dinja (ara Ġw 3, 5-8; Rum 8, 1-13).

 

Il-kmandamenti morali mogħtijin minn Alla fil-Patt il-Qadim u mfissra għalina b’mod perfett fil-Patt il-Ġdid u għal dejjem permezz ta’ l-istess Iben ta’ Alla magħmul bniedem, għandhom ikunu mħarsa bil-fedeltá kollha u mwettqin fil-prattika mill-kulturi kollha tul iż-żminijiet. Id-dmir li jfissruhom Ġesú tah lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom, bl-għajnuna speċjali ta’ l-Ispirtu tal-veritá: “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili” (Lq 10, 16). L-Appostli, imdawlin u mqawwijin minn dan l-Ispirtu, qdew id-dmir li jxandru l-Evanġelju u juru “t-triq” tal-Mulej (ara Atti 18, 25), huma u jgħallmu qabel xejn il-mixi wara Krsitu u l-limitazzjoni tiegħu: “Għalija l-ħajja hi Kristu” (Fil 1, 21).

26. Fil-katekeżi morali ta’ l-Appostli, flimkien ma eżortazzjonijiet u direttivi marbutin ma’ qagħdiet storiċi u kulturali speċifiċi, insibu duttrina etika b’regoli preċiżi dwar l-imġiba. Dan narawh mill-ittra tagħhom, li huma parti mill-Iskrittura, u li juruna kif, taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-preċetti tal-Mulej għandhom ikunu mħarsa f’qagħdiet kulturali differenti (ara Rum 12, 15; 1 Kor 11-14; Gal 5-6; Ef 4-6; Kol 3-4; 1 Piet u Ġakbu). L-Appostli, mibgħutin biex iħabbru l-Evanġelju sa mill-bidu tal-Knisja, bil-qawwa tar-responsabbiltajiet pastorali tagħhom, kienu jgħassu fuq l-imġiba tajba ta’ l-insara[35], bl-istess mod kif kienu jfittxu s-sħubija tal-fidi u jgħaddu għal ta’ warajhom id-doni ta’ Alla permezz tas-Sagramenti[36]. L-ewwel insara, kemm dawk li kienu ġejjin minn fost il-Lhud u kemm dawk li kienu ġejjin minn fost il-pagani, kienu jintgħażlu mill-pagani mhux biss minħabba l-fidi u l-liturġija tagħhom, imma wkoll mix-xhieda ta’ l-imġiba morali tagħhom, imnebbħa mil-Liġi l-ġdida[37]. Dan għaliex il-Knisja hi fl-istess ħin xirka ta’ fidi u ta’ ħajja: ir-regola tagħha hi: “il-fidi li taħdem permezz ta’ l-imħabba” (Gal 5, 6).

 

Ebda ħsara ma għandha ssir fl-armonija bejn fidi u ħajja; l-għaqda tal-Knisja tindarab mhux biss meta l-insara jiċħdu jew jgħawġu l-veritajiet tal-fidi, imma wkoll meta jittraskuraw id-dmirijiet li għalihom isejħilhom l-Evanġelju (ara 1 Kor 5, 9-13). L-Appostli għalhekk ma aċċettawx li jkun hemm xi firda bejn l-impenn tal-qalb u l-għemil li juri u jwettaq dan l-impenn (ara 1 Ġw 2, 3-6). Sa minn żmien l-Appostli, ir-Ragħajja tal-Knisja bla tlaqliq ikkundannaw l-imġiba ta’ dawk li ġabu firdiet bit-tagħlim tagħhom jew b’għemilhom[38].

 

27. Id-dmir li jħarsu l-fidi u t-tagħlim morali u jġibuhom ‘il quddiem fi ħdan l-għaqda tal-Knisja, Ġesú fdah lill-Appostli (ara Mt 28, 19-20) u dan id-dmir ikompli fil-ministeru tas-suċċessuri tagħhom. Dan jinsab fit-Tradizzjoni ħajja li biha – kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II – “Il-Knisja fit-tagħlim tagħha, fil-ħajja u l-kult tagħha żżomm għal dejjem u twassal minn ġenerazzjoni għall-oħra dak li hi. It-Tradizzjoni li ġejja mill-Appostli timxi ‘l quddiem fil-Knisja bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu”[39]. Fl-Ispirtu s-Santu l-Knisja tilqa’ u twassal minn żmien għal żmien l-Iskrittura Mqaddsa bħala xhieda tal-“ħwejjeġ kbar” li l-Mulej jagħmel tul il-ġrajja tad-dinja (ara Lq 1, 49), b’fomm Missirijiet u d-Dutturi tal-Knisja tistqarr il-veritá dwar il-Verb magħmul bniedem, turi bil-fatti l-kmandamenti u l-imħabba tiegħu fil-ħajja tal-Qaddisin u fis-sagrifiċċju tal-Martri tagħha, tiċċelebra t-tama tagħha fih fil-liturġija: permezz ta’ din it-Tradizzjoni l-insara jisimgħu “l-leħen ħaj ta’ l-Evanġelju”[40], bħallikieku kien tifsira li toqgħod fuqha ta’ l-għerf u r-rieda ta’ Alla.

10.

Fi ħdan it-Tradizzjoni, taħt il-ħarsien ta’ l-Ispirtu s-Santu, tiżviluppa tifsira vera tal-Liġi tal-Mulej. L-istess Spirtu, li hu l-bidu tar-Rivelazzjoni tal-kmandamenti u tal-preċetti ta’ Ġesú, jiżgura li jkunu mħarsa bil-qima kollha, li jkunu mfissrin tajjeb u adattati kif għandu jkun għal kull żmien u ċirkostanza. “Il-ħarsien fil-prattika” ta’ dawn il-kmandamenti hu sinjal u frott ta’ għarfien aktar fil-fond tad-don tar-Rivelazzjoni u fid-dawl tal-fidi jingħata tifsir lill-qagħdiet storiċi u kulturali ġodda. Iżda dan jista’ biss iwettaq il-qawwa li ma tiġi nieqsa qatt tar-Rivelazzjoni skond it-tifsir li jingħatalha mit-Tradizzjoni l-kbira tat-tagħlim u tal-ħajja tal-Knisja, li tagħha huma xhieda t-tagħlim ta’ Missirijiet il-Knisja, il-ħajja tal-Qaddisin, il-liturġija tal-Knisja u t-tagħlim tal-Maġisteru.

 

B’mod partikulari, kif jgħid il-Konċilju, id-dmir awtentiku tat-tifsir tal-klema ta’ Alla miktuba u mwassla bit-Tradizzjoni ġie fdar lill-Magisteru ħaj tal-Knisja, li jħaddem l-awtoritá tiegħu f’isem Ġesú Kristu”[41]. Għalhekk il-Knisja fil-ħajja tagħha u fit-tagħlim tagħha tidher bħala “kolonna u pedament tal-veritá” (1 Tim 3, 15), tal-veritá wkoll dwar l-imġiba morali, ukoll dawk dwar l-ordni soċjali, u tagħti ġudizzju dwar kull materja umana, meta d-drittijiet fondamentali tal-persuna tal-bniedem jew is-salvazzjoni ta’ l-erwieħ dan jitolbuh”[42].

 

Hu proprju dwar kwistjonijiet li spiss qed jiġu diskussi fit-teoloġija morali llum u dwar tendenzi u teoriji li ġew żviluppati, li l-Maġisteru, b’fedeltá sħiħa lejn Ġesú Kristu, u huwa u jkompli t-tradizzjoni tal-Knisja, jħoss b’urġenza akbar id-dmir li jagħti l-ġudizzju u t-tagħlim tiegħu, bħala għajnuna lill-bniedem fil-mixi tiegħu lejn il-veritá u l-libertá.

 

 


 

KAP 2

 

“TIMXUX MAX-XEJRA TA’ DIN-DINJA”

(Rum 12,2)

 

IL-KNISJA U L-ISTĦARRIĠ TA’ XI OPINJONIJIET

FIT-TEOLOĠIJA MORALI LLUM

“GĦALLEM SKOND ID-DUTTRINA TAJBA” (ara Titu 2,1)

28. Il-meditazzjoni li għamilna fuq id-djalogu bejn Ġesú u ż-żagħżugħ għani wasslitna biex niġbru t-tifsir ewlieni kollu kemm hu tar-Rivelazzjoni dwar l-għemil morali fit-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Dan hu: il-bniedem u kull għemil tiegħu hu subordinat għal Alla, li “hu waħdu t-Tajjeb”; ir-relazzjoni bejn il-ġid morali ta’ kull għemil tal-bniedem u l-ħajja ta’ dejjem; il-mixi wara Kristu li jiftaħ għall-bniedem it-triq għall-perfezzjoni fl-imħabba; u fl-aħħarnett, id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, għajn u bidu tal-ħajja morali “tal-ħlejjaq ġodda” (ara 2 Kor 5, 17).

 

Il-Knisja, hija u taħseb dwar il-moralitá, dejjem żammet quddiemha kliem Ġesú, liż-żagħżugħ għani. Dan għax l-Iskrittura dejjem hi għajn ħajja u hienja tad-duttrina morali tal-Knisja, kif fakkarna sewwa l-Konċilju Vatikan II: l-Evanġelju hu l-għajn “ta’ kull veritá għas-salvazzjoni u għat-tagħlim morali”[43]. Il-Knisja dejjem għażżet bil-fedeltá kollha dak li tgħallem il-kelma ta’ Alla mhux biss dwar il-veritajiet li għandna nemmnu, imma wkoll dwar l-għemil morali, jiġifieri kull għemil li jogħġob lil Alla (ara 1 Tes 4, 1), u hekk kellha żvillup fit-tagħlim l-istess kif kellha żvillupp fil-veritajiet li rridu nemmnu.

 

Il-Knisja, taħt il-ħarsien ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jwassalha għall-veritá kollha (ara Ġw 16, 13) qatt ma waqfet u qatt ma hi se tieqaf tikkontempla l-misteru tal-Verb magħmul bniedem” li fih “verament jiddi l-misteru tal-bniedem”[44].

 

29. Ir-riflessjoni morali tal-Knisja, li dejjem seħħet fid-dawl ta’ Kristu “l-Imgħallem tajjeb”, ġiet żviluppata wkoll f’sura teoloġika speċifika, li tissejjaħ Teoloġija morali, li hi xjenza li tilqa’ u tgħarbel ir-Rivelazzjoni ta’ Alla u fl-istess waqt twieġeb għal dak li titlob ir-raġuni tal-bniedem. It-Teoloġija Morali hi riflessjoni dwar il-“moralitá”, jiġifieri dwar l-għemil tajjeb jew ħażin tal-bniedem u dwar il-persuna li tagħmlu: f’dan is-sens tgħodd għall-bnedmin kollha, iżda hi wkoll “teoloġija” għaliex tara l-bidu u t-tmiem ta’ kull għemil morali f’Dak li hu “waħdu t-tajjeb”, li ta lilu nnifsu lill-bnedmin u offrielu l-hena tal-ħajja divina.

 

Il-Konċilju Vatikan II ħeġġeġ l-istudjużi biex b’attenzjoni speċjali jġeddu t-teoloġija morali b’mod li l-espożizzjoni xjentifika tagħha, bażata dejjem aktar fuq it-tagħlim ta’ l-iskrittura, turi kemm hi għolja s-sejħa tan-nisrani fi Kristu, u d-dmir ta’ l-insara li jagħmlu frott bl-imħabba għall-ħajja tad-dinja”[45]. L-istess Konċilju stieden lit-teoloġi biex, “waqt li jżommu l-metodi u l-esiġenzi tax-xjenza teoloġika”, ifittxu mezzi aktar adatti ħa jwasslu d-duttrina morali lill-bnedmin ta’ żmienhom, għaliex hi ħaġa d-depożitu jew il-veritá tal-Fidi u ħaġ’oħra hu l-mod kif titħabbar, għalkemm it-tifsir u t-tagħrif jibqgħu l-istess”[46]. Għalhekk hemm din l-istedina għall-insara kollha, u b’mod speċjali t-teoloġi: “L-insara għandhom jgħixu f’rabta liema bħala mal-bnedmin l-oħra ta’ żmienhom u jħabirku biex jifhmu b’mod perfett kif dawn jaħsbu u jħossu, skond il-kultura tagħhom”[47].

 

L-isforzi ta’ ħafna teologi, imħeġġin mill-Konċilju, ġa taw xi frott permezz ta’ riflessjonijiet interessanti u ta’ siwi dwar veritajiet tal-fidi li rridu nemmnuhom u ngħixuhom f’sura aktar adatta għal dak li jħossu u jistaqsu l-bnedmin ta’ żmienna. Il-Knisja, u speċjalment l-Isqfijiet li lilhom qabel Ġesú Kristu ried jafda l-ministeru tat-tagħlim, laqgħu bil-qalb din il-ħidma, u ħeġġu t-teoloġi biex ikomplu din il-ħidma mqanqla mill-“biża tal-Mulej (li) hu l-għajn ta’ l-għerf” (Prov. 1, 7), biża tassew għoli u veru.

 

Fl-istess waqt, fid-diskussjonijiet teoloġiċi ta’ wara l-Konċilju żviluppaw xi interpretazzjonijiet tal-morali nisranija li ma jaqblux mat-“tagħlim tajjeb” (2 Tim 4, 3). Żgur li l-Maġisteru tal-Knisja ma jridx jimponi fuq l-insara xi metodu teoloġiku speċjali, u wisq inqas xi metodu filosofiku; biex il-Kelma ta’ Alla tkun “imħarsa bil-qima kollha u mfissra bil-fedeltá kollha”[48], il-Maġisteru hu fid-dmir li jgħid li xi fehmiet teoloġiċi u xi dikjarazzjonijiet filosofiċi xejn ma jaqblu mal-veritá[49].

 

30. Jiena u nkellimkom b’din l-enċiklika, ħuti meqjuma fl-Episkopat, nixtieq ngħidilkom liema huma l-prinċipji li jmorru kontra “t-tagħlim tajjeb”, waqt li nfakkar liema huma l-elementi tat-tagħlim morali tal-Knisja li llum jidhru li qegħdin mheddin minn żbalji, ambigwitá u traskuraġni.

13.

Dawn fl-aħħar mill-aħħar huma elementi li minnhom tiddependi “t-tweġiba għall-problemi tassew tqal dwar il-qagħda tal-bniedem, problemi li kemm dari u kemm illum iħawdu ħafna qlub il-bnedmin: x’inhu l-bniedem? x’tifsir għandha u x’inhu t-tmiem ta’ ħajjitna? x’inhu t-tajjeb u x’inhu d-dnub? minn fejn ġejja t-tbatija? u għaliex inbatu? liema hi t-triq li twassalna biex niksbu l-hena tassew? x’inhuma l-mewt, il-ġudizzju, l-ħlas wara l-mewt? x’inhu fl-aħħarnett il-misteru għoli li jħaddan il-ħajja kollha tagħna u li minnu ġejjin u lejh sejrin?[50].

 

Dawn il-mistoqsijiet, u oħrajn bħalhom, bħalma huma: x’inhi l-libertá u x’inhi r-relazzjoni tagħha mal-veritá li tinsab fil-liġi ta’ Alla? x’sehem għandha l-kuxjenza fl-iżvilupp morali tal-bniedem? kif se nagħrfu b’liema mod id-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuna umana jaqblu jew le mal-veritá morali? – dawn il-mistoqsijiet jistgħu jinġabru fil-qosor fil-mistoqsija fondamentali li żagħżugħ għani għamel lil Ġesú: “Mgħallem tajjeb x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Il-Knisja, mibgħuta minn Ġesú biex ixxandar l-Evanġelju u “tgħallem il-ġnus kollha...u tgħallimhom iħarsu dak kollu” li ordnalha (ara Mt 28, 19-20), illum ukoll ittenni t-tweġiba ta’ l-Imgħallem, tweġiba li għandha d-dawl u l-qawwa biex tista’ tħoll kwistjonijiet tqal u komplikati ħafna. Dan id-dawl u din il-qawwa jġiegħlu l-Knisja tkompli dejjem ir-riflessjoni, mhux biss dommatika imma wkoll morali, tagħha bl-għajnuna ta’ ħafna xjenzi, għax hekk hu meħtieġ, l-aktar fi żminijietna[51].

 

F’dan l-istess dawl u qawwa l-Maġisteru tal-Knisja jaqdi d-dmir tiegħu ta’ dixxerniment billi jilqa’ u jgħix it-twissija li l-Appostlu San Pawl għamel lil Timotju: “Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesú, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-dehra tiegħu u s-saltna tiegħu, xandar il-kelma, sus il-fidili f’waqtu u barra minn waqtu ċanfar, widdeb, wissi bis-sabar kollu u bit-tagħlim. Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef. Imma int oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta’ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek” (2 Tim 4, 1-5; ara Titu 1, 10. 13-14).

 

 

“TAGĦRFU L-VERITÁ U L-VERITÁ TEĦLISKOM’ (Ġw 8, 32)

31. Il-problemi morali li spiss qegħdin jiġu studjati llum f’diskussjonijiet dwar il-morali, u qed ikollhom soluzzjonijiet differenti, huma marbutin, b’mod jew ieħor, mal-problema kruċjali tal-libertá tal-bniedem.

 

Ma hemm ebda dubju li n-nies ta’ llum għandhom sens tassew kbir tal-libertá. “In-nies ta’ żmienna dejjem aktar qegħdin jagħrfu d-dinjitá tal-persuna umana”, naqraw fid-dikjarazzjoni konciljari dwar il-libertá reliġjuża li tibda bil-kliem Dignitatis humanae[52]. Għalhekk il-ħtieġa li l-bnedmin kollha jkunu jistgħu jgawdu l-libertá responsabbli tagħhom u jagħmlu użu minnha fil-ġudizzji tagħhom, mingħajr ma jkunu sforzati, immexxijin biss mill-kuxjenza tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom”[53]. B’mod partikulari qed jingħaraf dejjem aktar id-dritt għal-libertá reliġjuża u r-rispett għall-kuxjenza fil-mixi tagħha lejn il-veritá, bħala l-pedament tad-drittijiet tal-persuna, meqjusin kollha flimkien[54].

Dan l-għarfien aktar għoli tad-dinjitá tal-persuna umana u li ma hemmx oħra bħala, u tar-rispett li jixraq lill-kuxjenza fil-mixi tagħha, juru sewwa dak li nkiseb miċ-ċiviltá ta’ żmienna. Dan l-għarfien, veru fih innifsu, ġie mfisser b’mod ftit u xejn adatti, iżda xi wħud minnhom tbiegħdu mill-veritá tal-bniedem, bħala ħolqien u xbieha ta’ Alla, u għalhekk iridu jiġu korretti jew imsoffija fid-dawl tal-fidi.

 

32. Xi kurrenti tal-ħsieb illum tant jgħollu l-libertá li jqisuha xi ħaġa assoluta, għajn u bidu tal-valuri kollha. Jimxi ma’ dan il-kurrent dak it-tagħlim li tilef kull sens ta’ traxxendenza jew jiċħad ‘l Alla għal kollox[55].

 

Dawn il-kurrenti jagħtu lill-kuxjenza ta’ kull individwu l-awtoritá ta’ tribunal l-aktar għoli, li jiddeċiedi dwar moralitá u jagħti ġudizzju definittiv u ċert dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Mal-prinċipju, li jrid li wieħed jimxi skond ma tgħidlu l-kuxjenza tiegħu, iżidu bla ebda raġuni prinċipju ieħor li jgħid illi ġudizzju hu dejjem veru la joħroġ mill-kuxjenza proprja ta’ dak li jkun. Iżda b’dan il-mod jiġi fix-xejn dak li, bil-qawwa kollha, titlob il-veritá, u floku jidħol kriterju ta’ sinċeritá, ta’ awtentiċitá u ta’ “paċi miegħek innifsek”, u hekk jiġri li kull ġudizzju dwar il-moralitá jkun jiddependi biss mill-fehma ta’ l-individwu.

 

Minnufih jidher li dan il-proċess mhux ħlief proċess li jwassal għall-kriżi dwar il-veritá. Meta tintilef il-fehma tal-veritá universali ta’ dak li hu tajjeb, veritá li l-bniedem jista’ jagħraf bil-ħila tiegħu, bilfors tinbidel ukoll il-fehma dwar il-kuxjenza. Il-kuxjenza ma tiqiesx aktar skond ma hi fin-natura oriġinali tagħha, jiġifieri att ta’ l-intelliġenza tal-persuna umana li tapplika l-veritá universali dwar dak li hu tajjeb għal kull każ speċifiku, u hekk tagħti ġudizzju dwar l-imġiba tajba li trid turi ruħha issa u f’dan il-waqt. Iżda għall-kuntrarju qed jiġri li qed jingħata lill-kuxjenza ta’ kull individwu l-privileġġ li tiffissa, bla ma ħadd jindaħlilha, regola dwar it-tajjeb u l-ħażin, u dwar imġiba tajba jew ħażina. Din il-fehma taqbel ħafna ma’ etika individwalistika – skond din l-etika l-individwu quddiemu għandu biss il-veritá tiegħu, li ma tkunx l-istess bħall-veritá ta’ l-oħrajn. Dan jispiċċa biex iwassal għall-individwaliżmu li jispiċċa biex jiċħad l-istess natura umana.

Dawn il-fehmiet differenti taw il-bidu lil dawk il-kurrenti ta’ ħsieb li jżommu li hemm oppożizzjoni sħiħa u radikali bejn il-liġi morali u l-kuxjenza, bejn in-natura u l-libertá.

 

33. Flimkien ma’ din l-eżaltazzjoni tal-libertá, u kuntrarju għaliha, b’mod li ma tistenniehx il-kultura ta’ llum qed tiddubita għal kollox jekk hemmx tassew libertá. Hemm xi xjenzi li ġeneralment jissejħu “xjenzi umani”, għax jistudjaw l-imġiba kollha tal-bniedem (bvehavioural sciences), u bir-raġun kollu ġibdu l-attenzjoni dwar għadd ta’ kondizzjonamenti soċjali u psikoloġiċi li jinfluwenzaw ħafna l-użu tal-libertá. L-għarfien ta’ dawn il-kondizzjonamenti u l-istudji li saru dwarhom huma kisbiet tassew pedagoġija u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Iżda xi wħud, b’mod jew ieħor, marru ‘l hemm, minn dak li ħareġ minn dawn l-osservazzjonijiet u waslu biex jiddubitaw dwar il-libertá tal-bniedem jew ukoll jiċħduha.

 

Ta’ min ifakkar ukoll xi fehmiet li jagħmlu użu ħażin ta’ interpretazzjoni xjentifiċi, frott tar-riċerka antropoloġika (dwar in-natura tal-bniedem). Mill-ħafna drawwiet, suriet ta’ mġiba u istituzzjonijiet li naraw fost il-bnedmin, bl-argumenti tagħhom waslu, jekk mhux għaċ-ċaħda tal-valuri universali tal-bniedem, almenu għar-relattiviżmu fil-moralitá.

 

34. “Mgħallem, x’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Din il-mistoqsija morali, li għaliha Kristu wieġeb, ma tistax tħalli fil-ġenb il-kwistjoni tal-libertá, anzi tqisha kwistjoni ċentrali, għaliex bla libertá m’hemmx moralitá: “il-bniedem idur għat-tajjeb biss jekk ikun ħieles”[56]. Imma b’liema sura ta’ libertá? Il-Konċilju, lill-bnedmin ta’ żmienna li “japprezzaw ħafna” l-libertá u li “jfittxuha bil-ħeġġa kollha”, għalkemm “spiss jifhmuha ħażin bħallikieku kollox permess jekk ikun jogħġob, il-ħażin ukoll”, uriehom x’inhi l-libertá “vera”. “Il-libertá vera hi fil-bniedem sinjal ċar ħafna tax-xbieha ta’ Alla. Alla ried il-bniedem “iħallih fir-rieda tiegħu” (ara Sir 15, 14), biex minn rajh ifittex il-Ħallieq tiegħu u f’rabta miegħu jasal għall-perfezzjoni hienja u sħiħa”[57]. Għalkemm kull bniedem għandu d-dritt li jkun rispettat fit-tfittix tiegħu għall-veritá, hemm qabel id-dmir morali, dmir gravi, li wieħed ifittex il-veritá u jħaddanha meta jsir jafha[58]. Din il-fehma kien itenniha bil-qawwa kollha l-Kardinal John Henry Newman, difensur magħruf tad-drittijiet tal-kuxjenza: “Il-kuxjenza għandha drittijiet għax għandha dmirijiet”[59].

 

Xi fehmiet tat-teoloġija morali ta’ żmienna saħħu l-fehmiet suġġettivi u individwalisti li ġa semmejna, billi taw tifsira ġdida lir-relazzjoni li hemm bejn il-libertá u l-liġi morali, bejn in-natura umana u l-kuxjenza bil-kriterju ġdid li daħħlu ħa jqisu l-valur morali ta’ kull għemil. Dawn il-fehmiet, għalkemm huma ħafna, kollha jaslu biex inaqqsu jew jiċħdu d-dipendenza tal-libert´mill-veritá.

 

Jekk irridu nqisu b’mod kritiku dawn il-fehmiet, biex naraw x’hemm fihom li hu leġittmu, ta’ siwi u validu, u naraw ukoll x’hemm fihom ta’ ambigwitá, ta’ periklu u ta’ żball, irridu nqisuhom fid-dawl tal-libertá li tiddependi fondamentalment mill-veritá: il-qawwa ta’ din id-dipendenza toħroġ ċara mill-kliem awtorevoli ta’ Kristu: “U tagħrfu l-veritá, u l-verita teħliskom” (Ġw 8, 32).

 

1. LIBERTÁ U LIĠI

 

“Mis-siġra tat-tagħrif tat-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha” (Ġen 2,17)

 

35. Fil-ktieb tal-Ġenesi naqraw: “Il-Mulej Alla ordna lill-bniedem u qallu: ‘Mis-siġar kollha tal-ġnien tista’ tiekol, imma mis-siġra tat-tagħrif tat-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut’” (Ġen 2, 16-17).

 

B’din it-tixbiha r-Rivelazzjoni tgħallimna li hu Alla li jgħid x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, u mhux il-bniedem. Il-bniedem hu ħieles, għax jista’ jifhem u jilqa’ l-kmandamenti ta’ Alla. Kellu libertá sħiħa, għaliex kien jista’ jiekol “mis-siġar kollha tal-ġnien”; iżda ma kinitx libertá bla limiti, għaliex kellu jżomm ‘il bogħod “mis-siġar tat-tagħrif tat-tajjeb u tal-ħażin”, għax kellha tilqa’ r-regola morali li Alla jagħti lill-bniedem; fil-fatt meta l-bniedem jilqa’ din ir-regola, ikun iwassal il-libertá għall-perfezzjoni. Alla, li hu waħdu t-Tajjeb, jaf sewwa x’inhu t-tajjeb għall-bniedem u mqanqal minn imħabbtu għall-bniedem, juri x’inhu t-tajjeb lill-bniedem fil-kmandamenti.

 

Għalhekk il-liġi ta’ Alla la tnaqqas u lanqas tneħħi l-libertá tal-bniedem, anzi tħarishielu u ġġibhielu ‘l quddiem. Għall-kuntrarju xi fehmiet kulturali ta’ żmienna taw bidu għal ħafna kurrenti ta’ ħsieb fl-etika mibnijin fuq konflitt li jaħsbu li hemm bejn il-libertá u liġi. Dan huwa tagħlim li jagħti lil kull individwu jew lil kull soċjetá s-setgħa li tgħid x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin: il-libertá tal-bniedem imbagħad tkun tista’ “toħloq il-valuri” u jkollha primat fuq il-veritá, bħallikieku l-veritá toħroġ mil-libertá u mhux bil-maqlub. B”hekk il-libertá tkun qed tippretendi għaliha awtonomija morali li fil-fatt ma tkunx ħlief setgħa assoluta.

 

36. Din il-pretensjoni ta’ llum għall-awtonomija ma naqsitx li tolqot ukoll it-teoloġija morali kattolika. Għalkemm it-teoloġija morali kattolika qatt ma riedet tqiegħed il-libertá tal-bniedem kontra l-liġi ta’ Alla, u lanqas qatt waslet biex tiddubita mill-pedament reliġjuż fondamentali tar-regola morali, iżda waslet biex taħsibha mill-ġdid dwar il-parti li għandhom il-fidi u r-raġun fl-għarfien tar-regoli tal-morali, jiġifieri dawk ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mad-drawwiet ta’ “din id-dinja”, jiġifieri ma’ l-imġiba miegħek innifsek, ma’ l-oħrajn mad-dinja madwarek.

 

Għandna nammettu li f’din il-ħidma tat-teoloġija morali għat-tiġdid fil-ħsieb hemm xi fehmiet pożittivi li l-akbar għadd tagħhom jagħmlu parti mill-aħjar tradizzjonijiet tat-tagħlim kattoliku. Bl-inkoraġġament tal-Konċilju Vatikan II[60], inbeda djalogu mal-kultura ta’ llum, li wera ċar li r-regoli morali li jinsabu fil-liġi morali naturali[61] għandhom karattru li jaqbel mar-raġuni tal-bniedem u għalhekk jista’ jifhimhom kulħadd u jistgħu jitwasslu lil kulħadd. Twettqu ukoll il-kwalitajiet li jinsabu fl-istess obbligi morali li joħorġu minn din il-liġi, obbligi li ma jorbtux ir-rieda tal-bniedem, qabel ma jingħarfu mir-raġuni u, fil-prattika, mill-kuxjenza personali tiegħu.

 

Iżda għax insew li r-raġuni tal-bniedem tiddependi mill-Għerf ta’ Alla u nsew il-ħtieġa, minħabba l-qagħda tan-natura umana midruba mid-dnub, tar-Rivelazzjoni divina bħala realtá għall-għarfien tal-veritajiet morali, ukoll dawk ta’ l-ordni naturali[62], xi wħud waslu biex jgħidu li r-raġuni għandha setgħa sħiħa fuq in-normi morali li jirregolaw il-ħajja f’din id-dinja: huma biss normi dwar moralitá “umana” u jfissru liġijiet li l-bniedem minn rajh għamel għalih innifsu u li ħerġin biss mir-raguni tal-bniedem. Għalhekk dawn il-liġijiet ma jistax ikun li għamilhom Alla; nistgħu ngħidu li għamilhom Alla biss fis-sens li dawn il-liġijiet tagħmilhom minn rajha r-raġuni tal-bniedem, isiru bis-saħħa ta’ mandat sħiħ mogħti fil-bidu minn Alla lill-bniedem. Dawn il-fehmiet, li huma kontra l-iskrittura u t-tagħlim minn dejjem tal-Knisja, wasslu biex jingħad li Alla ma għamilx il-liġi naturali, u li l-bniedem, huwa u jagħmel użu mir-raġuni tiegħu, għandu sehem fil-liġi ta’ dejjem, li ma għandux jagħmilha hu.

 

37. Xi teoloġi moralisti, għax riedu jżommu l-karattru nisrani tal-ħajja morali, waslu biex jagħmlu għażla – għażla li hi kontra t-tagħlim kattoliku[63], bejn l-ordni etiku li ġej mill-bniedem u hu biss ta’ din id-dinja, u ordni tas-salvazzjoni; skond dan l-ordni jiksbu l-importanza tagħhom biss xi intenzjonijiet u xi drawwiet spiritwali dwar Alla u l-proxxmu. Dan wassal biex jiċħdu li fir-Rivelazzjoni divina hemm xi veritajiet morali speċifiċi u determinanti li jgħoddu għal kulħadd u huma għal dejjem. Il-Kelma ta’ Alla, jgħidu, tħeġġeġ bis, hi parenesi ġenerika, li mbagħad ir-raġuni ħielsa tal-bniedem tiddetermina permezz ta’ regoli “oġġettivi”, jiġifieri adatti għaċ-ċirkostanzi storiċi li jkun hemm. Din is-sura ta’ awtonomija tasal biex tiċħad ukoll l-awtoritá tal-Knisja li tgħallem u tal-Maġisteru tagħha dwar ċerti normi morali fuq dak li jsejħulu “l-ġid tal-bniedem”. Dawn in-normi ma jagħmlux parti mid-depożitu tar-Rivelazzjoni, u fihom infushom ma jiswew xejn għas-salvazzjoni spiritwali.

Ma hemm ħadd li ma jarax li dan it-tifsir ta’ l-awtonomija tar-raġuni tal-bniedem iġib miegħu għadd ta’ fehmiet li bl-ebda mod ma jaqblu mad-duttrina kattolika.

F’qagħda bħal din, jeħtieġ li, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u tat-tradizzjoni ħajja tal-Knisja, jitfissru b’mod l-aktar ċar il-fehmiet fondamentali dwar il-libertá tal-bniedem u l-liġi morali u r-relazzjoni għolja u intima li hemm bejniethom. Hekk biss tista’ tingħata tweġiba għat-talbiet leġittmi tar-raġuni tal-bniedem, b’mod li jiġu milqugħin dawk l-elementi ta’ siwi li jinsabu fit-teoloġija morali ta’ żmienna mingħajr ma ssir ebda ħsara lill-wirt morali tal-Knisja permezz ta’ fehma żbaljata ta’ awtonomija.

 

Alla lill-bniedem ħallieh “f’idejn ir-rieda tiegħu” (Sir 15,14)

38. Il-Konċilju Vatikan II, huwa u jiċċita kliem Bin Sirak ried ifisser b’dan il-mod x’inhi “il-libertá vera”, li hi “sinjal mill-aqwa tax-xbieha ta’ Alla fil-bniedem”. “Alla ried iħalli l-bniedem ‘f’idejn ir-rieda tiegħu’, hekk li minn rajh ifittex il-Ħallieq tiegħu u f’rabta sħiħa miegħu jasal għal perfezzjoni hienja u sħiħa”[64]. Dan il-kliem juri kemm hu għoli t-tisħib fis-setgħa ta’ Alla li għaliha ġie msejjaħ il-bniedem: juru li s-setgħa tal-bniedem b’xi mod hi setgħa fuq il-bniedem innifsu. Din il-fehma dejjem dehret f’kull riflessjoni teoloġika fuq il-libertá tal-bniedem, u ġiet imfissra bħala sura ta’ regalitá. San Girgor ta’ Nissa, biex insemmu eżempju, kiteb: “Ir-ruħ turi d-dinjitá regali u għolja tagħha...meta tiddikjara li ma tagħraf ebda sid, u tagħmel kollox kif trid hi; b’setgħa għolja u sħiħa tmexxi lilha nnifisha kif jogħġobha. Ħaġa bħal din għal min tgħodd jekk mhux għal xi sultan?...Hekk, in-natura umana maħluqa biex taħkem fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha, minħabba x-xebħ li għandha mas-Sid tal-ħolqien kollu, hi qisha xbieha ħajja, imsieħba ma’ Dak li hu l-arketip ta’ kollox kemm fid-dinjitá u kemm fl-isem”[65].

