ITTRA ENĊIKLIKA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

REDEMPTOR HOMINIS

 LILL-AĦWA MIĠJUBA FL-EPISKOPAT LIS-SAĊERDOTI U LILL-FAMILJI RELIĠJUŻI

LILL-ULIED IRĠIEL U NISA TAL-KNISJA

U LILL-BNEDMIN KOLLHA TA’ RIEDA TAJBA

FIL-BIDU TAL-MINISTERU PONTIFIKALI TIEGĦU

4 ta’ Marzu 1979

 


 

KELMTEJN ĠENERALI

Kelmtejn qabel

Kap. I – IL-WIRT

1. Lejn is-Sena 2000

2. L-ewwel Kliem ta’ Pontifikat ġdid

3. Fiduċja fl-Ispirtu tal-Verità u ta’ l-Imħabba

4. L-ewwel Enċiklika ta’ Pawlu VI

5. Kolleġjalità u Appostolat

6. It-Triq għall-għaqda ta’ l-Insara

 

Kap. II – IL-MISTERU TAL-FIDWA

7. Il-Misteru ta’ Kristu

8. Il-Fidwa hija ħolqien imġedded

9. Il-Misteru tal-Fidwa fid-dimensjoni divina tiegħu

10. Il-Misteru tal-Fidwa fid-dimensjoni umana tiegħu

11. Il-Misteru ta’ Kristu huwa l-bażi tal-Missjoni tal-Knisja u tal-Kristjaniżmu

12. Il-Missjoni tal-Knisja u l-libertà tal-Bniedem

 

Kap. III – IL-BNIEDEM MIFDI U L-QAGĦDA TIEGĦU FID-DINJA TALLUM

13. Kristu ngħaqad ma’ kull bniedem

14. It-triqat kollha tal-Knisja iwasslu għall-bniedem

15. Minn x’hix jibża’ l-bniedem tal-lum

16. Progress jew theddida?

17. Il-jeddijiet tal-bniedem – L-“ittra” u l-“Ispirtu”

 

Kap. IV –IL-MISSJONI TAL-KNISJA U D-DESTIN TAL-BNIEDEM

18. Il-Knisja hija ħerqana dwar il-vokazzjoni tal-bniedem fi Kristu

19. Il-Knisja responsabbli għall-Verità

20. Ewkaristija u Penitenza

21. Is-sejħa nisranija: taqdi u ssaltan

22. L-Omm tal-fiduċja tagħna


 

Ħuti meqjuma u għeżież uliedi

Saħħa u Barka Appostolika!

 

I. IL-WIRT

 

1. LEJN IS-SENA 2000

IL-FEDDEJ TAL-BNIEDEM, Ġesù Kristu hu ċ-ċentru ta’ l-univers u ta’ l-istorja. Lejh indur bil-ħsieb u bil-qalb f’waqt li ma bħalu li l-Knisja u l-familja kollha tal-bnedmin qed jgħixu bħalissa. Tabilħaqq dan iż-żmien, li fih Alla, fil-pjan misterjuż tiegħu, fdali f’idejja, wara l-maħbub Papa Ġwanni Pawlu I, il-ministeru universali marbut mal-Kattedra ta’ San Pietru f’Ruma, hu diġà qrib ħafna tas-sena 2000. F’dan il-mument, minkejja l-isforzi li ħafna qed jagħmlu biex jaraw minn issa dak li se jiġri, hu diffiċli li wieħed jgħid x’marka se tħalli dik is-sena fuq wiċċ l-istorja umana, jew x’se ġġib lil kull poplu, nazzjon, pajjiż jew kontinent. Għall-Knisja, li hi l-Poplu ta’ ibgħad irkejjen tad-dinja, dik ser tkun is-sena tal-Ġublew il-Kbir. Resqin diġà lejn dak iż-żmien li, mingħajr ma nnaqqsu xejn mill-korrezzjonijiet li jridu bilfors isiru għall-eżattezza kronoloġika, ser ifakkarna fil-verità, jiġifieri, imfissra minn San Ġwann fil-bidu ta’ l-Evanġelju tiegħu: “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna”[1] u band’oħra: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem”[2].

Aħna qegħdin ukoll, f’ċertu mod, fi żmien ta’ Avvent ġdid li hu żmien ta’ mistennija “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa, f’dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta’ Ibnu…”[3], permezz ta’ l-Iben li hu l-Verb u li sar bniedem u twieled mill-Verġni Marija. F’din l-azzjoni ta’ fidwa, l-istorja tal-bniedem laħqet, fil-pjan ta’ mħabba ta’ Alla, il-quċċata tagħha. Alla daħal fl-istorja ta’ l-umanità u, bħala bniedem, sar “suġġett” tagħha, wieħed minn folla bla qies, iżda fl-istess ħin waħdieni. Bl-inkarnazzjoni Alla ta’ lill-ħajja tal-bniedem dik it-tifsira u dak il-qies li ried jagħti lill-bniedem sa mill-bidu tal-ħolqien u tahomlu b’mod żgur u definittiv, anzi b’mod kif jaf jagħmel hu biss, bl-imħabba eterna tiegħu, bil-ħniena tiegħu bla qies, mingħajr ma naqqas xejn mil-libertà tiegħu u fl-istess ħin b’dik il-ġenerożità li, meta tqis id-dnub oriġinali, l-istorja tad-dnubiet tal-bnedmin, meta tqis kemm jarraw il-moħħ, ir-rieda u qalb il-bniedem, tħallina ntennu mistagħġbin il-kliem tal-Liturġija Mqaddsa: “Xi ħtija hienja kienet, ladarba stħaqqilna Feddej Kbir bħal dan!”[4]

 

2. L-EWWEL KLIEM TA’ PONTIFIKAT ĠDID

Kien lejn Kristu Feddej li dort bil-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħi meta nhar is-16 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, wara l-elezzjoni kanonika, kont mistoqsi: “Taċċetta?” Jien dakinhar weġibt: “B’ubbidjenza ta’ fidi lejn Kristu, il-Mulej tiegħi, u b’fiduċja f’Omm Kristu u Omm il-Knisja, minkejja d-diffikultajiet kbar, jien naċċetta”, Illum jien irrid li din it-tweġiba tiegħi ngħarrafha, quddiem kulħadd, lil kulħadd, bla eċċezzjoni, biex nuri li hemm rabta bejn l-ewwel verità fundamentali ta’ l-Inkarnazzjoni li semmejt u l-ministeru li, meta aċċettajt l-elezzjoni tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ l-Appostlu Pietru, sar il-ministeru speċifiku tiegħu fuq l-istess Kattedra tiegħu. Jien għażilt l-istess ismijiet li kien għażel il-Predeċessur maħbub tiegħi Ġwanni Pawlu I. Infatti, sa mis-26 ta’ Awissu 1978, meta l-Papa Ġwanni Pawlu I kien iddikjara lill-Kulleġġ Imqaddes tal-Kardinali li ried jissejjaħ Ġwanni Pawlu – żewġ ismijiet flimkien li qatt ma kienu ttieħdu hekk qabel fl-istorja tal-Papiet – jiena rajt għelm ċar ta’ grazzja ta’ Alla fuq il-pontifikat ġdid. Billi dak il-pontifikat dam bil-kemm tlieta u tletin jum, imiss lili m’hux biss li nkomplih iżda wkoll, f’ċertu mod, li jien stess nitlaq minfejn beda. Dan hu kkonfermat mill-għażla li jien għamilt taż-żewġ ismijiet tiegħu. Waqt li qiegħed nagħżel dawn l-ismijiet irrid, fuq l-eżempju tal-Predeċessur tiegħi u bħalu, nfisser l-imħabba tiegħi għall-wirt imħolli lill-Knisja mill-Papa Ġwanni XXIII u mill-Papa Pawlu VI u, fl-istess ħin, infisser ukoll li jiena lest biex, bil-għajnuna ta’ Alla niżviluppah.

B’dawn iż-żewġ ismijiet u permezz ta’ dawn iż-żewġ Pontifikati jiena nintrabat mat-tradizzjoni kollha ta’ din is-Sede Appostolika u mal-Predeċessuri kollha matul i-seklu għoxrin u matul is-sekli ta’ qabel. Jien marbut ukoll, sena lura wara oħra, sa l-ibgħad żmien, ma’ dik il-linja ta’ missjoni u ta’ misteri li tagħti lis-Sede ta’ Pietru post għal kollox speċjali fil-Knisja. Ġwanni XXIII u Pawlu VI huma bħal stazzjon, li għalija hija bħall-għatba, li minnha behsiebni ngħaddi flimkien ma’ Ġwanni Pawlu I, u, mmexxi mill-fiduċja bla qies fl-Ispirtu li Kristu wiegħed u bagħat lill-Knisja, u mill-ubbidjenza lejh, inkompli mixi lejn il-ġejjieni. Kristu, nfatti, hawn il-lejl qabel ma bata, qal lill-Appostli:- “Jaqblilkom li jiena mmur; għaliex jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur nibgħatulkom”[5]. “Meta jiġi d-Difensur, li ser nibgħatilkom mingħand il-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu għax intom kontu miegħi sa mill-bidu”[6]. “Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha, għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni”[7].

 

3. FIDUĊJA FL-ISPIRTU TAL-VERITÁ U TA’ L-IMĦABBA

Għalhekk, waqt li nintelaq b’fiduċja sħiħa f’idejn l-Ispirtu tal-verità, jiena nidħol fil-wirt għażiż li ħallewli l-aħħar Papiet. Dan il-wirt għandu l-għeruq tiegħu fil-kuxjenza tal-Knisja, b’mod għal kollox ġdid li m’hux magħruf qabel, bis-saħħa tal-Konċilju Vatikan II imsejjaħ u miftuħ minn Ġwanni XXIII, u aktar ‘il qudiem magħluq b’suċċess u mqiegħed fil-prattika b’perseveranza minn Pawlu VI. Jiena stajt nosserva mill-qrib il-ħidma ta’ Pawlu VI. Dejjem bqajt imgħaġġeb mill-għerf profond tiegħu, mill-kuraġġ kif ukoll mill-kostanza u l-paċenzja tiegħu fil-perjodu diffiċli tal-pontifikat tiegħu li ġie wara l-Konċilju. Bħala t-tmunier tal-Knisja, id-dgħajsa ta’ Pietru, huwa għaraf iżomm kalma u ekwilibriju provvidenzjali wkoll fil-ħinijiet l-iżjed kritiċi, meta l-Knisja kienet qisha mheżhża minn ġewwa; f’dawk il-ħinijiet huwa baqa’ hemm, sod, mingħajr ma tilef qatt it-tama fil-qawwa tad-dgħajsa. Dak, infatti, li l-Ispirtu qal lill-Knisja permezz tal-Konċilju ta’ żmienna, dak li huwa jgħid fil-Knisja lill-Knejjes kollha,[8] ma jistax iservi għal ħaġa oħra – għajr biex il-Poplu ta’ Alla, li jaf sewwa x’inhi l-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni, jissoda dejjem iżjed.

Pawlu VI ħa bħala suġġett prinċipali ta’ l-Enċiklika fundamentali tiegħu Ecclesiam Suam din il-kuxjenza tal-Knisja fiż-żminijiet tal-lum. Ħalluni nagħmel riferenza, qabel xejn, għal din l-Enċiklika u norbot ruħi magħha f’dan l-ewwel dokument li ser jiftaħ, biex ngħid hekk, il-Pontifikat tiegħi. Il-Knisja mdawwla u mgħejjuna mill-Ispirtu s-Santu, tagħraf x’inhu l-ministeru divin tagħha, x’inhi l-missjoni umana tagħha, x’inhi d-dgħufija umana tagħha. Hija għandha tagħraf dan kollu dejjem iżjed. Hija sewwasew din il-kuxjenza li hija, u għandha tibqa’, l-ewwel għajn li minnha toħroġ l-imħabba tal-Knisja, hekk kif, min-naħa tagħha, hija din l-imħabba li għandha tgħin biex tissoda u ssir iżjed profonda din il-kuxjenza, Pawlu VI ħallielna xhieda ta’ din il-kuxjenza kritika, u kritika ħafna, tal-Knisja. Permezz tal-ħafna ħwejjeġ li ffurmaw il-pontifikat tiegħu u li spiss ġabulu tbatija, għallimna l-imħabba kuraġġjuża tal-Knisja li, kif jgħid il-Konċilju, hi “sagrament jew sinjal u mezz ta’ għaqda ntima ma’ Alla u tal-għaqda bejn il-bnedmin kollha” [9].