It-tmexxija tad-dinja hi dmir kbir u responsabbli tal-bniedem li jimpenja l-libertá tiegħu huwa u jobdi l-kmand tal-Ħallieq: “Imlew l-art u aħkmuha” (Ġen 1, 28). Minħabba f’hekk, kemm kull bniedem u kemm il-ġens kollu tal-bnedmin għandhom awtonomija xierqa, ħaġa li fuqha l-Kostituzzjoni Gaudium et spes tal-Konċilju riedet turi attenzjoni speċjali. Hi l-awtonomija tar-realtajiet tad-dinja, jiġifieri “l-ħlejjaq kollha u l-istess soċjetajiet għandhom il-liġijiet proprji tagħhom u l-valuri tagħhom li l-bniedem jagħraf ftit ftit, jużaħhom, u jmexxihom”[66].

 

39. Iżda lill-bniedem ma ġietx fdata biss id-dinja, imma ġew fdati lilu wkoll ir-responsabbiltá u l-ħarsien tiegħu nnifsu. Alla ħalla l-bniedem “f’idejn ir-rieda tiegħu” (Sir 15, 14), biex ifittex lill-Ħallieq tiegħu u minn rajh jasal għall-perfezzjoni. Irid jasal għall-perfezzjoni tiegħu nnifsu hu nnifsu. Dan għaliex, kif il-bniedem, huwa u jaħkem fuq id-dinja, jsawwarha kif jifhem u jrid hu, hekk ukoll il-bniedem, huwa u jagħmel għemil li hu moralment tajjeb, isaħħaħ, jiżviluppa u jwettaq ix-xbieha ta’ Alla fih innifsu.

 

Iżda l-Konċilju jwissi kontra fehma qarrieqa ta’ l-awtonomija tal-ħlejjaq, dik l-awtonomija li żżomm illi “l-ħlejjaq ma jiddependux minn Alla, u li l-bniedem jista’ jużahom mingħajr ma jimpurtah minn Dak li ħalaqhom”[67]. Din il-fehma ta’ awtonomija, applikat għall-bniedem innifsu, iġġib effetti li huma ta’ ħsara, għaliex tispiċċa biex tasal għaċ-ċaħda ta’ Alla. “Mingħajr il-Ħallieq, il-ħlejjaq jintemmu fix-xejn...Jekk Alla jintesa, il-ħlejjaq jiddallmu”[68].

 

40. Dan it-tagħlim tal-Konċilju jwettaq, min-naħa, il-ħidma tar-raġuni tal-bniedem biex issib u tagħmel tagħha l-liġi morali: il-ħajja morali titlob dik il-kreattivitá u dik il-ħerqa li hi proprja tal-persuna u hi l-bidu u l-kawża ta’ kull għemil deliberat; min-naħa l-oħra r-raġuni tikseb il-veritá u l-awtoritá tagħha mil-liġi eterna li m’hijiex ħlief l-Għerf ta’ Alla[69]. Fil-qalba tal-ħajja morali għalhekk insibu l-prinċipju fondamentali ta’ l-“awtonomija ġusta” tal-bniedem[70], li hu s-suġġett personali ta’ għemilu. Il-liġi morali tiġi minn għand Alla u fih issib dejjem il-bidu tagħha: fl-istess waqt, minħabba r-raġuni naturali, li toħroġ mill-Għerf ta’ Alla, hi l-liġi proprja tal-bniedem. Dan għaliex il-liġi naturali, kif għedna, “m’hijiex ħlief id-dawl tal-fehma li jitnissel fina minn Alla, biex bih inkunu nafu x’għandna nagħmlu u x’ma għandniex nagħmlu. Dan id-dawl u din il-liġi Alla taha lill-bniedem fil-ħolqien”[71]. L-awtonomija xierqa tar-raġuni fil-prattika tfisser li l-bniedem għandu fih innifsu l-liġi proprja tiegħu, li tahielu l-Ħallieq. Iżda l-awtonomija tar-raġuni ma tfissirx li r-raġuni stess tista’ toħloq il-valuri u normi morali[72]. Jekk din l-awtonomija tfisser iċ-ċaħda tat-tisħib fil-prattika tar-raġuni fl-Għerf ta’ Alla, Ħallieq u Leġislatur, jew tissuġġerixxi sura ta’ libertá biex toħloq normi morali skond iċ-ċirkostanzi storiċi jew skond id-diversitá tas-soċjetajiet u tal-kulturi, din is-sura ta’ awtonomija tmur kontra t-tagħlim tal-Knisja dwar il-veritá tal-bniedem[73]. Tkun il-qerda tal-libertá vera. “Mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut” (Ġen 2, 17).

41. L-awtonomija morali vera tal-bniedem tfisser, mhux iċ-ċaħda, imma l-aċċettazzjoni tal-liġi morali, jiġifieri tal-kmandament ta’ Alla: “Il-Mulej Alla ordna lill-bniedem” (Ġen 2, 16). Il-Libertá tal-bniedem u l-liġi ta’ Alla jiltaqgħu ma’ xulxin u qishom jitħalltu, għax il-bniedem minn rajh jobdi ‘l Alla, u Alla minn rajh juri tjieba liema bħala mal-bniedem. Tobdi lil Alla m’hijiex xi eteronomija, kif jaħsbu xi wħud, bħallikieku l-ħajja morali hi taħt il-ħakma ta’ setgħa bla qjies li tista’ kollox u li hi barra l-bniedem u kontra l-libertá tiegħu. Jekk l-etoronomija morali kienet tfiser iċ-ċaħda li l-bniedem għandu s-setgħa jiddeċiedi fuqu nnifsu jew tfisser li għandu joqgħod għal normi li ma huma ta’ ebda siwi għall-ġid tiegħu, dan imur kontra r-Rivelazzjoni tal-Patt u ta’ l-Inkarnazzjoni li fdietna. Din l-eteronomija ma tkunx ħlief sura ta’ aljenazzjoni għal kollox kuntrarja għall-għerf ta’ Alla u wkoll għad-dinjitá tal-persuna umana.

 

Xi wħud bir-raġuni kollu jitkellem dwar teonomija jew teonomija parteċipata għaliex l-ubbidjenza ħielsa tal-bniedem għal-liġi ta’ Alla hi verament tisħib tar-raġuni u tar-rieda tal-bniedem fl-Għerf u l-Providenza ta’ Alla. Bil-projbizzjoni li l-bniedem jiekol mis-“siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin”, Alla wera ċar li l-bniedem fil-bidu ma kellux dan it-“tagħrif bħala xi ħaġa proprja tiegħu, imma kellu sehem fih bid-dawl tar-raġuni naturali u tar-Rivelazzjoni divina, li wrewh dak li jitlob minnu u jsejjaħlu għalih l-Għerf ta’ Alla. Il-ligi għalhekk għandha titqies bħala tifsira ta’ l-Għerf ta’ Alla: il-libertá, hija u toqgħod għal-liġi, tkun toqgħod ukoll għall-veritá tal-ħolqien. Minħabba f’dan jeħtieġ naraw fil-libertá tal-bniedem xbieha ta’ Alla, huwa li hu qrib tagħna għax “hu f’kulħadd” (ara Ef 4, 6), bl-istess mod irridu nistqarru l-kobor ta’ Alla, Sid il-ħolqien kollu, u nqimu l-qdusija tal-liġi ta’ Alla, li hu bla qjies ‘il fuq minn kollox: Alla hu dejjem akbar[74].

 

“Hieni l-bniedem...li fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu” (Salm 1,1-2)

 

42. Il-libertá tal-bniedem, imfassla skond ir-rieda ta’ Alla, mhux biss ma tispiċċax fix-xejn meta tobdi l-liġi ta’ Alla, imma hu biss b’din l-ubbidjenza li tibqa’ fil-veritá u twieġeb għad-dinjitá tal-bniedem, kif jikteb sewwa l-Konċilju; “Id-dinjitá tal-bniedem titlob li kull ma jagħmel jagħmlu b’għażla ħielsa huwa u jagħraf x’qed jagħmel, jiġifieri personalment imqanqal u mmexxi minnu nnifsu, u mhux minn xi istint agħmi ġewwa fih jew minn xi sfurzar bilfors minn barra. Il-bniedem jikseb din id-dinjitá meta hu jeħles lilu nnifsu mill-jasar tal-passjonijiet tiegħu, ifittex l-għan tiegħu fl-għażla ħielsa ta’ dak li hu ta’ ġid għalih, u jikseb kull għajnuna adatta bil-ħidma efettiva u ħerqana tiegħu”[75].

23.

Il-bniedem, fil-mixi tiegħu lejn Alla, lejn Dak li hu “waħdu t-Tajjeb”, b’mod ħieles għandu jagħmel it-tajjeb u jżomm ruħu ‘l bogħod mill-ħażin. Għalhekk jeħtieġ li l-bniedem ikun jista’ jagħżel it-tajjeb mill-ħażin. Dan qabel kollox iseħħ bid-dawl tar-raġuni naturali, li hi rifless fil-bniedem tad-dija ta’ wiċċ Alla.

 

Hekk San Tumas, huwa u jikkummenta vers tas-Salm IV, kiteb: “Meta s-salmista kiteb: ‘Offru s-sagrifiċċji (tal-ġustizzja) li għandkom tagħmlu’ (Salm 4, 6), bħallikieku kien hemm xi wħud li staqsew liema huma l-għemejjel tal-ġustizzja, żied jgħid ‘Ħafna jgħidu; min jurina r-riżq (il-ġustizzja)? U għal dan wieġeb: ‘Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek’ u hekk ta’ x’wieħed jifhem li d-dawl tar-raġuni naturali, m’huwiex ħlief id-dawl ta’ Alla li ħajja fina l-marka tiegħu”[76]. Minn hawn naraw ukoll għaliex din il-liġi tissejjaħ liġi naturali: tissejjaħ hekk mhux b’riferenza għall-ħlejjaq li ma għandhomx raġuni imma għaliex ir-raġuni li xxandar hi proprja r-raġuni tal-bniedem[77].

 

 

43. Il-Konċilju Vatikan II jfakkar li “l-ogħla regola tal-ħajja tal-bniedem hi l-liġi ta’ Alla fiha nnifisha, liġi eterna, oġġettiva u universali, li biha Alla fil-għerf u l-imħabba tiegħu, jordna, imexxi u jiggverna d-dinja kollha u kull mixi tal-ġens kollu tal-bnedmin. Alla jsieħeb il-bniedem miegħu biex bħala bniedem, ikun jista’ dejjem aktar jagħraf il-veritá li qatt ma tinbidel, immexxi bil-ħlewwa kollha mill-Providenza ta’ Alla”[78].

25.

Il-Konċilju jeħodna lejn it-tagħlim “klassiku” dwar il-liġi eterna ta’ Alla. Santu Wistin jagħti din id-definizzjoni tagħha: “ir-raġuni jew rieda ta’ Alla, li tordna li jkun imħares l-ordni tan-natura u ma tridx li jkun imfixkel”[79]; San Tumas iqisha l-istess bħal “sura wkoll ta’ l-Għerf ta’ Alla għaliex...biha kollox jitmexxa lejn l-għan aħħari tiegħu”[80]. L-Għerf ta’ Alla hu providenza, imħabba li taħseb f’kollox. Alla nnifsu jieħu tassew ħsieb u jħobb il-ħlejjaq kollha (ara Għerf 7, 22; 8, 11).

 

Alla ma jieħux ħsieb il-bniedem kif jieħu ħsieb il-ħlejjaq l-oħra: mhux “minn barra” permezz tal-liġijiet li jmexxu n-natura fiżika, imma permezz tar-raġuni, li bid-dawl naturali tagħha tagħraf il-liġi eterna ta’ Alla, u hekk turi lill-bniedem liema triq għandu jaqbad biex jagħmel is-sewwa[81]. B’dan il-mod Alla jsejjaħ lill-bniedem biex jissieħeb fil-providenza tiegħu għax, permezz tal-bniedem, jiġifieri permezz tar-raġuni u tal-ħidma responsabbli tiegħu, irid imexxi d-dinja, mhux biss id-dinja tan-natura, imma wkoll id-dinja tal-bnedmin. Hawn tidħol il-liġi naturali bħala tifsira mill-bniedem tal-liġi eterna ta’ Alla: “Il-ħlejjaq imżejnin bir-raġuni” – jikteb San Tumas – “joqogħdu għall-providenza ta’ Alla b’mod itjeb mill-ħlejjaq l-oħra, għaliex, għax għandhom sehem mill-providenza ta’ Alla, jipprovdu għalihom infushom u għall-oħrajn. Għalhekk għandhom sehem mir-Raġuni Eterna li biha huma naturalment miġbudin lejn l-għemil u l-għerf proprju tagħhom. Dan it-tisħib fil-liġi eterna mill-ħlejjaq imżejnin bir-raġuni tissejjaħ liġi naturali”[82].

 

44. Il-Knisja tenniet kemm-il darba t-tagħlim ta’ San Tumas dwar il-liġi naturali, u għamlet użu minnha fit-tagħlim morali tagħha. Hekk il-Papa Ljun XIII għallem li r-raġuni u l-liġi tal-bniedem għandhom joqogħdu għall-Għerf ta’ Alla u l-liġi tiegħu. Wara li qal: “Il-liġi naturali hi miktuba u mnaqqxa fil-qalb ta’ kull bniedem u fil-bnedmin kollha, għaliex hi r-raġuni li tgħid lill-bniedem li għandu jagħmel it-tajjeb u ma jidnibx”, il-Papa Ljun XIII isemmi “r-raġuni l-aktar għolja” ta’ Alla l-Leġislatur. “Dak li tgħid ir-raġuni tal-bniedem ma jistax ikollu l-qawwa ta’ liġi, jekk ma jkunx leħen u tifsir ta’ raġuni aktar għolja li għaliha jridu joqogħdu l-fehma u l-libertá tagħna”. Is-saħħa tal-liġi tinsab fis-setgħa li twaqqaf dmirijiet u tagħti drittijiet u tikkastiga xi suriet ta’ mġiba. “Hi ħaġa ċara li dan ma jistax jinsab fil-bniedem, jekk il-bniedem kellu jagħti lilu nnifsu bħala leġislatur suprem tiegħu nnifsu, ir-regola għal għemilu”. Għalhekk itemm kliemu b’dan il-mod. “Minn hawn jiġi li l-liġi naturali hi l-istess liġi eterna, li tinsab imnissla f’dawk li għandhom l-użu tar-raġuni, u tmexxihom lejn l-għemil tajjeb tagħhom u lejn l-għan tagħhom: hi l-istess raġuni eterna tal-Ħallieq u tal-Mexxej tal-ħolqien kollu”[83].

 

Il-bniedem jagħraf it-tajjeb u l-ħażin minħabba d-dixxerniment li jagħmel fih innifsu permezz tar-raġuni tiegħu, b’mod speċjali bir-raġuni tiegħu mdawwla mir-Rivelazzjoni divina u mill-fidi, permezz tal-liġi li Alla ta lill-poplu magħżul tiegħu, ibda mill-kmandamenti mogħtijin fis-Sinaj. Iżrael ġie msejjaħ biex jilqa’ u jgħożż il-liġi ta’ Alla, bħala don speċjali u sinjal ta’ l-għażla tiegħu u tal-Patt ma’ Alla u rahan ukoll tal-barka ta’ Alla. Għalhekk Mosé, huwa u jkellem lil ulied Iżrael, staqsiehom: “Liema ġens hu hekk kbir u għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej Alla tagħna kull ħin li nsejħulu? Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?” (Dewt 4, 7-8). Fis-Salmi nistgħu nsibu sentimenti ta’ tifħir, radd il-ħajr u qima li l-Poplu magħżul ta’ Alla kien imsejjaħ biex juri għal-liġi ta’ Alla, waqt li kien jiġi mħeġġeġ ħa jkun jafha, jimmeditaha u jgħixha f’ħajtu: “Ħieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena u ma jiqafx fi triq il-ħatjin, li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa, imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu” (Sal 1,1-2). “Il-liġi tal-Mulej perfetta u tagħti l-ħajja; ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx, il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb” (Salm 19/18, 8-9).

 

45. Il-Knisja tilqabħajr id-depożitu kollu tar-Rivelazzjoni u tgħożżu b’imħabba, tħarsu bil-qima kollha, u taqdi d-dmir tagħha li tfisser b’mod awtentiku l-liġi ta’ Alla fid-dawl ta’ l-Evanġelju. Il-Knisja tilqa’ bħala don il-liġi l-ġdida li hi l-“milja” tal-liġi ta’ Alla fi Kristu Ġesú u fl-Ispirtu tiegħu: hi liġi “fil-qalb” (ara Ġer 31, 32-33), “miktuba mhux bil-linka, imma bl-ispirtu ta’ Alla l-ħaj, mhux fuq twavel tal-ġebel iżda fuq it-twavel tal-laħam ta’ qalbkom” (2 Kor 3, 3); hi liġi ta’ perfezzjoni u ta’ libertá (ara 2 Kor 3, 17), “liġi ta’ l-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesú” (Rum 8, 2. Dwar din il-liġi San Tumas jikteb: “Din il-liġi tista’ b’xi mod tissejjaħ Spirtu s-Santu...iżda l-Ispirtu s-Santu, huwa u jgħammar fil-fehma, mhux biss jgħallem x’għandu jsir, imma jħajjar ukoll biex isir dak li hu tajjeb...Il-liġi ta’ l-Ispirtu tista’ tissejjaħ ukoll effett proprju ta’ l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri l-fidi li taħdem permezz ta’ l-imħabba (Gal 5, 6): tgħallem fir-ruħ dak li għandu jsir...u tqanqal ir-rieda biex tagħmlu”[84].

 

Għalkemm fit-teoloġija morali soltu ssir għażla bejn dak li tgħid il-liġi naturali u dak li Alla tana u rrivelalna, u fl-ekonomija tas-salvazzjoni ssir għażla bejn il-liġi “l-qadima” u l-liġi “l-ġdida”, ma għandniex ninsew li dawn id-distinzjonijiet u oħrajn ukoll huma dwar dik il-liġi li għamilha l-istess Alla waħdu, u dejjem għamilha għall-bnedmin Il-ħafna modi li bihom fil-grajja tal-bniedem Alla jieħu ħsieb il-bniedem u d-dinja, mhux biss m’humiex kontra xulxin, iżda jwettqu ‘l xulxin u jidħlu f’xulxin. Kollha għandhom il-bidu u t-tmiem tagħhom fil-ħsieb għaref u hieni li bih Alla ppredestina l-bniedem “biex jieħu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu” (Rum 8, 29). B’dan il-ħsieb ta’ Alla, ma ġġarrabx ħsara l-libertá tal-bniedem, anzi hu biss meta jiġi milqugħ dan il-ħsieb li titwettaq il-libertá tal-bniedem.

 

“Juru b’għemilhom li l-preċetti tal-liġi huma miktuba f’qalbhom” (Rum 2,15)

 

46. L-oppożizzjoni li xi wħud qed jgħidu li hemm bejn il-libertá u l-liġi qed jgħidilna llum b’qawwa li ma bħalha b’riferenza għal-liġi naturali, u l-aktar b’riferenza għan-natura. Diskussjonijiet dwar in-natura u l-libertá dejjem kien hemm tul iż-żminijiet fl-istudju tat-teoloġija morali, u kienu diskussjonijiet sħan sewwa fi żmien ir-Rinaxximent u r-Riforma, kif nistgħu naraw mit-tagħlim tal-Konċilju ta’ Trento[85].

 

Diskussjonijiet bħal dawn qed narawhom ukoll fi żmienna, iżda ta’ sura oħra. L-inklinazzjoni llum għall-osservazzjoni emperika, għall-proċeduri ta’ oġġettivazzjoni xjentifika, il-progress teknoloġiku, xi suriet ta' liberaliżmu wasslu biex tidher li hemm xi oppożizzjoni bejn in-natura u l-libertá, bħallikieku din l-oppożizzjoni – meta ma hijiex ukoll konflitt – bejn il-libertá u n-natura qisha hi xi struttura partikulari ta’ l-istorja tal-bniedem. Fi żminijiet oħra n-“natura” kienet tidher qisha qed iżżomm taħtha għal kollox il-bniedem bid-dinamiżmu u d-determiniżmu tagħha. Illum ukoll il-qagħda tad-dinja tas-sensi fl-ispazju u fiż-żmien, il-liġijiet fiżiċi u kimiċi li ma jitbiddlux, il-proċessi kollha li jsiru fil-ġisem, għal ħafna tqanqil psikiku, u ħafna suriet ta’ kondizzjonijiet soċjali, għal ħafna nies jidhru bħala elementi li qed imexxu kull ma hu tal-bniedem. Minħabba dan, il-fatti morali wkoll, minkejja l-karatteristika tagħhom, qed jitqiesu bħala ħwejjeġ li jistgħu jiġu verifikati statistikament, bħala suriet ta’ mġiba li jistgħu jiġu verifikati statistikament, bħala suriet ta’ mġiba li jistgħu jiġu oservati u mfissra biss skond kategoriji ta’ mekkaniżmu psiko-soċjali. Għalhekk si studjużi ta’ l-etika, impenjati serjament fl-istudju tar-realtajiet u ta’ l-imġiba tal-bniedem, jistgħu jitħajru jqisu l-għerf li jkunu kisbu, jekk mhux dak ukoll li jissuġġerixxu, skond ma tgħidilhom l-istatistika dwar id-drawwiet u l-imġiba u l-fehmiet fuq il-moralitá tal-maġġoranza tan-nies.

 

Moralisti oħrajn, għall-kuntrarju, kollhom ħerqa biex juru l-importanza ta’ xi valuri, tqanqalhom id-dinjitá tal-bniedem, iżda spiss iqisuha kuntrarja għan-natura materjali u bioloġika, u għalhekk jgħidu li trid bil-mod il-mod tissuperahom.

 

F’din il-ħaġa nsibu ħafna fehmiet diversi qed jaqblu bejniethom għax jinsew xinhi l-kondizzjoni ta natura maħluqa fl-integritá tagħha. Għal xi wħud in-natura m’hijiex ħlief materjal għall-ħidma tal-bniedem u għas-setgħa tiegħu: trid tinbidel anzi tintrebaħ mil-libertá, għax tillimitaha u tiċħadha.

 

Għal oħrajn li jqisu li l-ġid ekonomiku, soċjali, kulturali u morali jinsab fil-progress bla rażan tas-setgħa tal-bniedem jew fil-libertá tiegħu, in-natura tfisser dak kollu li jinsab fil-bniedem u fid-dinja li mhux il-libertá. Fehma bħal din tan-natura tħaddan fiha l-ewwelnett il-ġisem tal-bniedem b’dak kollu li jsawru u bil-forzi kollha tiegħu: dawn l-elementi fiżiċi huma kuntrarji għal dak kollu “li jagħmel il-bniedem” jiġifieri “għall-kultura” bħala ħidma u frott tal-libertá. F’dan is-sens in-natura tal-bniedem titbaxxa u titqies biss bħala sempliċi materjal bioloġiku u soċjali li dejjem tista’ ssibu. Fl-aħħar mill-aħħar dan kollu jfisser li l-libertá hija nnifisha tgħid x’inhi, issir fenomenu li toħloq lilu nnifsu u l-valuri tiegħu. B’dan il-mod fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem jispiċċa mingħajr natura u jkun fih innifsu r-raġuni ta’ l-istess eżistenza tiegħu. Il-bniedem ma jkunx ħlief il-libertá tiegħu stess!

 

47. Fil-kuntest ta dan il-fiżiċiżmu u n-naturaliżmu saru għadd ta’ objezzjonijiet kontra l-fehma tradizzjonali tal-liġi naturali, minn xi teoloġi li jaħsbu li l-liġi naturali li tqis bħala liġijiet morali li jgħoddu għal kullimkien. F’xi dokumenti tal-Maġisteru tal-Knisja, l-aktar f’dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-etika sesswali u konjugali, dawn it-teoloġi jgħidu li, minħabba fehma naturalistika ta’ l-għemil sesswali, qed jiġu kkundannati u meqjusa moralment ħżiena l-kontraċezzjoni, l-isterilazzazzjoni diretta, l-awtoerotiżmu, l-att sesswali li qabel iż-żwieġ, ir-relazzjonijiet omosesswali, l-inseminazzjoni artifiċjali. Skond dawn it-teoloġi, jekk jitqies ħażin dan l-għemil, ma jkunux jitqiesu b’mod xieraq la l-qagħda ħielsa tal-bniedem mogħni bir-raġuni u lanqas il-kondizzjonament kulturali ta’ kull regola morali. Dawn it-teoloġi jgħidu wkoll li l-bniedem, għax għandu r-raġuni, mhux biss jista’, imma għandu wkoll bil-libertá kollha, jiddetermina t-tifsir ta’ l-imġiba kollha tiegħu. Din “id-determinazzjoni tat-tifsir” trid tqis – u din hi ħaġa ċara ħafna – il-ħafna limitazzjonijiet tal-bniedem li qed jgħix b’ġisem u qed jgħix fi żmien determinat fl-istorja. Trid tqis ukoll is-suriet ta’ mġiba u t-tifsir li jkollhom dawn is-suriet mill-kultura li tkun. U fuq kollox trid tħares il-kmandament fondamentali ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. Iżda Alla – iżidu jgħidu – ħalaq il-bniedem bħala enti raġonevoli u “ħallieh f’idejn ir-rieda tiegħu”, u jistennieh ifassal ħajtu b’mod personali u raġonevoli. L-imħabba tal-proxxmu għalhekk għandha tfisser fuq kollox, jekk mhux biss, rispett tal-libertá li wieħed jiddeċiedi hu waħdu fuqu nnifsu. Il-mod kif iġibu ruħhom il-bnedmin u “l-inklinazzjonijiet naturali” tagħhom, kif jgħidulhom, jistgħu jwasslu biss biex juru b’mod ġenerali kif għandha tkun imġiba tajba, iżda – jgħidu – ma jistgħux jaslu biex jiddeterminaw jekk kull għemil bil-bniedem huwiex moralment tajjeb jew ħażin, tant huma komplessi l-għemejjel tal-bnedmin, minħabba l-ħafna kondizzjonijiet li fihom isibu ruħhom.

 

48. Quddiem fehma bħal din, wieħed irid iqis sewwa r-relazzjoni li hemm bejn il-libertá u n-natura tal-bniedem, u b’mod speċjali x’post għandu l-ġisem tal-bniedem fi problemi tal-liġi naturali. Libertá li trid tkun assoluta tasal biex tqis il-ġisem tal-bniedem element ħieles minn kull tifsir u kull valur morali, qabel ma l-libertá tkun fasslitu skond fehmitha. Dan iwassal biex in-natura tal-bniedem u l-ġisem tiegħu jidhru qishom il-presuppost jew il-bidu materjali meħtieġ biex il-libertá tagħmel l-għażla tagħha, iżda għażla li tkun il-barra mill-persuna, mis-suġġett u mill-għemil tal-bniedem. Id-dinamiżmu tagħhom ma jistax jitqies bħala għażla morali għaliex l-inklinazzjonijiet tagħhom ifittxu biss ġid fiżiku, li xi wħud isejħulu “ġid pre-morali”. Min irid jar fihom indikazzjonijiet ta’ ordni morali jkun qiegħed jistieden li jiġi akkużat b’fiżiċiżmu jew bioloġiżmu. Skond dan il-ħsieb it-tensjoni bejn il-libertá u n-natura tal-bniedem, meqjusa b’dan il-mod diminuttiv, tispiċċa f’firda fil-bniedem innifsu.

 

Dan it-tagħlim morali ma jaqbilx mal-veritá dwar il-bniedem u l-libertá tiegħu. Imur kontra t-tagħlim tal-Knisja dwar l-għaqda fil-persuna tal-bniedem, li fih ir-ruħ, imżejna bir-raġuni, hi minnha nnifisha u essenzjalment il-forma tal-ġisem[86]. Ir-ruħ, li hi spiritwali u mmortali, hi l-bidu, dik li ġġib l-għaqda fil-bniedem, jiġifieri dik li biha l-bniedem hu wieħed fih innifsu, persuna, wieħed b’ruħ u ġisem[87]. Dawn id-definizzjonijiet mhux biss juru li l-ġisem ukoll, li lilu hu mwiegħed il-qawmien mill-imwiet, għad ikollu sehem mill-glorja ta’ dejjem, imma jfakkru wkoll li r-raġuni u r-rieda ħielsa għandhom rabta mal-fakultajiet tal-ġisem u tas-sensi. Il-persuna, bil-ġisem ukoll, tingħata kollha kemm hi lilha nnifisha, u fl-għaqda tal-ġisem u tar-ruħ hi s-suġġett ta’ l-għemil morali tagħha. Il-persuna, bid-dawl tar-raġuni u bl-għajnuna tal-virtujiet, tagħraf f’ġisimha s-sinjali li jħabbru minn qabel l-għoti tagħha nnifisha, skond il-pjan ta’ l-għerf ta’ Alla l-Ħallieq u t-tifsir u l-wegħda ta’ dan l-għoti tagħha nnifisha. Fid-dawl tad-dinjitá tal-persuna umana – dinjitá li trid titwettaq għall-ġieħ tagħha stess, ir-raġuni tagħraf il-valur morali speċifiku ta’ xi ġid, li lejh il-persuna tinġibed b’mod naturali. Għaliex il-persuna umana tinħabb u tkun rispettata bħala għan u qatt bħala mezz, u dan jitlob, min-natura tiegħu stess, respett għall-ġid kollu fondamentali li mingħajru wieħed jaqa’ fir-relattiviżmu u fl-arbitriju.

 

49. Kull tagħlim li jifred l-għemil morali mill-kondizzjonijiet tal-ġisem imur kontra dak li jgħallmu l-Iskrittura u t-Tradizzjoni. Dan it-tagħlim, taħt sura oħra, qed itenni żbalji ta’ l-imgħoddi, żbalji li l-Knisja dejjem ikkundannat, għaliex ibaxxu l-persuna tal-bniedem għal sura ta’ libertá “spiritwali” u formali biss. Dan it-tagħlim iħalli fil-ġenb it-tifsir morali tal-ġisem u kull sura ta’ għemil tal-ġisem (ara 1 Kor 6,19). Skond il-ħsieb ta’ l-Appostlu San Pawl ma jidħlux fis-Saltna ta’ Alla “la żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa” (ara 1 Kor 6, 9-10. Din il-kundanna, imwettqa mill-Konċilju ta’ Trento[88], tqis bħala “dnubiet mejta u għemil faħxi” xi drawwiet li, aċċettati mir-rieda, iċaħħdu lill-insara mill-wirt ta’ dejjem. Dan għaliex il-ġisem ma jistax jinfired mir-ruħ: fil-persuna, jiġifieri fis-suġġett li jrid u jagħmel dak li jrid, ir-ruħ u l-ġisem jieqfu u jaqgħu flimkien.

50. Issa nistgħu nifhmu t-tifsir veru tal-liġi naturali li tappartjeni lin-natura tal-bniedem sa mill-bidu, jiġifieri tappartjeni lin-natura tal-“persuna umana”[89], li hi l-persuna nnifisha fl-għaqda tar-ruħ u l-ġisem, fl-għaqda jiġifieri ta’ l-inklinazzjonijiet spiritwali u bioloġiċi u tal-karatteristiċi l-oħra proprji tal-persuna, meħtieġa minnha biex tikseb l-għan tagħha. “Il-liġi naturali turi u tgħid liema huma l-għanijiet, id-drittijiet u d-dmirijiet li għandhom il-pedamenti tagħhom fin-natura korporali u spiritwali tal-persuna umana. Għalhekk il-liġi naturali m’għandhiex titqies biss bħala regola bioloġika, imma għandha titqies bħala ordni tar-raġuni li bih il-bniedem hu msejjaħ mill-Ħallieq tiegħu biex imexxi u jirregola ħajtu u għemilu u b’mod partikulari l-użu ta’ ġismu”[90]. Biex insemmu eżempju, il-bidu u s-sisien tad-dmir tal-ħarsien sħiħ tal-ħajja tal-bniedem insibuhom fid-dinjitá proprja tal-persuna umana u mhux sempliċement fl-inklinazzjoni naturali għall-ħarsien tal-ħajja fiżika proprja. Hekk il-ħajja tal-bniedem għalkemm hi l-aqwa ġid tal-bniedem, tikseb tifsir morali f’relazzjoni mal-ġid tal-persuna li għandu jiġi dejjem imħares għalih innifsu: jekk qatt ma hu permess toqtol bniedem bla ħtija, hu permess tagħti ħajtek (ara Ġw 15,13) għal għajrek jew biex tagħti xhieda għall-veritá – u din hi ħaġa ta’ min ifaħħarha u xi kultant għandha ssir ukoll. Biss meta l-persuna titqies “fl-għaqda sħiħa” tagħha, jiġifieri “ruħ li turi ruħha fil-ġisem, u ġisem li bħala forma għandu ruħ immortali”[91], wieħed jista’ jifhem it-tifsir verament uman tal-ġisem. L-inklinazzjonijiet naturali jiksbu karattru morali biss meta huma tal-persuna umana, u jwasslu biex tkun dak li hi, u dan jista’ jsir biss u dejjem fin-natura tal-bniedem. Il-Knisja hija u twarrab kull manipulazzjoni tal-ġisem li ttelliflu t-tifsir uman tiegħu, taqdi l-bniedem u turih it-triq ta’ l-imħabba vera, li biha biss jista’ jsib il-veru Alla.

 

Meta nifhmu l-liġi naturali b’dan il-mod nevitaw kull firda bejn libertá u natura għax jingħaqdu flimkien b’mod l-aktar adatt u jintrabtu sewwa bejniethom.

“Ma kienx hekk mill-bidu” (Mt 19, 8)

 

51. Il-konflitt li jgħidu li hemm bejn libertá u natura jolqot ukoll it-tifsir ta’ xi aspetti partikulari tal-liġi naturali, speċjalment l-universalitá u l-immutabbiltá tagħha.