 

4. L-EWWEL ENĊIKLIKA TA’ PAWLU VI

Sewwasew għal din ir-raġuni, il-Knisja trid tkun miftuħa għal kulħadd biex kulħadd ikun jista’ jsib fiha “l-għana ta’ Kristu għad li ebda moħħ ma jista’ jifhem”[10], għana li jitkellem fuqu l-Appostlu tal-Ġnus.

Jekk il-Knisja tkun hekk miftuħa, jekk, fl-istess ħin, hija tagħraf x’inhi n-natura tagħha u tkun ċerta mill-verità li għandha, verità li fuqha Kristu qal: “Il-kelma tiegħi m’hijiex tiegħi iżda tal-Missier li bagħatni”[11], il-Knisja jkollha d-dinamiżmu appostoliku, jiġifieri missjunarju, li jagħtiha l-qawwa u l-kuraġġ li tistqarr u xxandar il-verità kollha li taha Kristu.

Fl-istess ħin il-Knisja għandha tkompli d-djalogu li l-Papa Pawlu VI, fl-Enċiklika tiegħu Ecclesiam Suam, isejjaħ “id-djalogu tas-salvazzjoni”, u jiddistingwi fih bi preċiżjoni bħal livelli differenti li fihom għandu jsir[12]. Waqt li qiegħed nirreferi l-lum għal dan id-dokument li ta l-programm tal-Pontifikat tal-Papa Pawlu VI jien nissokta niżżiħajr lil Alla li dan il-Predeċessur kbir tiegħi, li kien ukoll tassew missieri, għaraf juri lejn barra, “ad extra”, il-wiċċ veru tal-Knisja, minkejja l-bosta difetti nterni li kellha fiż-żmien ta’ wara l-Konċilju. B’dan il-mod il-familja tal-bnedmin kollha donnha saret taf iżjed, fl-isferi differenti ta’ l-eżistenza tagħha, kemm huma tassew meħtieġa l-Knisja ta’ Kristu, il-missjoni tagħha u s-servizz tagħha lill-umanità. Kultant din il-kuxjenza kienet aktar qawwija mill-ħafna attitudnijiet ta’ kritika li attakkaw minn ġewwa, “ad intra”, lill-Knisja, l-istituzzjonijiet u l-istrutturi tagħha, lin-nies ekkleżjastiċi u l-ħidma tagħhom. Din il-mewġa dejjem akbar ta’ kritika kellha bosta raġunijiet u jiena żgur, wara kollox, li ma kenitx nieqsa minn imħabba sinċiera lejn il-Knisja. Bla dubju waħda mit-tendenzi li din il-kritika wriet kienet dik li fittxet tegħleb dak li kien imsejjaħ trijonfaliżmu li dwaru kien hemm ħafna diskussjonijiet fil-Konċilju. Huwa sewwa li l-Knisja, fuq l-eżempju ta’ l-Imgħallem tagħha li kien “ta’ qalb ħelwa u umli”[13], ikollha bħala bażi tagħha l-umiltà, li jkollha sens kritiku dwar l-aspetti kollha tal-bixra u l-ħidma umani tagħha, u li dejjem tistenna ħafna minnha nnfisha; b’danakollu l-kritika għandu jkollha l-limiti ġusti tagħha. Inkella ma tibqax kritika kostruttiva u ma tkunx espressjoni ta’ verità, ta’ mħabba kif ukoll ta’ ħajr għall-grazzja li aħna nirċievu u naqsmu fis-sħiħ fil-Knisja u priċipalment permezz tagħha. Barra minn hekk, kritika bħal din ma turix attitudini ta’ servizz imma aktar xewqa li wieħed jimponi l-ideat tiegħu fuq l-oħrajn, ideat li ħafna drabi huma mxerrda b’nuqqas ta’ ħsieb.

Għandna niżżuħajr lill-Papa Pawlu VI għaliex waqt li rrispetta kull parti mill-fidi li tinsab fl-opinjonijiet umani differenti, fl-istess ħin ta l-bilanċ provvidenzjali li jeħtieġ fil-kaptan tad-dgħajsa[14]. Il-Knisja li jien uwritt kważi direttament minnu wara Ġwanni Pawlu I, m’hix Knisja, jeħtieġ nammetti, għal kollox ħielsa minn diffikultajiet u tensjonijiet interni. Imma fl-istess ħin hi Knisja li internament issaħħet aktar kontra l-eċċessi ta’ l-awto-kritika: wieħed jista’ jgħid li hi Knisja li għandha sens ta’ kritika quddiem il-kritika bla ħsieb li ssirilha, li tirreżisti b’rispett quddiem in-“novitajiet”, aktar matura fl-ispirtu ta’ dixxerniment, aktar kapaċi toħroġ mit-teżor tagħha, “sew il-ġdid u sew il-qadim”,[15] aktar attenta fuq il-misteru tagħha, u għalhekk aktar lesta biex taqdi l-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni għal kulħadd: Alla jrid li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħarfu l-verità.”[16]

 

5. KOLLEĠĠALITÁ U APPOSTOLAT

Minkejja l-apparenzi, il-Knisja l-lum hi aktar magħquda fis-servizz ta’ l-aħwa u fil-kuxjenza li għandha ta’ l-appostolat tagħha. Din l-għaqda ġejja mill-prinċipju tal-kolleġġalità mogħti mill-Konċilju Vatikan II, li Kristu stess daħħal fil-Kulleġġ appostoliku b’Pietru kap tiegħu u li hu jġedded il-ħin kollu fil-kulleġġ ta’ l-Isqfijiet b’mod illi waqt li jkompli jikber fid-dinja huwa jibqa’ f’għaqda mas-suċċessur ta’ S. Pietru u taħt it-tmexxija tiegħu. Il-Konċilju ma tax biss il-prinċipju tal-kolleġġalità ta’ l-Isqfijiet iżda tah ukoll ħajja billi, fost ħwejjeġ oħra, huwa ipprospetta l-istituzzjoni ta’ korp permanenti, li Pawlu VI, mbagħad, fil-fatt waqqaf meta għamel is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet. Il-ħidma tas-Sinodu m’hux biss tat dimensjoni ġdida lill-pontifikat ta’ Ġwanni Pawlu I u f’dak tas-suċċessur indenn tiegħu.

Il-prinċipju tal-kolleġġalità wera ruħu partikolarment attwali fil-perjodu diffiċli ta’ wara l-Konċilju meta l-kulleġġ ta’ l-Isqfijiet – li fisser l-għaqda tiegħu mas-suċċessuri ta’ Pietru l-aktar permezz tas-Sinodu – ħa pożizzjonijiet komuni u unanimi u hekk għin biex ineħħi d-dubji u biex juri t-triqat tajbin għat-tiġdid tal-Knisja fid-dimensjoni universali tagħha. Infatti kien mis-Sinodu li ħarġet l-ispinta essenzjali għall-evanġelizzazzjoni, spinta li tfisser fl-Eżortazjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi[17] li ntlaqet b’ferħ kbir bħala programm ta’ tiġdid appostoliku u pastorali. L-aħħar sessjoni plenarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, li saret din is-sena, qabel ma miet Pawlu VI, u li ttrattat, kif hu magħruf, dwar il-katekeżi, żammet l-istess linja. Ir-riżultati tax-xogħol ta’ dik is-sessjoni għad jeħtieġu sistemazzjoni u espożizzjoni min-naħa tas-Sede Appostolika.

Billi qegħdin nittrattaw dwar l-iżvilupp ċar li kien hemm fil-forom li fihom titfisser il-kolleġġalità ta’ l-isqfijiet, jeħtieġ li, għall-inqas, infakkru kemm issaħħew il-Konferenzi Episkopali nazzjonali fil-Knisja kollha u kemm issaħħew ukoll strutturi kolleġġjali oħra kemm fuq livell internazzjonali kemm fuq livell kontinentali. Jeħtieġ infakkru wkoll fis-Sinodi lokali li għandhom warajhom tradizzjoni ta’ sekli sħaħ fil-ħajja tal-Knisja. Kienet, infatti, l-idea tal-Konċilju, li Pawlu VI qiegħed fil-prattika, illi dawn l-istrutturi li l-Knisja kellha esperjenza ta’ sekli kbar dwarhom, kif ukoll forom oħra ta’ kollaborazzjoni kolleġġjali fost l-Isqfijiet – (nieħdu b’eżempju dik li tissejjaħ il-Metropolija, biex ma nsemmux forom oħra li jolqtu d-djoċesijiet waħda waħda) – ikollhom kuxjenza ħajja ta’ l-identità u ta’ l-oriġinalità tagħhom waqt li jżommu sħiħa l-għaqda tagħhom mal-Knisja universali.

L-istess spirtu ta’ kollaborazzjoni u ta’ responsabbilità pparteċipata qed jixtered ukoll fost is-saċerdoti kif hu kkonfermat mill-fatt li twaqqfu ħafna Kunsilli presbiterali wara l-Konċilju. Dan l-ispirtu wasal ukoll fost il-lajċi u m’hux biss saħħaħ l-organizzazzjonijiet ta’ appostolat li diġà jeżistu fost il-lajċi imma qed joħloq oħrajn ġodda li ħafna drabi jkollhom tifsila differenti u dinamiżmu mill-aħjar. Barra minn hekk, lajċi konxji mir-responsabbilità tagħhom lejn il-Knisja, impenjaw ruħhom volontarjament li jikkollaboraw mar-ragħajja u mar-rappreżentanti ta’ l-istituti għal ħajja kkonsagrata, fl-oqsma tas-sinodi djoċesani u kunsilli pastorali fil-parroċċi u fid-djoċesijiet.

Jien għandi nżomm quddiem għajnejja dan kollu fil-bidu tal-pontifikat tiegħi bħala raġuni oħra biex niżżiħajr lil Alla, biex ninkuraġġixxi bil-qalb lil ħuti kollha, rġiel u nisa, u biex infakkar bil-qalb, b’sens ta’ radd il-ħajr, il-ħidma tal-Konċilju Vatikan II u tal-predeċessuri tiegħi li taw mewġa ġdida ta’ ħajja lill-Knisja, mewġa li hi ferm aktar b’saħħitha mis-sintomi ta’ dubju, ta’ waqgħa u ta’ kriżi.

 

6. IT-TRIQ GĦALL-GĦAQDA TA’ L-INSARA

Xi ngħidu mbagħad għall-inizjattivi li ħarġu mill-orjentament ekumeniku ġdid? Il-qatt minsi Papa Ġwanni XXIII, b’dawl evanġeliku, fisser ċar illi l-kwistjoni tal-għaqda ta’ l-insara hija konsegwenza tar-rieda li Kristu, l-Imgħallem tagħna, fisser ħafna drabi iżda li wera b’mod partikolri fit-talba tiegħu fiċ-Ċenaklu, fil-lejl qabel ma miet: “Nitolbok…Missier…li jkunu lkoll ħaġa waħda”[18]. Il-Konċilju Vatikan II wieġeb għal din l-esiġenza fid-Digriet dwar l-ekumeniżmu. Il-Papa Pawlu VI, permezz tal-ħidma tas-Segretarjat għall-għaqda ta’ l-Insara, beda l-ewwel sforzi diffiċli biex din l-għaqda sseħħ. Morna ‘l bogħod f’din it-triq? Billi ma rridx nagħti tweġiba bid-dettall għal din il-mistoqsija, nista’ ngħid li għamilna progressi veri u importanti. U ħaġa hija ċerta: ħdimna b’perseveranza u b’koerenza; magħna ħadmu wkoll ir-rappreżentanti ta’ Knejjes u Komunitajiet insara oħra.

Huwa żgur illi, fis-sitwazzjoni storika li fiha qegħdin il-lum il-Knisja u l-Kristjanità kollha, ma jidhirx li hemm possibilità oħra, biex inkunu nistgħu naqdu l-missjoni universali tal-Knisja, għal dak li jolqot il-problemi ekumeniċi, għajr dik li nfittxu, bil-fedeltà, bil-perseveranza, bl-umiltà u fl-istess ħin bil-kuraġġ tar-riskji, it-triqat li jwassluna qrib xulxin u għall-għaqda ma’ xulxin, kif għamel u tana eżempju personali l-Papa Pawlu VI.

 Jeħtieġ għalhekk li nfittxu l-għaqda mingħajr ma naqtgħu qalbna quddiem id-diffikultajiet li nistgħu niltaqgħu magħhom fit-triq jew li jistgħu jiżdiedu aħna u mexjin. Inkella ma nkunux fidili lejn il-kelma ta’ Kristu, ma nkunux qegħdin nosservaw it-testment tiegħu. Nistgħu aħna nieħdu dan ir-riskju?

Hemm dawk li, quddiem id-diffikultajiet, jew għax forsi jaħsbu li l-ewwel forzi ekumeniċi ġabu magħhom riżultati negattivi, jixtiequ jerġgħu lura. Uħud igħidu wkoll li dawn l-isforzi għamlu ħsara lill-kawża tal-Evanġelju, wasslu għal aktar firda fil-Knisja, qed joħolqu konfużjoni fl-ideat dwar il-fidi u l-morali u qed iwasslu għall-indifferenza. Hi forsi ħaġa tajba li min jaħsibha hekk jitkellem u jfisser il-biża’ tiegħu. Imma wkoll f’dan għandhom jinżammu l-limiti tal-korrettezza. Hi ħaġa ċara li dan l-istadju ġdid fil-ħajja tal-Knisja jitlob minna fidi li hi partikolarment profonda, responsabbli u taf x’inhu jiġri. Ħidma tassew ekumenika tfisser li wieħed ikun miftuħ, li kulħadd jersaq lejn xulxin, li wieħed ikun lest għal djalogu, u lest biex ifittex flimkien ma’ l-oħrajn il-verità fis-sens sħiħ tal-Evanġelju u fis-sens nisrani. Imma bl-ebda mod ma tfisser li wieħed għandu jitlaq, jew b’xi mod inaqqas, it-teżori tal-verità divina li l-Knisja kostantement stqarret u tat xhieda tagħhom.

Lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jixtiequ jipperswadu lill-Knisja li ma tfittex l-għaqda universali ta’ l-Insara, jeħtieġ li għal darb’oħra ssirilhom din il-mistoqsija: Għandna d-dritt li ma nagħmluhx dan? Nistgħu ma jkollniex fiduċja, minkejja d-dgħufija umana u l-iżbalji tas-sekli li għaddew, fil-grazzja tal-Mulej li dan l-aħħar dehret fil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu u li aħna smajna matul il-Konċilju. Kieku kellna nagħmlu hekk inkunu qegħdin niċħdu l-verità li tolqot lilna stess, il-verità li l-Appostlu fisser b’mod ċar ħafna:-- “Bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien, u l-grazzja tiegħu fija ma sefgħetx fix-xejn”[19].

Dak li għandni kif għidt għandu jkun applikat ukoll, għalkemm mod ieħor u bid-distinzjonijiet meħtieġa, għall-ħidma li ssir biex l-Insara jersqu iżjed qrib lejn ir-rappreżentanti ta’ reliġjonijiet m’hux insara, attività mfissra permezz tad-djalogu, ta’ kuntatti, ta’ talb flimkien, ta’ stħarriġ tat-teżori ta’ l-ispiritwalità umana li minnhom kif nafu, il-membri ta’ dawn ir-reliġjonijiet ma humiex nieqsa. Ma jiġrix xi drabi li t-twemmin sod tas-segwaċi tar-reliġjonijiet m’hux insara – twemmin li huwa ġej mill-ispirtu tal-verità li jaħdem ‘l hinn ukoll mil-limiti viżibbli tal-ġisem mistiku – jista’ jġiegħel jistħu lil ħafna nsara meta jaraw li huma ħafna drabi wisq disposti li jiddubitaw dwar il-veritajiet rivelati minn Alla u ipproklamati mill-Knisja, u wisq disposti li jwessgħu l-prinċipji morali u jiftħu t-triq għall-permessività etika? Hija ħaġa nobbli li wieħed ikollu d-dispożizzjoni li jifhem lil kulħadd, li janalizza kull sistema u jagħraf x’inhu ġust. Iżda dan ma jfisser qatt li wieħed jitlef iċ-ċertezza dwar il-fidi tiegħu[20] jew li jdgħajjef il-prinċipji tal-moralità li n-nuqqas tagħhom malajr jinħass fil-ħajja ta’ soċjetajiet sħaħ b’konsegwenzi wkoll li jġibu l-biki.


 

 

II. IL-MISTERU TAL-FIDWA

 

 

7. FIL-MISTERU TA’ KRISTU

Jekk it-toroq li fuqhom il-Konċilju tas-seklu tagħna qabbad il-Knisja, it-toroq li wriena fl-ewwel enċiklika tiegħu l-mibki Papa Pawlu VI, ser jibqgħu għal ħafna żmien sewwasew l-istess, dawk li għandna nimxu fuqhom, f’dan iż-żmien ġdid li aħna dħalna fih irridu nsaqsu lilna nfusna: X’ser nagħmlu? Kif ser inkomplu mexjin? X’jeħtieġ isir biex dan l-avvent ġdid tal-Knisja, li ser jaħbat mat-tmiem tat-tieni elf sena ta’ kristjaniżmu, iservi biex aħna nersqu lejn dak li l-Kotba Mqaddsa jsejħu: “Missier għal dejjem”, Missier iż-żmien li ġej?[21] Din hija l-mistoqsija fundamentali li l-Papa l-ġdid jeħtieġ li jagħmel lilu nnifsu waqt li, bi spirtu ta’ ubbidjenza tal-fidi, jaċċetta l-kmand mogħti għal aktar minn darba lil Pietru: “Irgħa l-ħrief tiegħi”[22], li jfisser: kun ir-ragħaj tal-merħla tiegħi; u aktar tard: “Int imbagħad, meta terġa lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek”.[23]

Huwa proprju hawn, għeżież ħuti u wliedi, li jeħtieġ nagħtu tweġiba fundamentali u essenzjali; l-ispirtu tagħna, l-intellett tagħna, ir-rieda tagħna għandhom orjentament wieħed: lejn Kristu, Feddej tad-dinja. Lejħ irridu nħarsu għaliex fih biss, fih l-Iben ta’ Alla, hemm is-Salvazzjoni; ma’ Pietru nġeddu l-istqarrija tagħna:- “Mulej għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”.[24]

Permezz tal-kuxjenza tal-Knisja, li żviluppat daqshekk matul il-Konċilju, permezz tal-gradi differenti ta’ din il-kuxjenza, fl-oqsma kollha ta’ ħidma li fihom il-Knisja tfisser ruħha u ssib lilha nfisha u titwettaq, aħna għandna l-ħin kollu nimxu lejh “li hu r-ras”,[25] “li minnu ġej kollox u aħna neżistu għalih”,[26] li hu fl-istess ħin “it-triq, il-verità”[27] “il-qawmien u l-ħajja”,[28] li min jara lilu jara l-Missier,[29] li kellu jitlaqna[30] – għax kellu jmut fuq is-salib u wara jitla’ s-sema – sabiex l-Ispirtu Difensur jiġi fuqna u jkompli jiġi bħala Spirtu ta’ verità.[31] Fih huma “t-teżori kollha tal-għerf u x-xjenza”[32] u l-Knisja hija ġismu.[33] Il-Knisja hija “fi Kristu bħal sagrament jew sinjal u strument ta’ għaqda ntima ma’ Alla u fl-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu”;[34] u l-għajn ta’ dan kollu huwa Hu, Hu nnifsu, il-Feddej!

Il-Knisja ma tehdiex tisma’ kliemu, taqrahom il-ħin kollu, tipprova tibni b’qima u devozzjoni l-istorja ta’ ħajtu fl-irqaqat kollha tagħha. Kliemu jisimgħuhom ukoll dawk li m’humiex insara. Il-ħajja ta’ Kristu tkellem, fl-istess ħin, lil ħafna bnedmin oħra li għad ma jistgħux jgħidu ma’ Pietru: “Inti Kristu, Bin Alla ‘l ħaj”. [35]Huwa Kristu, l-Iben ta’ Alla ‘l ħaj ikellem lill-bnedmin ukoll bħala bniedem: hija ħajtu stess li titkellem; jitkellmu l-umanità tiegħu, il-fedeltà tiegħu għall-verità, l-imħabba tiegħu li tħaddan lil kulħadd. Titkellem ukoll mewtu fuq is-salib, jiġifieri l-profondità bla tarf tat-tbatija u ta’ l-abbandun tiegħu. Il-Knisja ma tieqaf qatt li tiftakar u tgħix il-mewt tiegħu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu mill-mewt li flimkien jagħmlu l-essenza tal-ħajja tagħha ta’ kuljum. Huwa, infatti, bi kmand ta’ Kristu li l-Knisja tiċċelebra bla waqfien l-Ewkaristija u ssib fiha “l-għajn tal-ħajja u l-qdusija”,[36] is-sinjal effikaċi tal-grazzja u tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, ir-rahan tal-ħajja ta’ dejjem. Il-Knisja tgħix dan il-misteru, tieħu minnu bla ma tgħajja, u tfittex it-triqat kollha biex twassal dan il-misteru ta’ l-Imgħallem u s-Sid tagħha lill-bnedmin: lill-popli, lin-nazzjonijiet, lill-ġenerazzjonijiet li jiġu waħda wara l-oħra, lil kull bniedem; u dan tagħmlu qisha l-ħin kollu qed tirrepeti l-kliem ta’ l-Appostlu: “Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom ħlief ‘il Kristu Ġesù u ‘l dan imsallab”.[37] Il-Knisja tibqa’ tgħix fl-isfera tal-Misteru tal-Fidwa li sar il-prinċipju fundamentali tal-ħajja u l-missjoni tagħha.