 

“Fejn inkitbu dawn ir-regoli” – kien jistaqsi Santu Wistin lilu nnifsu – “jekk mhux fil-ktieb ta’ dak id-dawl li jissejjaħ veritá: minnha tinkiteb kull liġi ġusta u tgħaddi fil-qalb ta’ kull bniedem li jagħmel il-ġustizzja, mhux billi tmur għandu iżda billi tħalli l-marka tagħha fih, kif xbieha fuq siġill tgħaddi għal fuq l-inċira mingħajr ma titbiegħed mis-siġill”[92]. Minħabba din il-veritá, il-liġi naturali hi universali. Il-liġi naturali, meta hi miktuba fin-natura tal-persuna, natura mogħnija bir-raġuni, tinħass fil-bnedmin kollha li għandhom ir-raġuni u qed jgħixu fid-dinja, fl-istorja. Il-bniedem, biex l-istat proprju tiegħu jilħaq il-perfezzjoni, għandu jagħmel it-tajjeb u jitbiegħed mid-dnub, jieħu ħsieb l-għoti tal-ħajja u l-ħarsien tagħha, iħaddem u jkattar il-ġid tad-dinja materjali, iżomm relazzjonijiet soċjali, ifittex dak li hu veru, jagħmel dak li hu tajjeb, u jitgħaxxaq bil-ġmiel[93].

 

Il-firda li xi wħud qed jaraw bejn il-libertá ta’ l-individwu u n-natura ta’ kulħadd, firda li toħroġ minn tagħlim filosofiku li għandu qawwa kbira fil-kultura ta’ llum, ma tħallix ir-raġuni tagħraf l-universalitá tal-liġi naturali. Iżda l-liġi naturali, meta turi d-dinjitá tal-persuna umana u tqiegħed is-sisien tad-dmirijiet u tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem, hi universali f’dak li tikkmanda u l-awtoritá tagħha tilħaq il-bnedmin kollha. Din l-universalitá ma ġġibx fix-xejn l-individwalitá ta’ kull bniedem u lanqas is-singularitá assoluta ta’ kull bniedem: għall-kuntrarju, tħaddan fl-għeruq tagħha l-għemil kollu ħieles ta’ kull persuna, għemil li hu xhieda ta’ l-universalitá ta’ dak li hu veru tajjeb. L-għemil kollu tagħna, huwa u joqgħod għal-liġi li torbot lil kulħadd, jibni xirka bejn il-persuna u, bil-grazzja ta’ Alla, jagħmel għemil ta’ mħabba, ta’ dik l-imħabba li hi “l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3, 14). Meta għemilna ma jagħtix kas jew biss ma jafx il-liġi, u dan bi ħtija jew mingħajr ħtija, ikun jidrob ix-xirka li għandu jkun hemm bejn il-persuni, bi ħsara għal kull persuna.

52. Hi ħaġa xierqa u sewwa taqdi ‘l Alla dejjem u kullimkien, tagħtih il-qima li tistħoqqlu u tirrispetta kif jixraq lill-ġenituri. Liġijiet pożittivi bħal dawn li jordnaw ċertu għemil u jriduna ngħożżu ċerti drawwiet jorbtu kullimkien u ma jinbidlu qatt[94], jorbtu l-bnedmin ta’ kull żmien f’dan l-istess ġid komuni, il-bnedmin li ġew maħluqa biex “igawdu l-istess vokazzjoni l-istess destin”[95]. Dawn il-liġijiet universali dejjem jibqgħu jwieġbu għal dak li hu magħruf mir-raġuni fil-prattika, u jiġi applikat għal kull għemil partikulari permezz tal-ġudizzju tal-kuxjenza. Min jaġixxi jagħmel personalment tiegħu l-veritá li hemm fil-liġi, u jagħmel tiegħu din il-veritá b’għemilu u bil-virtujiet li jaqblu magħha. Il-preċetti negattivi tal-liġi morali jorbtu dejjem u kullimkien; jorbtu lil kull wieħed u lil kulħadd dejjem, tkun xi tkun il-kondizzjoni tagħhom. Huma projbizzjonijiet dwar xi għemil determinat, dejjem u għal dejjem, bla ebda eċċezzjoni, għaliex il-għażla ta’ din is-sura ta’ mġiba bl-ebda mod ma tista’ tkun taqbel mat-tjieba tar-rieda tal-persuna li tkun, u mal-vokazzjoni tagħha għall-ħajja ma’ Alla u għal xirka ma’ għajrha. Ħadd qatt ma għandu jikser dawn il-kmandamenti għax jorbtu lil kulħadd, ikun xi jkun il-prezz li jkollu jitħallas, biex ma ssirx ħsara lil ħadd u l-aktar lid-dinjitá personali li hi ta’ kulħadd.

 

Madankollu il-fatt li l-preċetti negattivi jobbligaw dejjem u kullimkien lil kulħadd ma jfissirx li fil-ħajja morali l-projbizzjonijiet għandhom qawwa akbar mill-kmandament li jordna dak li hu tajjeb, kmandament imfisser bi preċetti pożittivi. Ir-raġuni hi din: il-kmandament ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, fid-dinamiżmu pożittiv tiegħu, ma għandux limiti ‘l fuq minnu, imma għandu limiti ‘l isfel minnu, limiti li ‘l isfel minnhom il-kmandament jinkiser. Barra dan, dak li għandu jsir f’ċerti qagħdiet, jiddependi miċ-ċirkostanzi li ma jistgħux ikunu magħrufin kollha kemm huma minn qabel. Iżda mbagħad hemm ċerti suriet ta’ mġiba li qatt ma jista’ jkollhom, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi, tweġiba xierqa, jiġifieri tweġiba li tkun taqbel mad-dinjitá tal-persuna. Fl-aħħarnett jista’ dejjem jiġri li l-bniedem, għax imġiegħel bil-fors jew minħabba ċ-ċirkostanzi, ma jkunx jista’ jagħmel ċertu għemil tajjeb; iżda qatt ma jista’ jiġi miżmum li ma jagħmilx xi għemil, speċjalment meta lest li jmut basta ma jagħmilx dak li hu ħażin.

 

Il-Knisja dejjem għallmet li qatt ma jistgħu jingħażlu suriet ta’ mġiba li jkunu pprojbiti mill-preċetti morali li, fit-Testment il-Qadim u fit-Testment il-Ġdid, għandhom sura negattiva. Kif ingħad aktar ‘il fuq, Ġesú stess qal b’mod l-aktar ċar li dawn il-projbizzjonijiet ma jistgħux jinbidlu: “Jekk Int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti” la toqtolx, la tiżnix, ta tisraqx, la tixhidx fil-falz” (Mt 19, 17-18).

 

53. Is-sens għoli li n-nies ta’ llum għandhom ta’ l-istorja u tal-kultura, wassal lil xi wħud biex jiddubitaw dwar l-immutabbiltá tal-liġi naturali, u għalhekk dwar l-eżistenza ta’ “normi oġġettivi ta’ moralitá”[96] li jgħoddu għall-bnedmin kollha ta’ llum u ta’ għada: jista’ jkun, jistaqsu, tgħid li jgħoddu dejjem u kullimkien deċiżjonijiet tar-raġuni li ħarġu fi żminijiet ta’ l-imgħoddi, meta ħadd ma kien jaf xi progress kienu se jagħmlu l-bnedmin fil-ġejjieni?

 

Ma nistgħux niċħdu li l-bniedem dejjem jgħix f’xi kultura partikulari; iżda lanqas nistgħu nammettu li din il-kultura partikulari turi lill-bniedem dak li hu kollu kemm hu. Fil-fatt l-istess progress kulturali juri li fil-bniedem hemm xi ħaġa li hi ‘l fuq minn dawn il-kulturi. Din ix-“xi ħaġa” hi “n-natura tal-bniedem”; din in-natura hi fiha nnifisha l-qjies tal-kultura u tal-kondizzjonijiet meħtieġa biex il-bniedem ma jsirx ilsir ta’ ebda kultura, imma jwettaq id-dinjitá personali tiegħu, huwa u jgħix b’mod li jaqbel għal kollox mal-veritá għolja ta’ l-esseri tiegħu. Meta tiddubita dwar l-elementi fondamentali tal-bniedem li ma jinbidlu qatt, elementi li huma marbutin mad-dimensjoni korporali tiegħu, tkun mhux biss iddaħħal xi ħaġa li tmur kontra l-esperjenza ta’ kulħadd, imma tasal biex tneħħi kull tifsir minn dak li Ġesú qal dwar dak “li kien fil-bidu”, proprju meta semma li l-qagħda soċjali u kulturali ta’ żmienu kienet għawġet it-tifsir u l-importanza li kellhom fil-bidu ċerti regoli morali (ara Mt 19, 1-9). Hu għalhekk li “l-Knisja tgħid li fit-tibdil kollu li jsir hemm ħafna affarijiet li ma jinbidlux, u li fl-aħħar mill-aħħar għandhom is-sisien tagħhom fi Kristu “li kien, li hu u li jibqa’ għal dejjem”[97]. Hu il-“Bidu” li, meta ħa n-natura ta’ bniedem, dawwalha darba għal dejjem fl-elementi kostituttivi tagħha u fid-dinamiżmu tagħha għall-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu[98].

 

Żgur li għandna nfittxu u nsibu l-aħjar formulazzjoni tan-normi morali universali, li ma jitbiddlu qatt, skond is-suriet differenti tal-kulturi li jista’ jkun hemm, formulazzjoni li ma tieqaf qatt turi s-siwi tagħhom fiċ-ċirkostanzi partikulari ta’ kull żmien u turi l-veritá tagħhom u tfissirhom b’mod awtentiku. Din il-veritá tal-liġi morali – bħal dik tad-“depożitu tal-fidi” – ħarġet bil-mod il-mod tul iż-żminijiet; in-normi li jfissruha sostanzjalment ma jinbidlux, iżda jiġu speċifikati u determinati fl-istess tifsir u fl-istess fehma tagħhom (eodem sensu eademque sententia)[99], skond iċ-ċirkostanzi ta’ l-istorja mill-Maġisteru tal-Knisja; iżda qabel il-ġudizzju tal-Maġisteru u flimkien miegħu tiġi l-interpretazzjoni u l-formulazzjoni proprja tar-raġuni ta’ l-insara u tar-riflessjoni teoloġika[100]

 II. KUXJENZA U VERITÁ

 

Is-santwarju tal-bniedem

 

54. Ir-relazzjoni bejn il-libertá tal-bniedem u l-liġi ta’ Alla għandha l-għamara ħajja tagħha. Il-Konċilju Vatikan II jgħid “Fil-fond tal-kuxjenza tiegħu l-bniedem isib liġi li mhux hu taha lilu nnifsu, iżda jrid jobdiha, u leħenha, dejjem isejjaħ biex isir it-tajjeb u jitwarrab il-ħażin, jidwi, kull meta hu meħtieġ, f’widien qalbu; agħmel dan evita dak. Dan għaliex il-bniedem għandu din il-liġi miktuba f’qalbu minn Alla; l-istess dinjitá tiegħu hi li jobdiha u skond ma jobdiha, jiġi ġġudikat (ara Rum 2, 13-16)”[101].

 

Il-mod kif naraw ir-relazzjoni bejn il-libertá u l-liġi għalhekk għandu rabta sħiħa liema bħala mal-ġudizzju li tagħti l-kuxjenza morali. Il-fehmiet kulturali msemmija aktar ‘il fuq – li jagħmlu kontra xulxin il-libertá u l-liġi jew jifirduhom minn xulxin u jqisu l-libertá qisha xi alla –iwasslu għal tifsira “kreattiva” tal-kuxjenza morali, li titbiegħed għal kollox mit-Tradizzjoni tal-Knisja u mit-tagħlim tal-Maġisteru.

 

55. Skond il-fehma ta’ xi teoloġi d-dmir tal-kuxjenza, almenu fiż-żminijiet l-imgħoddija, kien biss dak li japplika n-normi morali ġenerali lill-każi individwali tal-ħajja tal-persuna. Iżda dawn in-normi, jgħidu, ma jistgħux jagħrfu u jħarsu kull għemil individwali u partikulari tal-persuna; jistgħu jgħinu b’xi mod biex ikun hemm estimazzjoni tajba tal-qagħda li tkun, iżda ma jistgħux jieħdu l-post tal-persuna fid-deċiżjoni tagħha kif se ġġib ruħha f’kull każ partikulari. Il-kritika li ġa semmejna tad-duttrina tradizzjonali dwar il-persuna umana u l-importanza tagħha għall-ħajja morali, waslet lil xi kittieba biex jgħidu li dawn in-normi, aktar milli huma kriterji oġġettivi li jorbtu l-kuxjenza, huma biss sura ta’ ħarsa ġenerali li tgħin il-bniedem fl-ewwel tentattiv tiegħu biex iġib ordni xieraq fil-ħajja personali u soċjali tiegħu. Dawn il-kittieba jagħfsu wkoll fuq il-komplessitá tipika tal-fenomenu tal-kuxjenza, komplessitá li hi marbuta sewwa mal-qasam psikoloġiku u ma’ l-affetti tar-ruħ u wkoll mal-ħafna kondizzjonamenti tas-soċjetá u tal-ambjent kulturali ta’ l-individwu. Min-naħa l-oħra jgħollu ħafna s-siwi tal-kuxjenza li l-Konċilju nnifsu fisser bħala “s-santwarju tal-bniedem, fejn il-bniedem hu waħdu ma’ Alla, li l-leħen tiegħu jidwi ġewwa fih”[102]. Dan il-leħen – jgħidu – aktar milli għall-ħarsien eżatt ta’ normi universali, iwassal il-bniedem biex jilqa’ b’mod kreattiv u responsabbli d-dmir li Alla jkun irid jafdalu.

36.

Għaliex iridu jagħtu qawwa “effettiva” lill-kuxjenza, xi kittieba ma għandhomx isejħu għemilha “ġudizzji” imma “deċiżjonijiet”: meta l-bniedem jieħu dawn id-“deċiżjonijiet b’mod awtonomu” jista’ jikseb il-perfezzjoni morali. Xi wħud jgħidu wkoll li dan il-proċess ta’ perfezzjoni hu mfixkel ħafna mill-qagħda, li, f’ħafna kwistjonijiet, jieħu l-Maġisteru tal-Knisja għaliex, b’dan l-indħil, jista’ joħloq fl-insara konflitti fil-kuxjenza.

 

56. Xi wħud biex jiġġustifikaw il-fehmiet tagħhom ħarġu bil-proposta li hemm żewġ gradi ta’ veritá morali. Barra l-grad duttrinali li għandu karattru astratt, għandu jingħata għarfien lil xi konsiderazzjonijiet aktar konkreti. Dan l-għarfien, huwa u jqis iċ-ċirkostanzi u l-qagħda li jkun hemm, jista’ jwassal leġittimament għal xi eċċezzjonijiet fir-regoli ġenerali, u jippermetti, b’kuxjenza retta, l-għemil li jkun fih innifsu ħażin skond il-liġi morali. B’dan il-mod f’xi każijiet ikun hemm firda, meta mhux ukoll oppożizzjoni, bejn it-tagħlim ta’ kmandament li jiswa għal kullimkien, u norma tal-kuxjenza individwali li tkun ħadet deċiżjoni definittiva dwar it-tajjeb jew il-ħażin. Fuq bażi bħal din, jgħidu, jista’ jkun hemm soluzzjonijiet hekk imsejħa “pastorali” li jkun leġittimi, għalkemm imorru kontra l-Maġisteru tal-Knisja; fuq din il-bażi wkoll iridu jiġġustiikaw ermenewtika “kreattiva” li biha l-kuxjenza morali, bl-ebda mod, ma hi obbligata dejjem minn xi preċett partikulari negattiv. Kulħadd għandu jifhem li dawn l-opinjonijiet iġibu fix-xejn l-identitá stess tal-kuxjenza morali, fir-relazzjoni tagħha mal-libertá tal-bniedem u l-liġi ta’ Alla. It-tifsir, mogħti aktar ‘il fuq, bażat fuq ir-relazzjoni li hemm bejn il-libertá tal-bniedem u l-veritá tal-liġi, jista’ jagħti dixxerniment xieraq dwar it-tifsir “kreattiv” tal-kuxjenza.

 

Il-Ġudizzju tal-Kuxjenza

 

57. It-test ta’ l-ittra lir-Rumani, li minnu ksibna x’inhi l-essenza tal-liġi naturali, jagħtina wkoll il-fehma tal-kuxjenza li nsibu fil-Kotba Mqaddsa speċjalment tal-kuxjenza fir-rabta speċifika tagħha mal-liġi. “Meta l-ġnus, li ma għandhomx il-liġi jagħmlu bl-istint naturali tagħhom dawk l-opri li titlob il-liġi, huma jkunu liġi għalihom infushom. Dawn juru b’għemilhom li l-preċetti tal-liġi huma miktuba f’qalbhom, u dan tixhdu wkoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħhom li issa jakkużaw u issa japprovaw għemilhom” (Rum 2, 14-15).

 

Skond kliem San Pawl il-kuxjenza, għaliex b’xi mod tqiegħed il-bniedem quddiem il-liġi, issir għall-bniedem xhud tal-fedeltá jew ta’ l-infedeltá tiegħu lejn il-liġi, xhud tat-tjieba tal-ħażen naturali ta’ drawwietu. Il-kuxjenza hi x-xhud waħdieni għax dak li jsir fil-qalb tal-bniedem hu moħbi għal kull min hu barra minnu. Din ix-xhieda hi magħrufa biss mill-persuna li tkun, u din il-persuna biss taf x’kienet it-tweġiba tagħha għax-xhieda tal-kuxjenza.

 

58. Qatt ma tista’ tkun magħrufa biżżejjed l-importanza ta’ din is-sura ta’djalogu tal-bniedem miegħu nnifsu, li hu wkoll djalogu tal-bniedem ma’ Alla, l-awtur tal-liġi u x-xbieha tal-bniedem mill-bidu u l-għan aħħari tiegħu. Jikteb l-isqof San Bonaventura, “Il-kuxjenza, qisha l-ħabbâr u l-messaġġier ta’ Alla, u dak li tgħid ma tordnahx hi stess imma tikkmanda qisu bl-awtoritá ta’ Alla, bħal ħabbâr li jxandar editt tas-sultan. Minn hawn jiġi li l-kuxjenza għandha l-qawwa li torbot”[103]. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-kuxjenza hi xhud tat-tjieba u tal-ħażen tal-bniedem għall-bniedem innifsu, iżda fl-istess żmien, u, qabel ukoll, hi xhud ta’ Alla nnifsu u twassal il-leħen u l-ġudizzju ta’ Alla fil-fond tal-bniedem sa l-għeruq ta’ ruħu, u tistiednu bil-qawwa u bil-ħlewwa biex jobdi. “Il-kuxjenza morali ma tagħlaqx il-bniedem f’solitudni li ma tistax tingħeleb jew tintrebaħ, imma tiftħu għas-sejħa u l-kelma ta’ Alla. F’dan biss u mhux f’xi ħaġa oħra, jinsab il-misteru tal-kuxjenza morali u tad-dinjitá tagħha: jiġifieri l-post u l-qasam fejn Alla jkellem il-bniedem[104].

 

59. San Pawl ma jgħidx biss li l-kuxjenza taqdi d-dmir ta’ xhud imma jgħid ukoll b’liema mod il-kuxjenza taqdi dan id-dmir. Dawn huma “raġunamenti” li jakkużaw jew japprovaw l-għemil tal-pagani dwar il-mod kif jgħixu (ara Rum 2, 15). Il-kelma “ragunamenti” turi dak li hu proprju tal-kuxjenza, jiġifieri li hi gudizzju morali dwar il-bniedem u għemilu, gudizzju li japprova jew jikkundanna skond jekk għemil il-bniedem jaqbel jew ma jaqbilx mal-liġi ta; Alla miktuba f’qalbu. Fl-istess post l-Appostlu San Pawl jitkellem ukoll dwar gġudizzju fuq l-għemil, u fl-istess ħin, fuq min għamlu, u fuq il-waqt li fih iseħħ b’mod definittiv. “Dan għad jidher dak in-nhar li fih Alla jagħmel ħaqq mill-għemejjel moħbijin tal-bnedmin skond l-Evanġelju tiegħi permezz ta’ Ġesú Kristu” (Rum 2, 16).

 

Il-ġudizzju tal-kuxjenza hu ġudizzju prattiku jiġifieri ġudizzju li jgħid lill-bniedem x’għandu jagħmel jew x’ma għandux jagħmel, jew ġudizzju dwar l-għemil li ġa sar. Hu ġudizzju li japplika, għal għemil li fil-fatt sar jew se jsir, il-konvinzjoni tar-raġuni li t-tajjeb għandu jsir u l-ħażin jiġi evitat. Dan l-ewwel prinċipju tar-raġuni prattika jappartjeni lil liġi naturali, anzi hu l-pedament tagħha, għaliex juri l-għarfien li hu rifless ta’ l-għerf ta’ Alla fil-ħolqien li, bħala “xrara dawl tar-ruħ”, jiddi fil-qalb ta’ kull bniedem. Iżda waqt li l-liġi naturali turi liema huma t-talbiet oġġettivi u universali tal-ġid morali, il-kuxjenza tapplika l-liġi għal kull każ u ssir għall-bniedem ordni fih innifsu, sejħa biex jagħmel it-tajjeb f’qagħda partikulari. Hekk il-kuxjenza, fid-dawl tal-liġi naturali, tħabbar dmir morali, ġudizzju li jordna li jsir dak li l-bniedem bil-kuxjenza tiegħu għaraf li hu tajjeb u ġie msejjaħ jagħmlu issa u f’dan il-waqt. L-universalitá tal-liġi u tal-obbligazzjonijiet tagħha ma tiġix fix-xejn, anzi titwettaq għax ir-raġuni waslet biex tapplika l-liġi għall-każ definittiv u ta’ dan il-waqt. Il-ġudizzju tal-kuxjenza hu dikjarazzjoni “darba għal dejjem” jekk ċerta sura partikulari ta’ mġiba taqbilx jew le mal-liġi; jagħti norma li kun l-aktar qrib il-moralitá ta’ l-għemil voluntarju, u hekk “tapplika l-liġi oġġettiva għal każ partikulari”[105].

 

60. Kif il-liġi naturali u kull għarfien prattiku tagħha għandhom qawwa li jikkmandaw, hekk ukoll għandu qawwa li jikkmanda l-ġudizzju tal-kuxjenza; il-bniedem għandu jimxi skond dan il-ġudizzju. Jekk il-bniedem imur kontra dan il-ġudizzju jew jagħmel xi għemil definittiv meta mhux żgur mit-tjieba jew il-ħażen ta’ dan l-għemil, jiġi kkundannat mill-istess kuxjenza tiegħu, li hi n-norma l-aktar qrib il-moralitá ta’ kull bniedem.

 

Id-dinjitá ta’ din il-kuxjenza u l-awtoritá tal-leħen u tal-ġudizzji tagħha jiġu mill-veritá stess tat-tajjeb u tal-ħażin, li hi msejħa biex tisma’ u turi. Din il-veritá turiha liġi divina li hi n-norma universali u oġġettiva tal-moralitá.

 

Il-ġudizzju tal-kuxjenza ma jagħmilx liġijiet, iżda jagħti xhieda ta’ l-awtoritá tal-liġi naturali u tar-raġuni prattika b’riferenza għall-ogħla ġid, li bil-qawwa tiegħu jiġbed il-persuna umana u din tilqa’ l-ordnijiet tiegħu. “Il-kuxjenza m’hijiex minnha nnifisha għajn waħdanija adatta biex tgħid x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, għall-kuntrarju għandha fiha stess imnaqqax il-prinċipju ta’ ubbidjenza lejn norma oġġettiva, li tistabilixxi u tikkondizzjona l-qbil tad-deċiżjonijiet tagħha ma’ l-ordnijiet u l-projbizzjonijiet li jmexxu l-imġiba tal-ħajja tal-bniedem”[106].

 

 

61. Il-veritá dwar dak li hu moralment tajjeb, imfissra mil-liġi tar-raġuni, fil-prattika u b’mod definittiv tingħaraf mill-ġudizzji tal-kuxjenza li twassal biex wieħed ikun responsabbli ta’ dak li jagħmel tajjeb jew ħażin. Jekk bniedem jagħmel il-ħażin il-ġudizzju ġust tal-kuxjenza tiegħu jibqa’ fih bħala xhieda kemm tal-veritá universali ta’ dak li hu tajjeb u kemm tal-ħażen ta’ l-għażla partikulari tiegħu. Iżda fil-bniedem il-ġudizzju tal-kuxjenza jibqa’ wkoll bħala sura ta’ rahan ta’ tama u ħniena waqt li jagħti ‘l bniedem xhieda tal-ħażen li jkun għamel; fl-istess ħin ifakkru wkoll fil-ħtieġa li bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla jitlob maħfra, jagħmel it-tajjeb u dejjem jgħożż il-virtujiet.

 

Għalhekk, fil-ġudizzju prattiku tal-kuxjenza li jordna lill-persuna li jsir xi għemil partikulari, tidher rabta li hemm bejn il-libertá u l-veritá. Hu għalhekk li l-kuxjenza turi ruħha permezz ta’ għemil ta’ “ġudizzju” li juri l-veritá ta’ dak li hu tajjeb u mhux permezz ta’ “deċiżjonijiet” arbitrarji. Il-maturitá u r-responsabbiltá ta’ dawn il-ġudizzji – u fl-aħħar mill-aħħar tal-bniedem stess li jagħmilhom – ma jitqisux mil-libertá tal-kuxjenza imma mill-veritá oġġettiva, mhux minn xi awtonomija li xi wħud jissopponu li l-kuxjenza għandha fid-deċiżjonijiet tagħha, iżda jitqiesu mit-tfittix dejjem sejjer għall-veritá u mis-setgħa mogħtija lill-veritá, mill-fatt li l-bniedem qatt ma jieqaf ifittex il-veritá u mis-setgħa mogħtija lill-veritá, mill-fatt li l-bniedem qatt ma jieqaf ifittex il-veritá u minn kemm iħalliha tmexxih f’kull ma jagħmel.

 

 

It-tfittix għal dak li hu veru u għal dak li hu tajjeb.

 

62. Il-kuxjenza bħala ġudizzju fuq għemil partikulari m’hijiex hekk ħielsa li ma tistax tiżbalja. Il-Konċilju jgħid li “spiss jiġri li l-kuxjenza, minħabba injoranza li ma tistax tintrebaħ, tiżbalja, iżda b’hekk ma titlifx id-dinjitá tagħha. Iżda dan ma jistax jingħad fil-każ ta’ bniedem li ftit jimpurtah li jfittex ikun jaf x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, u l-kuxjenza bil-mod il-mod qisha tagħma minħabba d-drawwa tad-dnub”[107]. Dan il-kliem tal-konċilju jagħti fil-qosor it-tagħlim li l-Knisja tul iż-żminijiet fasslet dwar kuxjenza żbaljata.

 

Il-bniedem biex ikollu “kuxjenza tajba” (1 Tim 1, 50) għandu jfittex il-veritá u jiġġudika skond ma tgħidlu. Kif igħid l-Appostlu San Pawl, il-kuxjenza trid tiġi mdawwla mill-Ispirtu s-Santu (ara Rum 9, 1), trid tkun “safja” (2 Tim 1, 3) u la timxi bil-qerq u lanqas tgħawweġ il-kelma ta’ Alla imma turi l-veritá kollha (ara 2 Kor 4, 2). Madankollu l-Appostlu jwissi lill-insara huwa u jgħidilhom: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12, 2).

 

It-twissija ta’ San Pawl tħeġġiġna biex nishru u tgħidilna li fil-ġudizzju tal-kuxjenza tagħna dejjem jista’ jiddeffes l-iżball.

 

Il-kuxjenza m’hijiex xi mħallef infallibbli, tista’ tiżbalja. Iżda l-iżball tal-kuxjenza jista’ jkun fortt ta’ xi injuranza invinċibbli, jiġifieri injuranza li l-persuna ma tintebaħx biha u li ma tistax teħles minnha minn rajha.

 

Meta din l-injoranza invinċibbli hi bla ħtija, il-Konċilju jiżgura li l-kuxjenza ma titlifx id-dinjitá tagħha, għax, għalkemm tmexxi mhux skond l-ordni morali oġġettiv, ma tiqafx tkellimna f’isem dik il-veritá dwar dak li hu tajjeb, li l-bniedem hu dejjem imsejjaħ biex ifittxu bis-sinċeritá kollha.

 

63. Id-dinjitá tal-kuxjenza dejjem toħroġ mill-veritá; jekk il-kuxjenza hi retta, għandna l-veritá oġġettiva milqugħa mill-bniedem; jekk il-kuxjenza hi żbaljata jkun ġara li l-bniedem żbalja għax soġġettivament ħaseb veru dak li ma kienx. Qatt ma hu permess li ma tagħżilx minn xulxin żball “soġġettiv” dwar dak li hu moralment tajjeb u l-veritá “oġġettiva”, li tingħata lill-bniedem mir-raġuni biex jilħaq l-għan tiegħu; lanqas hu permess li tqis is-siwi morali li wieħed ikun għamel, immexxi minn kuxjenza vera u ċerta, l-istess bħall-għemil magħmul skond ġudizzju ta’ kuxjenza żbaljata[108]. Jista’ jiġri li l-ħażen magħmul minħabba injoranza invinċibbli jew minn żball ta’ ġudizzju li sar mingħajr ħtija, ma jkunx mixli bih min jagħmlu, iżda b’daqshekk dan ma jfissirx li l-għemil ma jibqax ħażin, jiġifieri għemil li jmur kontra l-ordni tal-veritá ta’ dak li hu tajjeb. Barra dan, ġid mhux magħruf, xejn ma jgħin għall-kobor morali ta’ min jagħmlu: la tagħmlu aħjar u lanqs tħejjih għall-ogħla ġid. Għalhekk qabel ma naħsbu malajr li aħna ħielsa minn kull ħtija minħabba l-kuxjenza tagħna, għandna naħsbu ftit x’jgħid is-Salm “In-nuqqas min jista’ jagħrfu? Minn dak li ma nafx bih saffini” (Salm 19, 13). Jibqgħu ħtijiet li, għalkemm dan ma narawhx, jibqgħu ħtijiet għax ma ridniex nimxu lejn id-dawl (Ġw 9,39-41).

 

Il-kuxjenza, għaliex hi l-aħħar ġudizzju konkret li jsir, iġġib fix-xejn id-dinjitá tagħha meta tiżbalja, għax hemm il-ħtija fin-nofs, jiġifieri “meta l-bniedem ftit jimpurtah li jkun jaf x’inhu t-tajjeb u l-ħażin u l-kuxjenza tiegħu ftit ftit tagħma għax imdorrija fid-dnub”[109], Ġesú semma l-periklu li l-kuxjenza tista’ tiġi mħassra, meta wissa: “Il-musbieħ tal-ġisem huwa l-għajn. Jekk mela għajnejk hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal. Iżda jekk għajnejk hi marida, ġismek kollu mudlam. Mela jekk id-dawl fik huwa dlam, kemm aktar id-dlam!” (Mt 6, 22-23).

 

64. Kliem Ġesú li għadna kemm semmejna huwa wkoll sejħa biex niffurmaw il-kuxjenza tagħna billi nagħmluha kuxjenza li dejjem “qiegħda ddur” lejn dak li hu veru u dak li hu tajjeb. Jixbaħ kliem Ġesú, kliem l-Appostlu li jħeġġiġna biex ma nimxux max-xejra ta’ din id-dinja, imma ninbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmitna (ara Rum 12, 2). Il-“qalb” li ddur lejn il-Mulej u lejn l-imħabba ta’ dak li hu tajjeb hi l-għajn tassew ta’ kull ġudizzju veru tal-kuxjenza. Dan għaliex biex nara “x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12 2) jeħtieġ, iva, li nkun naf il-liġi ta’ Alla b’mod ġenerali, iżda dan mhux biżżejjed: meħtieġa wkoll sura ta’ “konnaturalitá” bejn Alla u dak li hu tassew tajjeb[110]. Din il-konnaturalitá għandha l-għeruq tagħha u tikber permezz tal-proponimenti tajba li jagħmel il-bniedem innifsu: l-għaqal u l-virtujiet kardinali l-oħra u qabel xejn il-virtujiet teologali tal-fidi, tat-tama u ta’ l-imħabba. Dan ifisser dak li qal Ġesú “Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl” (Ġw 3, 21).

 

L-insara jsibu għajnuna kbira mill-Knisja u mill-Maġisteru tagħha meta jiġu biex jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom. Dan jgħidu l-Konċilju: “L-insara huma u jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lit-tagħlim tal-Knisja. Għaliex il-Knisja Kattolika hi għalliema tal-veritá, għax din hi r-rieda ta’ Kristu: u d-dmir tagħha hu li tħabbar il-Veritá li hu Kristu, u tgħallimha b’mod awtentiku u fl-istess ħin tħabbar u twettaq il-prinċipji morali li joħorġu mill-istess natura tal-bniedem”[111]. Għalhekk l-awtoritá tal-Knisja, hija u tagħti l-fehma tagħha dwar problemi morali, ma tnaqqas xejn mil-libertá ta’ l-insara, kemm għaliex il-libertá tal-kuxjenza qatt ma hi ħelsien “mill”-veritá, imma hi dejjem u biss “fil”-veritá, u kemm għaliex il-Maġisteru ma jxandarx veritajiet li huma barranin għall-kuxjenza nisranija, imma jfisser il-veritajiet li l-kuxjenza jmissu jkollha, huwa u jiżviluppahom mill-att tal-fidi tal-bidu. Il-Knisja qeda biss u dejjem għall-qadi tal-kuxjenza u tgħina biex ma tkunx imkaxkra “minn kull tagħlim bil-qerq tal-bnedmin” (ara Ef 4, 14), biex ma titbigħedx mill-veritá tal-ġid tal-bniedem, iżda tkun żgura dwar il-veritá u tibqa’ fiha, l-aktar fi problemi diffiċli ħafna.

 

III. GĦAŻLIET FONDAMENTALI U SURIET SPEĊIFIĊI TA’ MĠIB

 

“Tinqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem” (Ġal 5, 13)

 

65. L-interess għal-libertá, li llum hu qawwi ħafna, wassal għorrief fix-xjenzi tal-bniedem u fit-teoloġija biex jistudjaw aktar fil-fond is-setgħat tan-natura u tad-dinamiżmu tagħha. Intqal sewwa li l-libertá m’hijiex biss l-għażla ta’ xi għemil jew ieħor: hi wkoll, u proprju f’din l-għażla, deċiżjoni tal-bniedem dwaru stess, iqiegħedx ħajtu favur jew kontra dak li hu t-Tajjeb, kontra jew favur il-Veritá u, fl-aħħar mill-aħħar, favur jew kontra Alla. Bir-raġun kollu hemm insistenza fuq l-importanza kbira ta’ xi għażliet speċjali li jagħtu “sura” jew “forma” lill-ħajja morali kollha tal-bniedem, u jkunu qishom l-ambjent li fih isiru u jiżviluppaw l-għażliet partikulari l-oħra ta’ kuljum.