8. IL-FIDWA HIJA ĦOLQIEN IMĠEDDED

Il-feddej tad-dinja! Fih ġiet irrivelata b’mod ġdid u aktar tal-għaġeb il-verità fundamentali fuq il-ħolqien li dwaru l-Ktieb tal-Ġenesi jgħid kemm-il darba: “Alla ra li kollox kien sew”.[38] Il-għejjun tat-tajjeb huma l-Għerf u l-Imħabba. F’ Ġesù Kristu d-dinja viżibbli, li Alla ħalaq għall-bnedmin,[39] dik id-dinja li meta daħal id-dnub waqgħet “taħt il-frugħa”,[40] terġa tikseb il-ħolqa oriġinali tagħha mal-għajn divina tal-Għerf u l-Imħabba. Anzi, “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni”.[41] Bħalma din il-ħolqa nkisret fil-bniedem Adam, hekk reġgħet issewwiet fil-bniedem Kristu.[42] Aħna l-bnedmin tas-seklu għoxrin, aħna konvinti mill-kliem qawwi ta’ l-Appostlu tal-Ġnus dwar illi “l-ħolqien għadu s’issa jitnihed bl-uġigħ tal-ħlas” u “jistenna ħerqan ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla”? dwar il-ħolqien li kien “jinsab taħt il-frugħa”? U l-progress immens li bħalu qatt qabel ma rajna, l-aktar matul dan is-seklu, speċjalment fil-qasam tal-ħakma tal-bniedem fuq id-dinja, ma jurix, fi grad li qatt ma konna rajna bħalu qabel, li l-ħolqien għadu maħkum mill-frugħa taħt il-forom differenti? Biżżejjed li nfakkru f’ċerti fenomni, bħalma huma t-theddida ta’ tniġġis fiż-żoni fejn ikun hemm industrijalizzazzjoni mgħaġġla, it-theddida ta’ konflitti armati li jinqalgħu l-ħin kollu, ir-riskju li d-dinja kollha tisfa’ mfarrka mill-użu tal-bombi atomiċi, idroġeni, bombi newtroniċi jew bombi bħalhom, jew in-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja li għadha ma twelditx. Id-dinja taż-żmien il-ġdid, id-dinja tat-titjiriet spażjali, id-dinja li rat rebħiet tax-xjenza u t-teknoloġija li qatt ma kien hemm bħalhom – din m’hiex ukoll id-dinja “li qed titniehed bl-uġigħ tal-ħlas”,[43] dinja “li qed tistenna ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla?”[44] dwar il-ħolqien li kien “jinsab taħt il-frugha”? U l-progress immens li bħalu qatt qabel ma rajna, l-aktar matul dan is-seklu, speċjalment fil-qasam tal-ħakma tal-bniedem fuq id-dinja, ma jurix, fi grad li qatt ma konna rajna bħalu qabel, li l-ħolqien għadu maħkum mill-frugħa taħt forom differenti? Biżżejjed li nfakkru f’ċerti fenomeni, bħalma huma t-thedida ta’ tniġġiż fiż-żona fejn ikun hemm industrijalizzazzjoni mgħaġġla, it-theddida ta’ konflitti armati li jinqalgħu l-ħin kollu, ir-riskju li d-dinja kolha tisfa’ mfakkra mill-użu tal-bombi atomiċi, idroġeni, bombi newtroniċi jew bombi bħalhom, jew in-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja li għadha ma twelditx. Id-dinja taż-żmien il-ġdid, id-dinja tat-titjiriet spazjali, id-dinja li rat rebħiet tax-xjenza u t-teknoloġija li qatt ma kien hemm bħalhom – din m’hiex ukoll id-dinja “li qed titniehed bl-uġigħ tal-ħlas”[45], dinja “li qed tistenna ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla?”[46]

Fl-analiżi penetranti li għamel tad-“dinja moderna” l-Konċilju Vatikan II wasal ukoll għal aktar punt importanti fid-dinja li tidher, jiġifieri l-bniedem, daħal, bħal Kristu, fil-fond tal-għarfien uman u mess il-misteru ġewwieni tal-bniedem, li f’lingwaġġ Bibliku (u m’hux Bibliku wkoll) hu dak li ppenetra b’mod uniku u li ma jistax jirrepeti ruħu, fil-misteru tal-bniedem u daħallu f’”qalbu”. Il-Konċilju Vatikan II għallem sewwa meta qal:-- “Fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew fil-misteru ta’ l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Għax Adam, l-ewwel bniedem, kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi (Rum: 5,15) jiġifieri ta’ Kristu l-Mulej. Kristu, Adam il-ġdid, meta juri l-misteru tal-Missier u ta’ l-imħabba tiegħu, juri wkoll, għal kollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu.” U mbagħad igħid ukoll: “Huwa x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol. 1,15). Hu stess huwa l-bniedem perfett li radd lil ulied Adam ix-xebħ ta’ Alla mħassar fil-bidu mid-dnub. Billi n-natura umana ġiet fih magħquda u m’hux meqruda, b’dan il-fatt stess fina wkoll din in-natura kienet imgħollija għal dinjità iżjed għolja. L-Iben ta’ Alla, meta sar bniedem, ingħaqad b’xi mod ma’ kull bniedem. Ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem. Imwieled mill-Verġni Marija, sar tassew wieħed minna, jixbaħna f’kollox, barra mid-dnub”.[47] Huwa l-Feddej tal-bniedem.

 

9. IL-MISTERU TAL-FIDWA FID-DIMENSJONI DIVINA TIEGĦU

Waqt li nirriflettu mill-ġdid fuq dan il-pass mill-isbaħ tal-Maġisteru tal-Konċilju m’għandniex ninsew, anqas għal waqt wieħed biss, illi Ġesù Kristu, l-iben ta’ Alla ħaj, sar ir-rikonċiljazzjoni tagħna quddiem il-Missier.[48] Huwa proprju Hu u Hu biss li ssodisfa lill-imħabba eterna tal-Missier, jiġifieri lil dik il-paternità ta’ Alla li fissret ruħha sa mill-bidu meta Alla ħalaq id-dinja, meta ta’ lill-bniedem l-għana kollu tal-ħolqien, meta għamlu “ftit inqas mill-anġli”[49] għaliex ħalqu “xbieha ta’ Alla”;[50] Huwa hu biss ukoll li ssoddisfa lil din il-paternità ta’ Alla u lill-imħabba tiegħu, li b’ċertu mod il-bniedem ċaħad meta kiser l-ewwel patt[51] u kiser ukoll il-pattijiet l-oħra li Alla bosta drabi offra li jagħmel mal-bniedem.[52] Il-Fidwa tad-dinja – dan il-misteru tremend ta’ mħabba li fih il-ħolqien jiġġedded[53] – huwa, fl-għeruq l-iżjed profondi tiegħu, il-milja tal-ġustizzja f’qalb ta’ bniedem: fil-qalb ta’ l-Iben primoġenitu biex, imbagħad, issir ġustizzja fil-qalb ta’ ħafna bnedmin li, proprju – Iben primoġenitu, kienu ippredestinati sa mill-eternità li jsiru wlied Alla[54] u jkunu msejħa għall-grazzja, msejħa għall-imħabba. Is-salib tal-kalvarju li permezz tiegħu Ġesù Kristu – bniedem, bin Marija Verġni, Iben puttativ ta’ Ġużeppi ta’ Nazaret – “Iħalli” din id-dinja, is-salib huwa fl-istess ħin turija tal-paternità eterna ta’ Alla li fih, fi Kristu, joqrob mill-ġdid lejn il-bnedmin, lejn kull bniedem, waqt li jagħtih dak li hu tliet darbiet qaddis, “l-Ispirtu tal-verità”.[55]

Is-sens tal-mewt fuq is-salib ta’ Kristu jitfisser b’din ir-rivelazzjoni tal-Missier u b’din l-effużjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu li jistampaw sinjal li ma jitħassarx fuq il-Misteru tal-Fidwa. L-istess Alla li ħalaq jirrivela ruħu bħala Alla li jifdi, bħala Alla “li hu fidil”, [56] fidil fl-imħabba tiegħu għall-bniedem u għad-dinja, imħabba li hu kien diġa rrivela f’jum il-ħolqien. U l-imħabba tiegħu ma terġa’ qatt lura quddiem ebda ħaġa li titlob ġustizzja minnu. U għalhekk l-iben “li ma kienx jaf x’hinu dnub, Alla għamlu dnub għalina”.[57] Jekk Alla “għamel dnub” lil Dak li kien bla ebda dnub, dan għamlu biex juri l-imħabba li hi dejjem akbar mill-ħolqien kollu, l-imħabba li hi Hu stess, għaliex “Alla u mħabba”.[58] U fuq kollox l-imħabba hija akbar mid-dnub, mid-dgħufija, mill-“ħolqien li jinsab taħt il-frugħa”,[59] aktar qawwija mill-mewt; hija mħabba dejjem lesta li tmur tiltaqa’ ma’ l-iben il-ħali, [60]dejjem tfittex “ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla”[61] li huma msejħa għall-glorja li għad trid tidher fina.[62] Din ir-rivelazzjoni ta’ l-imħabba hija msejħa wkoll ħniena,[63] u fl-aħħar din ir-rivelazzjoni tal-imħabba u tal-ħniena għandha fl-istorja tal-bniedem forma tagħha u isem: jisimha Ġesù Kristu.

 

10. IL-MISTERU TAL-FIDWA FID-DIMENSJONI UMANA TIEGĦU

Il-bniedem ma jistax igħix mingħajr imħabba. Jekk ma jsirx jaf l-imħabba, jekk ma jiskoprix l-imħabba f’ħajtu, jekk ma jġarrabx l-imħabba, jekk ma jdaħħalhix f’ħajtu, jekk ma jipparteċipax intimament fiha, jibqa’ esseri li ma jistax jifhem lilu nnifsu u ħajtu tkun bla sens għalih. Għal din ir-raġuni, kif diġa għidt, Kristu l-Feddej jirrivela għal kollox il-bniedem lill-bniedem. Jekk nistgħu ngħidu hekk, din hi d-dimensjoni umana tal-misteru tal-Fidwa. F’din id-dimensjoni l-bniedem isib mill-ġdid il-kobor, id-dinjità u l-valur li huma proprji ta’ l-umanità tiegħu. Fil-misteru tal-Fidwa l-bniedem huwa “mfisser” mill-ġdid u, b’ċertu mod, maħluq mill-ġdid. Tassew, huwa maħluq mill-ġdid! “Ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara: għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.”[64] Il-bniedem li jrid jifhem lilu nnifsu għal kollox - u m’hux bniedem li jrid jifhem lilu nnifsu għal kollox – u m’hux sempliċement skond kriterji u qisien immedjati, parzjali, ħafna drabi superfiċjali u li jistgħu jilluduh – irid jersaq lejn Kristu bl-ansjetajiet tiegħu, bl-inċertezzi tiegħu, kif ukoll b’dgħufijietu u dnubietu, b’ħajtu u b’mewtu. Irid, biex ngħidu hekk, jidħol fih – fi Kristu – bih innifsu kollu; irid “jagħmel tiegħu” u jagħmel ħaġa waħda miegħu ir-realtà sħiħa ta’ l-inkarnazzjoni u tal-Fidwa biex jasal biex jerġa’ jsib lilu nnifsu. Jekk dan il-proċess profond iseħħ fih, allura huwa jikseb frott m’hux biss ta’ adorazzjoni ta’ Alla iżda wkoll ta’ ammirazzjoni kbira tiegħu nnifsu. Kemm huwa tassew prezzjuż il-bniedem f’għajnejn il-Ħallieq jekk “kiseb Feddej daqshekk kbir”[65] u jekk Alla “ta lil Ibnu l-waħdieni” biex il-bniedem “ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem?”[66]

Fir-realtà, din l-ammirazzjoni profonda quddiem il-valur u d-dinjità tal-bniedem tissejjaħ Evanġelju, jiġifieri, il-Bxara t-tajba. Tissejjaħ ukoll Kristjaniżmu. Din l-ammirazzjoni tiddetermina l-missjoni tal-Knisja fid-dinja, anzi forsi iżjed ukoll, “fid-dinja tal-lum”. Din l-ammirazzjoni, li hija wkoll konvinzjoni u ċertezza hija marbuta ntimament ma’ Kristu. Fl-għeruq l-iżjed fondi tagħha din l-ammirazzjoni hija ċ-ċertezza tal-fidi; iżda b’mod moħbi u misterujuż hija tagħti l-ħajja lil kull aspett ta’ umaniżmu awtentiku. Hija tiddetermina l-post ta’ Kristu – biex ngħidu hekk il-jedd partikolari tiegħu ta’ ċittadinanza – fl-istorja tal-bniedem u ta’ l-umanità. Il-Knisja waqt li ma tieqaf qatt milli tikkontempla l-misteru kollu u sħiħ ta’ Kristu, taf biċ-ċertezza kollha tal-fidi, illi l-Fidwa li seħħet permezz tas-salib tat lura għal kollox u għal dejjem lill-bniedem id-dinjità tiegħu u reġgħet tat sens lill-eżistenza tiegħu, sens li kien intilef ħafna ħtija tad-dnub. Għalhekk, il-Fidwa seħħet fil-misteru tal-Għid li jwassal permezz tas-Salib u tal-mewt għall-qawmien mill-mewt.