 

Iżda xi awturi jipproponu sura aktar radikali tar-relazzjoni bejn il-persuna u l-għemil. Jitkellmu dwr “libertá fondamentali” li hi aktar għolja u differenti mil-libertá ta’ l-għażla, libertá fondamentali, li trid titqies sewwa jekk irridu nifhmu tajjeb u napprezzaw għemil il-bniedem. Fil-fehma ta’ dawn l-awturi il-qofol tal-ħajja morali għandu jkun “l-għażla fondamentali”, li sseħħ b’dik il-libertá fondamentali li biha l-bniedem jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu, mhux b’xi deċiżjoni definittiva u magħrufa, maħsuba mir-raġuni, iżda f’sura “traxxendentali” u “atematiku”. Minn din l-għażla fondamentali joħroġ kull għemil partikulari, iżda dawn l-awturi dan l-għemil jippruvaw ifissruh biss parzjalment u mhux definittivament: dawn l-għemejjel partikulari huma biss sinjal u sintomi ta’ l-għażla fondamentali, għax – jgħidu – ma jfittxux l-ogħla Ġid (quddiem l-ogħla Ġid il-libertá tal-persuna titfisser b’mod traxxendentali), imma jfittxu xi ġid partikulari (li jsejħulu wkoll “kategoriku”). Fil-fehma ta’ dawn il-teoloġi, ebda ġid ta’ din is-sura, li min-natura tiegħu hu finit, ma jista’ jiddetermina l-libertá tal-persuna fil-milja kollha tagħha, għalkemm il-bniedem jista’ juri l-għażla fondamentali tiegħu nnifsu biss billi jagħmel jew jiċħad li jagħmel dan il-ġid “kategoriku”.

 

B’hekk naslu biex nagħmlu distinzjoni bejn l-għażla fondamentali u l-għażliet deliberati ta’ xi għemil definittiv: din id-distinzjoni f’xi awturi tasal biex tkun firda jew separazzjoni, meta, bi ħsieb, jagħtu dimensjoni traxxendentali lit-“tajjeb” u lill-“ħażin” morali, dimensjoni traxxendentli li hi proprja ta’ l-għażla fondamentali, u jqisu li huma “sewwa” jew “żbaljati” suriet partikulari “intramundani” ta’ mġiba, dawk is-suriet partikulari ta’ mġiba tal-bniedem miegħu nnifsu, ma’ l-oħrajn u mad-dinja materjali kollha. B’hekk jidher li fi ħdan stess l-għemil tal-bniedem qed tiġi mdaħħla għażla bejn żewġ gradi ta’ moralitá: min-naħa ordni ta’ dak li hu tajjeb u ta’ dak li hu ħażin, li jiddependi mir-rieda, u min-naħa l-oħra suriet speċifiċi ta’ mġieba li jitqiesu li huma sewwa jew żbaljati, biss skond kalkolu tekniku ta’ proporzjoni bejn dak li hu tajjeb jew ħażin “fiżikament” jew “premoralment”, li joħroġ mill-għemil. Dan twassal biex sura ta’ mġiba konkreta, ukoll jekk magħżula b’mod ħieles, titqies biss bħala sempliċi proċess fiżiku, u mhux skond il-kriterji proprji ta’ l-għemil tal-bniedem. Minn hawn naslu biex ngħidu li l-kwalifika morali proprja tal-bniedem hi limitata biss għall-għażla fondamentali tiegħu, u li din il-kwalifika morali tkun nieqsa parzjalment jew totalment mill-għażliet ta’ għemil partikulari ta’ mġiba fil-fatt.

 

66. It-tagħlim morali nisrani, tagħlim li għandu l-għeruq tiegħu fl-Iskrittura, żgur jagħraf l-importanza speċifika ta’ l-għażla fondamentali li tikkwalifika l-ħajja morali u timpenja l-libertá mill-fond quddiem Alla. Din hi l-għażla tal-fidi, l-ubbidjenza tal-fidi (Rum 16, 26), “li biha l-bniedem jingħata kollu kemm hu lil Alla, u joqgħod għal Alla li juri lilu nnifsu, bil-fehma u r-rieda kollha tiegħu”[112]. Din il-fidi, “li taħdem permezz ta’ l-imħabba” (Gal 5, 6), tiġi mill-fond tal-bniedem, minn “qalbu” (ara Rum 10, 10) minn fejn tissejjaħ biex tagħmel frott bl-għemil (ara Mt 12, 33-35; Lq 6, 45; Rum 8, 5-8; Gal 5, 22). Fid-Dekalogu, bħala daħla għall-kmandamenti nsibu frażi fondamentali: “Jien hu l-Mulej Alla tiegħek...” (Eż 20, 2); din il-frażi hija u turi t-tifsir li kellhom mill-bidu l-ħafna preċetti partikulari ta’ kull xorta, tagħti lill-moralitá tal-Patt sura ta’ universalitá, ta’ għaqda u ta’ kobor li ma bħalu. Meta l-għażla fondamentali ta’ Iżrael hi dwar il-kmandament fondamentali (ara Ġoż 24, 14-25; Eż 19, 3-8; Mikea 6, 8). Fil-moralitá tal-Patt il-Ġdid ukoll l-għażla fondamentali hi s-sejħa ta’ Ġesu biex nimxu warajh – liż-żagħżugħ qallu “Jekk trid tkun perfett...ejja u imxi warajja” (Mt 19, 19-21): għal din l-istedina d-dixxipli jwieġeb b’deċiżjoni u għażla radikali. Il-parabboli ta’ l-Evanġelju dwar it-teżor u l-ġawhra tiswa ħafna, li jinbiegħ kollox biex jinkisbu, huma xbihat ċari li jfissru l-għażla fondamentali u assoluta li titlob is-Saltana ta’ Alla. In-natura radikali ta’ l-għażla tal-mixi wara Ġesú jurihielna l-istess kliem ta’ Ġesú b’mod tassew ta’ l-għaġeb: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Bxara t-tajba, isalvaha” (Mk 8, 35).

48.

Is-sejħa ta’ Ġesú “Ejja u imxi warajja”, turi l-libertá tal-bniedem u tgħolliha b’mod tassew ta’ l-għaġeb; fl-istess ħin tixhed għall-veritá u għall-obbligu ta’ għemejjel ta’ fidi u ta’ deċiżjonijiet li nistgħu nqisuhom bħala għemejjel ta’ għażla fondamentali. Insibu l-istess eżaltazzjoni tal-libertá tal-bniedem fi kliem San Pawl: “Intom ġejtu msejħa għall-ħelsien” (Gal 5, 13). Iżda l-Appostlu minnufih iżid twissija: “Imma tinqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem”. Din it-twissija ttenni oħra li għamel ftit qabel “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Żommu sħiħ u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar” (Gal 5, 1). L-Appostlu San Pawl iħeġġiġna biex nishru għaliex il-jasar bla heda jhedded il-libertá. Dan jiġri proprju meta l-att tal-fidi – fis-sens ta’ għażla fondamentali – jinqata’ mill-għażliet ta’ l-għemejjel partikulari li jsiru, skond it-tendenzi li semmejna aktar ‘il fuq.

 

67. Dawn it-tendenzi ma jaqblux mat-tagħlim ta’ l-Iskrittura li tfisser l-għażla fondamentali bħala għażla ċerta u vera tal-libertá, u torbotha sewwa ma’ kull għemil partikulari. Bl-għażla fondamentali tiegħu, il-bniedem jista’ jmexxi ħajtu ‘l quddiem, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla u jwassalha għall-għan tagħha, huwa u jwieġeb għas-sejħa ta’ Alla. Din il-ħila fil-fatt isseħħ fl-għażliet partikulari ta’ atti speċifiċi li bihom il-bniedem joqgħod, għax irid, għar-rieda, l-għerf u l-liġi ta’ Alla. Għalhekk għandna ngħidu li din l-għażla fondamentali sakemm m’hijiex biss xi fehma ġenerika, u għalhekk għad ma għandhiex sura li torbot il-libertá, dejjem isseħħ permezz ta’ għażliet magħrufin u ħielsa. Għalhekk jerġa’ lura minnha l-bniedem meta jimpenja l-libertá tiegħu b’għażliet li jrid kuntrarji għaliha, dwr materji moralment gravi.

50.

Tifred l-għażla fondamentali minn suriet ta’ mġiba definittivi hu l-istess bħallikieku ma taqbilx ma’ l-integritá sostanzjali u l-unitá personali fir-ruħ u l-ġisem tal-persuna li tagħmel għemil morali. Meta għażla fondamentali nqisuha mingħajr ma nagħtu każ espliċitament tas-setgħat li tagħti u tal-fehmiet li qanqluha, ma nkunux nagħrfu b’mod xieraq ir-raġuni li hemm fil-bniedem u lanqas nagħrfu l-għażliet partikulari li jkunu saru. Dan għaliex il-moralitá ta’ kull għemil tal-bniedem ma toħroġx biss mir-rieda tiegħu, jew mill-inklinazzjonijiet tiegħu, jew minn xi għażla fondamentali li ma tkunx ħlief fehma bla ħsieb ċar u determinat jew fehma nieqsa minn kull sforz biex jiġu mħarsa l-ħafna dmirijiet li titlob ħajja morali. Ma jistax ikun hemm ġudizzju dwar il-moralitá jekk ma jitqiesx ikunx hemm qbil jew nuqqas ta’ qbil mad-dinjitá u mal-vokazzjoni sħiħa tal-persuna tal-bniedem fis-sura ta’ l-imġiba li tingħażel deliberatament. Kull għażla titlob rabta bejn ir-rieda li tiddeċiedi u t-tajjeb jew il-ħażin, li l-liġi naturali turi li għandu jinkiseb jew jiġi evitat. Fil-każ ta’ preċetti morali pożittivi l-għaqal jitlob li wieħed jara jekk dawn jgħoddux għall-qagħda li tkun, jekk, biex insemmu eżempju, ikunx hemm dmirijiet aktar importanti u aktar urġenti. Iżda fejn jidħlu preċetti morali negattivi, li jipprojbixxu għemil jew suriet ta’ mġiba ħżiena fihom infushom, ma jistax ikun hemm eċċezzjonijiet, ma hemmx post li moralment jista’ jiġi aċċettat għall-“ħolqien” ta’ xi deċiżjoni kuntrarja, tkun liema tkun. Wara li tingħaraf is-sura ta’ għemil projbit minn xi liġi universali, l-għemil waħdieni moralment tajjeb, huwa dak li tobdi l-liġi morali u tevita l-għemil projbit mil-liġi.

 

68. Hawn tidħol konsiderazzjoni pastorali ta’ improtanza kbira. Skond il-loġika ta’ dak li ntqal minn xi teoloġi, kif semmejna aktar ‘il fuq, il-bniedem, bis-saħħa ta’ għażla fondamentali li jkun għamel, ikun jista’ jħares il-fedeltá tiegħu lejn Alla mingħajr ma joqgħod iqis jekk l-għażliet li jkun għamel ikunux jaqblu jew le mal-liġijiet u n-normi morali speċifiċi. Bis-saħħa ta’ l-għażla ta’ l-imħabba magħmula mill-bidu, dawn it-teoloġi jgħidu li l-bniedem jista’ jibqa’ moralment tajjeb, jibqa’ fil-grazzja ta’ Alla u jikseb is-salvazzjoni, minkejja xi għażliet ta’ mġiba li ma jkunux jaqblu xejn u jkunu kuntrarji gravament u deliberalment għall-kmndamenti ta’ Alla u l-preċetti tal-Knisja. Iżda l-bniedem jintilef mhux biss billi jonqos minn dik l-għażla fondamentali li biha ngħata “kollu kemm hu b’mod hieles” lil Alla[113]. B’kull dnub mejjet, magħmul deliberatament il-bniedem joffendi ‘l Alla li għamel il-liġi, u għalhekk isir ħati tal-ksur tal-liġi kollha (ara Ġak 2, 8-11), ukoll jekk jibqa’ jemmen; jitlef “il-grazzja qaddiesa”, “l-imħabba”, “l-hena ta’ dejjem”[114]. “Il-grazzja qaddiesa jew santifikanti li nkunu rċevejna – jgħid il-Konċilju ta’ Trento – tista’ tintilef mhux biss bl-infedeltá, li biha tintilef l-istess fidi, imma wkoll b’kull dnub mejjet”[115].

 

Dnub mejjet u dnub venjal

69. Il-fehmiet dwar l-għażla fondamentali li semmejna aktar ‘il fuq wasslu lil xi teoloġi biex jidħlu sewwa fil-fond tad-distinzjoni tradizzjonali bejn dnubiet mejta u dnubiet venjali. Dawn it-teoloġi jgħidu li l-oppożizzjoni għal-liġi ta’ Alla li twassal għat-telfien tal-“grazzja santifikanti” – u t-telfien ta’ dejjem għal dawk li jmutu mtaqqlin b’dan id-dnub – ma tistax tkun ħlief frott ta’ għemil li jimpenja l-bniedem kollu kemm hu, jiġifieri jkun għemil ta’ għażla fondamentali. Dawn it-teoloġi jaħsbu li d-dnub il-mejjet li jifred il-bniedem minn Alla, nistgħu nsibuh biss f’min jiċħad lil Alla fi grad ta’ libertá li m’huwiex il-grad ta’ libertá li hemm f’għemil li bih issir xi għażla, jew tal-libertá li tinkiseb b’riflessjoni tal-kuxjenza. B’dan il-mod, jgħidu dwan it-teoloġi, bil-kemm jista’ jkun hemm li, almenu psikoloġikament, xi nisrani li jrid jibqa’ magħqud ma’ Kristu l-Mulej u mal-Knisja tiegħu, se jagħmel hekk malajr u hekk spiss dnubiet mejta, minkejja li xi kull tant il-“materja” ta’ għemilu tidher ta’ dnub mejjet. Hekk ukoll, jgħidu, ma tantx tista’ tammetti malajr li bniedem f’qasir żmien jaqta’ radikalment ir-rabtiet tiegħu ma Alla u fi żmien qasir ieħor jindem sinċerament u jerġa jdur lejn Alla. Dawn it-teoloġi jgħidu li l-gravitá tad-dnub għandha titqies minn kemm tkun impenjata l-libertá ta’ dak li għamel l-att, aktar milli titqies mill-materja ta’ l-att li jsir.

 

70. L-eżortazzjoni appostolika postsinodali Reconciliatio et paenitentia uriet skond it-tradizzjoni tal-Knisja, l-importanza tad-distinzjoni, li tiswa ħafna llum ukoll, bejn dnubiet mejta u dnubiet venjali. L-istess Sinodu ta’ l-Isqfijiet tas-sena 1983, li minnu ħarġet din l-eżortazzjoni, mhux biss wettaq dak li kien dekretat mill-Konċilju ta’ Trento dwar l-eżistenza u n-natura tad-dnubiet mejta u tad-dnubiet venjali, imma fakkar ukoll li d-dnub mejjet hu dnub li bħala oġġett għandu materja gravi u wkoll li sir b’għarfien sħiħ u b’kunsens deliberat[116].

54.

Id-deċiżjoni tal-Konċilju ta’ Trento mhux biss tqis il-“materja gravi” tad-dnub mejjet, imma ssemmi wkoll bħala kondizzjoni meħtieġa għalih, “għarfien sħiħ u kunsens deliberat”. Kemm fit-teologija morali u kemm fil-ħidma pastorali huma magħrufin sewwa l-każi meta ma jkunx hemm dnub mejjet, għalkemm ikun hemm materja gravi, għax jonqos l-għarfien sħiħ jew kunsens deliberat. Iżda rridu noqogħdu attenti wkoll li ma nqisux biss dnub mejjet dak l-għemil ta’ għażla fondamentali li kif jgħidu xi teoloġi – hi għażla kontra Alla, jiġifieri stmerrija ta’ Alla jew tal-proxxmu espliċita u formali, jew ċaħda impliċita u mhux konxja ta’ l-imħabba. “Ikun hemm dnub mejjet ukoll meta l-bniedem jaf u jrid jagħżel, tkun xi tkun ir-raġuni, dak li hu fih innifsu diżordni gravi. Fil-fatt f’għażla bħal din ġa hemm stmerrija tal-kmandament ta’ Alla, ċaħda ta’ l-imħabba ta’ Alla għall-ġens tal-bnedmin u għall-ħlejjaq kollha. Il-bniedem ibiegħed lilu nnifsu minn Alla u jitlef l-imħabba. Għalhekk l-orjentament fondamentali tal-bniedem jista’ jinbidel ukoll b’atti partikulari. Veru li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li jkunu komplessi ħafna u xejn ċari mill-aspett psikoloġiku, li huma importanti biex titqies il-ħtija suġġettiva tal-midneb. Iżda mhux permess minn konsiderazzjonijiet psikoloġiċi tgħaddi biex tiffissa kategoriji teoloġiċi bħalma hi l-“għażla fondamentali” li tiftiehem bħala mod li jbiddel oġġettivament jew joħloq dubji dwar il-fehma tradizzjonali tad-dnub mejjet”[117].

 

Is-separazzjoni ta’ l-għażla fondamentali mill-għażliet volontarji ta’ xi suriet ta’ mġiba, li minnhom infushom jew minħabba ċ-ċirkostanzi huma ħżiena u ma jimpenjawx l-għażla fondamentali, twassal għal ċaħda tad-duttrina kattolika dwar id-dnub mejjet. Mat-tradizzjoni kattolika kollha ngħidu li hu dnub mejjet dak l-għemil li bih il-bniedem minn rajh u b’fehma sħiħa jiċħad lil Alla, il-liġi tiegħu u l-patt ta’ mħabba li joffrilu Alla nnifsu, jew idur lejn xi ħaġa li hi kontra r-rieda ta’ Alla (conversio ad creaturam). Dan jista’ jsir direttament u formalment bid-dnubiet ta’ l-idolatrija, l-apostasija, l-ateżmu, jew ekwivalentement meta ma jiġux obduti l-kmandamenti ta’ Alla f’materja gravi”[118]

 

IV. L-ATT MORALI

Teleoloġija u teleoloġiżmu

71.

55. Ir-rabta bejn il-libertá tal-bniedem u l-liġi ta’ Alla, li ċ-ċentru intimu u ħaj tagħha hi l-kuxjenza morali, tidher u tissaħħaħ permezz ta’ atti umani. Il-bniedem, bħala bniedem, jilħaq il-perfezzjoni bl-atti li jagħmel dak il-bniedem li hu msejjaħ “biex ifittex minn rajħ ‘l Alla li ħalqu, ħalli ħieles jasal għall-perfezzjoni sħiħa u hienja billi jingħaqad ma’ Alla”[119].

56.

L-għemil tal-bniedem hu għemil morali għaliex juri u jiddetermina t-tjieba jew il-ħażen ta’ min jagħmlu[120]. Dan l-għemil morali tal-bniedem mhux biss iġib tibdil fil-qagħda tal-bniedem minn barra, imma wkoll għaliex, bħala għażla deliberata, jagħti xeħta morali lil min jagħmlu u huwa l-kawża ta’ l-aspetti spiritwali l-aktar intimi tiegħu.

 

Dan jgħidu b’mod mill-aħjar San Girgor ta’ Nissa: “Kull ħaġa; li tista’ tinbidel jew tista’ ssir, qatt ma tibqa’ dejjem l-istess, iżda dejjem tgħaddi minn qagħda għall-oħra jew għall-aħjar jew għall-agħar. Il-ħajja tal-bniedem dejjem tinbidel, għalhekk jeħtieġ li dejjem titwieled mill-ġdid għaliex m’hijiex eterna imma tinbidel. Iżda t-twelid hawn m’huwiex bis-sehem ta’ ħaddieħor, minn barra, kif jiġri fit-twelid fil-ġisem, imma wieħed jerġa’ jitwieled b’għażla tiegħu nnifsu u għalhekk jiġri li aħna b’xi mod aħna missierijiet tagħna nfusna u nnisslu lilna nfusna kif irridu aħna”[121].

 

72. II-moralitá ta’ kull att tiddependi mir-relazzjoni li jkun hemm bejn il-libertá tal-bniedem u dak li hu veramanet tajjeb. Dan it-tajjeb, bħal-liġi eterna, hu ffissat mill-Għerf ta’ Alla li jmexxi l-ħlejjaq kollha lejn l-għan tagħhom; din il-liġi eterna tingħaraf kemm mir-raġuni naturali tal-bniedem (u għalhekk hi “liġi naturali”) u kemm b’mod sħiħ u perfett mir-Rivelazzjoni sopranaturali ta’ Alla (u hekk tissejjaħ “liġi divina”). L-għemil ikun moralment tajjeb meta l-għażliet tal-libertá jkunu jaqblu mal-veru ġid tal-bniedem u hekk juru li l-persuna minn rajha miexja lejn l-għan aħħari tagħha jew lejn Alla nnifsu, l-ogħla ġid li fih il-bniedem isib l-hena sħiħ u perfett. Dan fittex iż-żagħżugħ fil-bidu tad-djalogu tiegħu ma’ Ġesú: “X’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mt 19, 16): ir-rabta essenzjali bejn il-valur morali ta’ l-għemil u l-għan aħħari tal-bniedem tidher minnufih. It-tweġiba ta’ Ġesú twettaq dak li minnu kien konvint iż-żagħżugħ: l-għemil li jordna dak li hu “waħdu t-Tajjeb” hu l-kondizzjoni meħtieġa u t-triq għall-hena ta’ dejjem. “Jekk trid tidħol fil-ħajja ħares il-kmandamenti, juri li t-triq għall-għan aħħari tintwera mill-ħarsien tal-liġijiet ta’ Alla li jfittxu l-ġid tal-bniedem. L-għemil biss li jaqbel ma’ dak li hu tajjeb huwa t-triq li twassal għall-ħajja.

58.

Id-direzzjoni ta’ l-għemil tal-bniedem lejn dak li hu tajjeb skond ir-raġuni u t-tiksib volontarju ta’ dan it-tajjeb magħruf mir-raġuni, jagħmlu dik li hi l-moralitá. L-għemil tal-bniedem għalhekk m’għandux jitqies moralment tajjeb għaliex adatt biex jikseb xi għan jew ieħor, jew għax il-fehma ta’ min jagħmlu hi tajba[122]. Għemil ikun moralment tajjeb meta hu jixhed u juri r-rieda tal-persuna li trid tikseb l-għan aħħari tagħha u li kull għemil konkret tagħha jaqbel mal-ġid tal-bniedem, kif hu magħruf fil-veritá tiegħu mir-raġuni. Jekk l-oġġetti ta’ l-att li jsir ma jaqbilx mal-veru ġid tal-persuna, l-għażla ta’ dan l-att tagħmel moralment ħżiena lilna u r-rieda tagħna u twassalna biex niċħdu l-għan aħħari tagħna u l-ogħla ġid tagħna, li hu Alla.

 

73. In-nisrani, minħabba r-Rivelazzjoni ta’ Alla u l-fidi, jagħraf it-“tiġdid” li bih hi mmarkata l-moralitá ta’ l-għemil kollu tiegħu: dan l-għemil irid juri l-qbil jew nuqqas ta’ qbil mad-dinjitá u l-vokazzjoni li ġew mogħtijin lilu mill-grazzja: fi Kristu Ġesú u fl-Ispirtu tiegħu n-nisrani hu “ħolqien ġdid”, iben Alla, u b’għemilu jrid juri li jixbaħ jew ma jixbaħx l-Iben, “il-kbir fost ħafna aħwa (ara Rum 8, 29), li hu fidil jew le lejn id-don ta’ l-Ispirtu, li qed jiftaħ jew jagħlaq għalih il-ħajja ta’ dejjem u x-xirka fil-viżjoni u l-imħabba u l-hena ma’ Alla l-Missier ma’ l-Iben u ma’ l-Ispirtu s-Santu[123]. San Ċirillu ta’ Lixandra jikteb dan: “Alla għamilna xbieha tiegħu b’mod li jiddu għalina l-kwalitajiet tan-natura ta’ Alla permezz tal-qdusija, tal-ġustizzja, ta’ ħajja li taqbel mal-virtú ... Il-ġmiel ta’ din ix-xbieha tiddi fina, aħna li aħna fi Kristu, kull darba li aħna nuru li aħna tajbin b’għemilna”[124].

60.

F’dan is-sens, il-ħajja morali għandha natura essenzjalment “teoloġika”, għaliex hi, b’fehma sħiħa f’kull ma tagħmel, mogħtija kollha kemm hi lil Alla li hu l-ogħla ġid u l-għan (telos) aħħari tal-bniedem. Dan twettqu wkoll il-mistoqsija taż-żagħżugħ lil Ġesú: “X’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Din id-direzzjoni lejn l-għan aħħari tal-bniedem m’hijiex qjies li jinsab fil-bniedem stess, u tiddependi biss mill-intenzjoni tiegħu. Titlob li dan l-għemil minnu nnifsu jkun jista’ jiġi dirett lejn l-għan aħħari tal-bniedem, għaliex ikun jaqbel mal-ġid morali veru tal-bniedem, ġid imħares mill-kmandamenti. Proprju dan ifakkar Ġesú liż-żagħżugħ huwa u jwieġbu: “Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti” (Mt 19, 17). Hi ħaġa ċara li din id-direzzjoni trid tkun ħielsa u ġejja mir-raġuni, magħrufa u deliberata: bis-saħħa tagħha l-bniedem ikun responsabbli ta’ għemilu, suġġett għall-ġudizzju ta’ Alla, li hu mħallef ġust u ħanin li jippremja t-tajjeb u jikkastiga l-ħażin, kif iwissi l-Appostlu San Pawl: “Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skond it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem” (2 Kor 5, 10).

 

74. Iżda minn fejn tiġi l-kwalifika morali ta’ l-għemil ħieles tal-bniedem? X’jiżgura din id-direzzjoni lejn Alla ta’ l-għemil tal-bniedem? Mill-intenzjoni ta’ min jagħmlu, miċ-ċirkustanzi – u mill-konsegwenzi tagħhom – jew mill-oġġetti stess ta’ l-għemil? Din hi kwistjoni li tradizzjonalment tissejjaħ il-kwistjoni dwar “għejun tal-moralitá”. Dwar din il-kwistjoni, f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin dehru tendenzi kulturali u teoloġiċi ġodda, – jew imġedda – li kien meħtieġ ġudizzju eżatt dwarhom mill-Maġisteru tal-Knisja. Xi teoriji etiċi, imsejħin “teleoloġiċi”, jgħidu li qed ifittxu qbil bejn l-għemil tal-bniedem u l-proponimenti li jagħmel u l-ġid li jrid jikseb.

62.

Il-kriterji meħtieġa biex jingħata ġudizzju dwar xi għemil, jekk ikunx tajjeb, skond dawn it-teoriji jittieħdu mill-qjies li jkun hemm bejn il-ġid mhux morali jew premorali li jrid jinkiseb, u l-valuri mhux morali jew premorali li jridu jkunu mħarsa. Għal xi wħud imġiba tajba jew ħażina tiddependi mill-fatt jekk tkunx tista’ jew ma tistax iġġib titjib fil-qagħda ta’ kull min hu interessat: tkun tajba mġiba li tagħti ġid “mill-aqwa”, ħażina dik li tagħti ġid “mill-inqas”.

 

Ħafna moralisti kattoliċi, li jħaddnu din l-opinjoni, iridu kieku jitbiegħdu mill-utilitariżmu u l-pragmatiżmu li jiġġudikaw il-moralitá ta’ l-għemil tal-bniedem, mingħajr ma jqisu l-għan aħħari tiegħu. Huma jagħrfu sewwa l-ħtieġa li jinsabu raġunijiet dejjem aktar sodi li jiġġustifikaw dak li titlob ħajja morali, u jagħtu normi dwarha. Din hi ħaġa tajba u meħtieġa, għaliex l-ordni morali, imwettaq mil-liġi naturali, jista’ jkun faċilment magħruf mir-raġuni tal-bniedem. Dan l-istudju jiswa ħafna wkoll għax iwieġeb għall-ħtieġa tad-djalogu ma’ nsara mhux kattoliċi u ma’ dawk li m’humiex insara, speċjalment illum fis-soċjetajiet pluralistiċi.

 

75. Iżda fit-tħabrik għat-tfassil ta’ din il-moralitá (li xi kull tant qed tissejjaħ “moralitá awtonoma”) hemm soluzzjoni żbaljati, marbutin l-aktar ma’ għarfien nieqes ta’ l-oġġetti ta’ l-għemil morali. Xi wħud ma jqisux biżżejjed il-fatt li r-rieda hi mpenjata fl-għażliet li tagħmel: dawn l-għażliet jitqiesu bħala l-kondizzjoni tal-tjieba morali u tad-direzzjoni lejn l-għan aħħari tal-bniedem. Oħrajn iħaddnu fehma tal-libertá ħielsa mill-kondizzjonijiet meħtieġa biex tintuża, li ma għandhiex tfittex li jkun hemm qbil sinċier mal-veritá ta’ dak li hu tajjeb, u mad-deċiżjoni li tittieħed permezz ta’ għażla bil-fatti ta’ suriet ta’ mġiba. Skond dawn il-fehmiet, għalhekk, ir-rieda ħielsa la għandha moralment xi obbligi speċifiċi jew xi obbligi li jiġu mill-għażliet tagħha stess, għalkemm tibqa’ responsabbli ta’ għemilha u tal-konsegwenzi li jiġu minn għemilha. Dan it-teleoloġiżmu, bħala metodu biex jinstabu normi morali, jista’ jissejjaħ konsegwenzjaliżmu jew proporzjonaliżmu, skond terminoloġija u xbihat meħudin minn fehmiet diversi. L-ewwel opinjoni trid tikseb il-kriterji dwar il-veritá ta’ xi sura ta’ mġiba biss mill-konsegwenzi li suppost li se joħorġu mill-għażla li ssir. It-tieni opinjoni, mill-qbil li jsir bejn il-valuri u l-ġid li jkun ittamat li jinkiseb, tagħti mportanza l-aktar lill-proporzjon li jkun jidher bejn l-effetti tajba u ħżiena, bejn “l-akbar ġid” u “l-anqas deni” li jista’ jkun hemm f’xi qagħda partikulari.

64.

It-teoriji etiċi teleologali (il-konsegwenzjaliżmu u l-proporzjonaliżmu, kif isejħulhom), għalkemm jagħrfu li l-valuri morali juruhom ir-raġuni u r-Rivelazzjoni, bl-ebda mod ma jammettu li jista’ jkun hemm projbizzjoni assoluta dwar xi għażliet ta’ mġiba, li f’kull żmien u f’kull kultura, jmorru kontra dawn il-valuri. Min jagħmel l-għemil ikun, iva, responsabbli li jikseb il-valuri. Min jagħmel l-għemil ikun, iva, responsabbli li jikseb il-valuri li qed ifittex, imma dan f’żewg modi: dawn il-valuri, jew it-tajjeb li jkun hemm f’għemil il-bniedem, jistgħu jkunu ta’ ordni morali (valur li huma verament valuri morali bħalma huma l-imħabba ta’ Alla, it-tjieba li tintwera lill-proxxmu, il-ġustizzja, u l-bqija) u jistgħu jkunu ta’ ordni premorali, kif jgħidu, jew non-morali, jew fiżiku, jew “ontiku” (jiġifieri dwar vantaġġ jew żvantaġġi magħrufin minn min jagħmel l-att, jew minn kull persuna li b’xi mod hi impenjata fl-att, bħalma huma s-saħħa u l-ħsara lis-saħħa, l-integritá fiżika, il-ħajja, il-mewt, it-telfien tal-ġid materjali, u l-bqija). Fid-dinja, fejn it-tajjeb u l-ħażin huma dejjem imħalltin flimkien, u kull effett tajjeb jitħallat ma’ effetti ħżiena, il-moralitá ta’ l-att tista’ tiġi ġġudikata b’żewġ modi diversi: “it-tjieba” morali ta’ l-att mir-rieda ta’ min jagħmlu b’riferenza għal dak li hu moralment tajjeb, jew is-“siwi” ta’ l-att mill-effetti u mill-konsegwenzi wieħed jissopponi li se jkun hemm u mill-proporzjon bejniehom. Dawn is-suriet definittivi ta’ mġiba jitqiesu tajbin jew ħżiena, mingħajr ma wieħed ikun jista’ jqis tajba jew ħażina r-rieda ta’ min jagħmel l-att.

 

B’dan il-mod, xi att li jkun kontra xi norma morali negattiva universali, u jmur direttament kontra ġid meqjus “pre-morali”, jista’ jitqies moralment permess, jekk il-ħsieb ta’ min jagħmlu, huwa u jqis “b’mod responsabbli” l-ġid li jkun hemm fl-att konkret, imur kollu kemm hu fuq il-valur morali li jiġi ġġudikat deċiżiv fil-qagħda li tkun.

 

Is-siwi tal-konsegwenzi ta’ l-att skond il-proporzjon li jkollu l-att ma’ l-effetti tiegħu, jew li jkollhom l-effetti bejniethom, għandu x’jaqsam biss ma’ l-ordni “pre-morali”. Dwar il-kwalitá morali ta’ l-għemejjel stess, jiġifieri humiex tajbin jew ħżiena, tagħti ġudizzju biss il-fedeltá tal-persuna lejn il-valuri aktar għoljin ta’ mħabba u ta’ l-għaqal, u ma hemmx għalfejn din il-fedeltá ma tkunx taqbel ma’ għażliet kuntrarji għal ċerti preċetti partikulari. Dawn il-kmandamenti wkoll, f’każ ta’ materja gravi, dejjem għandhom jitqiesu bħala normi dwar l-għemil li hu biss relattiv u jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet għalih.

 

Skond din l-opinjoni, il-kunsens deliberat dwar xi għemil, li jitqies moralment ħażin mit-teoloġija morali tradizzjonali, ma jkunx moralment ħażin.

L-oġġett ta’ att deliberat

76. Dawn l-opinjonijiet jistgħu jiksbu xi qawwa ta’ persważjoni għax huma qrib dik il-mentalitá xjentifika li tiswa ħafna biex tikklassifika ħidmiet ekonomiċi u tekniċi skond ir-riżorsi u l-profitti li jkollhom u skond il-proċeduri u l-effetti tagħhom. Ifittxu li jeħilsu l-bniedem minn morali obbligatorja, voluntaristika u arbitrarja, li fl-aħħar mill-aħħar – jgħidu – tasal biex tkun ta’ ħsara għall-bniedem.