Il-missjoni fundamentali tal-Knisja f’kull żmien li partikularment fi żmienna hi li tiddirieġi l-intelliġenza tal-bniedem, li tindirizza l-kuxjenza u l-esperjenza tal-ġens tal-bnedmin kollha, lejn il-misteru ta’ Kristu u tgħin lill-bnedmin kollha biex iħossu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum kemm tilħaq fil-fond il-Fidwa li ssir fi Kristu Ġesù.

Fl-istess ħin hija l-missjoni tagħha li tittratta dwar l-isfera tal-ħwejjeġ l-iżjed intimi tal-bniedem, l-isfera, nifhmu ngħidu, tal-qalb, tal-kuxjenza u tal-ġrajja tal-bniedem.

 

11. MISTERU TA’ KRISTU HUWA L-BAŻI

TAL-MISSJONI TAL-KNISJA U TAL-KRISTJANIŻMU

Il-konċilju Vatikan II għamel xogħol bla qies biex jifforma dik il-kuxjenza sħiħa u universali tal-Knisja li fuqha kiteb il-Papa Pawlu VI fl-ewwel Enċiklika tiegħu. Din il-kuxjenza – jew x’aktarx awtokuxjenza tal-Knisja – tissawwar fid-“djalogu” li, qabel ma jsir konversazzjoni, irid qabel xejn jiddirieġi l-attenzjoni tiegħu lejn l-“ieħor”, jiġifieri lejn dak li miegħu rridu nitkellmu. Il-Konċilju Ekumeniku ta tefgħa ‘l quddiem fundamentali biex tissawwar din awtokuxjenza tal-Knisja meta ddeskriva, b’mod daqshekk xieraq u kompetenti, dehra tal-globu tad-dinja bħala “mappa” ta’ reliġjonijiet differenti. Barra hekk uriena kif fuq din il-mappa tar-reliġjonijiet differenti tad-dinja qiegħed jikber, saff fuq ieħor, b’mod sistematiku, qatt magħruf qabel u karatteristiku ta’ dan iż-żmien, il-fenomenu ta’ l-ateismu fil-forom differenti tiegħu, ibda mill-ateismu programmat, organiżżat u mibni f’sistema politiku.

Għal dak li jolqot ir-reliġjon, il-Konċilju ttratta r-reliġjon bħala fenomenu universali magħqud ma’ l-istorja tal-bniedem sa mill-bidu; ttratta wkoll dwar ir-reliġjonijiet m’hux insara differenti u, fl-aħħar, ittratta dwar il-kristjaniżmu. Id-dokument tal-Konċilju li għandu x’jaqsam mar-reliġjonijiet li m’humiex insara juri l-ħin kollu rispett kbir għall-valuri spiritwali fil-ħajja tal-bniedem u li jsibu tifsira fir-reliġjon u fil-moralità u li għandhom rifless fuq il-kultura kollha. Il-Padri tal-Knisja kienu jaraw bir-raġun f’kull reliġjon differenti rifless differenti ta’ l-istess verità hekk kif jiġri “fiż-żerriegħa tal-

Verb”[67] li tixhed li l-ispirtu tal-bniedem għandu xewqa qawwija li, għalkemm permezz ta’ toroq differenti iżda li jagħtu fl-istess naħa, ifittex lil Alla u, fl-istess ħin, permezz ta’ din l-istess tfittxija ta’ Alla, jasal biex jifhem il-firxa sħiħa ta’ l-umanità u t-tifsira sħiħa tal-ħajja tal-bniedem. Il-konċilju ddedika attenzjoni speċjali lir-reliġjon Lhudija u fakkar fil-wirt spiritwali kbir li għandhom komuni bejniethom l-Insara u l-Lħud, waqt li fisser ir-rispett tiegħu lejn dawk li jħaddnu r-reliġjon Islamika u li jemmnu wkoll f’Abraham.[68]

Bit-triq li fetah il-Konċilju, il-Knisja u l-Insara kollha setgħu jiffurmaw kuxjenza iżjed sħiħa tal-misteru ta’ Kristu, “misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet kollha”[69] f’Alla u li kellu jkompli jkun irrivelat f’waqtu fil-bniedem Ġesù Kristu u kellu jkompli jkun irrivelat f’kull żmien ieħor, Fi Kristu u permezz ta’ Kristu, Alla rrivela ruħu għal kollox lil-bniedem u qorob lejhom b’mod definitiv. Fl-istess ħin, fi Kristu u permezz ta’ Kristu, il-bniedm kiseb kuxjenza sħiħa tad-dinjità u l-elevazzjoni tiegħu, tal-valur traxxendenti ta’ l-umanità tiegħu, tat-tifsira ta’ l-eżistenza tiegħu.

Jeħtieġ għalhekk li aħna lkoll – aħna lkoll li nimxu wara Kristu – niltaqgħu u ningħaqdu madwaru. Din l-għaqda, fl-oqsma differenti tal-ħajja, tat-tradizzjoni, ta’ l-istrutturi u l-liġijiet tal-Knejjes jew komunitajiet ekleżjali waħda waħda, ma tistax isseħħ mingħajr ħidma kontinwa biex huma jsiru jafu iżjed lil xulxin u jneħħu kull xkiel li hemm fit-triq li twassal għall-għaqda perfetta. B’danakollu aħna nistgħu, anzi għandna, minn issa naslu għall-għaqda u nuruha lid-dinja meta nxandru l-misteru ta’ Kristu, meta nuru d-dimensjoni divina u fl-istess ħin umana tal-Fidwa, meta nissieltu b’perseverenza li ma tgħejjix għad-dinjità li kull bniedem kiseb u li jista’ jkompli jikseb fi Kristu. Din hija d-dinjità tal-verità nterjuri ta’ l-umanità, dinjità li – jekk id-dinja tal-lum għarfet li għandha mportanza fundamentali – għalina għandha mportanza akbar fid-dawl ta’ dik il-verità li hu Ġesù Kristu.

Ġesù Kristu huwa, nfatti prinċipju stabbli u ċentru permanenti tal-missjoni li Alla fada lill-bniedem. Aħna lkoll għandna nieħdu sehem f’din il-missjoni, fiha għandna nikkonċentraw il-forzi kollha għaliex hekk hu meħtieġ li jsir għall-ġid tal-bnedmin ta’ żmienna. U jekk, kif jidher, din il-missjoni qed issib fi żmienna oppożizzjoni bħalma qatt ma sabet fiż-żminijiet l-imgħoddija, dan ifisser li hija fi żmienna iżjed meħtieġa u minkejja l-oppożizzjoni, iżjed mistennija milli qatt kienet. Hawn qegħdin immissu ndirettament dak il-misteru tal-pjan ta’ Alla li għaqqad is-salvazzjoni u l-grazzja mas-salib. M’hux għalxejn Kristu qal illi “s-saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha u dawk li jitħabtu bis-sħiħ għaliha u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha”;[70] u illi “wlied din id-dinja…jimxu bil-għaqal aktar minn wlied id-dawl”.[71] Naċċettaw bil-qalb din iċ-ċanfira biex inkunu bħal dawk “li jitħabtu bis-sħiħ għal Alla” li bħalhom rajna ħafna drabi fl-istorja tal-Knisja u li għadna naraw sal-lum, u hekk ningħaqdu lkoll, bil-qalb u b’kuxjenza sħiħa ta’ dak li qegħdin nagħmlu, fil-missjoni kbira li għandna: li nxandru lil Kristu lid-dinja, li ngħinu lil kull bniedem biex jiġġedded fi Kristu, li ngħinu lill-ġenerazzjonijiet tal-lum ta’ ħutna, nisa u rġiel, popli, nazzjonijiet, stat, bnedmin pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw, pajjiżi għonja, f’kelma waħda kulħadd, ngħinu lil kulħadd biex isir jaf “l-għana ta’ Kristu għad li ebda moħħ ma jista’ jifhmu”,[72] biex dan l-għana jingħata lil kulħadd u jsir il-ġid ta’ kull bniedem.

 

12. IL-MISSJONI TAL-KNISJA U L-LIBERTÁ TAL-BNIEDEM

Maqgħudin fil-missjoni li fuqha jiddeċiedi qabel kulħadd u qabel kollox Kristu nnifsu, l-Insara kollha għandhom ifittxu li jiskopru dak li diġà jgħaqqadhom qabel ukoll ma sseħħ l-għaqda sħiħa tagħhom. Din hija l-għaqda appostolika u missjunarja, missjunarja u appostolika. Bis-saħħa ta’ din l-għaqda aħna nistgħu nersqu lejn il-wirt tal-għaġeb li għandu l-ispirtu tal-bniedem li wera ruħhu fir-reliġjonijiet kollha, kif tgħid id-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II Nostra Aetate.[73] Bis-saħħa tagħha aħna nersqu qrib lejn il-kulturi kollha, lejn l-ideoloġiji kollha, lejn il-bnedmin ta’ rieda tajba kollha. Aħna navviċinawhom b’dik l-istima, b’dak ir-rispett li bid-dixxerniment li sa minn żmien l-Appostli kienu karatteristiċi ta’ l-imġieba missjunarja tal-missjunarji. Biżżejjed insemmu, biex inġibu eżempju, lil San Pawl u l-mod kif ġab ruħu fl-Areopagu ta’ Atene.[74] L-attitudni missjunarja dejjem tibda b’qima mill-akbar lejn dak kollu li hu fil-bniedem”,[75] lejn dak li l-bniedem ħaseb fil-fond ta’ l-ispirtu tiegħu dwar l-aktar problemi profondi u mportanti. Hawn jeħtieġ li tirrispetta dak kollu li nħadem fih mill-Ispirtu li “fejn irid jonfoħ”.[76] Id-dmir missjunarju qatt ma hu li jkisser imma, għall-kuntrarju, li jibni mill-ġdid u jsaħħaħ, ukoll jekk fil-prattika m’hux dejjem dan l-ideal għoli jintlaħaq. U aħna nafu tajjeb li l-konverżjoni li tinbeda bil-ħidma missjunarja hi ħidma tal-grazzja, li fiha l-bniedem irid isib lilu nnifsu mill-ġdid għal kollox.

Għalhekk, il-Knisja ta’ żmienna tagħti mportanza kbira lil dak kollu li l-Konċilju Vatikan II għallem fid-Dikjarazzjoni dwar il-Libertà Reliġjuża, kemm fl-ewwel parti kif ukoll fit-tieni parti tad-Dokument.[77] Aħna nħossu kemm timpenjana l-verità li Alla rrivelalna. Aħna nħossu b’mod partikolari s-sens ta’ responsabbilità li għandna għal din il-verità. Il-Knisja, kif ried Kristu meta waqqafha, hija l-għassiesa u l-għalliema ta’ din il-verità u għalhekk hija għandha l-assistenza speċjali ta’ l-Ispirtu s-Santu biex tkun tista’ tħarisha bil-fedeltà u tgħallimha kollha kemm hi.[78] Meta aħna naqdu din il-missjoni aħna nħarsu lejn Kristu nnifsu li hu l-ewwel xandâr tagħha,[79] aħna nħarsu wkoll lejn l-Appostli, il-Martri u l-Konfessuri.