66.

Dawn l-opinjonijiet jitbiegħdu mit-tagħlim tal-Knisja daqskemm jaħsbu li jistgħu juru, bħala moralment tajbin, għażliet deliberati ta’ mġiba, li huma kuntrarju għal-liġi ta’ Alla u għal-liġi naturali. Dawn l-opinjonijiet ma jistgħux jippretendu li l-bażi tagħhom hi l-morali tradizzjonali kattolika. Jekk hu veru li l-morali kattolika żviluppat każistika bil-ħsieb li, f’ċerti kondizzjonijiet partikulari, tinsab l-aħjar soluzzjoni possibbli, huwa veru wkoll li dan sar dwar każijiet fejn il-liġi ma kinitx żgura, u għalhekk din il-każistika ma waslitx biex tiċħad l-awtoritá tal-preċetti negattivi li jobbligaw dejjem. L-insara għandhom ikunu jafu u jħarsu l-kmandamenti morali speċifiċi li l-Knisja xxandar u tgħallem f’isem Alla l-Mulej li ħalaq kollox[125]. Meta l-Appostlu San Pawl ġabar il-ħarsien kollu tal-Liġi fil-kmandament “Ħobb ‘l għajrek bħalek innifsek” (ara Rum 13, 8-10), hu ma naqqasx, imma wettaq il-kmandamenti, għaliex ma kienx qed jagħmel ħaġ’oħra ħlief jgħid x’iridu u x’inhi l-gravitá tagħhom. L-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu ma jistgħux jinfirdu minn xulxin fil-ħarsien tal-kmandamenti tal-Patt, li ġie mġedded fid-demm ta’ Ġesú Kristu u fid-don ta’ l-Ispirtu. Hu ġieħ l-insara li jobdu lil Alla aktar milli jobdu l-bnedmin (ara Atti 4, 19; 5, 29) u għalhekk minħabba f’dan isofru l-martirju wkoll, bħall-qaddisin ta’ żmien il-Patt il-Qadim u l-Patt il-Ġdid, li għażlu li jmutu aktar milli jagħmlu xi ħaġa kontra l-fidi u l-virtú.

 

77. Dawn l-opinjonijiet li semmejna, biex jagħtu kriterji skond ir-raġuni u biex ikun hemm deċiżjonijiet morali tajba, iqisu l-intenzjoni u l-konsegwenzi ta’ l-għemil tal-bniedem. Għandha dejjem titqies sewwa l-intenzjoni – fuq dan Ġesú insista b’qawwa kbira u bid-dieher, kontra l-kittieba u l-Fariżej li kienu jgħallmu l-ħarsien minn barra sa l-iċken kmandament u ma kien jimpurtahom xejn il-ħarsien mill-qalb (ara Mk 7, 20-21; Mt 15, 19) – għandu jitqies ukoll it-tajjeb li jsir u l-ħażen li jiġi evitat f’kull għemil partikulari. Qegħdin nitkellmu dwar dak li titlob ir-responsabbilitá. Jekk tqis biss il-konsegwenzi – u l-intenzjoni wkoll – ta’ xi għemil, daqshekk mhux biżżejjed biex tiġġudika dwar il-moralitá ta’ xi għażla li ssir. Il-metodu adatt biex tagħraf it-tajjeb u l-ħażin, li jista’ joħroġ minn xi għemil partikulari, ma għandux ikun dak li jqis l-imġiba “skond is-sura tagħha” jew “fiha nnifisha”, biex jara jekk hijiex tajba jew ħażina, permessa jew le. Il-konsegwenzi li wieħed jipprevedi li jista’ jkun hemm, huma parti mill-konsegweni ta’ l-għemil li jkun, li jistgħu jbiddlu l-gravitá ta’ l-għemil, iżda mhux se jbiddlu l-moralitá tiegħu.

68.

Madankollu kulħadd jaf kemm hu diffiċli, jekk mhux impossibbli, tqis il-konsegwenzi kollha ta’ għemilek u l-effetti tajbin u ħżiena tagħhom – xi teoloġi dawn isejħulhom “pre-morali”; ma jistax ikun li jiġu meqjusa b’mod sħiħ u assolut. Mela x’għandu jsir biex ikun hemm proporzjon bejn l-għemil u l-effetti u l-konsegwenzi tiegħu, proporzjon bażat fuq kif jitqiesu, meta ma hemmx kriterji ċari dwar dan? Kif jista’ jkun hemm obbligu ċert u żgur bażat fuq kalkoli li la huma żguri u lanqas ċerti?

 

78. L-għemil morali tal-bniedem jiddependi l-ewwelnett u fondamentalment mill-“oġġett” magħżul deliberatament mir-rieda skond ir-raġuni, kif turi sewwa l-analiżi, li tiswa għal-llum ukoll, magħmula minn San Tumas[126]. Biex inkunu nafu x’inhu l-oġġett ta’ xi għemil, li jagħtih il-moralitá tiegħu, jeħtieġ inpoġġu ruħna fil-qagħda tal-persuna li tagħmel l-att. L-oġġett, li jkun jaqbel ma’ l-ordni tar-raġuni, hu l-kawża li tagħmel tajba r-rieda, jipperfezzjonana moralment, u jwassalna biex nagħrfu li l-għan aħħari tagħna hu f’dak li hu perfettament tajjeb, fl-imħabba li kienet mill-bidu. Għalhekk ma għandniex inqisu bħala oġġett ta’ għemil morali partikulari xi proċess jew fatt ta’ ordni kollu kemm hu fiżiku, jiġifieri fatt li għandu jitqies skond il-ħila li joħloq qagħda partikulari fid-dinja materjali ta’ madwarna.

70.

L-oġġett hu l-ewwel għan imfittex minn deċiżjoni deliberata, li tiddetermina l-att tar-rieda tal-persuna li tagħmlu. Għalhekk, kif jgħallem Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika “hemm ċerti suriet ta’ mġiba li hu dejjem ħażin li wieħed jagħmilhom, għaliex l-għażla tagħhom turi diżordni fir-rieda, jiġifieri l-għażla tagħha hi moralment ħażina”[127]. U naqraw fil-kitba ta’ San Tumas ta’ Aquino “Spiss wieħed jagħmel xi għemil b’intenzjoni tajba, imma kollox ikun għal xejn, għaliex ma jkunx hemm rieda tajba, bħal meta wieħed jisraq biex jitma’ fqir: l-intenzjoni hi tajba, iżda tonqos it-tjieba mir-rieda, għalhekk ma hemm ebda skuża mir-rieda tajba, għal kull ħażen li jsir. “Ħafna wħud...jgħidu...Ħa nagħmlu l-ħażin ħa joħroġ it-tajjeb’ (Rum 3, 8)[128].

 

Ir-raġuni għaliex mhux biżżejjed intenzjoni tajba, iżda meħtieġa wkoll għażla tajba fl-għemil, hi fatt li għemil tal-bniedem jiddependi mill-oġġett tiegħu jiġifieri jekk dan jistax ikun dirett jew le lejn Alla, lejn Dak li hu “waħdu t-Tajjeb”, u għalhekk iwassal għall-perfezzjoni tal-persuna. Hu tajjeb dak l-għemil li jaqbel mal-ġid tal-persuna u jħarisilha l-ġid kollu li moralment hu ta’ siwi għaliha. L-etika nisranija għalhekk, li tagħti attenzjoni speċjali lill-oġġett moralment tajjeb, ma tirrifjutax li tqis it-“teleoloġija” fl-għemil innifsu meta dan ifittex li jġib ‘il quddiem il-ġid veru tal-persuna, għaliex hekk ikunu qed jiġu mħarsa l-prinċipji essenzjali tan-natura tal-bniedem. L-att uman, li jkun tajjeb skond l-oġġett tiegħu, jista’ jkun dirett lejn l-għan aħħari tal-bniedem. Dan l-istess att imbagħad jikseb il-perfezzjoni deċiżiv ta’ l-aħħar, meta r-rieda verament iddawru lejn Alla bl-imħabba. Dan jgħallem il-qaddis patrun tal-konfessuri “Mhux biżżejjed tagħmel opri tajba, jeħtieġ tagħmilhom b’mod tajjeb. Biex għemilna jkun tajjeb u perfett jeħtieġ li jsir biss biex jogħġob lil Alla”[129]

 

Il-ħażen fih innifsu: M’għandniex nagħmlu l-ħażin biex minnu joħroġ it-tajjeb (ara Rum 3,8)

79. M’għandhiex għalhekk tiġi aċċettata t-teżi tat-teorija teleoloġiċi u proporzjonalitiċi li għemil ma jistax ikun li jitqies moralment ħażin skond l-“oġġett” tiegħu f’għażla deliberata ta’ ċerti suriet ta’ mġiba jew f’għażla speċifikata ta’ xi għemil mingħajr ma titqies l-intenzjoni ta’ l-għażla jew il-konsegwenzi kollha li wieħed jista’ jissopponi li jkun hemm għall-persuni kollha interessati.

72.

L-element ewlieni u essenzjali biex isir ġudizzju morali hu l-oġġett ta’ l-għemil tal-bniedem, li juri huwiex jindirizzah għall-ġid tiegħu u għall-għan aħħari tiegħu li hu Alla. Dan jingħaraf mir-raġuni fl-essenza stess tal-bniedem, fil-veritá sħiħa tiegħu, u għalhekk fl-inklinazzjonijiet naturali tiegħu, fid-dinamiżmu u l-għanijiet tiegħu, li fihom dejjem hemm aspett spiritwali; dawn proprju jinsabu fil-liġi naturali u għalhekk huma l-ġabra sħiħa “tal-ġid kollu meħtieġ għall-persuna” li jaqdi “l-ġid tal-persuna”, ġid li hu l-persuna stess u l-perfezzjoni tagħha. Dan huwa l-ġid imħares mil-liġi ta’ Alla, li fiha hemm il-liġi naturali kollha[130].

 

80. Ir-raġuni tgħidilna li hemm oġġetti ta’ l-atti umani, li jidhru li ma jistgħux ikunu “diretti” lejn Alla, għaliex huma għal kollox kuntrarji għall-ġid tal-persuna maħluqa xbieha ta’ Alla. Dan l-għemil, li t-tradizzjoni morali tal-Knisja ssejjaħlu “intrinsikament ħażin”, huwa dejjem ħażin u ħażin fih innifsu, jiġifieri minħabba l-oġġett tiegħu, bla ebda riferenza għall-intenzjonijiet li jkollu min jagħmlu u għaċ-ċirkostanzi li fihom isir. Il-Knisja, waqt li ma tiċħadx l-importanza taċ-ċirkostanzi u l-ewwelnett ta’ l-intenzjoni biex jiġi determinata l-moralitá ta’ l-għemil, tgħallem li “hemm għemil li fih innifsu u bih innifsu, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi, dejjem hu ħażin b’mod gravi minħabba l-oġġetti tiegħu”[131]. Il-Konċilju Vatikan II, huwa u jitkellem dwar ir-rispett li għandu jkun hemm lejn il-persuna jagħtina għadd ta’ eżempji ta’ dan l-għemil. Kull ma jmur kontra l-ħajja jiġifieri kull xorta ta’ qtil, ġenoċidju, abort, ewtanasja, u suwiċidju; kull ma jhedded l-integritá tal-persuna umana bħalma huma l-mutilazzjonijiet, it-torturi fiżiċi u mentali, u t-tentattivi biex jitrażżan il-ħsieb; kull ma jmur kontra d-dinjitá tal-bniedem, bħalma huma suriet ta’ ħajja li ma jixirqux lill-bniedem, kundanni għall-ħabs b’mod l-aktar arbitrarju, deportazzjonijiet, jasar, prostituzzjoni, traffikar fin-nisa u t-tfal, kondizzjonijiet tassew kiefra ta’ xogħol li bihom il-ħaddiema jitqiesu biss bħala mezzi għall-qligħ u mhux persuni ħielsa u responsabbli: dan kollu, u għemejjel oħra bħalhom, huma kollha ta’ min jistmerrhom, u waqt li jħassru ċ-ċiviltá tal-bniedem, aktar itebbgħu l-ġieħ ta’ min jagħmilhom milli jagħmlu ħsara lil min iġarrabhom, u huma għal kollox kuntrarji għall-ġieħ ta’ Alla l-Ħallieq”[132]. Dwar għemil li hu fih innifsu ħażin u dwar drawwiet kontraċċettivi li jwasslu biex l-att sesswali ma jkollux il-frott tiegħu, il-Papa Pawlu VI kellu dan x’għid: “Għalkemm hu veru li xi kultant jiġi tollerat xi ħażen morali, għax inqas gravi, biex jiġi evitat ħażen akbar, jew biex jiġi ‘l quddiem xi ġid aqwa, qatt ma hu permess, lanqas għal xi raġuni mill-aktar gravi, li tagħmel dak li hu ħażin biex minnu joħroġ it-tajjeb (ara Rum 3, 8), jiġifieri tkun trid volontarjament għemil li fih innifsu jmur kontra l-ordni morali, u għalhekk hu meqjus li ma jixraqx lill-bniedem, għalkemm dan isir biex jiġi mħares u jiġi ‘l quddiem il-ġid ta’ l-individwu, tal-familja, tas-soċjetá”[133].

 

81. Il-Knisja hija u tgħallimna li hemm għemil li hu “ħażin fih innifsu” tkun qiegħda timxi fuq it-tagħlim ta’ l-Iskrittura. L-Appostlu San Pawl itenni bil-qawwa kollha; “La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa ma jirtu s-saltna ta’ Alla” (1 Kor 6, 9-10).

 

Jekk l-għemil hu fih innifsu ħażin jista’ jiġri li l-intenzjoni tajba jew xi ċirkostanzi partikulari jnaqqsu l-ħażen, iżda ma jneħħu qatt; għemil bħal dan dejjem jibqa’ ħażin u ma jinbidilx, u ma jista’ qatt fih innifsu u bih innifsu jiġi dirett għal Alla u jkun ta’ ġid għall-persuna. Jikteb Santu Wistin: “Għax huma ġa dnub għemejjel bħal serq, stupru, dagħa u l-bqija bħalhom, min jissogra jgħid li dawn jistgħu jsiru jekk hemm xi raġuni tajba, għax ma jibqgħux dnub, jew – u din hi ħaġa agħar – huma dnubiet ġusti?”[134].

 

Barra dan, iċ-ċirkostanzi u l-intenzjoni qatt ma jistgħu jagħmlu “soġġettivament” tajjeb, għemil li l-oġġett tiegħu hu fih innifsu ħażin, u lanqas jistgħu jiġġustifikawh bħala għażla.

 

82. Barra dan, l-intenzjoni tkun tajba jekk twassal għall-ġid veru tal-persuna, b’riferenza għall-għan aħħari tagħha. Għemil li l-oġġett tiegħu ma jistax “ikun dirett” lejn Alla u “ma jixraqx lill-persuna umana”, dejjem u kullimkien hu kontra dan il-ġid. Minħabba f’hekk, il-ħarsien tan-normi li jipprojbixxu għemil bħal dan u għandhom il-qawwa jimponu, dejjem u għal dejjem, il-ħarsien tagħhom, bla ebda eċċezzjoni, mhux biss ma jillimitax l-intenzjoni tajba, imma jagħtih ukoll tifsir fondamentali.

76.

It-tagħlim dwar l-oġġett, bħala għajn tal-moralitá, tfisser b’mod awtentiku l-moraitá biblika tal-Patt u tal-kmandamenti ta’ l-imħabba. Għalhekk – intennu – li għandha titwarrab dik l-opinjoni ħażina li tgħallem illi mġiba partikulari jew għażla determinata ta’ xi għemil ma tistax titqies moralment ħażina fis-sura tagħha, indipendentement mir-rieda li biha saret l-għażla jew miċ-ċirkostanzi kollha li wieħed jista’ jissopponi li jkun hemm u li jolqtu lil kull min hu interessat. Mingħarj din id-determinazzjoni mir-raġuni tal-moralitá ta’ l-għemil tal-bniedem, kif imfisser aktar ‘il fuq, ma jistax ikun hemm “ordni morali oġġettiv”[135], u lanqas jista’ jkun hemm ebda norma partikulari li torbot dejjem, bla ebda eċċezzjoni. Dan ikun ta’ ħsara għall-fratellanza umana u ta’ dannu wkoll għax-xirka tal-Knisja.

 

83. Kif jidher ċar, fil-problema tal-moralitá ta’ l-għemil tal-bniedem, l-aktar dwar għemil fih innifsu ħażin, tidħol ukoll il-problema tal-bniedem innifsu, tal-veritá tiegħu u tal-konsegwenzi morali li joħorġu minnha. Il-Knisja, hija u tgħallem li l-ħażin fih innifsu jinsab f’xi għemil tal-bniedem, tħares bil-fedeltá kollha l-veritá sħiħa tal-bniedem, tirrispetta u ġġib ‘il quddiem id-dinjitá u l-vokazzjoni tal-bniedem; għalhekk ma tistax taċċetta dawk l-opinjonijiet li, kif għidna, huma kontra din il-veritá. Iżda jeħtieġ li aħna, ħuti meqjuma fl-Episkopat, mhux biss infittxu dejjem li nwissu l-insara dwar l-iżbalji u l-perikoli ta’ xi teoriji etiċi. L-ewwel dmir tagħna hu li nxandru d-dawl jiddi ta’ dik il-veritá li hu Ġesú Kristu nnifsu. Fih, li hu l-Veritá (ara Ġw 14, 6), il-bniedem jista’ jifhem sewwa u jgħożż perfettament, bl-għemil tajjeb tiegħu, il-vokazzjoni tiegħu għal-libertá billi jobdi l-liġi ta’ Alla li tinġabar fil-kmandament ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. Dan iseħħ bil-qawwa tad-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-veritá, tal-libertá u ta’ l-imħabba; fih tingħatalna l-ħila li nagħmlu tagħna l-liġi, nagħrfuha u ngħożżuha bħala l-qawwa li tmexxi l-libertá personali vera tagħna “fil-liġi perfetta tal-ħelsien” (Ġak 1, 25).

 

 

KAP III

“BIEX MA JIĠIX FIX-XEJN IS-SALIB TA’ KRISTU”

(1 KOR 1, 17)

DAK LI HU MORALMENT TAJJEB GĦALL-ĦAJJA

TAL-KNISJA U TAD-DINJA

 

“KRISTU ĦELISNA BIEX NGĦIXU TA’ NIES ĦIELSA’ (Gal 5, 1) 

84. Il-kwistjoni partikulari, li t-teoriji morali li semmejna aktar ‘il-fuq jinsistu ħafna fuqha, hi r-releazzjoni bejn il-libertá tal-bniedem u l-liġi ta’ Alla li, fl-aħħar mill-aħħar, m’hijiex ħlief kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-libertá u l-veritá.

 

Skond il-fidi nisranija u d-duttrina tal-Knisja, “biss il-libertá li toqgħod għall-Veritá tista’ twassal il-persuna umana għall-ġid veru tagħha. Il-ġid tal-persuna hu dak li tibqa’ fil-veritá u tagħmel il-veritá”[136].

 

Paragun bejn il-fehma tal-Knisja u l-qagħda soċjali u kulturali ta’ żmienna malajr juri l-ħtieġa li l-Knisja stess tiżviluppa ħidma pastorali kbira proprju dwar din il-kwistjoni hekk importanti. “Din ir-rabta fondamentali bejn Veritá, Ġid u Libertá, il-kultura ta’ llum m’hijiex taraha aktar, u għalhekk hu dmir il-Knisja u missjoni tagħha, fil-ħidma tagħha għas-salvazzjoni tad-dinja, li tqanqal il-bnedmin biex mill-ġdid jagħrfu din ir-rabta. Il-mistoqsija ta’ Pilatu “X’hini l-veritá?”, narawha wkoll fit-tħabrik bla tama tal-bniedem li spiss lanqas jaf x’inhu, minn fejn ġej, fejn sejjer. Għalhekk naraw il-bniedem dejjem aktar isib ruħu f’qagħdiet li jwassluh għall-qerda tiegħu nnifsu. Nisimgħu xi kultant min jgħid li ma jidhirx li hemm aktar għarfien ta’ valuri morali sodi li ma jitħassru qatt. Kulħadd jara llum b’liema mod huma mkassbra l-ħajja li tnisslet iżda għad ma ratx it-twelid, iċ-ċaħda bla waqfien tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem, il-qerda ta’ tant ġid li hu meħtieġ biex ikun hemm almenu l-ftit biżżejjed għall-ħajja tal-bniedem. Anzi hemm ħwejjeġ aktar serji: il-bniedem illum m’għadux konvint li s-salvazzjoni tinsab biss fil-veritá. Il-qawwa għas-salvazzjoni tal-veritá qed tiġi mwarrba u l-libertá biss, ħielsa minn kull riferenza oġġettiva, waħedha tiddeċiedi, bla ndħil ta’ ħadd, x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Dan ir-relattiviżmu fil-qasam tat-teoloġija jġib nuqqas ta’ fiduċja fl-għerf ta’ Alla, li jmexxi l-bniedem permezz tal-liġi morali. Kontra dak li tordna l-liġi morali qed jixxandru ċerti kondizzjonijiet oħra, hekk li l-liġi ta’ Alla mhux dejjem qed titqies bħala l-ġid veru u waħdieni tal-bniedem”[137].

 

85. Id-dixxerniment li l-Knisja tagħmel dwar dawn it-teoriji ma jasalx biss għall-kundanna u għat-twarrib tagħhom, imma tfittex ukoll b’imħabba kbira tgħin lill-insara biex jiffurmaw il-kuxjenza morali tagħhom b’mod li tiġġudika u tasal għal deċiżjonijiet, li jkunu jaqblu mal-veritá, kif iħeġġeġ l-Appostlu: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda inbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12, 2). Din il-ħidma tal-Knisja ssib l-għajnuna – is-“sigriet tat-tagħlim – mhux biss f’dikjarazzjonijiet duttrinali u fl-applikazzjonijiet pastorali, imma wkoll billi żżomm dejjem ħarsitha fuq il-Mulej Ġesú. Kuljum il-Knisja tħares, b’imħabba li ma tintemm qatt, lejn Ġesú għax tagħraf sewwa li fih biss tinsab it-tweġiba vera u finali għall-problema morali.

80.

F’Ġesú msallab, b’mod partikulari, il-Knisja ssib tweġiba għall-kwistjoni, li qed tnikket tant nies, dwar kif wieħed jista’ jobdi normi morali universali li m’huma se jinbidlu qatt, u fl-istess ħin jirrispetta s-singularitá tal-persuna li ma hemmx oħra bħala, bla ebda theddid għal-libertá u d-dinjitá tagħha.

 

Il-Knisja tagħmel tagħha l-għarfien li kellu l-Appostlu San Pawl tal-missjoni fdata lilu: “Kristu bagħatni nxndar l-Evanġelju, mhux bi kliem il-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu. Aħna nxandru l-Messija msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi, iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud u sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla” (1 Kor 1, 17. 23-24). Kristu msallab juri t-tifsir veru tal-libertá u jgħixha fis-sħuħija tagħha bl-għoti tiegħu nnifsu kollu kemm hu u jistieden id-dixxipli tiegħu biex jissieħbu f’din il-libertá tiegħu.

 

86. Ir-raġuni u l-esperjenza tagħna ta’ kuljum juru d-dgħufija tal-libertá tal-bniedem. Hemm verament libertá, imma hi limitata, ma għandhiex fiha nnifisha l-bidu assolut u sħiħ tagħha, iżda fl-eżistenza li fiha tinsab, li fl-istess ħin hi wkoll limitata, imma b’possibbiltajiet bla tarf. Hi l-libertá tal-ħlejjaq, libertá mogħtija li tiġi milqugħa bħala żerriegħa u mkabbra b’sens ta’ responsabbiltá. Hi parti essenzjali ta’ dik ix-xbieha maħluqa li hi l-pedament tad-dinjitá tal-bniedem; fiha tidwi s-sejħa tal-bidu li biha Alla l-Ħallieq sejjaħ lill-bniedem għal dak li hu tajjeb, u, wisq aktar ukoll, permezz tar-Rivelazzjoni ta’ Kristu, għall-ħbiberija miegħu permezz tat-tisħib fil-ħajja tiegħu stess. Hija ġid li wieħed qatt ma jista’ jiċċaħħad minnu u fl-istess ħin hija ftuħ lejn il-bnedmin kollha għax toħroġ minnha nnifisha u tagħraf u tħobb lil oħrajn[138]. Il-libertá għalhekk għandha l-pedament tagħha fil-veritá u trid tasal għax-xirka.

82.

Ir-raġuni u l-esperjenza mhux biss juru d-dgħufija tal-libertá tal-bniedem imma wkol juru l-aspett traġiċi tagħha. Il-bniedem jasal biex jintebaħ li l-libertá tiegħu, b’mod misterjuż, titħajjar titwarrab u mhux tinfetaħ għal dak li hu Veru u Tajjeb, u spiss tippreferixxi tagħżel dak li hu limitat, li jintemm u jinbidel. Il-bniedem, fl-istess żbalji u għażliet ħżiena tiegħu, jintebaħ bil-bidu tar-ribelljoni kbira tiegħu, li twasslu biex iwarrab dak li hu Veru u Tajjeb ħalli jgħolli lilu nnifsu bħala l-bidu tiegħu nnifsu. “Issiru bħal allat” (Ġen 3, 5). Il-libertá għalhekk trid tinħeles: Kristu hu dak li jeħlisna – “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa” (Gal 5, 1).

 

87. Kristu qabel xejn jirrivelalna li l-għarfien sinċier u miftuħ tal-veritá hu l-kondizzjoni biex ikun hemm il-libertá vera. “Tagħrfu l-veritá u l-veritá teħliskom” (Ġw 8, 32)[139]. Il-libertá tagħmilna ħielsa quddiem is-setgħanin, u tagħti qawwa lill-martri. Hekk ġara ma’ Ġesú quddiem Pilatu: “Jien għalhekk twelidt u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-veritá” (Ġw 18, 37). Għalhekk dawk li jaduraw ‘l Alla għandhom jadurawh “fl-ispirtu u l-veritá” (Ġw 4, 23) b’din is-sura ta’ adorazzjoni, jsiru ħielsa. Ir-rabta bejn il-veritá u l-adorazzjoni ta’ Alla fi Kristu Ġesú tidher bħala l-għerq l-aktar fond tal-libertá. Ġesú mbagħad, mhux bil-kliem biss, imma bl-isess ħajja tiegħu wera li l-libertá sseħħ bl-imħabba, jiġifieri bl-għoti tiegħek innifsek. Dak li qal “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn dik, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15, 13), b’mod ħieles aċċetta l-Passjoni tiegħu (ara Mt 26, 46) u ta ħajtu għall-bnedmin kollha, billi obda sal-mewt tas-salib (ara Fil 2, 6-11). Hekk il-kontemplazzjoni ta’ Kristu msallab hi t-triq ewlenija li minnha l-Knisja trid tgħaddi kuljum, jekk trid issib it-tifsir sħiħ tal-libertá li hi l-għoti sħiħ tiegħek innifsek, għall-qadi ta’ Alla u ta’ l-aħwa. Ix-xirka ma’ Kristu msallab u rxoxt hi l-għajn li ma tiġi nieqsa qatt, li minnha l-Knisja tixrob bla heda, biex tibqa’ dejjem ħielsa, tingħata u taqdi. Santu Wistin, huwa u jfisser il-vers tas-salm 99 “Aqdu bil-ferħ il-Mulej”, jikteb: “Mal-Mulej il-qadi hu ħieles, qadi ħieles għax mhux bilfors, imma u qadi bl-imħabba. L-imħabba tagħmlek qaddej, għaliex il-veritá teħilsek. Int qaddej u ħieles fl-istess waqt, qaddej għax ġejt maħluq, ħieles għax maħbub minn Alla li ħalqek. Minħabba dan ukoll int ħieles, għax tista’ tħobb lil min għamlek. Int qaddej tal-Mulej ukoll, għax bniedem li ksibt il-ħelsien; tfittixx mela ħelsien li jbiegħdek mid-dar ta’ min ħelsek”[140].

84.

B’dan il-mod il-Knisja, u kull nisrani fiha, hi msejħa għat-tisħib fl-uffiċċju regali ta’ Kristu msallab (ara Ġw 12, 32), għall-grazzja u r-responsabbiltá ta’ Bin il-bniedem “li ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20, 28)[141]. Ġesú għalhekk hu ġabra ħajja u personali ta’ libertá perfetta, f’ubbidjenza sħiħa għar-rieda ta’ Alla. Ġismu msallab hu r-rivelazzjoni tar-rabta li ma tinħall qatt li hemm bejn il-libertá u l-veritá, kif il-qawmien tiegħu mill-imwiet hu l-aqwa eżaltazzjoni tal-qawwa tal-libertá li tagħti frott u salvazzjoni u li wieħed jgħixha fil-veritá.

“NIMXU FID-DAWL” (1 ĠW 1, 7)

88. L-oppożizzjoni, anzi l-fird sħiħa bejn il-libertá u l-veritá tidher u sseħħ b’dikotomija aktar gravi u qerrieda, jiġifieri b’firda tal-fidi mill-moralitá. Fost l-aktar tħassib pastorali li għandha l-Knisja, hemm is-sekulariżmu dejjem jiżdied ta’ llum, hemm il-firda li minħabba fiha ħafna – skond xi wħud għadd kbir ta’ nies – jaħsbu li jgħixu ħajja “bħallikieku m’hemmx Alla”. Quddiemna għandna mentalitá li spiss qed tolqot sewwa u tħaddan magħha l-imġiba ta’ l-istess insara li għandhom fidi dgħajfa, u tilfet il-karattru tagħha ta’ kriterju ġdid li jagħti tifsir u jaħji l-ħajja kollha personali, familjari u soċjali. Fil-fatt in-normi li jirregolaw il-ġudizzju u l-għażliet ta’ l-insara, f’ambjent ta’ kultura nieqsa minn kull sens nisrani spiss ma jaqblux ma’ dak li hemm fl-Evanġelju, anzi huma kuntrarji għalih.

86.

Jeħtieġ għalhekk li l-insara malajr jagħrfu mill-ġdid li l-fidi li jħaddnu hi fidi ġdida u jagħrfu wkoll il-qawwa tal-ġudizzji tagħha, quddiem kultura li hi mxerrda kullimkien u taħkem f’kollox. “Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’wlied id-dawl li intom. Frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu veru. Fittxu li taraw dak li jogħgob lill-Mulej, u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott, imma ikxfuhom fil-beraħ. Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief jgħożżu ż-żmien, għaliex ħżiena huma l-jiem” (Ef 5, 8-11; 15-16; ara 1 Tes 5, 4-8).

Trid tinkiseb mill-ġdid u tintwera x-xbieha vera tal-fidi nisranija li m’hijiex sempliċi ġabra ta’ għadd ta’ propożizzjonijiet, li l-moħħ irid jilqa’ u jwettaq. Għall-kuntrarju, l-għarfien ta’ Kristu wieħed irid jgħixu; it-tifkira tal-kmandamenti tiegħu trid tkun ħajja; il-veritá rridu ngħixuha. Imbagħad il-kelma ma tintlaqx għal kollox jekk ma ssirx ukoll, jekk ma tgħixhiex. Il-fidi hi deċiżjoni li timpenja l-eżistenza kollha tiegħek. Hi l-laqgħa, id-djalogu, ix-xirka fl-imħabba u fil-ħajja ta’ min jemmen, ma’ Kristu li hu t-Triq, il-Veritá u l-Ħajja (ara Ġw 14,6). Il-fidi titlob fiduċja kbira li twassal biex wieħed jintelaq kollu kemm hu fi Kristu, tagħtina li ngħixu l-istess ħajja li għex Kristu (ara Gal 2, 20), jiġifieri f’imħabba kbira għal Alla u għal għajrna.

89. Il-fidi għandha wkoll aspett morali: toħloq u titlob sura ta’ ħajja xierqa, tilob li jkunu milqugħin u mħarsa l-kmandamenti ta’ Alla, u twassalhom għall-perfezzjoni. Kif jikteb l-evanġelista San Ġwann: “Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih. Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu, imma nimxu fid-dlam, inkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux il-veritá...B’dan nafu li nagħrfu lil Ġesú, jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid ‘Jien nafu u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-veritá m’hiex fih. Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha. B’dan nagħrfu li aħna fih. Min jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ li hu jgħix kif għex hu” (1 Ġw 1, 5-6; 2, 3-6).

88.

Permezz tal-ħajja morali l-fidi ssir “stqarrija” mhux biss quddiem Alla, imma ssir ukoll xhieda quddiem il-bnedmin. “Intom id-dawl tad-dinja” – qal Ġesú – “Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-modd, iżda fuq l-imnara u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 14-16). Dawn huma l-aktar għemejjel ta’ mħabba (ara Mt 35, 31-46) u ta’ libertá vera, li tintwera u tgħix bl-għoti tagħha stess, bl-għoti sħiħ tagħha kif għamel Ġesú stess fuq is-salib: “ħabb il-Knisja u ta’ ħajtu għaliha” (Ef 5, 25). Ix-xhieda ta’ Kristu hi l-bidu, il-mudell u l-kopja għad-dixxiplu, li hu msejjaħ biex jimxi mill-istess triq. “Jekk xi ġadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi wrajja” (Lq 9, 22). L-imħabba, skond ma jitolbu l-preċetti ta’ l-Evanġelju, tista’ twassal lin-nisrani biex jagħti l-ogħla xhieda tiegħu: il-martirju. Hu dejjem mixi wara Kristu, li miet fuq is-salib. “Kunu ixbhu lil Alla bħala wlied maħbuba” – kiteb San Pawl lill-Efisin – “u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla” (Ef 5, 1-2).

IL-MARTIRJU, EŻALTAZZJONI TAL-QDUSIJA BLA MITTIEFSA TAL-LIĠI TA’ ALLA

90. Ir-relazzjoni bejn il-fidi u l-moralitá tiddi b’dija ta’ l-għaġeb fir-rispett sħiħ li għandu jintwera għal dak li titlob dejjem id-dinjitá personali ta’ kull bniedem: dan hu mħares minn regoli morali li jipprojbixxu għemil ħażin fih innifsu, bla ebda eċċezzjoni. L-universalitá u l-immutabbiltá tan-normi morali juru u, fl-istess ħin, jaqdu d-dinjitá personali tal-bniedem, jiġifieri l-invjolabbiltá tal-bniedem, li f’wiċċu tiddi d-dija ta’ Alla (ara Ġw 9, 5-6).

 

Il-fatt li ma jistgħux jiġu aċċettati l-etika “teleoloġika”, l-etika “konsegwenzjali” u l-etika “proporzjonalista”, li jiċħdu l-eżistenza ta’ normi morali negattivi dwar suriet partikulari ta’ mġiba bla ebda eċċezzjoni hu mwettaq b’mod l-aktar ċar mill-martirju nisrani li dejjem kien, u għadu sa llum, imsieħeb mal-ħajja tal-Knisja.

 

91. Fi żmien il-Patt il-Qadim ġa nsibu xhieda tassew ta’ l-għaġeb ta’ fedeltá lejn il-liġi mqaddsa ta’ Alla, imwettqa b’aċċettazzjoni volontarja tal-mewt. L-istorja ta’ Susanna tfisser ħafna: liż-żewġ imħallfin inġusti li heddew li jagħtuha l-mewt jekk ma toqgħodx għax-xewqat żienja tagħhom, weġbithom: “Ninsab magħfusa minn kullimkien. Jekk nagħmel dan hemm il-mewt għalija; kekk ma nagħmilx hekk, ma neħlisx minn taħt idejkom. Imma jkun aħjar għalija ma nagħmilx hekk, ma neħlisx minn taħt idejkom, milli nidneb quddiem il-Mulej” (Dan 13, 22-23). Susanna għażlet li “bla ħtija taqa’ “f’idejn l-imħallfin, u hekk mhux biss tat xhieda tal-fedeltá u tal-fiduċja tagħha f’Alla, imma wkoll ta’ l-ubbidjenza tagħha lejn il-veritá u stqarret li ma kinitx ħaġa sewwa tagħmel dak li l-liġi ta’ Alla tgħid li hu ħażin, biex minnu joħroġ it-tajjeb. Hi għażlet għaliha “l-aħjar sehem”: hawn għandna xhieda ċara, bla ebda tlaqliq, għall-veritá u għal Alla ta’ Iżrael, dwar dak li hu tajjeb, b’dan il-mod b’għemilha wriet il-qdusija ta’ Alla.

91.

Fil-bidu tat-Testment il-Ġdid San Ġwann Battista ma riedx jibqa’ sieket dwar il-liġi ta’ Alla u rrifjuta kompromess ma dak li hu ħażin: “sofra l-martirju għall-veritá u l-ġustizzja”[142] u hekk bil-martirju tiegħu wkoll kien prekursur tal-Messija (ara Mt 6,17-29). Minħabba f’hekk, “ġie mitfugħ fid-dlam tal-ħabs dak li kien ġie biex jagħti xhieda għad-dawl, u stħaqqlu jissejjeħ musbieħ li jixgħel u jiddi minn dak li hu l-istess dawl, Ġesú Kristu, ġie mgħammed b’demmu stess hu li kien għammed il-Feddej tad-dinja”[143].

 

Fil-Patt il-Ġdid insibu ħafna dixxipli tal-Mulej li taw xhieda għalih, ibda minn San Stiefnu d-djaknu (ara Atti 6,8; 7,60) u mill-Appostlu San Ġakbu (ara Atti 12, 1-2) li ħadu l-martirju għall-istqarrija tal-fidi tagħhom u għall-imħabba ta’ l-Imgħallem biex ma jiċħduhx. F’dan imxew wara l-Mulej Ġesu, li “għamel stqarrija sabiħa” (1 Tim 6,13) quddiem Kajfa u Pilatu u wettaq ix-xhieda tiegħu għall-veritá bl-offerta ta’ ħajtu. Għadd bla qjies ta’ martri oħra ġarrbu persekuzzjonijiet u l-mewt biex ma jagħmlux għemil ta’ idolatrija billi jitfgħu l-inċens quddiem ix-xbieha ta’ l-Imperatur (ara Apok 13, 7-10). Lanqas riedu juru li qed jagħmlu dan l-għemil ta’ idolatrija waqt li f’qalbhom kienu qed jiċħdu bil-qawwa kollha, u hekk urew li din l-imġiba ta’ simulazzjoni kienet kuntrarja għall-imħabba ta’ Alla u għax-xhieda tal-fidi. Bħal kristu, b’att ta’ ubbidjenza, offrew ħajjithom u tawha lill-Missier, lil Dak li seta’ jeħlishom mill-mewt (ara Lhud 5, 7).

 

Il-Knisja tipproponilna l-eżempju ta’ tant u tant qaddisin, irġiel u nisa, li xandru l-moralitá vera u ħarsuha sal-martirju u ppreferew il-mewt milli jagħmlu dnub mejjet wieħed. Hija u tniżżilhom ma’ l-għadd tal-Qaddisin, il-Knisja tikkanonizza x-xhieda tagħhom u tistqarr il-veritá tal-ġudizzju mhux imwarrbin u mċaħħdin, ukoll f’mument ta’ kefrija kbira, bil-ħsieb li ssalva ħajtek.

 

92. Fil-martirju, li bih jingħad li l-ordni qatt ma għandu jinkiser tiddi l-qdusija tal-liġi flimkien ma’ l-invjolabbiltá personali tal-bniedem maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla: din id-dinjitá qatt ħadd ma għandu jnaqqasha jew jopponiha, l-anqas minħabba xi ħsieb tajjeb, ikunu x’ikunu d-diffikultajiet. Ġesú dan iwissih b’severitá kbira: “X’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha, u mbagħad jitlef ħajtu?” (Mk 8, 36). Il-martirju juri bħala falza u qarrieqa kull “tifsira umana”, mogħtija minn min ikun, lill-att moralment ħażin ukoll meta hemm kondizzjonijiet “speċjali”; anzi l-martirju juri x-xbieha vera ta’ din il-fehma li hi vjolazzjoni ta’ l-umanitá tal-bniedem, kemm f’min jagħmlu u kemm f’min iġarrbu[144].

 

Il-martirju hu wkoll tħabbira tal-perfezzjoni tan-natura tal-bniedem tal-“ħajja” vera tal-persuna, kif jixhed San Injazju ta’ Antjokja huwa u jikteb lill-insara ta’ Ruma, fejn kellu jsofri l-martirju għall-fidi: “Aħfruli, ħuti, tfixklux it-twelid tiegħi għas-sema, tħallunix ma mmutx...Ħalluni nara d-dawl safi li jibqa’ għal dejjem. Meta nasal għalih, imbagħad inkun raġel tassew. Ħalluni nkun xebh ma’ Kristu Alla tiegħi fil-passjoni tiegħu”[145].

 

93. Il-martirju hu wkoll sinjal mill-aqwa tal-qdusija tal-Knisja; il-fedeltá lejn il-liġi mqaddsa ta’ Alla, li tagħha l-mewt hi xhieda, hi tħabbira ċara u mpenn missjunarju sat-tixrid tad-demm, biex id-dija tal-moralitá vera fl-imġiba u fil-mentalitá ta’ l-individwi u tas-soċjetá ma tiddallamx. Din ix-xhieda tagħti għajnuna ta’ qawwa kbira biex, mhux biss fis-soċjetá ċivili imma wkoll fl-istess komunitajiet ekkleżjastiċi, il-bnedmin ma jaqgħux f’qagħda li tkun theddida kbira għalihom: konfużjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin, ħaġa li biha bl-ebda mod ma tkun tista’ tibni u tħares l-ordni morali ta’ l-individwi u tas-soċjetá. Il-martri, u b’mod ġenerali, il-qaddisin fil-Knisja, idawlu kull żmien ta’ l-istorja billi jqanqlu sens morali fih, u dan jagħmluh bl-eżempju ħaj u jsaħħar ta’ ħajjithom, imdawla kollha kemm hi bid-dija tal-veritá morali. Bix-xhieda ċara tagħhom għall-veritá, huma ċanfira ħajja għal kull min jikser il-liġi (ara Għerf 2, 12), u fi żmienna wkoll itennu kliem il-profeta: “Gwaj għal dawk li jsejħu tajjeb il-ħażin u l-ħażin tajjeb, u jibdlu d-dlam mad-dawl u d-dawl mad-dlam, jibdlu l-morr mal-ħelu u l-ħelu mal-morr” (Is 5, 20).

 

Għalkemm il-martirju hu l-ogħla xhieda tal-veritá morali, li għaliha ftit huma dawk li jiġu msejħin, madankollu hemm xhieda xierqa li l-insara kollha għandhom ikunu kuljum lesti li jagħtuha, minkejja l-ħafna tbatija u tiġrib li jkollhom iġarrbu. Minn barra l-ħafna diffikultajiet, li wkoll fiċ-ċirkostanzi tal-ħajja ta’ kuljum il-fedeltá lejn l-ordni morali tista’ titlob, in-nisrani bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla li jitlob, hu msejjaħ, biex jidħol għal impenn tassew iebes, imwettaq bil-qawwa tal-virtú hekk li, kif jgħallem San Girgor il-Kbir, ikun jista’ “jħobb it-tiġrib ta’ din id-dinja f’ġieh il-ħajja ta’ dejjem”[146].

 

94. L-Insara m’humiex waħidhom fix-xhieda li jagħtu għan-natura assoluta tal-ġid morali: huma mwettqa mis-sens morali tal-popli kollha u mit-tradizzjonijiet reliġjużi u l-għerf tal-Lvant u tal-Punent, li minnhom mhux nieqsa l-ħidma moħbija u misterjuża ta’ l-Ispirtu ta’ Alla. Hi xhieda għal kulħadd il-kelma tal-poeta Latin Iuvenal: “Qis li hu ħażen mill-aqwa li tippreferi ħajtek flok ġieħek, u biex tħares ħajtek titlef l-għaliex ta’ ħajtek”[147]. Il-leħen tal-kuxjenza dejjem wissa, bla ebda tlaqliq, li hemm veritajiet u ġid morali li għalihom għandna nkunu dejjem lesti nissagrifikaw ħajjitna.

95.

Fil-kliem, u l-aktar fis-sagrifiċċju tal-ħajja, f’ġieħ il-valuri morali, il-Knisja dejjem tat l-istess xhieda għall-veritá li sa mill-bidu tinsab fil-ħolqien, u li tiddi bil-qawwa kollha f’wiċċ Kristu. Jikteb San Ġustinu: “L-Istojċi, almenu f’dak li qalu dwar il-moralitá, ġiebu ruħhom mill-aħjar, kif xi drabi ġara lill-poeti, minħabba ż-żerriegħa tar-raġuni li hi miżrugħa fil-ġens kollu tal-bnedmin, dawk li mxew wara dan it-tagħlim nafu li ġarrbu mibegħda kbira u ġew maqtula wkoll”[148].

 

 

IN-NORMI MORALI UNIVERSALI MA JINBIDLUX U HUMA GĦALL-QADI TA’ L-INDIVIDWI U TAS-SOĊJETÁ

 

95. It-tagħlim tal-Knisja, u b’mod speċjali s-severitá tagħha biex tħares l-awtoritá universali u eterna tal-preċetti li jipprojbixxu għemil ħażin fih innifsu, spiss jitqies bħala tagħlim ta’ severitá eżaġerata, l-aktar fil-qagħda hekk komplessa u mħawda tal-ħajja morali ta’ l-individwi u tas-soċjetá ta’ llum. Din is-severitá ma taqbilx mas-sens ta’ omm li għandha l-Knisja.

97.

Jgħidu li l-Knisja ma tifhimx u nieqsa mill-ħniena. Iżda s-sens ta’ omm li għandha l-knisja ma jistax jinfired mill-missjoni tagħha li tgħallem, missjoni li dejjem trid tħares bħala l-Għarusa fidila ta’ Kristu; li hu l-istess Veritá: “Bħala għalliema qatt ma tehda xxandar ir-regola tal-morali...Din ir-regola la l-Knisja ma għamlitha hi u lanqas tista’ tiddeċiedi hi tinżammx jew le. Hija u tobdi l-veritá ta’ Kristu, li x-xbieha tagħha tidher fin-natura u d-dinjitá tal-persuna tal-bniedem, il-Knisja tfisser din ir-regola tal-morali u tgħallimha lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, mingħajr ma taħbilhom li din ir-regola bl-ebda mod ma trid tkun imħarsa b’nofs kedda, imma titlob li tkun imħarsa bil-perfezzjoni kollha”[149]. Fil-fatt it-tjieba vera u l-ħniena tassew għandhom ifissru mħabba għall-persuna u għall-ġid tiegħu u għal-libertá vera tiegħu. Dan ma jseħħx jekk tinħeba jew titnaqqas il-veritá morali, iżda jseħħ jekk tixxandar fit-tifsir l-aktar għoli tagħha, bħala l-għoti ta’ l-Għerf ta’ dejjem ta’ Alla, li jasal għandna fi Kristu, u bħala qadi tal-bniedem biex ikattar il-libertá tiegħu u jikseb l-hena tiegħu[150]. Fl-istess waqt tifsira ċara u sħiħa tal-veritá morali qatt ma tista’ tinfired mir-rispett sħiħ u sinċier, imqanqal minn imħabba ħielsa u kollha fiduċja, li l-bniedem jeħtieġ dejjem fil-ħajja morali tiegħu, spiss imġarrba minn diffikultajiet, żbalji, u kondizzjonijiet imwiegħra. Il-Knisja, għalkemm qatt ma twarrab “il-prinċipju tal-veritá u tal-konsistenza li jwassalha biex ma sejjaħx tajjeb dak li hu ħażin, u ħażin dak li hu tajjeb”[151], għandha dejjem tfittex li qasba mġelġla ma tiksirhiex u musbieħ inemnem ma titfiħx (ara Is 42,3). Jikteb il-Papa Pawlu VI: “Hi manifestazzjoni ta’ mħabba li ma bħalha għall-erwieħ, li ma tnaqqas xejn mit-tagħlim ta’ Kristu għas-salvazzjoni, iżda jeħtieġ li dan it-tagħlim ikun imsieħeb ma’ mħabba u mogħdrija: il-Mulej innifsu tana eżempju tagħhom huwa u jitkellem u jħabrek fost il-bnedmin. Hu li ġej mhux biex jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex bih issalva (ara Ġw 3, 17) wera severitá kbira mad-dnub, imma sabar u ħniena mal-midinbin”[152].

 

96. Is-severitá tal-Knisja dwar il-ħarsien tan-normi morali universali u immutabbli ma fiha xejn xi tmaqdar; qiegħda biss għall-qadi tal-libertá vera tal-bniedem: għaliex ma jistax ikun hemm libertá barra jew kontra l-veritá, ma jistax ikun hemm ħarsien sħiħ, jekk ma jiġux imwarrbin kull xorta ta’ kompromessi u ċedimenti f’dak kollu li neċessarjament titlob id-dinjitá tal-persuna tal-bniedem, li għandha titqies bħala t-triq u l-kondizzjoni għall-eżistenza tal-libertá.

99.

Dan il-qadi jingħata lil kull bniedem, fis-singularitá ta’ l-essenza u l-eżistenza tiegħu li ma hemmx oħra bħalha: fil-ħarsien biss tan-normi morali l-bniedem jista’ jwettaq għal kollox lilu nnifsu u l-kobor tal-ħajja morali tiegħu. Għalhekk dan il-qadi hu għall-bnedmin kollha: mhux biss għall-individwi, imma wkoll għall-komunitajiet, u għas-soċjetá bħala soċjetá. Dan għaliex dawn in-normi huma rahan sod u pedament sħiħ tal-ħajja flimkien tal-bnedmin fil-ġustizzja u s-sliem, u għalhekk ta’ demokrazija vera, li tista’ sseħħ u tikber biss jekk il-membri kollha jitqiesu ndaqs u jkollhom l-istess drittijiet u dmirijiet. Għan-normi li jipprojbixxu dak li hu ħażin fih innifsu la hemm privileġġi u lanqas eċċezzjonijiet: tkun sid id-dinja jew “l-iktar imsejken” fuq l-art ma hemmx differenza, ilkoll indaqs fejn jidħol dak li titlob il-moralitá.

97. In-normi morali, u qabel kollox dawk negattivi, jiġifieri dawk li jipprojbixxu dak li hu ħażin, għandhom fihom stess kemm it-tifsir tagħhom u kemm il-qawwa morali tagħhom: huma u jħarsu d-dinjitá personali u invjolabbli ta’ kull bniedem, iżommulu sħiħa l-istruttura soċjali tiegħu u l-progress veru tiegħu kollu. B’mod speċjali l-kmandamenti tat-tieni tavla tad-Dekalogu, li Ġesú fakkarhom ukoll liż-żagħżugħ ta’ l-Evanġelju (ara Mt 19, 18), huma r-regoli ewlenin ta’ kull ħaġa soċjali.

 

Dawn il-kmandamenti huma mxandra b’mod ġenerali. Iżda għaliex “il-bidu, is-suġġett u l-għan ta’ l-istituti kollha soċjali hu u għandu jkun il-bniedem”[153], dawn il-kmandamenti jistgħu jiġu speċifikati u mfissra b’normi ta’ mġiba aktar dettaljati u espliċiti. F’dan is-sens il-liġijiet morali fondamentali tal-ħajja soċjali għandhom ċerti talbiet speċifiċi, li jridu jilqgħuhom u joqgħodu għalihom kemm l-awtoritajiet ċivili u kemm iċ-ċittadini. Għalkemm l-intenzjonijiet xi kull tant ikunu tajbin u ċ-ċirkostanzi jkunu spiss diffiċli, qatt ma hu permess għall-awtoritajiet ċivili u għal kull ċittadin li jiksru d-drittijiet fondamentali tal-persuna tal-bniedem, drittijiet li għandhom jibqgħu dejjem bla mittiefsa. Biss dak it-tagħlim morali li jagħraf bħala dejjem validi u għal kulħadd in-normi morali, bla ebda eċċezzjoni, jista’ jkun il-pedament etiku tal-ħajja soċjali, kemm nazzjonali u kemm internazzjonali.

 

IT-TIĠDID TAL-ĦAJJA MORALI, SOĊJALI U POLITIKA

98. Minħabba ħafna suriet serji ta’ inġustizzja soċjali u ekonomika u ta’ korruzzjoni politika, li qed iġarrbu nazzjonijiet u popli sħaħ, qed jikber l-għadab ta’ ħafna nies, li qed jiġu ttrattati ħażin u mmqadra fid-drittijiet fondamentali tagħhom, u dejjem aktar qed tinxtered u tinħass il-ħtieġa ta’ tiġdid sħiħ personali u soċjali li jġib ġustizzja, solidarjetá, onestá u trasparenza. It-triq hi twila u iebsa; iridu jsiru ħafna sforzi kbar biex iseħħ dan it-tiġdid minħabba l-ħafna kawżi serji li jkabbru u jsaħħu s-suriet ta’ inġustizzja li hawn fid-dinja. Iżda kif tgħallem l-istorja u l-esperjenza ta’ kull persuna, mhux ħaġa iebsa li ssib x’inhuma s-sisien ta’ dawn is-suriet ta’ nġustizzja: huma kawżi proprjament “kulturali”, jiġifieri marbutin ma’ fehmiet partikulari tan-nies, tas-soċjetajiet u tad-dinja. Fil-fatt hu fil-qofol tal-problema kultuali li nsibu s-sens morali li min-naħa tiegħu hu mibni fuq is-sens reliġjuż u fih iseħħ[154].

 

99. Alla waħdu, l-Ogħla Ġid, hu l-pedament dejjiemi u l-kondizzjoni essenzjali tal-morlitá u għalhekk tal-kmandamenti wkoll u l-aktar tal-preċetti negattivi, jiġifieri ta’ dawk li dejjem jipprojbixxu kull imġiba u kull għemil li bl-ebda mod ma jaqblu mad-dinjitá ta’ kull persuna, tkun min ikun. Hekk l-Ogħla Ġid u dak li hu moralment tajjeb jaqblu bejniethom fil-veritá: fil-veritá ta’ Alla l-Ħallieq u l-Feddej u fil-veritá biss tista’ tinbena soċjetá ġdida u jiġu maħlula l-problemi komplessi u gravi li qed iħabbtuha u, qabel xejn, il-problema ta’ kif se jiġu megħluba l-ħafna suriet ta’ totalariżmu, biex tinfetaħ it-triq għal-libertá vera tal-bniedem.

 

“It-totalitariżmu joħroġ miċ-ċaħda tal-veritá fiha nnifisha, tal-veritá oġġettiva. Jekk jilħaq l-identitá sħiħa tiegħu, ma jkunx hemm prinċipju żgur ta’ garanzija għar-relazzjonijiet ġusti bejn il-bnedmin. L-interessi tagħhom bħala klassi, grupp jew nazzjon bilfors iwasluhom biex ikunu kontra xulxin. Jekk wieħed ma jammettix il-veritá traxxendentali, flokha tidħol il-qawwa tas-setgħa, u kull bniedem ifittex li jagħmel użu sħiħ tal-mezzi kollha li jkollu biex jimponi d-drittijiet, l-interessi u l-fehmiet tiegħu, bla ma jimpurtah xejn mill-oħrajn. Il-bniedem imbagħad jiġi rispettat biss sakemm jista’ jiġi sfruttat mill-egoiżmu ta’ min hu b’saħħtu. Għalhekk l-għerq tat-totalitariżmu ta’ llum nistgħu nsibuh fiċ-ċaħda tad-dinjitá traxxendentali tal-persuna tal-bniedem, li bħala xbieha li tidher ta’ Alla li ma jidhirx, għandu fin-natura tiegħu stess drittijiet li ħadd ma għandu l-jedd li jeħodhomlu, ebda individwu, grupp, klassi jew Stat. Lanqas il-maġġoranza ta’ grupp soċjali ma tista’ tikser dawn id-drittijiet billi teħodha kontra l-minoranza, timmarġinha, taħqarha, tisfruttaha jew tipprova teqridha”[155].

Għalhekk ir-rabta li ma tiġi nieqsa qatt bejn il-libertá u l-veritá, li turi r-rabta fondamentali bejn l-Għerf u r-rieda ta’ Alla, għandha tifsir importanti ħafna għall-ħajja tal-bniedem fl-oqsma ta’ l-ekonomija soċjali u tal-politika soċjali, kif jidher mid-duttrina soċjali tal-Knisja, li hi “parti mit-teoloġija, u b’mod speċjali mit-teoloġija morali”[156], u mill-mod kif tippreżenta l-preċetti li jirregolaw mhux biss dak li għandu x’jaqsam ma’ drawwiet ġenerali, imma wkoll ma’ suriet speċifiċi ta’ mġiba u ta’ għemil bil-fatti fl-oqsma tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika.

 

100. Dan jgħid il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “F’kull ma għandu x’jaqsam ma’ l-ekonomija, ir-rispett tad-dinjitá tal-persuna jitlob li titħaddem il-virtu tar-rażan, biex ir-rabta mal-ġid ta’ l-art ma tkunx bla qjies, li titħaddem il-virtú tal-ġustizzja ħa jiġu mħarsa d-drittijiet tal-proxxmu u kulħadd jieħu dak li ħaqqu; u li titħaddem is-solidarjetá skond ir-regola tad-deheb u skond l-id miftuħa tal-Mulej li kien “għani u ftaqar biex mill-faqar tiegħu nistagħnu aħna” (2 Kor 8,9)[157]. Il-Katekiżmu mbagħad isemmi għadd ta’ suriet ta’ mġiba u ta’ għemil li jmorru kontra d-dinjitá tal-bniedem, u dawn huma s-serq, li żżomm għandek deliberatament ġid misluf lilek jew xi ħaġa mitlufa, il-qerq fin-negozju (ara Dewt 25, 13-16), il-ħlas ta’ salarji mhux skond il-ġustizzja (ara Dewt 24, 14-15; Ġak 5, 4), l-għoli ta’ prezzijiet biex tipprofitta mill-injoranza u l-ħtieġa ta’ l-oħrajn (Gak 8,4-6), li tagħmel tiegħek u tuża għalik il-ġid soċjali ta’ xi intrapriża, xogħol magħmul ħażin, qerq fid-dikjarazzjonijiet tad-dħul tiegħek, falsifikar ta’ ċekkijiet u ta’ fatturi, spejjeż esaġerati, il-ħala, u l-bqija[158]. U barra dan “is-seba kmandament jipprojbixxi wkoll għemil u intrapriżi, tkun xi tkun ir-raġuni għalihom, egoiżmu jew ideoloġija, negozju jew totalitariżmu, li jwasslu għat-tjassir tal-bnedmin, għaċ-ċaħda ta’ għarfien ta’ drittijiethom, għall-bejgħ u għax-xiri u għall-bdil tagħhom qishom xi ħaġa ta’ negozju. Hu dnub kontra d-dinjitá tal-persuna u tad-drittijiet fondamentali tagħhom meta bi vjolenza tagħmilhom jew tqishom biss bħala xi ħaġa li tuża jew xi ħaġa biex biha taqta’ l-flus. San Pawl lil wieħed sid nisrani ordnalu biex lill-ilsir tiegħu jilqgħu “mhux bħala lsir imma bħala ħuħ għażiż...”(Filem 16), bħala bniedem fil-Mulej[159].

 

101. Fil-qasam tal-politika għandna naraw li jkun hemm l-imħabba għall-veritá fir-relazzjoni bejn min imexxi u ċ-ċittadini, iktar trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika, imparzjalitá fis-servizz pubbliku, ħarsien tad-drittijiet ta’ l-oppożizzjoni politika, ħarsien tad-drittijiet ta’ min hu mixli minn ġudizzji u kundanni mgħaġġlin, amminstrazzjoni ġusta u tajba tal-fondi pubbliċi, ir-rifjut ta’ mezzi ekwivoċi u ħżiena biex jinkiseb il-poter, biex jinżamm jew jitkattar aktar, jiġri x’jiġri: dawn kollha huma prinċipji li għandhom l-għeruq tagħhom u l-bidu tagħhom prinċipalment fid-dinjitá traxxendantali tal-persuna u dak li titlob il-morali oġġettiva fit-tmexxija ta’ l-Istat[160]. Meta ma jkunux imħarsa dawn il-prinċipji, jispiċċaw is-sisien tal-koeżistenza politika, u l-ħajja soċjali kollha pass pass tiġġarraf u tispiċċa fix-xejn (ara Salm 13/14, 3-34; Apok 18, 2-3. 9-24). Illum wara l-waqgħa f’ħafna nazzjonijiet ta’ ideoloġiji li kienu jorbtu l-politika ma fehma totalitarja ta’ dinja – l-ewwel fosthom il-Marxiżmu – tfaċċa periklu mhux inqas serju li jiġu miċħuda d-drittijiet fondamentali tal-persuna u jkun hemm indħil mill-awtoritajiet ċivili fit-tamiet reliġjużi li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem. Hemm il-periklu ta’ ftehim bejn demokrazija u relattiviżmu morali li jwarrab mill-ħajja soċjali u politika kull riferiment morali u hekk żgur iwassal biex il-veritá ma tkunx aktar possibbli. “Dwar dan, ta’ min jgħid li kieku ma kienx hemm il-veritá fiha nnfisha, il-veritá oġġettiva li tmexxi u tiddirieġi l-ħidma politika, il-fehmiet u l-konvinzjonijiet malajr jiġu mgħawġin u mmanipulati minn min għandu setgħa. Demokrazija bla valuri malajr tinbidel, fil-beraħ jew bil-moħbi, f’totalitariżmu, kif turina l-istorja”[161]

Hekk f’kull qasam tal-ħajja tal-bniedem, familjari, soċjali, politika u morali – li għandhom il-bażi tagħhom fil-veritá u huma miftuħin fil-veritá għal-libertá vera – il-moralitá toffri servizz li ma jistax isir minn ebda mod ieħor u li hu ta’ mportanza kbira, mhux biss għal kull individwu biex jikber fit-tjieba, imma wkoll għas-soċjetá u għall-progress veru tagħha.

 

IL-GRAZZJA U L-UBBIDJENZA GĦAL-LIĠI TA’ ALLA

102. Il-bniedem, ukoll meta jsib ruħu f’xi qagħda diffiċli ħafna, irid iħares il-liġi

morali biex jobdi l-kmandament qaddis ta’ Alla, u għemilu jkun jaqbel mad-dinjitá tiegħu bħala persuna. Ir-rabta bejn il-libertá u l-veritá titlob xi kull tant sagrifiċċji mhux tas-soltu li jinkisbu bi ħlas kbir; jistgħu jaslu biex jitolbu l-martirju. Iżda kif tgħallimna l-esperjenza ta’ kuljum kullimkien, il-bniedem bla heda hu mħajjar biex imur kontra din ir-rabta: “Naf li mhux dak li rrid nagħmel, iżda dak li nobgħod. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (Rum 7:15,19).

 

Minn fejn mela fl-aħħar mill-aħħar tiġi l-firda li hemm fil-bniedem? Il-bniedem ta bidu għall-istorja tad-dnub, meta ma għarafx aktar lill-Mulej Ħallieq tiegħu u ried ikun jaf biss x’inhu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3, 5): din kienet l-ewwel tentazzjoni, warajha ġew it-tentazzjonijiet l-oħra kollha, li l-bniedem malajr iċedi għalihom għax midrub mill-ewwel dnub.

 

Iżda t-tentazzjonijiet jistgħu jintrebħu, id-dnub jista’ jiġi evitat, għax il-Mulej flimkien mal-kmandamenti jagħtuna l-għajnuna biex inħarsu l-liġi tiegħu. “Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnhu, hu jagħraf kull ma jagħmel il-bniedem. Lil ħadd ma jqabbad għall-ħażin u lil ħadd ma rħielu jidneb” (Sir 15, 19-20). Il-ħarsien tal-liġi ta’ Alla, f’ċerti okkażjonijiet, jista’ jkun tqil anzi iebes ħafna, imma qatt impossibli. Dan minn dejjem kien it-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja u ġie mfisser b’dan il-mod mill-Konċilju ta’ Trento. “Ebda bniedem, għalkemm ġustifikat, ma għandu jaħseb li ħieles mill-ħarsien tal-kmandamenti; ħadd ma għandu jħaddan dik il-fehma, nieqsa sewwa mill-għaqal u kkundannata minn Missirijiet il-Knisja, li l-ħarsien tal-kmandamenti ta’ Alla minn min hu ġustifikat hi impossibbli. Dan għaliex Alla ma jordnax dak li hu impossibbli, u meta jordna jwissi biex tagħmel kull ma tista’, titlob dak li tista’ tagħmel u jgħinek biex tagħmlu; għax ‘il-kmandamenti ta’ Alla m’humiex tqal’ (1 Ġw 5, 3) u l-madmad tiegħu ħelu u t-toqol tiegħu ħafif (ara Mt 11, 3)”[162].

 

103. Il-bniedem għandu dejjem quddiemu t-triq spiritwali li twassal għat-tama bl-

għajnuna tal-grazzja ta’ Alla u bil-kooperazzjoni tal-libertá tal-bniedem. Fis-salib ta’ Kristu li salvana, fid-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu, fis-Sagramenti li ħarġu mill-ġenb minfud tal-Feddej (ara Ġw19, 34), in-nisrani jsib il-grazzja u l-qawwa biex iħares dejjem il-liġi mqaddsa ta’ Alla, ukoll fost ħafna diffikultajiet kbar fuq li kbar. Kif jgħid San Andrija ta’ Kreta, l-istess liġi “tikseb ħajja mill-grazzja, tinħakem minnha u tissejjaħ biex tingħaqad magħha u taqdiha f’armonija sħiħa, bla ebda taħlit u konfużjoni ta’ dak li hu tal-grazzja u ta’ dak li hu tal-liġi, iżda b’mod li dak li seta’ kien ta’ madmad u ta’ toqol isir ħelu u ħieles permezz ta’ bidla li sseħħ bil-qawwa ta’ Alla[163].

 

Fil-misteru biss tal-Fidwa ta’ Kristu jinsabu l-fakultajiet “konkreti” tal-bniedem: “Ikun żball kbir ħafna tasal biex tgħid li tagħlim mogħti mill-Knisja hu fih innifsu “ideal” biss, li jista’ jiġi adattat, proporzjonat u dispost skond ma jkunu l-possibiltajiet tal-bniedem fil-fatt, skond kif joħroġ “mill-bilanċ u l-qjies li jkun hemm bejn il-ħafna suriet ta’ ġid li jkun hemm”. Imma liema huma “il-possibilitajiet tal-bniedem fil-fatt?” Dwar liema bniedem qed nitkellmu? Dwar bniedem maħkum mill-konkupixxenza, jew dwar bniedem mifdi minn Kristu? Għax il-kwistjoni hi dwar il-veritá tal-Fidwa ta’ Kristu. Kristu fdiena, jiġifieri tana l-ħila, il-fakultá li niksbu l-veritá kollha sħiħa ta’ dak li aħna. Ġesú ħeles il-libertá tagħna mill-ħakma tal-konkupixxenza. Jekk il-bniedem mifdi għadu jidneb dan ġej mhux għax l-opra tas-salvazzjoni ta’ Kristu ma kinitx perfetta, imma għax il-bniedem bir-rieda tiegħu jinqata’ mill-grazzja li tiġi mill-opra tas-salvazzjoni. Il-Kmandamenti ta’ Alla huma proporzjonati għall-kapaċitajiet tal-bniedem li lilu ngħatalu l-Ispirtu s-Santu; il-bniedem li jekk jaqa’ fid-dnub jista’ jikseb il-maħfra u jgawdi mill-ġdid il-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu”[164].

 

104. Fid-dawl ta’ dan naraw li hemm post għall-ħniena ta’ Alla għad-dnub tal-

bniedem li jagħmel penitenza għalih, u għarfien ukoll għad-dgħufija tal-bniedem. Dan l-għarfien qatt ma jfisser kompromess jew tibdil fil-qjies ta’ dak li hu tajjeb u ta’ dak li hu ħażin, biex jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi. Jekk il-bniedem meta jidneb jista’ jagħraf id-dgħufija tiegħu u jitlob ħniena għall-ħtija li għamel, m’għandniex inqisu tajba l-imġiba ta’ dak li jagħmel id-dgħufija tiegħu norma u ġudizzju dwar dak li hu tajjeb, hekk li jħoss li hu stess jista’ jiskuża lilu nnifsu, mingħajr ma jitlob l-għajnuna ta’ Alla u l-ħniena tiegħu. Din l-imġiba tħassar il-moralitá tas-soċjetá kollha, għaliex tħajjar għad-dubju dwar il-veritá universali tal-liġi morali u tiċħad il-projbizzjoni morali assoluta dwar għemejjel speċifiċi tal-bniedem u twassal għal taħwid sħiħ fil-valuri.