Id-dikjarazzjoni dwar il-Libertà Reliġjuża turina b’mod konvinċenti li meta Kristu, u warajh l-Appostli, xandru l-verità li ma tiġix mill-bniedem, imma minn Alla (“It-tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni”,[80] jiġifieri tal-Missier), waqt li ħadmu bil-qawwa kollha ta’ l-intelliġenza tagħhom, huma żammew dejjem stima kbira lejn il-bniedem, lejn l-intelliġenza tiegħu, lejn ir-rieda, il-kuxjenza u l-libertà tiegħu.[81] B’hekk id-dinjità nfisha tal-persuna umana ssir parti mill-kontenut ta’ din it-tħabbira għaliex hija nkluża fiha għalkemm imfissra m’hux bil-fors bil-kliem iżda fl-imġieba lejn il-bniedem. Dan l-atteġġjament, kif jidher, jolqot il-ħtiġijiet speċjali ta’ żmienna. U għaliex m’hux kull ma l-individwi u sistemi differenti jaraw u jxandru bħala libertà huwa tassew libertà. Il-Knisja, bis-saħħa tal-missjoni divina tagħha, issir, aktar u aktar, l-għassiesa ta’ din il-libertàli hi l-kundizzjoni u l-bażi għad-dinjità vera tal-persuna umana.

Ġesù Kristu jiltaqa’ mal-bniedem ta’ kull żmien, il-bniedem ukoll ta’ żmienna, u jgħidlu l-istess kliem: “Intom tagħarfu l-verità u l-verità teħliskom”.[82] Dan il-kliem fih ħtieġa ewlenija u fl-istess ħin twissija: il-ħtieġa ta’ atteġġjament onest quddiem il-verità, li hu kundizzjoni għal-libertà vera; it-twissija hija li aħna nevitaw kull xorta ta’ libertà taparsi, kull libertà li ma tidħolx fil-verità kollha dwar il-bniedem u dwar id-dinja. Il-lum ukoll, għalkemm elfejn sena wara, aħna naraw lil Kristu bħala dak li jġib lill-bniedem il-libertà bbażata fuq il-verità, li teħles lill-bniedem minn dak kollu li jillimita, li jnaqqas, u li, biex ngħidu hekk, iqaċċat il-libertà mill-għeruq stess tagħha, fir-ruħ tal-bniedem, fil-qalb tiegħu, fil-kuxjenza tiegħu. X’konferma tal-għaġeb ta’ dan ingħatat u għadha tingħata minn dawk li, minħabba Kristu u fi Kristu, kisbu l-libertà vera li wrewha wkoll f’sitwazzjonijiet li fihom il-libertà hija mxekkla bil-forza minn barra!

Meta Kristu Ġesù nnifsu deher quddiem it-tribunal ta’ Ponzju Pilatu bħala priġunier u kien mistoqsi minnu dwar l-akkuża li kienet saret kontrih mir-rappreżentanti tas-Sanhedrin, ma weġibx “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità?”[83] B’dak il-kliem li qal quddiem l-imħallef fil-mument l-aktar deċiżiv ta’ ħajtu, hu kien qiegħed iwettaq dak li kien qal qabel: “Intom tagħarfu l-verità u l-verità teħliskom”. Fil-kors ta’ daqshekk sekli, ta’ daqshekk ġenerazzjonijiet, minn żmien l-Appostli ‘l hawn, m’hux Kristu nnifsu li ħafna drabi kien maġenb nies ikkundannati minħabba l-verità? U ma kienx hu li mar għall-mewt ma’ nies ikkundannati minħabba l-verità? U Kristu jehda qatt milli jkun dejjem dak li jitkellem f’isem min igħix “fl-ispirtu u l-verità”[84] u jkun l-avukat tagħhom? Kif hu ma jieqafx milli jkun fl-istorja tal-bniedem. U l-Knisja wkoll, minkejja d-difetti li huma parti mill-istorja umana tagħha, qatt ma tieqaf milli timxi wara dak li qal: “Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.”[85]


 

 III. IL-BNIEDEM MIFDI U L-QAGĦDA TIEGĦU FID-DINJA TAL-LUM

 

 

13. KRISTU NGĦAQAD MA’ KULL BNIEDEM

Meta aħna, bl-esperjenza li għandna tal-familja tal-bnedmin, esperjenza li kull ma tmur qiegħda tissaħħaħ dejjem iżjed u dejjem iżjed malajr, nidħlu aktar fil-fond fil-misteru ta’ Ġesù Kristu, aħna nifhmu aktar ċar li dawn it-toroq kollha, li l-Knisja ta’ żmienna, skond kif wissa b’għerf il-Papa Pawlu VI[86], għandha timxi fuqhom, dawn it-toroq għandhom bħala bażi tagħhom triq waħda: it-triq li għaddiet mill-prova tas-sekli u li hi wkoll it-triq li minnha rridu ngħaddu fil-ġejjieni. Kristu l-Mulej uriena din it-triq b’mod speċjali meta, kif igħallem il-Konċilju, “bl-Inkarnazzjoni tiegħu, Hu, l-Iben ta’ Alla, b’ċertu mod ingħaqad ma’ kull bniedem”[87].

Il-Knisja għalhekk tara li l-missjoni fundamentali tagħha hi li taħdem biex din l-għaqda ta’ Kristu ma’ kull bniedem issir u tiġġedded il-ħin kollu. Il-Knisja tixtieq twassal għal dan l-għan: li kull bniedem ikun jista’ jsib lil Kristu, biex Kristu jkun jista’ jimxi ma’ kull bniedem fit-triq ta’ ħajtu, bil-qawwa tal-verità dwar il-bniedem u dwar id-dinja li tinsab fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa, u bil-qawwa ta’ l-imħabba li tixgħel minn din il-verità.

Fil-medda ta’ proċessi storiċi li l-ħin kollu qegħdin jiżdiedu u li qegħdin fi żmienna jiżviluppaw b’mod speċjali f’sistemi differenti u konċetti ideoloġiċi dwar id-dinja u s-setgħat pubbliċi ta’ l-istat, Kristu Ġesù jsir b’xi mod preżenti mill-ġdid, minkejja l-assenzi apparenti tiegħu, minkejja l-imitazzjonijiet tal-preżenza u tal-ħidma istituzzjonali tal-Knisja. Kristu Ġesù jsir preżenti bil-qawwa tal-verità u ta’ l-imħabba li huma mfissra fih b’mod uniku u li ma jirripetix ruħu minkejja l-fatt li l-ħajja tiegħu fuq l-art kienet qasira u l-ħidma pubblika tiegħu iqsar.

Ġesù Kristu hu t-triq ewlenija għall-Knisja. Hu nnifsu hu t-triq tagħna “lejn il-missier”[88] u hu t-triq ta’ kull bniedem. F’din it-triq li twassal minn Kristu sal-bniedem, f’din it-triq li fiha Kristu jingħaqad ma’ kull bniedem, ħadd ma jista’ jżomm lill-Knisja. Din hija esiġenza tal-ġid temporali tal-bniedem u tal-ġid ta’ dejjem tiegħu. Minħabba Kristu u l-misteru tiegħu li hu l-ħajja stess tagħha, il-Knisja ma tistax ma titqanqalx għal dak kollu tagħha, il-Knisja ma tistax ma titqanqalx għal dak kollu li hu ta’ ġid għall-bniedem, bħalma ma tistax tkun indifferent quddiem dak li jhedded il-ħajja tal-bniedem. F’għadd ta’ passi fid-dokumenti tiegħu, il-Konċilju Vatikan II fisser il-ħerqa ewlenija tal-Knisja li l-ħajja fid-dinja “tkun taqbel aktar mad-dinjità kbira tal-bniedem”[89] fl-aspetti kollha tagħha, biex il-ħajja tiegħu issir “aktar umana”.[90] Din hija l-ħerqa ta’ Kristu stess, ir-Ragħaj it-tajjeb tal-bnedmin kollha. Hu minħabba din il-ħerqa, kif naqraw fil-Kostituzzjoni Pastorali tal-Konċilju, “Il-Knisja qatt ma għandha tiġi konfuża mal-komunità politika, lanqas marbta ma’ xi sistema politiku. Hi f’ħin wieħed sinjal u garanzija li l-persuna umana hija traxxendenti”.[91]

Għalhekk, dak li qed nitkellmu dwaru hawn hu l-bniedem fil-verità kollha tiegħu, fil-kobor kollu tiegħu. Ma aħniex qed nitkellmu dwar il-bniedem “astratt”, imma dwar il-bniedem reali, “konkret”, “storiku”. Aħna qed nitkellmu dwar “kull” bniedem, għax kull bniedem hu nkluż fil-misteru tal-Fidwa u bis-saħħa ta’ dan il-misteru Kristu ngħaqad ma’ kull wieħed għal dejjem. Kull bniedem jiġi fil-ħajja wara li jkun imnissel f’ġuf ommu u wara li jitwieled minn ommu, sewwasew minħabba l-misteru tal-Fidwa, jintreħa f’idejn il-Knisja li tieħu ħsiebu kollu kemm hu u tikkonċentra l-ħerqa tagħha fuqu b’mod għal kollox speċjali. L-oġġett tal-ħsieb tal-Knisja hu l-bniedem, fir-realtà umana, unika u rrispettabbli tiegħu, realtà li żżomm bla mittiefsa x-xbieha u s-sura ta’ Alla nnifsu.[92]

Il-Konċilju ried juri dan meta, waqt li tkellem dwar dan ix-xebħ, iwissi li l-bniedem “hu l-unika kreatura fuq wiċċ id-dinja li Alla xtaq għaliha nfisha”.[93] Il-bniedem, kif Alla “riedu”, kif Alla “għażlu” mill-eternità, sejjaħlu u ddestinah għall-grazzja u l-glorja – dan hu “kull” bniedem, il-bniedem “konkret”, kemm jista’ jkun, “reali”, kemm jista’ jkun! Dan hu l-bniedem imżejjen bil-milja tal-misteru li fih għandu sehem f’Ġesù Kristu; l-istess misteru li fih għandu sehem kull wieħed mill-4,000 miljun bniedem li jgħixu f’din id-dinja tagħna, minn meta jitnissel taħt qalb ommu.

 

14. IT-TIQAT KOLLHA TAL-KNISJA JWASSLU

GĦALL-BNIEDEM

Il-Knisja tonqos jekk tabbanduna lill-bniedem, għax id-“destin” tiegħu, jiġifieri l-għażla tiegħu, is-sejħa tiegħu, it-twelid u l-mewt tiegħu, is-salvazzjoni jew it-telfien ma jistax jinħall. Aħna qed nitkellmu preċiżament dwar kull bniedem fuq din il-pjaneta, fuq din id-dinja, li l-Ħallieq ta lill-ewwel bnedmin meta qal lir-raġel u lill-mara “Aħkmu u saltnu fuqha”.[94] Qed nitkellmu dwar kull bniedem, bir-realtà tiegħu li ma tirripetix ruħha, bir-realtà ta’ dak li hu u li jagħmel, ta’ l-intellett u r-rieda tiegħu, tal-kuxjenza u l-qalb tiegħu.

Il-bniedem, għaliex huwa persuna, għandu r-realtà singulari tiegħu. Ghalhekk huwa għandu ġrajja tal-ħajja tiegħu u prinċipalment l-istorja tar-ruħ tiegħu. Għaliex huwa mogħni bi spirtu u huwa espost għall-ħtiġijiet daqstant differenti tal-ġisem u tal-ħajja temporali, il-bniedem jikteb l-istorja personali tiegħu waqt li jidħol f’rabtiet, f’kuntatti, f’sitwazzjonijiet u fi strutturi soċjali differenti ma’ bnedmin oħra. Hu jagħmel dan sa mill-ewwel waqt ta’ l-eżistenza tiegħu fid-dinja, sa mill-waqt tat-tnissil u t-twelid tiegħu. Il-bniedem kollu, fil-verita sħiħa ta’ l-eżistenza tiegħu, kemm bħala persuna kif ukoll fir-relazzjonijiet tiegħu, kemm bħala persuna kif ukoll fir-relazzjonijiet tiegħu, mal-komunità li jgħix fiha u mas-soċjetà in ġenerali – jiġifieri fi ħdan il-familja tiegħu, fis-soċjetà, fil-kontesti different ital-ħajja tiegħu, fin-nazzjon, fil-poplu tiegħu (jista’ jkun li għadu fi ħdan it-tribù jew ir-razza tiegħu) u fid-dinja kollha tal-bnedmin – dan il-bniedem hu bħal triq prinċipali li l-Knisja trid tgħaddi minnha biex taqdi l-missjoni tagħha: huwa l-ewwel triq u t-triq ewlenija għall-Knisja, it-triq li Kristu nnifsu fetaħ, it-triq li tgħaddi filfors mill-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u l-Fidwa.

Kien sewwasew dan il-bniedm, fil-verità kollha tal-ħajja tiegħu, fil-kuxjenza tiegħu, fl-inklinazzjoni kontinwa tiegħu għad-dnub u fl-istess ħin fl-aspirazzjoni kontinwa tiegħu għall-verità, għat-tajjeb, għal dak li hu sabiħ, għall-ġustizzja u għall-imħabba, kien dan il-bniedem li l-Konċilju Vatikan II kellu quddiem għajnejh meta d-deskriva s-sitwazzjoni tal-bniedem fid-dinja moderna u, mill-elementi u l-kawżi esterni ta’ din is-sitwazzjoni, ħareġ il-verità mminenti tal-ġens tal-bnedmin: “Ħafna elementi li ma jaqblux bejniethom jinsabu sewwasew fil-bniedem. Għaliex, min-naħa waħda, bħala maħluq, hu jħoss b’ħafna modi li huwa limitat, min-naħa l-oħra jara li ma għandux limiti fix-xewqat tiegħu u li hu msejjaħ għall-ħajja aktar għolja. Miġbud minn ħafna ħajriet huwa obbligat dejjem jagħżel xi waħda u jiċċaħħad mill-oħrajn. Dak li hu agħar, għaliex huwa dgħajjef u midneb, m’hux rarament jagħmel dak li kieku ma jridx, u jħalli dak li kieku jixtieq jagħmel. Għalhekk fih innifsu jsofri bħal xi ħaġa li taqsmu u li minnha jiġi wkoll ħafna tilwim gravi fis-soċjetà.[95]

Dan il-bniedem hu t-triq għall-Knisja – triq li, f’ċertu sens, hi l-bażi tat-toroq kollha li minnhom il-Knisja għandha tgħaddi – għaliex il-bniedem – kull bniedem bla eċċezzjoni – kien mifdi minn Kristu; u għaliex mal-bniedem – ma’ kull bniedem bla ebda eċċezzjoni – Kristu b’xi mod jingħaqad, ukoll meta l-bniedem ma jindunax b’din l-għaqda: “Kristu, li miet u rxoxta għal kulħadd, dejjem jagħti lill-bniedem, (lil kull bniedem u lill-bnedmin kollha), id-dawl u l-qawwa biex iwieġeb għall-ogħla sejħa tiegħu”.[96]

Għalhekk billi dan il-bniedem hu t-triq għall-Knisja, it-triq għall-ħajja tagħha ta’ kuljum, għall-esperjenza tagħha, għall-missjoni u t-tbatija tagħha, jeħtieġ li l-Knisja tal-lum tagħraf b’mod dejjem ġdid is-“sitwazzjoni” tal-bniedem. Dan ifisser li l-Knisja teħtieġ tkun taf bil-possibbiltajiet tal-bniedem, possibbiltajiet li jieħdu l-ħin kollu orjentament ġdid u jimmanifestaw ruħhom skond il-bixra ġdida li jieħdu. Jeħtieġ li l-Knisja tagħraf ukoll it-theddid għall-bniedem u dak kollu li donnu qed ifixkel l-isforzi biex “il-ħajja tal-bniedem issir dejjem aktar umana”[97] u biex kull element li jsawwar din il-ħajja jwieġeb għad-dinjità vera tal-bniedem. Fi ftit kliem, jeħtieġ li l-Knisja tagħraf dak kollu li jmur kontra dak il-proċess.

 

15. MINN X’HIX JIBŻA’ L-BNIEDEM TAL-LUM

Għalhekk, waqt li nżommu quddiem għajnejna d-deskrizzjoni li tana b’mod daqshekk għaref u awtorevoli l-Konċilju Vatikan II, aħna se nippruvaw naddattaw dak li għallem għas-“sinjali taż-żminijiet” u għal dak li titlob is-sitwazzjoni li qiegħda l-ħin kollu tinbidel u tevolvi ruħha f’ċerti direzzjonijiet.

Il-bniedem tal-lum jidher dejjem mhedded minn dak li jipproduċi, jiġifieri mill-frott tax-xogħol ta’ jdejh u, aktar u aktar, mill-ħidma ta’ l-intellett tiegħu u mit-tendenzi tar-rieda tiegħu. Malajr u, ħafna drabi, b’mod li ma tobsrux, dak li l-bniedem jirnexxilu jipproduċi b’din il-ħidma varja tiegħu hu, m’hux biss suġġett għal “aljenazzjoni” fis-sens li jispiċċa biex jittieħed lura mill-persuna li tipproduċih, iżda jdur ukoll kontra l-bniedem, għall-inqas f’parti minnu, ħtija tal-konsegwenzi ndiretti li jduru fuqu jew kontrieh. Dan jidher li hu l-qofol tal-kundizzjoni iebsa ħafna ta’ l-eżistenza tal-bniedem fi żmienna fid-dimensjoni l-aktar wiesgħa u universali tagħha. Il-bniedem għalhekk igħix dejjem aktar fil-biża’. Jibża’ li dak li jipproduċi, m’hux kollu, dan żgur, u lanqas il-parti l-kbira minnu, imma biċċa minnu u sewwasew dik il-parti li għandha sehem speċjali mill-ġenju u l-inizjattiva tiegħu, jista’ jdur radikalment kontrieh: jibża’ li jsir mezz u strument biex ikisser lilu nnifsu b’mod li ħadd ma jista’ jemmen u b’konsegwenzi li, meta tqabbilhom magħhom, il-katakliżmi u l-katastrofi kollha tad-dinja donnhom igħibu. Dan iwassalna għall-mistoqsija:-- Għaliex is-setgħa li ngħatat lill-bniedem sa mill-bidu biex jaħkem id-dinja,[98] ddur kontrieh, tipproduċi, kif wieħed jista’ malajr jifhem, stat ta’ ansjetà, ta’ biża’ konxju jew m’hux konxju, u ta’ sens ta’ theddida li tolqot lill-familja umana kollha ta’ żmienna u li titfisser b’modi differenti?

L-istat ta’ theddida mqanqal kontra l-bniedem minn dak stess li jipproduċi juri ruħu f’direzzjonijiet differenti u fi gradi differenti ta’ intensità. Jidher li aħna qegħdin nagħarfu dejjem iżjed li l-użu ta’ din id-dinja, ta’ dan il-pjaneta li fuqu qed ngħixu, jitlob ippjanar razzjonali u onest. Fl-istess ħin dan l-użu tad-dinja, m’hux biss għall-iżvilupp industrijali iżda wkoll għall-raġunijiet militari, u l-iżvilupp bla kontroll tat-teknoloġija mingħajr pjan umanistiku awtentiku u li jħares fil-bogħod, ħafna drabi jġibu magħhom theddida għall-ambjent naturali tal-bniedem, jaljenawh u jbegħduh mir-releazzjoni tiegħu man-natura. Il-bniedem ħafna drabi donnu li ma jara ebda siwi ieħor fl-ambjent naturali tiegħu għajr dak li jservih għall-użu u konsum immedjat tiegħu. B’danakollu r-rieda tal-Ħallieq kienet dik li l-bniedem jikkomunika man-natura bħala “sid” u “għassies” intelliġenti u nobbli u m’hux bħala “wieħed li jagħsar” jew “wieħed li jeqred” bla ma jagħti każ ta’ xejn.

L-iżvilupp tat-teknoloġija u l-iżvilupp taċ-ċiviltà kontemporanja li hi kkaratterizzata mid-dominju dejjem akbar tat-teknoloġija, jitlob żvilupp proporzjonali tal-ħajja morali u ta’ l-etika. Iżda dan l-iżvilupp, b’xorti ħażina, qiegħed dejjem jibqa’ lura. Għalhekk, minkejja l-fatt li dan il-progress huwa tal-għaġeb u m’hux diffiċli tara fih sinjali awtentiċi tal-kobor tal-bniedem – sinjali li kienu diġa ġew irrivelati lilna fil-paġni tal-Ktieb tal-Ġenesi, li fihom, għallanqas bħala żerriegħa kotrana. Il-Ktieb iddeskriva l-ħolqien tal-bniedem[99] – b’danakollu dan il-progress ma jistax ma jqajjimx tħassib għal ħafna raġunijiet.

L-ewwel raġuni għall-preokkupazzjoni ġejja minn kwistjoni essenzjali u fundamentali: dan il-progress li tiegħu l-bniedem hu l-awtur u l-promotur, jagħmel il-ħajja tal-bniedem fuq l-art “ħajja aktar umana” f’kull aspett tagħha? Jagħmel il-ħajja tal-bniedem aktar “tixraq lill-bniedem”? Ma jista’ jkun hemm ebda dubju li f’ħafna oqsma tal-ħajja, il-progress dan jagħmlu. Imma l-mistoqsija tibqa’ insistent dwar dak li hu l-essenzjali: jekk, fil-kuntest ta’ dan il-progress, il-bniedem, bħala bniedem, huwiex qed isir bniedem aħjar, jiġifieri aktar matur spiritwalment, huwiex qiegħed jagħraf iżjed id-dinjità ta’ l-umanità tiegħu, huwiex isir aktar responsabbli, aktar miftuħ lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li m’għandhom xejn u li huma l-aktar dgħajfa, u aktar dispost li jagħti u jgħin lil kulħadd.

Din il-mistoqsija għandhom jagħmluha l-insara, sewwasew għaliex Kristu għamilhom sensibbli b’mod universali dwar il-problema tal-bniedem. L-istess mistoqsija għandhom jagħmluha l-bnedmin kollha, l-aktar dawk li huma mill-gruppi soċjali li qed jagħtu ruħhom attivament fi żmienna għall-iżvilupp u l-progress. Waqt li aħna nosservaw dak li qiegħed jiġri u nieħdu sehem fih ma nistgħux inħallu tirbaħna l-ewforija jew iġorna xi entużjażmu li jħares lejn naħa waħda biss minħabba dak li nkunu ksibna; imma għandna lkoll nistaqsu lilna nfusna, b’onestà assoluta, b’oġġettiva u b’sens ta’ responsabbiltà morali, il-mistoqsijiet essenzjali dwar is-sitwazzjoni tal-bniedem il-lum u fil-ġejjieni. Ir-rebħiet li ksibna s’issa u dawk li għad tikseb it-teknoloġija fil-futur, jaqblu mal-progress morali u spiritwali tal-bniedem? F’dan il-kuntest, il-bniedem, bħala bniedem qiegħed jiżviluppa u jagħmel progress jew sejjer lura u qed ibaxxi l-umanità tiegħu? Fil-bnedmin u “fid-dinja tal-bnedmin” – li hi fiha nfisha dinja ta’ ġid u deni morali – it-tajjeb qiegħed jirbaħ fuq il-ħażen? Fil-bnedmin u fost il-bnedmin hemm aktar imħabba soċjali, aktar rispett lejn id-drittijiet ta’ l-oħrajn – ta’ kull bniedem, ta’ kull nazzjoni, ta’ kull poplu – jew, għall-kuntrarju, hemm aktar egoiżmu, nazzjonaliżmu esaġerat minflok imħabba awtentika lejn il-pajjiż? Qed tiżdied l-ambizzjoni li tiddomina lill-oħrajn lil hinn mil-limiti tad-drittijiet u merti leġittmi, jew li tisfrutta l-progress materjali u l-progress tekniku u produttiv kollu biss biex tiddomina lill-oħrajn jew tiffavurixxi dan jew dak l-imperjaliżmu?

Dawn huma l-mistoqsijiet essenzjali li l-Knisja jeħtieġ li ssaqsi lilha nfisha għax qed jistaqsuhom b’mod iżjed jew inqas ċar eluf ta’ miljuni ta’ bnedmin li bħalissa jgħixu fid-dinja. Is-suġġett ta’ l-iżvilupp u l-progress huwa f’fomm kulħadd li jidher fil-kolonni tal-gażżetti kollha u f’pubblikazzjonjiet oħra fl-ilsna kollha tad-dinja moderna. Jeħtieġ iżda nosservaw li dan is-suġġett m’għandux biss affermazzjonijiet u ċertezzi, imma jqajjem ukoll mistoqsijiet u punti ta’ preokkupazzjoni kbira. Dawn ta’ l-aħħar huma xejn inqas importanti minn dawk ta’ l-ewwel. Huma jwieġbu għan-natura tal-għarfien tal-bniedem u, aktar u aktar, għall-ħtieġa fundamentali li l-bniedem għandu li jieħu ħsieb tal-bniedem, ta’ l-umanità tiegħu, tal-ġejjieni tal-bnedmin fid-dinja. Il-Knisja immexxija minn fidi eskatoloġika, tqis din l-imħabba u din il-preokkupazzjoni għall-bniedem, għall-umanità tiegħu, għall-futur tal-bnedmin fid-dinja u għalhekk għall-futur kollu ta’ l-iżvilupp u l-progress bħala parti essenzjali mill-missjoni tagħha u magħquda magħha b’mod li ma jinħallx. Hi ssib il-prinċipju għal din l-imħabba u għal din il-preokkupazzjoni għall-bniedem f’ Ġesù Kristu nnifsu, kif jixhdu l-Evanġelji. Hu għalhekk li l-Knisja tixtieq li din l-imħabba u din il-preokkupazzjoni jikbru l-ħin kollu permezz tar-relazzjoni tagħha ma’ Kristu, waqt li taqra s-sitwazzjoni tal-bniedem fid-dinja morderna skond is-sinjali l-aktar importanti ta’ żminijietna.

16. PROGRESS JEW THEDDIDA?

Jekk mela ż-żmien tagħna, iż-żmien tal-ġenerazzjoni tagħna, iż-żmien li qed joqrob lejn it-tmiem tat-tieni elf sena ta’ era nisranija, jidher żmien ta’ progress kbir iżda jidher ukoll li hu żmien ta’ theddida taħt forom differenti għall-bniedem. Il-Knisja għandha titkellem dwar din it-theddida lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba u għandha dejjem tfittex li żżomm djalogu magħhom dwarha. Is-sitwazzjoni tal-bniedem fid-dinja moderna, infatti tidher li hi ferm ‘il bogħod minn dak li oġġettivament jitlob l-ordni morali, minn dak li titlob il-ġustizzja u aktar u aktar minn dak li titlob l-imħabba soċjali. Aħna qed nitkellmu hawnhekk dwar dak li sab tifsira fl-ewwel messaġġ li l-Ħallieq ta lill-bniedem meta tah id-dinja, biex “jaħkem” lid-dinja[100]. Dan l-ewwel messaġġ Kristu kkonfermah fil-misteru tal-Fidwa. Dan fissru l-Konċilju Vatikan II f’dawk il-kapitli sbieħ tat-tagħlim tiegħu dwar ir-“regalità” tal-bniedem – jiġifieri s-sejħa tiegħu biex jieħu sehem fl-uffiċċju regali – “munus regale” – ta’ Kristu nnifsu.[101] Is-sens essenzjalai ta’ din ir-“regalità” u “l-ħakma tal-bniedem fuq id-dinja li tidher, regalità u ħadkma li l-Ħallieq ta’ lill-bniedem bħala dmir tiegħu, is-sens essenzjali huwa li l-etika għandha prijorità fuq it-teknika, li l-persuna għandha prijorità fuq il-ħwejjeġ l-oħra, u li l-ispirtu hu ‘l fuq mill-materja.

Huwa għalhekk li rridu nsegwu b’attenzjoni kull fażi tal-progress tal-lum, biex ngħid hekk, nagħmlu X-Ray ta’ kull stadju ta’ dan il-progress. Dak li hemm fin-nofs huwa l-iżvilupp tal-persuni u m’hux sempliċement it-tkattir ta’ l-oġġetti li l-bnedmin jistgħu jużaw. Kif qal filosfu ta’ żmienna u kif qal ukoll il-Konċilju: din m’hijiex kwistjoni ta’ kemm se “jkollna aktar” imma ta’ kemm se “nkunu aktar”.[102] Għaliex hemm il-periklu veru u li tista’ tħossu li, waqt li l-bniedem jagħmel passi kbar ‘il quddiem biex jaħkem id-dinja, huwa jitlef is-sens essenzjali ta’ din il-ħakma u jispiċċa biex iħalli li l-umanintà tiegħu tkun, b’mod differenti, suġġetta għad-dinja u li hu nnifsu jsir suġġett għall-manipulazzjoni (ukoll jekk ħafna drabi ma jindunax biha) mill-organizzazzjoni sħiħa tal-ħajja komunitarja, mis-sistema ta’ produzzjoni u mill-pressjonijiet li jsiru mill-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Il-bniedem ma jistax jiċħad lilu nnifsu jew jiċħad il-post li jistħoqqlu fid-dinja li tidher; ma jistax isir ilsir ta’ l-oġġetti, tas-sistemi ekonomiċi, tal-produzzjoni, ta’ dak stess li hu jipproduċi. Ċiviltà li hi biss materjalista tikkundanna lill-bniedem għal jasar bħal dan, ukoll jekk ħafna drabi dan il-jasar ikun, mingħajr dubju ta’ xejn, kontra l-intenzjonijiet u l-istess premessi tal-pijunieri tagħha. Il-ħerqa għall-bniedem għandha fl-ergħuq tagħha din il-problema. Iżda hawn m’hux qegħdin nippruvaw inwieġbu b’mod astratt għall-mistoqsija: Min hu l-bniedem? Hawnhekk qed nittrattaw dwar id-dinamiżmu kollu tal-ħajja u taċ-ċiviltà. Qegħdin nittrattaw dwar it-tifsira li għandhom il-ħafna inizjattivi tal-ħajja ta’ kuljum u, fl-istess ħin, dwar it-tifsira li għandhom il-premessi ta’ ħafna programmi politiċi, ekonomiċi, soċjali, statali, ta’ programmi oħrajn u, in ġenerali, ta’ programmi ta’ ħidma ta’ ċiviltà.

Jekk aħna nażżardaw niddeskrivu s-sitwazzjoni tal-bniedem fid-dinja bħala waħda li hi ‘l bogħod mill-esiġenzi oġġettivi ta’ l-ordni morali, mill-esiġenzi tal-ġustizzja u, aktar u aktar, mill-imħabba soċjali, aħna nagħmlu hekk għax dan hu kkonfermat minn fatti magħrufa ħafna, u mqabbla, fatti li ħafna drabi sabu eku fi stqarrijiet mill-Papiet, mill-Konċilju u mis-Sinodu.[103] Is-sitwazzjoni tal-bniedem ta’ żmienna żgur li m’hix kullimkien l-istess, imma għandha ħafna differenzi. Dawn id-differenzi għandhom il-kawżi storiċi tagħhom imma għandhom ukoll rifless etiku qawwi. Infatti lkoll nafu x’inhi ċ-ċiviltà konsumistika li sseħħ meta jkun hemm surplus ta’ oġġetti meħtieġa għall-bniedem u għal soċjetajiet sħaħ – qed nitkellmu dwar soċjetajiet żviluppati ħafna – waqt li l-bqija tas-soċjetajiet, jew għallinqas oqsma wesgħin tagħhom ibatu l-ġuħ u ħafna nies, ta’ kuljum, imutu għax imġewħin jew għax m’għandhomx ikel biżżejjed. Fl-istess waqt isir ukoll minn xi gruppi ċertu abbuż mil-libertà, abbuż konness sewwasew ma’ atteġġament konsumistiku li jaħrab mir-rażan ta’ l-etika. Dan l-abbuż tal-liberta jkun qed jillimita l-libertà ta’ l-oħrajn, jiġifieri ta’ dawk li jkunu qegħdin ibatu minn ħtiġijiet kbar u li jiġu imbuttati lejn kundizzjonijiet ta’ miżerja akbar u ta’ faqar agħar.

Din is-sitwazzjoni, li kulħadd jaf biha, u dan il-kuntrast li jissemma fid-dokumenti tal-Papiet ta’ dan is-seklu u, dan l-aħħar, f’dawk tal-Papa Ġwanni XXIII u tal-Papa Pawlu VI[104] jirrappreżentaw, biex ngħidu hekk, l-iżvilupp ġganti tal-parabbola tal-Bibbja tal-għani wikkiel u Lazzru l-fqir.[105] Dan il-fenomenu nfirex daqstant illi jqajjem kwistjonijiet dwar il-mekkaniżmu u l-istrutturi finanzjarji, monetarji, produttivi u kummerċjali li jistrieħu fuq pressjonijiet politiċi differenti u jaħkmu l-ekonomija tad-dinja. Dawn l-istrutturi qed isiru nkapaċi kemm li jirrimedjaw għas-sitwazzjonijiet soċjali nġusti li ntwirtu mill-imgħoddi kemm li jieqfu għall-isfidi urġenti u l-esiġenzi etiċi tal-lum. Huma jissuġġettaw il-bniedem għal tensjonijiet li ħoloq hu stess, jaħlu malajr ir-risorsi materjali u ta’ enerġija ta’ l-art, u jikkompromettu l-ambjent natuali. Hekk, dawn l-istruttui jxerrdu ż-żoni tal-miżerja u mal-miżerja jkabbru l-frustrazzjoni, l-imrar u t-tbatija.[106]

Quddiemna hawnhekk għandna sitwazzjoni li ma għandha tħalli lil ħadd indiffereneti quddiemha. Huwa dejjem il-bniedem li, fuq in-naħa waħda, qed jipprova jislet l-akbar profit possibbli u li, fuq in-naħa l-oħra, qed iħallas il-prezz fi ħsara u f’niket. Il-qagħda tiħrax minħabba l-fatt li l-klassijiet soċjali privileġġati u l-pajjiżi għanja li jaħżnu żżejjed ħafna ġid, qegħdin igħixu fil-qrib u l-għana żejjed tagħom isir, ħafna drabib’abbuż, kawża ta’ ħafna ħsara. Ma’ dan trid iżżid id-deni ta’ l-inflazzjoni u l-pjaga tal-qgħad. Dawn huma sintomi oħra tad-diżordni morali li hemm fis-sitwazzjoni tad-dinja u li għalhekk jeħtieġu deċiżjonijiet kreattivi kuraġġużi li jaqblu mad-dinjità awtentika tal-bniedem.[107]

Dan i-xogħol xejn m’huwa mpossibbli. Il-prinċipju tas-solidarjetà, f’sens wiesa’, għandu jispirana biex inħejju istituzzjonijiet u mekkaniżmu adattati, kemm fis-settur tal-kummerċ, fejn il-liġijiet ta’ kompetizzjoni b’saħħitha għandhom jitħallew imexxu huma, u kemm fuq il-livell ta’ tqassim aktar wiesa’ u aktar immedjat tal-għana u tal-kontroll fuqu. Dan kollu biex il-popli li ekonomikament għadhom qegħdin jiżviluppaw ikunu jistgħu m’hux biss jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali tagħhom iżda wkoll jimxu ‘l quddiem b’mod gradwali u efffikaċi.

It-triq tal-bidla ndispensabbli ta’ l-istrutturi tal-ħajja ekonomika hi triq li huwa diffiċli timxi fiha mingħajr bidla vera tal-moħħ, tar-rieda u tal-qalb. Dan jitlob impenn riżolut minn individwi u popli ħielsa u magħqudin flimkien. Ħafna drabi l-libertà nħaltuha ma l-istint ta’ l-intress individwali jew kollettiv jew ma’ l-istint għall-ġlied u d-dominazzjoni, jkunu x’