 

Aħna għall-kuntrarju, rridu nilqgħu t-tħabbira li nsibu fil-parabbola evanġelika tal-Fariżew u l-pubblikan (Ara Lq 18, 9-14). Il-pubblikan, b’xi mod, seta’ kellu xi xkuża għal dnubietu li tnaqqaslu l-ħtija tiegħu. Iżda din l-iskuża m’hijiex bażata fuq it-talba li għamel, imma fuq l-għarfien tax-xejn tiegħu quddiem il-qdusija ta’ Alla: “Alla ħenn għalija, għax jien midneb” (Lq 18, 13). Il-Fariżew għall-kuntrarju jiskuża lilu nnifsu għax forsi ħaseb li kellu xi jsaffih minn ħtijietu. Hawn għandna quddiemna żewġ suriet ta’ mġiba tal-kuxjenza morali tal-bniedem ta’ kull żmien. Il-pubblikan juri kuxjenza “niedma”, tagħraf sewwa d-għufija tan-natura tagħha u tara fi ħtijietha, huma x’inhuma l-iskużi soġġettivi li ġġib, il-ħtieġa għaliha tal-fidwa. Il-Fariżew minn-naħa l-oħra juri kuxjenza “kuntenta biha nnifisha”, li taħseb li tista’ tħares il-liġi mingħajr l-għajnuna tal-grazzja, żgura li ma teħtieġ ebda ħniena.

 

105. Kulħadd għandu joqgħod attent li ma jiħux id-drawwa tal-Fariżew, li jipprova

jwarrab minnu l-għarfien tal-limiti tiegħu u ta’ dnubietu, drawwa li llum tidher partikularment fl-isforzi li qed isiru biex in-normi morali jiġu adattati għall-kapaċitajiet u l-interessi partikulari, jew għaċ-ċaħda stess ta kull norma. Għall-kuntrarju, meta wieħed jammetti differenza bejn liġi u kapaċitajiet tal-bniedem, jiġifieri l-kapaċitajiet tal-forzi morali tal-bniedem imħolli waħdu, jitħeġġeġ bix-xewqa tal-grazzja u jħejji ruħu biex jirċeviha. “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” jistaqsi San Pawl lilu nnifsu, “Nizziħajr lil Alla permezz ta’ Ġesú Kristu Sidna”, (Rum 7, 24-25).

 

Insibu l-istess għarfien f’din it-talba ta’ l-Isqof San Ambroġ: “X’inhu l-bniedem jekk ma żżurux? Tinsiex li jiena dgħajjef, ftakar li sawwartni mit-trab. Kif nista’ nżomm jekk int ma ssaħħaħx bla heda ‘l dan it-tajn biex is-sbuħija tiegħi tiġi mill-ħarsa ta’ wiċċek? ‘Jekk taħbi wiċċek, huma jitfixklu (Salm 103, 29); jekk tħares, miskin jien! Ma hemm xejn li tista’ tara fija jekk mhux tbajja ta’ dnubiet: ma hemm xejn ta’ siwi kemm jekk titlaqni u kemm jekk tħares lejja, għax meta tħares lejna tara li aħna noffenduk. Iżda nistgħu naħsbu li int ma twarrabx lil dawk li fuqhom titfa’ ħarstek, għax int issaffi lil min tara. Hemm nar iħeġġeġ quddiemu li jeqred kull ħtija” (ara Gal 2, 3)[165].

 

IL-MORALITÁ U L-EVANĠELIZZAZZJONI L-ĠDIDA

106. L-evanġelizzazzjoni hi l-aqwa sfida li qanqlet il-Knisja sa mill-bidu tagħha

stess. Din l-isfida fil-fatt m’hijiex ġejja mill-kondizzjonijiet soċjali u kulturali li fihom il-Knisja sabet ruħha tul il-ġrajja twila tagħha, imma aktar minn Ġesú Kristu li qam mill-imwiet, mill-ordni tiegħu li wera x’hini l-essenza tal-missjoni tal-Knisja: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16, 15).

 

Iżda żmien li fih qegħdin ngħixu, almenu għal ħafna popli, għandu sfida li ma bħala għall-“evanġelizzazzjoni ġdida”, jiġifieri tħabbira ta’ l-Evangelju, li hu dejjem ġdid u dejjem iħabbar ħwejjeġ ġodda, evanġelizzazzjoni li trid tkun “ġdida fil-ħeġġa tagħha, fil-metodi tagħha, u fis-suriet tagħha”[166]. It-telfien tal-fidi nisranija, li qed jolqot popli sħaħ u komunitajiet li fl-imgħoddi kienu minn ta’ qauddiem fix-xhieda ta’ ħajja nisranija, mhux biss iġġib it-telfien tal-fidi jew b’xi mod in-nuqqas tas-siwi tagħha għall-ħajja, imma twassal ukoll u bil-fors biex jonqos jew jiddallam is-sens morli. Dan jiġri jew għax jintilef l-għarfien mill-kuxjenza ta’ dak li hi l-moralitá nisranija, jew għax jintilfu għal kollox il-prinċipji fondamentali tal-virtujiet morali. It-tendenzi soġġettivi, utilitarji u relattivi, hekk imxerrda llum, juru mhux biss qagħdiet prammatiċi jew suriet ta’ mġiba, imma wkoll opinjonijiet mibnijin fuq teoriji li min iħaddanhom iqishom leġittmi kemm kulturalment u kemm soċjalment.

 

107. L-evanġelizzazzjoni – u għalhekk l-“evanġelizzazzjoni l-ġdida” – tħabbar ukoll veritajiet morali. Ġesú nnifsu, huwa u jxandar is-saltna ta’ Alla u l-imħabba salvifika tiegħu, stieden in-nes għall-fidi u l-konverżjoni (ara Mk 1, 15). Sab Pietru, flimkien ma’ l-Appostli l-oħra, huma u jxandru l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesú ta’ Nazaret, ħabbru sura ġdida ta’ ħajja “triq” ġdida li jridu jgħaddu minnha dawk kollha li jridu jmorru wara Kristu rxoxt (ara Atti 2, 37-41; 3, 17-20).

 

L-Evanġelizzazzjoni l-ġdida, bħalma tagħmel għall-veritajiet tal-fidi, wisq aktar tagħmlu dwar is-sisien tal-morali nisranija u dwar it-tifsir tagħha, għax barra li turi l-veritá tagħha, fl-istess waqt toħroġ il-qawwa missjunarja kollha tagħha, li sseħħ mhux biss bit-tħabbir tal-kelma billi l-kelma ngħixuha fil-ħajja. B’mod partikulari hi ħajja ta’ qdusija,li tiddi f’tant membri tal-Poplu ta’ Alla, spiss umli u moħbija minn għajnejn in-nies, ħajja mill-aktar sempliċi u mill-isbaħ, li jekk ngħixuha minnufih nistgħu naraw il-ġmiel tal-veritá, il-qawwa li ssalva ta’ l-imħabba ta’ Alla, u s-siwi ta’ fedeltá sħiħa għal kull ma titlob il-liġi ta’ Alla, ukoll f’ċirkostanzi mill-aktar diffiċli. Għalhekk il-Knisja, bil-ħila tagħha, għat-tagħlim tal-moralitá, dejjem ħeġġet lill-insara biex jgħixu ħajja skond il-kmandamenti ta’ Alla u l-beatitudnijiet ta’ l-Evanġelju u jfittxu u jsibu mudell, qawwa u hena tal-Qaddisin irġiel u nisa b’mod speċjali, fil-Verġni Omm Alla “mimlija bil-grazzja” u “kollha kemm hi qaddisa”.

 

Il-ħajja tal-Qaddisin, rifless tat-tjieba ta’ Alla, ta’ Dak li hu “waħdu Tajjeb”, mhux biss hija stqarrija vera tal-fidi li twassalna wkoll biex ngħadduha lill-oħrajn, imma hi fuq kollox tifħir ta’ Alla u tal-qdusija infinita tiegħu. Hekk il-ħajja qaddisa twassal għall-milja sħiħa u għall-effett sħiħ tiegħu l-uffiċċju wieħed, profetiku, saċerdotali u regali, li kull nisrani jirċievi bħala don tat-twelid ġdid “mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 3, 5). L-istess ħajja morali għandha sura mill-aqwa ta’ “qima spiritwali” (ara Rum 12, 1; Fil 3, 3), li tiġi u tissaħħaħ minn dik l-għajn li ma tintemm qatt ta’ qdusija u ta’ tifħir lil Alla, li huma s-Sagramenti, u l-aktar l-Ewkaristija; għaliex in-nisrani, huwa u jissieħeb fis-sagrifiċċju tas-salib, jixxierek ma’ dik l-imħabba, li wasslet lil Kristu biex jagħti lilu nnifsu, u jiġi msaħħaħ biex jimpenja ruħu ħa jgħix din l-imħabba fi ħsibijietu u f’għemilu. Fil-ħajja morali l-qadi regali jidher u jseħħ bl-għajnuna tal-grazzja u aktar ma wieħed jobdi l-liġi ġdida ta’ l-Ispirtu s-Santu, aktar jikber fil-libertá li għaliha hu msejjaħ permezz tal-misteru tal-veritá, ta’ l-imħabba u tal-ġustizzja.

 

108. L-għerq ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida u tal-ħajja morali ġdida li turi u tqanqal frott ta’ qdusija u ħeġġa missjunarja hu l-Ispirtu ta’ Kristu, il-bidu u l-qawwa ta’ kull frott fil-Knisja Mqaddsa Ommna, kif iwissina l-Papa Pawlu VI “Ebda predikazzjoni ma jista’ jkun hemm mingħajr don ta’ l-Ispirtu s-Santu”[167]. Mill-Ispirtu ta’ Ġesú, milqugħ bl-umiltá u t-tjieba fil-qalb ta’ min jemmen, jiġi l-frott tal-ħajja morali nisranija u x-xħieda tal-varjetá kbira ta’ sejħat, doni, responsabbiltajiet, kondizzjonijiet u qagħdiet tal-ħajja. Hu l-Ispirtu s-Santu, kien qal Novazjanu, huwa u jfisser il-fidi vera tal-Knisja dwar dan, “li jwettaq il-qlub u l-fehmiet ta’ dawk li ħabbrilhom il-misteri ta’ l-Evanġelju, li xerred fuqhom id-dija tad-dawl tal-ħwejjeġ tas-sema u, mwettqin minnu, ma jibżgħux la mill-ħabsijiet u lanqas mill-ktajjen, anzi jgħaffġu fuq is-setgħat u t-turmenti tad-dinja, armati u msaħħin minnu, għax fihom ikollhom id-doni li dan l-istess Spirtu jqassam bħala doni lill-Knisja, għallem l-għorrief, mexxa l-ilsna, għamel għeġubijiet u mirakli, ta’ l-għażla ta’ l-ispirti, qassam kull tmexxija, nebbaħ pariri, qassam u mexxa l-kariżmi l-oħra kollha li hemm biex il-Knisja tal-Mulej jagħmilha perfetta u sħiħa kullimkien u f’kulħadd”[168].

 

F’dan il-kontest ħaj ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, li trid tagħti bidu u taħji l-fidi “li taħdem permezz ta’ l-imħabba” (Gal 5, 6), b’riferenza għall-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, nistgħu nifhmu liema hu l-post li fil-Knisja ix-xirka ta’ dawk li jemmnu, għandu jkollha riflessjoni fuq it-teoloġija tal-ħajja morali, u nistgħu wkoll nuru x’inhi l-missjoni u x’inhuma r-responsabbiltajiet tal-moralisti.

 

IL-MINISTERU TA’ L-GĦALLIEMA TAT-TEOLOĠIJA MORALI

109.Il-Knisja kollha, imsieħba uffiċċju profetiku tal-Mulej Ġesú b’don ta’ l-Ispirtu s-Santu, hi msejħa biex ixxandar l-Evanġelju u tagħti xhieda ta’ ħajja tal-fidi. Bi grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, li dejjem hu mal-Knisja (ara Ġw 14,16-17), “il-ġemgħa tal-fidili kollha li għandhom l-unzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara 1 Ġw 2, 20-27), ma jistgħux jitqarrqu fi twemminhom, din il-ġemgħa turi din il-kwalitá speċjali tagħha permezz tas-sens sopranaturali tal-fidi tal-poplu kollu, meta ‘mill-Isqfijiet sa l-inqas wieħed fost il-lajċi’, turi l-qbil ta’ kulħadd dwar veritajiet ta’ fidi u ta’ morali”[169].

 

Il-Knisja hija u taqdi l-uffiċċju profetiku tagħha bla heda, trid tqanqal u “tqajjem” (2 Tim 1, 6) il-ħajja tal-fidi tagħha, taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu, billi tagħraf dejjem aktar fil-fond kull ma hemm fil-fidi stess. Fil-qadi ta’ dan il-ministeru ta’ għarfien aktar fil-fond tal-fidi b’fedeltá sħiħa tinsab “il-vokazzjoni” tat-teoloġi. Naqraw fl-istruzzjoni Donum veritatis: “Fost il-vokazzjonijiet li l-Ispirtu jqajjem fil-Knisja hi għolja ħafna l-vokazzjoni tat-teoloġi li b’mod speċjali għandhom id-dmir, f’għaqda mal-Maġisteru, jiksbu għarfien aktar fil-fond tal-Kelma ta’ Alla, li tinsab fl-Iskrittura ispirata u titwassal tul iż-żmienijiet permezz tat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja. Il-fidi , min-natura tagħha, timpenja r-raġuni għaliex turi lill-bniedem il-veritá tad-destin tiegħu u t-triq biex jiksbu. Għalkemm din il-veritá tiżboq għal kollox il-mod kif aħna nitkellmu, u t-tagħrif kollu li għandna ma jwassalx biex infissru l-kobor kollu tagħha, għax qatt ma nistgħu nagħrfuha biżżejjed (ara Ef 3, 19), din il-veritá tistieden lir-raġuni – mogħtija lilna bħala don biex nagħrfu l-veritá – biex tkun imdawla b’rispett għall-veritá, tfittex tifhem il-fidi, tgħin lill-Poplu ta’ Alla, skond l-ordni ta’ l-Appostlu (ara 1 Piet 3, 15) biex jagħti tweġiba ta’ l-għala tat-tama li għandu”[170].

 

L-għarfien tar-rabta intima u ħajja mal-Knisja u mal-misteru tagħha u mal-ħajja u l-ħidma tagħha turi verament x’inhi t-teoloġija, u għalhekk turiha wkoll kif taqdi l-uffiċċju tagħha. “It-teoloġija hi xjenza ekkleżjali għax tikber fil-Knisja u taħdem fiha. Għax taqdi l-Knisja trid tħoss li hi impenjata fil-missjoni tal-Knisja u l-aktar fil-ministeru profetiku tagħha”[171]. It-teoloġija vera, min-natura tagħha stess u bil-qawwa dinamika tagħha, tista’ tiffjorixxi u timxi ‘l quddiem, jekk, b’impenn u b’sens ta’ responsabbiltá, tissieħeb u tħoss li hi mal-Knisja, bħala “xirka ta’ fidi”, u mbagħad il-frott tar-riċerka u tar-riflessjoni fil-don tat-teoloġija jagħni l-Knisja u l-ħajja tagħha.

 

110. Kull ma għedna sa issa b’mod ġenerali dwar it-teoloġija nistgħu u għandna ntennuh dwar it-teoloġija morali, fin-natura speċifika tagħha ta’ riflessjoni xjentifika dwar l-Evanġelju bħala kmandament ta’ ħajja ġdida, ta’ ħajja skond il-veritá u l-imħabba (ara Ef 4, 15) ta’ ħajja ta’ qdusija tal-Knisja fejn tiddi l-veritá ta’ dak li hu tajjeb fil-perfezzjoni sħiħa tiegħu. Mhux biss fil-qasam tal-fidi imma wkoll, b’rabta li ma tinħall qatt, fil-qasam ta’ l-imġiba morali, jindaħal il-Maġisteru tal-Knisja, li bħala uffiċċju għandu li “jagħraf, permezz ta’ ġudizzju li jorbtu l-kuxjenza tal-fidili, dawk l-għemejjel li fihom infushom jaqblu ma’ dak li titlob il-fidi u jġibhom ‘il quddiem fil-ħajja ta’ kuljum u jagħżilhom minn dawk l-għemejjel, li għax huma fihom infushom ħżiena, ma jistgħux ikunu jaqblu ma’ dak li titlob il-fidi”[172]. Il-Maġisteru tal-Knisja, huwa u jxandar il-kamandamenti ta’ Alla u l-imħabba ta’ Kristu, jgħallem ukoll lill-fidili preċetti partikulari u speċifiċi u jitlob minnhom li jqisuhom bħala moralment obbligatorji u jgħożżuhom bir-rispett kollu. Il-Maġisteru jaqdi ministeru għoli ta’ ħarsien, biex iwissi l-fidili dwar tagħlim żbaljat li jista’ jxerred fosthom, ukoll jekk hu żbaljat biss impliċitament, meta l-kuxjenza tagħhom ma tasalx biex tagħraf in-normi morali ġusti u veri li jgħallem il-Maġisteru.

 

Hawn jidħol id-dmir ta’ dawk li, b’mandat leġittmu, jgħallmu t-Teoloġija morali fis-Seminarji u l-fakultajiet teoloġiċi. Hu dmir gravi tagħhom li jgħallmu ‘l-fidili – u speċjalment lil dawk li għada se jkunu ragħajja ta’ l-erwieħ – il-kmandamenti kollha u n-normi li jridu jiġu mħarsa, li l-Knisja tagħmel bl-awtoritá kollha tagħha”[173].

 

Waqt li jagħrfu li l-argumenti umani tal-Maġisteru jistgħu jkunu limitati, dawk li jgħallmu t-teoloġija morali għandhom jippruvaw jifhmu aktar fil-fond ir-raġunijiet tat-tagħlim tal-Maġisteru u juru s-siwi u l-obbligu li għandhom dawn il-kmandamenti, ifissru x’rabta għandhom bejniethom u r-relazzjoni tagħhom ma’ l-għan aħħari tal-bniedem[174]. Hu dmir dawn it-teoloġi li jfissru t-tagħlim tal-Knisja huma u jaqdu l-ministeru tagħhom u jagħtu eżempju ta’ rispett sinċier, internament u esternament, għat-tagħlim tal-Maġisteru, kemm fid-dommatika u kemm fil-morali[175]. It-teoloġi f’ħidma ta’ kooperazzjoni sħiħa tal-Magisteru ġerarkiku, għandhom ifittxu li jfissru sewwa l-pedamenti bibliċi, it-tifsir etiku, ir-raġunijiet antropoloġiċi li hemm u li jwettqu t-tagħlim tal-Knisja u l-fehma li għandha tal-bniedem.

 

111. Il-ministeru li jridu jaqdu llum l-għalliema tat-teoloġija morali hu important ħafna mhux biss għall-ħajja u l-ħidma tal-Knisja, imma wkoll għas-soċjetá u l-kultura tal-bniedem. Dmirhom hu li, f’rabta sħiħa mat-teoloġija biblika u dommatika, u permezz ta’ riflessjoni xierqa, juru f’dawl tassew ċar, “dak l-aspett dinamiku li jqanqal it-tweġiba li l-bniedem jeħtieġ jagħti għas-sejħa ta’ Alla li tasallu, huwa u jikber fl-imħabba fi ħdan komunitá ta’ salvazzjoni. B’dan il-mod it-teoloġija morali tikseb dimensjoni spiritwali fiha nnifisha, hija u twieġeb għall-ħtieġa li dejjem aktar iseħħix-xbieha ta’ Alla li hi l-bniedem, bi tweġiba għal-liġijiet li jirregolaw dak il-progress spiritwali imfisser mit-teoloġija axxetika u mistika nisranija”[176].

 

Illum it-teoloġija morali u t-tagħlim tagħha jinsabu f’diffikultá partikulari. Għaliex il-moralitá tal-Knisja tistenna li jsir dak li tordna, it-teoloġija morali ma tistax tkun biss ġabra ta’ tagħlim dwar it-tagħrif biss li jagħtu x-xjenzi tal-bniedem. Dawn ix-xjenzi huma interessati biss fil-fenomeni ta’ moralitá bħala fatti storiċi u soċjali waqt li t-teoloġija morali, għalkemm trid tuża dak li jagħtu dawn ix-xjenzi dwar il-bniedem u n-natura, ma toqgħodx biss fuq dak li joħroġ minn osservazzjonijiet emperiċi formali jew minn għarfien fenomenoloġiku biss. Fil-fatt kull ma hu proprju tax-xjenzi dwar il-bniedem, fil-teoloġija morali għandu dejjem jitqies b’riferenza għall-mistoqsija: “X’inhu tajjeb u x’inhu l-ħażin? X’għandu jsir biex tinkiseb il-ħajja ta’ dejjem?

 

112. It-teologu li jiddedika ruħu għat-teoloġija morali għandu għalhekk juża l-għaqal kollu tiegħu, minħabba li l-kultura ta’ żminijietna hi l-aktar kultura ta’ xjenza u ta’ teknika, hi mhedda mir-relattiviżmu, mill-pragmatiżmu u mill-pożittiviżmu. Skond it-tagħlim tat-teoloġija, il-prinċipji tal-moralitá ma jiddependux miż-żmien li fih isiru magħrufin. U mbagħad, għax xi nsara qed jittraskuraw it-tagħlim tal-Maġisteru jew iqisu moralment tajba mġiba li r-Ragħajja tal-Knisja jgħidu li hi kontra l-liġi ta’ Alla, dan m’għandux jitqies argument validu biex wieħed jiċħad il-veritá tan-normi li jifformulaw prinċipji morali. It-teoloġija morali ma ticħadx is-siwi ta’ dawn il-metodi, iżda ma tillimitax il-fehmiet tagħha għal dawn il-metodi biss, u b’fedeltá sħiħa għas-sens sopranaturali tal-fidi, tqis l-aktar id-dimensjoni spiritwali tal-qalb tal-bniedem u l-vokazzjoni tagħha għall-imħabba ta’ Alla.

Waqt li x-xjenzi dwar il-bniedem, bħax-xjenzi sperimentali kollha, jiżviluppaw fehmiet empiriċi u statistiċi dwar “moralitá”, il-fidi tgħallem li din il-moralitá għandha fiha s-sinjali tal-waqgħa tal-bniedem fil-bidu tal-ħolqien, jiġifieri hi midruba mid-dnub. Il-fidi nisranija biss turi lill-bniedem it-triq li twasslu lura għall-“bidu” tiegħu (ara Mt 19, 8), triq li spiss m’hijiex dik l-istess tan-normi empiriċi. Ix-xjenzi tal-bniedem, għalkemm jagħtu ħafna tagħrif ta’ importanza kbira, ma jistgħux jagħtu normi morali definittivi. L-Evanġelju biss juri l-veritá kollha dwar il-bniedem u dwar il-moralitá tal-mixi morali tiegħu, u hekk idawwal ir-raġuni u jwissi l-midinbin billi jħabbrilhom il-ħniena ta’ Alla, li ma jieqaf qatt jaħdem biex jeħlishom mid-disperazzjoni għax ma jistgħux ikunu jafu u jħarsu l-liġi ta’ Alla, jew jeħlishom mill-prużunzjoni tagħhom li jistgħu jsalvaw bla ebda merti. Tfakkarhom ukoll dwar il-ferħ li jiġi mill-maħfra, li waħedha biss tagħti l-qawwa li nagħrfu l-veritá salvatriċi tal-liġi morali u l-grazzja tat-tama u t-triq tal-ħajja.

 

113. It-tagħlim tat-teoloġija morali jitlob li wieħed jaċċetta liberament responsabbiltajiet intellettwali, spiritwali u pastorali. Għalhekk it-teoloġi li jgħallmu l-morali, li għandhom il-mandat li jgħallmu d-duttrina tal-Knisja, għandhom l-obbligu kbir li jħarrġu lill-fidili għal din l-għażla morali, jiġifieri li jimpenjaw ruħhom ħa jagħmlu dak li hu l-ġid tassew u jitolbu bil-fiduċja kollha l-grazzja ta’ Alla.

 

Jekk id-differenzi fl-opinjonijiet fil-ħajja pubblika huma s-sinjal normali ta’ demokrazija rappreżentattiva, it-tagħlim morali bl-ebda mod ma jista’ jiddependi mir-regoli “proċedurali” ta’ demokrazija rappreżentattiva. It-tagħlim morali ma jistax jiġi deċiż skond il-proċeduri u r-regoli ta’ l-ordni demokratiku.

 

In-nuqqas ta’ qbil mat-tagħlim tal-Maġisteru permezz ta’ protesti mħejjijin sewwa u ta’ argumenti kuntrarji fuq il-mass media imur kontra x-xirka tal-Knisja u kontra l-fehma vera tal-kostituzzjoni ġerarkika tal-Poplu ta’ Alla. Fiċ-ċaħda tat-tagħlim ta’ l-Isqfijiet ma narawx imfissra la l-libertá nisranija u lanqas il-varjetá tad-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu. F’din il-ħaġa, ir-Ragħajja ta’ l-erwieħ għandhom jagħmlu ħidma li tkun taqbel sewwa mal-ministeru appostoliku tagħhom, billi jinsistu li hu dritt tal-fidili li t-tagħlim tal-Knisja jaslilhom sħiħ u fis-safa kollu tiegħu. “It-teologu qatt ma għandu jinsa li hu wkoll membru tal-Poplu ta’ Alla, għandu juri rispett kbir lejh, u jilqa’ d-dmir li jgħallmu b’mod li ma jagħmel ebda ħsara lit-tagħlim tal-fidi”[177].

 

ID-DMIRIJIET PASTORALI TAGĦNA

114. Il-Konċilju Vatikan II jwissi li r-responsabbiltá għall-fidi u għall-ħajja tal-fidi tal-Poplu ta’ Alla, taqa’ proprjament u b’mod speċjali fuq ir-Ragħajja ta’ l-erwieħ. “Fost id-dmirijiet ewlenin ta’ l-Isqfijiet hemm quddiem nett ix-xandir ta’ l-Evanġelju. L-Isqfijiet huma l-ħabbâra ta’ l-Evanġelju ħa jwasslu dixxipli ġodda għand Kristu u huma veri għalliema, jiġifieri għalliema mżejnin bl-awtoritá ta’ Kristu, li jħabbru lill-poplu fdat lilhom il-fidi li għandhom jemmnu u li juru fl-imġiba kollha tagħhom, ifissruha fid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu, huma u joħorġu mit-teżor tar-Rivelazzjoni ħwejjeġ ġodda (ara Mt 13, 52), ħalli tagħti frott; iridu jgħassu biex ibiegħdu kull żball li jkun jhedded il-merħla tagħhom (ara 2 Tim 4, 1-4)” [178].

 

Hu dmir tagħna lkoll, u hi wkoll qabel xejn grazzja tagħna lkoll bħala Ragħajja u Isqfijiet, ngħallmu lill-insara dak kollu li jista’ jwassalhom għand Alla kif Kristu għamel maż-żagħżugħ ta’ l-Evanġelju li staqsieh x’għandu jagħmel. Għall-mistoqsija, “X’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mt 19, 16), Ġesú semmielu lil Alla, is-Sid tal-ħolqien u tal-Patt, fakkru fil-kmandamenti morali ġa rivelati fi żmien il-Patt il-Qadim, urieh l-ispirtu u l-awtoritá għolja tagħhom, u ħajru jimxi warajh fil-faqar, fl-umiltá u fl-imħabba: “Ejja u imxi warajja”. Il-veritá ta’ dan it-tagħlim ġie mwettaq bid-demm ta’ Kristu fuq is-salib; hekk saret fl-Ispirtu s-Santu l-liġi l-ġdida tal-Knisja u ta’ l-insara kollha.

 

“It-tweġiba” għal dak li titlob il-moralitá, il-Mulej fdaha l-aktar lilna bħala Ragħajja tal-Knisja, għax aħna msejħin biex infissruha b’mod ċar fil-qadi tal-ministeru profetiku tagħna. Il-ministeru pastorali tagħna dwar it-tagħlim morali nisrani rridu neżerċitawh ukoll bħala ministeru saċerdotali, u dan nagħmluh meta nqassmu d-doni tal-grazzja u tal-qdusija lill-insara.biex ikunu jistgħu jħarsu l-liġi qaddisa ta’ Alla, u nwettquhom bit-talb kollu fiduċja u ma jaqta’ qatt tagħna biex jibqgħu sħaħ f’dak li titlob minnhom il-fidi u jgħixu fl-ispirtu ta’ l-Evanġelju (ara Kol 1, 9-12). Id-duttrina morali nisranija llum għandha tkun wieħed mill-oqsma l-aktar importanti ta’ l-għassa pastorali tagħna u tat-tħaddim tal-ministeru regali tagħna.

 

115. Din hi l-ewwel darba li l-Maġisteru tal-Knisja qiegħed ixandar b’mod l-aktar

wiesa’ l-elementi ewlenin tat-tagħlim morali tal-Knisja, u qed juri liema huma l-prinċipji li jridu jirregolaw l-għażliet pastorali f’qagħdiet prattiċi u kulturali li jkunu komplessi ħafna u ftit u xejn problematiċi.

 

Fid-dawl tar-Rivelazzjoni u tat-tagħlim dejjem sejjer tal-Knisja, u l-aktar fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, fakkarna fil-qosor x’inhuma l-kwalitajiet essenzjali tal-libertá u l-ġid ewlieni tad-dinjitá tal-persuna tal-bniedem, marbuta dejjem mal-veritá ta’ għemilu, hekk li tkun dejjem tingħaraf il-grazzja u s-sinjal tal-predestinazzjoni tagħna ħa nkunu wlied Alla b’Ġesú Kristu, Ibnu l-Waħdieni (ara Ef 1, 4-6). Din l-enċiklika b’mod partikulari eżaminat xi opinjonijiet li qed jidhru llum fit-teoloġija morali. Qed ngħassu fuqhom, aħna u nobdu l-ordni mogħti mill-Mulej lil San Pietru biex iwettaq lil ħutu fil-fidi (ara Lq 22, 32) ħa niċċaraw il-ġudizzju dwar l-għażliet li nagħmlu flimkien u ngħinu ‘l xulxin.

 

Kull wieħed minna jagħraf x’qawwa għandu l-qofol tat-tagħlim ta’ din l-enċiklika, li llum qed jiġi mtenni bl-awtoritá tas-suċċessur ta’ San Pietru. Kull wieħed minna jista’ jagħraf kemm hi gravi l-kwistjoni li qed timpenja mhux biss lill-individwi imma s-soċjetá kollha wkoll, issa li ħassejna l-ħtieġa li nikkonfermaw l-universalitá u l-immutabbilitá tal-preċetti morali, u l-aktar tal-preċetti negattivi li dejjem u bla eċċezzjoni jipprojbixxu għemil intrinsikament ħażin, għemil ħażin fih innifsu.

 

Fl-għarfien ta’ dawn il-Kmandamenti, il-qalb nisranija u l-imħabba pastorali tagħna juru att ta’ ubbidjenza lejn Dak “li ħabbna l-ewwel” (1 Ġw 4,19). Alla jitlob minna li nkunu qaddisin kif hu qaddis (ara Lq 19, 2), inkunu fi Kristu, perfetti kif hu perfett (ara Mt 5, 48) ħalli s-sbuħija urġenti ta’ dan il-kmandament ikollha s-sisien tagħha fil-ħniena ta’ Alla li ma tonqos qatt (ara Lq 6, 36) kmandament li l-għan tiegħu hu li jmexxina, bl-għajnuna tal-ġrazzja ta’ Alla, fit-triq li twassal għall-milja tal-ħajja li hi proprja ta’ wlied Alla.

 

116. Hu dmir tagħna bħala Isqfijiet, naraw il-Kelma ta’ Alla titħabbar lill-insara bil-fedeltá kollha. Hi parti mill-ministru pastorali tagħna, għeżież ħuti fl-Episkopat, li dan it-tagħlim morali jitwassal bla mittiefes u li naraw ukoll, f’ħin waqtu, li l-insara jkunu mħarsin minn kull tagħlim tal-Knisja. F’din il-missjoni aħna lkoll għandna l-għajnuna tat-teoloġi, iżda l-opinjonijiet tat-teoloġi la huma r-regola u lanqas il-liġi tal-maġisteru tagħna. L-awtoritá tal-maġisteru tagħna, bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu u bix-xirka tagħna ma San Pietru u taħt San Pietru, toħroġ mill-fedeltá tagħna lejn il-fidi kattolika li rċevejna mingħand l-Appostli. Hu dmir gravi proprju tagħna l-Isqfijiet, li personalment naraw li fid-djoċesijiet tagħna qed jingħata “tagħlim sħiħ” (1 Tim 1, 10) dwar fidi u morali.

 

Kull Isqof għandu responsabbiltá partikulari dwar l-istituti kattoliċi kemm jekk huma istituti ta’ ħidma pastorali familjari jew ta’ ħidma pastorali soċjali u kemm jekk huma istituti għat-tagħlim jew għall-ħarsien tas-saħħa, kull Isqof jista’ jwaqqafhom jew jagħrafhom u jafdalhom ukoll ċerti responsabbiltajiet, iżda qatt ma għandu jħalli f’idejn dawn l-istituti dak li hu proprju d-dmir tiegħu bħala Isqof. Hu dmir l-Isqfijiet, f’xirka mas-Santa Sede, jaraw għandhomx jagħtu l-isem ta’ “kattoliku” lill-iskejjel[179], lill-Universitajiet[180], lid-djar ta’ kura u ta’ servizz soċjali jew ineħħulhom dan l-isem minħabba raġunijiet ta’ differenzi serji mat-tagħlim tal-Knisja.

 

117. F’qalb in-nisrani, fil-fond ta’ qalbu, dejjem tidwi l-mistoqsija li ż-ħagħżugħ ta’ l-Evanġelju għamel lil Ġesú: “Mgħallem, x’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mt 19, 16). Jeħtieġ li din il-mistoqsija jagħmilha kull wieħed lil dan l-Imgħallem “tajjeb”, għaliex hu dak li waħdu biss jista’ jwieġeb bil-veritá kollha, f’kull qagħda u f’kull ċirkostanza. Lill-fidili li jistaqsuh fil-fond ta’ qalbhom, il-Mulej iwieġeb bi kliem il-Patt il-Ġdid, li ġie fdat lill-Knisja. Aħna, kif jgħid għalih l-Appostlu intbgħatna “biex inxandru l-Evanġelju, mhux bi kliem il-għerf, sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu” (1 Kor 1,17). Għalhekk, fit-tweġib li tagħti l-Knisja għall-mistoqsija tal-bnedmin, hemm l-għerf tal-qawwa ta’ Kristu msallab li hu l-Veritá li tagħti lilha nnifisha.

 

Meta n-nies jistaqsu lill-Knisja dwar problemi tal-kuxjenza tagħhom, meta l-insara fil-Knsija jduru lejn l-Isqfijiet u r-Ragħajja fit-tweġiba tal-Knisja jinstema’ leħen Ġesú Kristu, leħen il-veritá dwar it-tajjeb u l-ħażin. Fil-kelma li tgħid il-Knisja jinstema’, fil-fond tal-qalb tal-bniedem, leħen Alla, li hu “waħdu t-Tajjeb” (Mt 19, 17) li hu waħdu “Mħabba” (1 Ġw 4, 8-16).

 

Bl-unzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, din il-Kelma, ħelwa u severa wkoll, hi dawl u ħajja għall-bniedem. L-Appostlu San Pawl ikompli jistedinna biex ikollna fiduċja, għaliex “il-ħila tagħna ġejja mingħand Alla li tana l-ħila nkunu ministri tal-Patt il-Ġdid, il-Patt mhux ta’ l-ittra imma ta’ l-ispirtu.

...Il-Mulej huwa Spirtu u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien. Aħna lkoll li b’wiċċna mikxuf nirriflettu l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja, skond ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu” (2 Kor 3, 5-6; 17-18).

 

 

 

GĦELUQ

MARIJA OMM IL-ĦNIENA

118. Fi tmiem dawn il-konsidrazzjonijiet ħa nafdaw lilna nfusna, bit-tiġrib u l-ferħ kollu ta’ ħajjitna, il-ħaġa morali ta’ l-insara u r-riċerki tat-teoloġi fit-teoloġija morali, lil Marija Omm Alla u Omm il-ħniena.

Hi Omm il-ħniena għaliex Ġesú Kristu Binha, mibgħut mill-Missier hu r-rivelazzjoni tal-ħniena ta’ Alla (ara Ġw 3, 16-18). Ma ġiex biex jagħmel ħaqq mill-bnedmin imma biex jaħfer id-dnubiet u jurihom ħniena (ara Mt 9, 13). L-ogħla ħniena li wera kienet li għammar fostna u sejħilna biex nistqarru flimkien ma’ San Pietru li hu “Iben Alla l-ħaj” (ara Mt 16, 16). La hemm ebda dnub tal-bniedem li ma tistax tħassru l-ħniena ta’ Alla u lanqas hemm ebda dnub tal-bniedem li jista’ jżomm lil Alla li ma jsawwabx fuqna l-qawwa rebbieħa tiegħu, jekk nitolbuh. L-istess dnub iwassal biex tkun tiddi wisq aktar l-imħabba ta’ Alla, li biex jeħles il-bniedem imjassar issagrifika lil Ibnu[181]: il-ħniena tiegħu hi l-fidwa tagħna. Din il-ħniena tilħaq il-milja tagħha permezz tad-don ta’ l-Ispirtu s-Santu li jagħti ħajja ġdida u jistennieha tkun kemm ikun kbir it-tfixkil li jsirlu minħabba d-dgħufija u d-dnub tal-bniedem, l-Ispirtu s-Santu dejjem iġedded il-wiċċ ta’ l-art (ara Salm 104/103, 30) u jkun jista’ jseħħ il-miraklu tal-perfezzjoni ta’ kull ma hu tajjeb. Din it-tiġdid li jagħtina l-ħila li nagħmlu dak li hu tajjeb, nobbli, sabiħ, dak li jogħġob lil Alla u jaqbel mar-rieda tiegħu, hu b’xi mod il-fjur tad-don tal-ħniena li jeħles mill-jasar tal-ħażen u jagħti l-ħila biex ma nidinbux aktar. Bid-don tal-ħajja ġdida, Ġesú jagħtina sehem f’imħabbtu u jwassalna fl-Ispirtu għand il-Missier.

 

119. Din hija ċ-ċertezza tal-fidi nisranija li tfarraġna, l-għajn ta’ l-umanitá qawwija u tas-sempliċitá straordinarja tagħha. Id-duttrina morali nisranija, fid-diskussjonijiet komplessi u diffiċli ħafna dwar il-moralitá, tidher fiha nnifisha xi drabi difficli ħafna u kważi impossibbli tkun imħarsa. Dan mhux minnu għaliex id-duttrina nisranija fis-sempliċitá evanġelika tagħha m’hijiex ħlief li ningħaqdu ma’ Ġesu Kristu, nagħtu lilu lilna nfusna kollna kemm aħna u nħallu l-grazzja tiegħu tbiddilna u l-ħniena tiegħu ġġedidna: dan kollu jingħatalna fil-ħajja tagħna ta’ xirka fil-Knisja. Santu Wistin iwissina li “min irid jgħix, għandu biex jgħix. Jersaq, jemmen, jissieħeb biex jgħix. Jalla ma jistmerrx ix-xirka tal-membri”[182]. Bid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu, kull bniedem, ukoll l-inqas għaref, anzi l-ewwelnett kull min għandu “qalb waħda” (Salm 86/85, 11), jista’ jifhem l-essenza tal-morali nisranija. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sempliċitá evanġelika ma teħlisniex mill-komplikazzjonijiet tal-ħajja, imma tista’ twassalna biex nifhmu aħjar ir-realtá tagħhom, għaliex l-għaqda ma’ Kristu, bil-mod il-mod, turina x’inhu l-karattru tal-moralitá nisranija vera, u fl-istess waqt tagħtina l-qawwa meħtieġa biex inħarsuha. Hu dmir il-Maġisteru tal-Knisja li jara li d-dinamiżmu tal-mixi wara Kristu jissaħħaħ dejjem aktar, b’mod ċar u b’ordni, mingħajr ma jkun falsifikat jew moħbi kull ma titlob il-moralitá, bil-konsegwenzi kollha tiegħu. Min iħobb ‘il Kristu jħares il-kmandamenti (ara Ġw 14, 15).

 

Marija hi Omm il-ħniena wkoll għaliex Ġesú fdalha l-Knisja tiegħu u l-ġens kollu tal-bnedmin. F’riġlejn is-Salib, meta aċċettat bħala binha lil San Ġwann, u flimkien ma’ Kristu talbet lill-Missier jaħfer dawk li ma kinux jafu x’qed jagħmlu (ara Lq 23, 34), Marija, f’qagħda ta’ ubbidjenza sħiħa għal dak li kien inebbaħha l-Ispirtu s-Santu, ġarrbet l-għana kollu u l-universalitá sħiħa ta’ l-imħabba ta’ Alla, u qalbha nfetħet hekk li segħet tħaddan magħha l-ġens kollu tal-bnedmin. Hekk saret Omm kulħadd u kull wieħed minna, Omm li tisksbilna l-ħniena ta’ Alla.

 

Marija hi eżempju jiddi ta’ ħajja morali, ta’ ġmiel li ma bħalu; jikteb San Ambroġ:[183] “Din kienet Marija, bil-ħajja tagħha kienet għalliema ta’ kulħadd”. Dan qalu huwa u jkellem direttament lill-verġni, iżda b’riferenza għal kull nisrani u għalhekk żied jgħid: “Dak li l-ewwel iħajjar għat-tagħlim hu n-nobbiltá ta’ min jgħallem. Min hemm aktar nobbli mill-Omm ta’ Alla? Min hemm jiddi aktar minn dik li għażilha dak li hu d-Dija fih innifsu?”[184] Marija għexet u pperfezzjonat il-libertá tagħha billi ngħatat lil Alla u laqgħet fiha d-don ta’ Alla. Ħarset l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fil-ġuf verġinali tagħha, mantnietu, għenitu jikber u wasslitu għal dak l-għemil l-aktar għoli ta’ libertá li kien is-sagrifiċċju sħiħ ta’ ħajtu. Bid-don tagħha stess, Marija daħlet kollha kemm hi fil-pjan ta’ Alla, li ta lilu nnifsu lill-bnedmin. Hija u tilqa’ u taħseb bejnha u bejn ruħha fuq il-ġrajjiet, li mhux dejjem kienet tifhem (ara Lq 2, 19), saret eżempju għal dawk kollha li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jgħożżuha (ara Lq 11, 28), u, bir-raġun kollu, tissejjaħ “Tron ta’ l-Għerf”. Dan l-Gherf hu Kristu Ġesú, il-Verb etern ta’ Alla, li juri r-rieda ta’ Alla u jagmilha (ara Lhud 10, 5-10). Marija tistieden lil kull bniedem biex jikseb dan il-Għerf. Lilna wkoll tordnalna dak li ordnat lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Marija taqsam magħna l-qagħda tagħna bħala bnedmin, iżda kollha kemm hi miftuħa għall-grazzja ta’ Alla. Għaliex qatt ma għamlet dnub, tagħder kull xorta ta’ dgħufija. B’imħabba ta’ Omm tifhem u tħobb il-midneb. Minħabba f’hekk hi dejjem favur il-veritá u taqsam mal-Knisja l-piż li tfakkar dejjem lill-bnedmin kollha dak li titlob il-moralitá. Għall-istess raġuni ma taħmilx li l-bniedem midneb jiġi mqarraq minn dawk li jippretendu li jħobbuh, għax jiġġustifikawlu dnubietu; hi taf li dan iġib fix-xejn is-sagrifiċċju ta’ Kristu, Binha. Ebda maħfra li tiġi minn tagħlim verament hieni; is-salib biss u l-glorja ta’ Kristu rxoxt jistgħu jagħtu s-sliem lill-kuxjenza tiegħu u salvazzjoni lil ħajtu.

 

Marija,

Omm il-ħniena,

ħares fuqna lkoll

biex is-Salib ta’ Kristu ma jiġix fix-xejn,

biex il-bniedem ma jitwarrabx mit-triq it-tajba,

u jagħlaq għajnejh għad-dnub,

imma jkattar it-tama tiegħu f’Alla,

“li hu għani fil-ħniena” (Ef 2, 4),

u ħieles jagħmel l-opri tajba li Alla ħejjielu (ara Ef 2, 10)

biex tul ħajtu kollha

“Ikun għat-tifħir tal-glorja ta’ Alla (Ef 1, 12).

 

Mogħtija minn Ruma, minn San Pietru, fis-6 ta’ Awwissu,

f’jum il-festa tat-Transfigurazzjoni tal-Mulej,

s-sena 1993, fil-ħmistax-il sena tal-Pontifikat

 

Joannes Paulus pp. II.

-------------------------


[1]. Kost. past. Dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum, Gaudium et spes, 22

[2]. Konċ. Vat. II, kost. domm. Dwar il-Knisja, Lumen gentium, 1.

[3]. Ara ibid. 9

[4]. Konċ. Vat. II, kost. past. Dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et spes, 4.

[5]. Pawlu VI, diskors lill-assemblea tal-Ġnus Magħquda fl-4 ta’ Ottubru 1965, AAS, 57 (1965), 878, ara enċikl. Popolorum progressio (26 Marazu 1967), 13: AAS 59 (1967), 263-264.

[6]. Ara Gaudium et spes, 33.

[7]. Lumen gentium, 16.

[8]. Uk-Papa Piju XII kien ġa semma dan l-iżvilupp fit-tagħlim tiegħu. Ara l-messaġġ fuq ir-radju għeluq il-50 sena tar-Rerum novarum fl-1 ta’ Ġunju 1941, AAS 33 (1941), 195-205. Hekk ukoll Ġwanni XXIII fl-enċiklika Mater et magistra tal-15 ta’ Mejju 1961, AAS 53 (1961), 410-413.

[9]. Ittra app. Spiritus Domini ta’ l-1 ta’ Awissu 1987, AAS 79 (1987), 1374.

[10]. Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1662.

[11]. Kost. app Fidei depositum tal-11 ta’ Ottubru 1992, 4.

[12]. Ara konċ. Vat. II, kost. domm. Dwar ir-Rivelazzjoni, Dei Verbum, 10.

[13]. Ara l-Ittra app. Parati semper liż-żagħżagħ fis-sena Internazzjonali taż-żagħżagħ, 31 ta’ Marzu 1985, 2-8 AAS 77 (1985), 581-600.

[14]. Ara d-digriet dwar il-formazzjoni tas-saċerdoti, Optatam totius, 16.

[15]. Enċikl. Redemptor hominis ta’ l-4 ta’ Marzu 1979, 13: AAS 71 (1979), 282.

[16]. Redemptor hominis, 10.

[17]. Hexaemeron dies VI, sermo IX, 8, 50: CSEL 32, 241.

[18]. Sab Ljun il-Kbir, Sermo XCII, cap. III, Pl 54, 454.

[19]. Sab Tumas ta’ Aquino, In duo praecepta caritatis et in decem legis praecepta. Prologus Opuscula theologica, II, n. 1129, ed Taurinens. (1954), 245; ara Summa theologiae, l-II q. 91 a. 2; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1955.

[20]. San Massimu l-Konfessur, Quaestiones ad Thalassium. Q.64; PG 90, 723-728.

[21]. Gaudium et spes, 24.

[22]. Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2070.

[23]. In Johannis Evangelium Tractatus, 41, 10, CCL 36, 363

[24]. Ara Santu Wistin, De Sermone Domini in monte, 1, 1, 1, CCL 35, 1-2.

[25]. In Psalmum CXVIII Expositio, sermo 18m 37; PL 15, 1541; ara San Kromazju ta’ Aquileia, Tractatus in Mattheum, XX, 1, 1-4; CCL 9/A, 291-292.

[26]. Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1717.

[27]. In Johannis Evangelium Tractatus, 41, 10; CCL 36, 363.

[28]. In Johannis Evangelium Tractatus, 21, 8; CCL 36, 216.

[29]. In Johannis Evangelium Tractatus, 82, 3; CCL 36, 533.

[30]. De spiritu et littera, 19, 34; CSEL 60, 167.

[31]. Confessiones, X, 29, 40; CCL 27, 176; ara De gratia et libero arbitrio, XV; PL 44, 899.

[32]. Ara De spiritu et littera, 21, 36; 26, 46; CSEL 60, 169-190. 200-201.

[33]. Ara Summa Theologiae, II-II, q. 106, a. 1, concl. Et ad 2 um.

[34]. In Matthaeum, hom. 1, 1; PG 57, 15.

[35]. Ara San Irinew. Adversus haereses, IV, 26, 2-5; SCH 100/2, 718-729.

[36]. Ara San Ġustin, Apologia 1, 66; PG 6, 427-430.

[37]. Ara 1 Piet 2, 12 seq.; ara Didache, II,2; Pates Apostolici, ed. F.X. Funk, 1, 6-9; Klement ta’ Lixandra, Paedogogus, I, 1o; II, 10: PG 8, 355-364; 497-536; Tertulljan, Apologeticum, IX, 8: CSEL 69, 24.

[38]. Ara San Injazju ta’ Antjokja, Ad Magnesios, VI, 1-2; Patres Apostolici, ed. F.X. Funk 1, 234-235; San Irnew, Adversus haereses, IV, 33, 1.6.7.: SCH 100/2, 8-2-805, 814-815, 816-819.

[39]. Dei Verbum, 8.

[40]. Ara ibid.

[41]. Idei Verbim 10.

[42]. Codex luris Canonici, can. 747, 2.

[43]. Dei Verbum, 7.

[44]. Gaudium et spes, 22.

[45]. Optatum totius, 16.

[46]. Gaudium et spes, 62.

[47]. Ibid.

[48]. Ara Dei Verbum, 10.

[49]. Konċ. Vat I, kost. domm. Dwar il-fidi kattolika. Dei Filius cap. 4: DS 3018.

[50]. Nostra aetate, 1.

[51]. Ara Gaudium et spes, 43-44. 

[52]. Dikjarazzjoni dwar il-libertá reliġjuża Dignitatis humanae, 1; ara Ġwanni XXIII encikl. Pacem in terris tal-11 ta’ April 1963: AAS 55 (1963), 279; ibid. 165; Piju XII Nuntius radiophonicus tal-24 ta’ Diċembru 1944: AAS 37 (1945), 14.

[53]. Dignitatis humanae, 1.

[54]. Ara enċikl. Redemptor hominis tal-4 ta’ Marzu 1979, 17: AAS 71 (1979), 295-304; Diskors lil min ħa sehem fil-Kollokwju Internazzjonali dwar studji ġuridiċi fl-10 ta’ Marzu 1984, 4: Insegnamenti VII, 1 (1984), 656;  Kongr. Għad-Duttrina tal-Fidi, istruzjoni dwar libertá nisranija u liberazzjoni Libertatis conscientia tat-22 ta’ Marzu 1986, 19: AAS 79 (1986), 561.

[55]. Ara Gaudium et spes, 11.

[56]. Gaudium et spes, 17.

[57]. Gaudium et spes, 17.

[58]. Ara Dignitatis humanae, 2, ara wkoll Girgor XVI, enċikl. Mirari vos arbitramur tal-15 ta’ Awissu 1832: Acta Gregorii Papae XVI 1, 169-174; Piju IX, enċikl. Quanta cura tat-8 ta’ Diċembru 1864: Pii Papae IX P.M. Acta  1, 3, 687-700; Ljun Xiii, enċikl. Libertas praetantisimum tal-20 ta’ Ġunju 1888: Leonis XIII P.M. Acta VIII,  Romae 1889, 212-246.

[59]. Letter to the Duke of Norfolk: Certain difficulties felt by Anglicans in Catholic Teaching – Uniform ed., Longmans, Green & Co. London 1868-1881, vol. 2. P. 250.

[60]. Gaudium ety spes, 40 u 43.

[61]. Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae, l-II, q. 71, a. 6; ara wkoll ad 5 um.

[62]. Ara Piju XII enċikl. Humani generi tat-12 ta’ Awissu 1950: AAS 42 (1950), 561-562.

[63]. Ara Konċ. Ta’ Trento, sess. VI, digriet dwar il-ġustifikazzjoni Cum hoc tempore, can. 19-21: DS 1569-1571.

[64]. Gaudium et spes, 17.

[65]. De hominis opificio, c. 4: PG 44, 135-136.

[66]. Gaudium et spes, 36.

[67]. Ibid.

[68]. Ibid.

[69]. Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae, l-II, q. 93, a. 3 ad 2um; li l-Papa Ġwanni XXIII iċċita fl-enċikl. Pacem in terris tal-11 ta’ April 1963: AAS 55 (1963), 271.

[70]. Gaudium et spes, 41.

[71]. San Tumas ta’ Aquino, In duo praecepta caritatis et indecem legis praecepta Prologus. Opuscula

 theologica, II, n. 1129 Ed. Taurinensis (1954), 245.

[72]. Diskors lil xi Isqfijiet ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika waqt iż-żjara tagħhom “ad limina” fil-15 ta’ Ottubru 1988, 6. Insegnamenti XI, 2, (1988), 1228.

[73]. Gaudium et spes, 47.

[74]. Santu Wistin Enarratio in Psalmum LXII,16: CCL 39, 804.

[75]. Gaudium et spes, 17.

[76]. Summa Theologiae, l-II, q. 91, a. 2.

[77]. Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1955.

[78]. Dignitatis humanae, 3.

[79]. Contra Faustum, lib. 22, cap 27, : PL 42, 418.

[80]. Summa Theologiae, l-II, q. 93, a. 1.

[81]. Ara Summa Theologiae, l-II, q. 93, a.4, ad 1 um.

[82]. Summa Theologiae l-II, q. 91, a. 2.

[83]. Enċikl. Libertas praestantissimum ta’ l-20 ta’ Ġunju 1888: Leonis XIII P.M. Acta, VIII Romae 1889, 219.

[84]. In Epistulam ad Romanos, c. VIII, lect. 1.

[85]. Ara Sess VI, Decr. De iustificatione Cum hoc tempore, cap. 1: DS, 1521.

[86]. Ara Konċ. Ta’ Vienna, kost. Fidei catholicae: DS 920; Konċ. Lateran V. Bolla Appostolici regiminis: DS 1440.

[87]. Gaudium et spes, 14.

[88]. Ara Sess. VI, decr. De iustifactione Cum hoc tempore, cap. 15: DS 1544. L-eżort. Appost. post-sinodali Riconciliatio et paenitntia dwar il-missjoni tal-Knisja fi żminijietna tiċċita passi oħra mit-Testment il-Qadim u mit-Testment il-Ġdid li jqisu dnubiet mejta xi drawwiet li jiddependu mill-ġisem: ara Reconciliatio et paenitentia tat-2 ta’ Diċembru 1984. 17: AAS 77 (1985), 218-223).

[89]. Gaudium et spes, 51.

[90]. Jong. għad-Duttrina tal-Fidi, istr. Dwar il-ħarsien tal-ħajja tal-bniedem fil-bidu tagħha u dwar id-dinjitá tat-tnissil tal-bniedem. Donum vitae tat-22 ta’ Frar 1987, daħla 3: AAS 80 (1988), 74; ara Pawlu VI, enċikl. Humanae vitae tal-25 ta’ Lulju 1968, 10: AAS 60 (1968), 487-488.

[91]. Eżort. Appos. Familiaris consortio tat-22 ta’ Novembru 1981, 11: AAS 74 (1982), 92.

[92]. De Trinitate, XIV, 15, 21: CCL 50A, 451

[93]. Ara San Tumas ta’ Aquino, Summaa Theologiae, l-II, q. 94, a. 2.

[94]. Ara Gaudium et spes, 10, Kongr. Għad-Duttrina tal-Fidi, dikjarazzjoni dwar xi problemi ta’ l-etika sesswali Persona humana tad-29 ta’ Diċmbru 1975, 4: AAS 68 (1976), 80; “Iżda fil-fatt ir-Rivelazzjoni divina u, fil-qasam tiegħu, l-għerf filosofiku, jinsistu fuq l-esiġenzi awtentiċi tan-natura tal-bniedem. B’dan il-mod bilfors juru li hmm liġijiet li ma jinbidlux, liġijiet miktubin fl-elemnti kostituttivi tan-natura tal-bnedem u li ġew rivelati li huma l-istess f’kull min għandu r-raġuni”.

[95]. Gaudium et spes, 29.

 [96]. Ara Gaudium et spes, 16.

 [97]. Gaudium et spes. 10.

 [98]. Ara San Tumas ta’ Aquino; Summa Theologiae l-II, q 108, a. 1; San Tumas iqiegħed is-sisien tal-liġijiet morali, ukoll dawk tal-Liġi l-Ġdida, mhux biss f’sempliċi formulazzjoni, imma wkoll fid-dawl tal-fatt li l-Verb ta’ Alla ħa għalih natua tal-bniedem.

 [99]. San Vinċenz ta’ Lerins, Commonitorium primum c. 23; PL. 50, 668.

[100]. Il-progress tat-tagħlim morali tal-Knisja hu bħal dk tat-tagħlim tal-fidi: ara Konċ. Vat. I, kost, domm. Dwar il-fidi kattolika Dei Filius cap. 4, DS 3020 u can. 4, DS 3024. Kliem il0Ppa Ġwanni XXIII fil-ftuħ tal-Konċ Vat. II nistgħu napplikawh ukoll għat-tagħlim morali: “Dan it-tagħlim żgur li qatt ma jinbidel (jiġifieri t-tagħlim nisrani) fis-sħuħija kollha tiegħu, l-insara jridu jobduh, jeħtieġ jifhmuh aktar fil-fond u jrid ikun aktar adatt għal żmienna. Fil-fatt, id-depożitu tal-fidi, il-veritajiet li jinsabu fit-tagħlim tagħna, tul iż-żminijiet huwa ħaġa, il-mod kif dawn il-veritajiet jiġu mħabbra bla ebda tibdil fit-tifsir tagħhom hu ħaġ’oħra”: AAS, 54 (1962), 792 ara “L’Oservatore Romano” tat-12 ta’ Ottubru 1962, p.2.

[101]. Gaudium et spes, 16.

[102]. Ibid.

[103]. In II Librum Sentent. Dist. 39, a. 1, q. 3; Ed Ad claras aquas, II. 907b.

[104]. Diskors fl-udjenza ġenerali tas-17 ta’ Awissu 1983, 2: Insegnamenti VI, 2 (1983), 256.

[105]. Kong. Tas-Sant’Uffiċċju, istr; “De ethica situationis”; contra doctrinam tat-2 ta’ Frar 1956; AAS 48 (1956), 144.

[106]. Enċikl. Dominum et vivificantem tat-18 ta’ Mejju 1986, 43: AAS 78 (1986) 859; ara Gaudium et spes, 16; Dignitatis humanae.

[107]. Gaudium et spes, 16.

[108]. Ara San Tumas ta’ Aquino De Veritate, q. 17, a. 4.

[109]. Gaudium et spes, 16.

[110]. Ara San Tumas ta’ Aquino Summa Theologiae, II-II. Q. 45, a. 2.

[111]. Dignittis humanae, 14.

[112]. Dei Verbum, 5; ara Konċ. Vat. 1, kost. domm. Dwar il-fidi Kattolika Dei Filius, cap 3; 3008.

[113]. Dei Verbum, 5; ara Kongr. Għad-duttrina tal-fidi, dikjarazzjoni dwar xi kwistjonijiet ta’ etika sesswali Persona humana tad-9 ta’ Diċembru 1973, 10: AAS 68 (1973), 88-90.

[114]. Ara eżort. postsinodali Reconciliatio et paenitentia tat-2 ta’ Diċembru 1984, 17: AAS 77 (1985), 218-223.

[115]. Sess. VI, digriet dwar il-ġustifikazzjoni Cum hoc temprore, cap 15, DS 544; can 19: DS 1569.

[116]. Reconciliatio et paenitentia, 17; AAS 77 (1985), 221

[117]. Reconciliatio et paenitentia, 17, 1.c. 223.

[118]. Ibid., 1.c. 222.

[119]. Ara Gaudium et spes, 17.

[120]. Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae l-11, q. 1, a. 3; “L-atti umani u l-atti morali huma l-istess ħaġa”.

[121]. De vita Moysis II, 2-3; PG 44, 327-328.

[122]. Ara San Tumas ta’ Aquino Summa Theologiae ll-ii, q. 148, a.3.

[123]. Il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fiż-żminijiet ta’ llum jgħid “Dan jgħodd mhux biss għall-insara imma wkoll għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li f’qalbhom il-grazzja taħdem b’mod misterjuż. Għaliex Kristu miet għal kulħadd u għaliex is-sejħa fondamentali tal-bniedem hija waħda, jiġifieri hi sejħa ta’ Alla, għandna nżommu li l-Ispirtu s-Santu jagħti lil kulħadd il-possibbiltá, magħrufa biss minn Alla, li jissieħeb fil-misteru ta’ l-Għid tal-Mulej”; Gaudium et spes, 22.

[124]. Tractatus ad Tiberium diaconum sociosque, II. Responsiones ad Tiberium diaconum sociosque; San Ċirillu ta’ Lixandra, In divi Johannis evangelium, vol. III, ed Philip Edward Pusey, Bruxelles, Culture & Civilisation (1965), 590.

[125]. Ara Konċ. Vat. I Sess VI digr. Dwar il-ġustifikazzjoni Cum hoc tempore cap. 19; DS 1569; ara wkoll Klement XI kost. Inigenitus Dei Filius, tat-8 ta’ Settembru 1713, kontra t-tagħlim żbaljat ta’ Paskasju Quesnell, n. 53-56; DS 2453-2456.

[126]. Ara Summa Theologiae, l-II, q. 18, a. 6.

[127]. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n. 1761.

[128]. In duo praecepta caritatis et in decem legis praecepta. De dilectione Dei, Opuscula theologica II, n. 1168:

 ed Taurinensis (1954), 250.

[129]. San Alfons Marija de’ Liguori, Pratica di amar Gesú Cristo, VII, 3.

[130]. Ara Summa Theologiae l-II, q. 100, a. 1.

[131]. Eżort. appost. postsinodali Reconciliatio et paenitentia tat-2 ta’ Diċembru 1984, 17: AAS 77 (1985) 221; ara Pawlu VI, eżort, lir-Redentoristi f’Settembru 1967: AAS 59 (1967), 962; “Jalla ma jiġri qatt li l-insara jitwasslu biex ikollhom fehma oħra bħallikieku l-Konċilju llum għallem li hu permess ċertu għemil li fl-imgħoddi l-Knisja qalet li hu ħażin fih innifsu. Min ma jarax f’dan sura ta’ relativiżmu morali ħażin, tagħlim li jhedded il-wirt dottrinali kollu tal-knisja?”

[132]. Gaudium et spes, 27.

[133]. Enċikl. Humanae vitae tal-25 ta’ Lulju 1969, 14; AAS 60 (1968), 490-491.

[134]. Contra mendacium, VII, 18: PL 40, 528. Ara San Tumas ta’ Aquino Quaestiones quodlibetales, IX, 9. 7, a. 2. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1753-1755.

[135]. Dignitatis humanae, 7.

[136]. Diskors lil dawk li ħadu sehem f’Kungress internazzjoni fuq it-teoloġija morali fl-10 ta’ April 1986, I;

[137]. Diskors lil dawk li ħadu sehem f’Kungress internazzjonali fuq it-teoloġija morali fis-16 ta’ April 1986, 2: Insegnamenti, IX 1, 970-971.

[138]. Ara Gaudium et spes, 24.

[139]. Ara enċikl. Redemptor hominis, ta’ l-4 ta’ Marzu 1979, 12: AAS 71 (1979), 280-281.

[140]. Enarratio in Psalmum XciX, 7: CCL 39, 1397.

[141]. Ara Lumen gentium, 36; ara enċikl. Redemptor hominis, 21.

[142]. Missal Ruman, kolletta fit-tifkira tal-martirju ta’ San Ġwann Battista.

[143]. San Beda l-Venerabbli Ħomeliarium Evangelii Libri, IIIm 23: CCL 122, 556-557.

[144]. Ara Gaudium et spes, 27.

[145]. Ad Romanos VI, 2-3: Patres Apostolici ed. F.X. Funk, I, 260-261.

[146]. Moralia in Job, VII, 21-24: PL 75, 778.

[147]. Satirae, VIII, 83-84.

[148]. Apologia, II, 8: PG 6, 457-458.

[149]. Eżort. app. Familiaris consortio, 33: AAS 74, (1982), 120.

[150]. Ara Ibid 34: AAS 74, 123-125.

[151]. Eżort. postsinodali Reconciliatio et paenitentia, 34, AAS 77, 272.

[152]. Enċikl. Humanae vitae, 29: AAS 60, 501.

[153]. Gaudium et spes, 25.

[154]. Ara enċikl. Centesimus annus ta’ l-i ta’ Mejju 1991, 24: AAS 83 (1991). 821-822.

[155]. Ibid. 44: AAS 83, 848-849; ara Ljun XIII enċikl. Libertas praestantissimum ta’ l-20 ta’ Ġunju 1888, Leonis Xiii P.P.  Acta XIII, Ruma 1889, 224-226.

[156]. Enċikl. Sollicitudo rei socialis tat-30 ta’ Diċembru 1987, 41: AAS 80 (1988), 571

[157]. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n.2407.

[158]. Ibid. N. 2408-2414.

[159]. Ibid. N. 2414.

[160]. Ara eżort. postsinodali Christifideles laici tat-30 ta’ Diċembru 1988, 42: AAS 81 (1989), 472-478.

[161]. Enċikl. Centesimus annus ta’ l-1 ta’ Mejju 1991, 46: AAS 83 (19991), 850.

[162]. Sess. VI dwar il-ġustifikazzjoni Cum hoc tempore cap. II; DS 1536; ara can. 18: DS 1568. Il-kliem magħruf ta’ Santu Wistin ċitat mill-Konċilju ttieħed minn De natura et gratia 43. 50 (CSEL 60, 270).

[163]. Oratio I: PG 97, 805-806.

[164]. Diskors lil dawk li ħadu sehem f’kors dwar paternitá responsabbli (1 Marzu 1984), 4, Insegnamenti VII, I (1984), 583.

[165]. De interpellatione David, IV, 6,22: CSEL 32/2, 283-284

[166]. Diskors lill-Isqfijiet taċ-CELAM, 9 ta’ Marzu 1983, III: Insegnamenti, VI, I (1983), 698.

[167]. Eżort. app. Evangelii nuntiandi tat-8 ta’ Diċembru 1975, 75: AAS 68 (1976), 64.

[168]. De Trinitate, XXIX, 9-10: CCL 4, 70.

[169]. Lumen gentium, 12.

[170]. Konġ. Għad-Duttrina tal-Fidi, istr. Dwar il-vokazzjoni ekkleżjali tat-teoloġi, Donum veritatis tal-24 ta’ Mejju 1990, 6: AAS 82 (1990), 1552.

[171]. Diskors lill-professuri u lill-istudenti ta’ l-Universitá Gregoriana fil-15 ta’ Diċembru 1979, 6: Insegnamenti II, 2 (1979), 1424.

[172]. Kongr. Għad-Duttrina tal-Fidi, istr. Dwar il-vokazzjoni ekkleżjali tat-teoloġi, Donum Veritatis, 16: AAS 82 (1990), 1557.

[173]. Ara CIC, kan. 222, I; 659, 3.

[174]. Ara Konċ. Vat. I kost. dom. Dei Filius, cap. 4: DS, 3016.

[175]. Ara enċikl. Humanae vitae, 28: AAS 60 (1968), 501.

[176]. Konġ. Għall-Edukazzjoni kattolika, Formatio theologica futurorum sacerdotum tat-22 ta’ Frar 1976, 100. Ara wkoll n. 95-101 li jgħidu x’għandu jsir biex ikun hemm tiġdid tajjeb tat-teoloġija morali.

[177]. Kongr. Għad-duttrina tal-fidi istr. Donum veritatis, II: AAS 82 (1990), 1554; ara l-aktar n. 32-39 dwar nuqqas ta’ qbil AAS 82, 1562-1568.

[178]. Lumen gentium, 25.

[179]. Ara CIC kan. 803, 3.

[180]. Ara CIC kan. 808.

[181]. Missal Ruman, Vġili ta’ l-Għid. Tħabbira ta’ l-Għid; “Xi ħniena ta’ l-għaġeb turi magħna! Xi mħabba u għożża li ma bħalha, biex tagħti ‘l Ibnek stess għall-mewt ħalli jifdi ‘l min kien ilsir.

[182]. In Johannis Evangelium Tractatus, 26,13: CCL 36, 266.

[183]. De Virginibus lib. II, cap. II, 15: PL 16, 222.

[184]. De Virginitres, lib. II, cap. II, 7; PL 16, 220.

 

 

Ħajr lil Ms Mary Borg għat-typing

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta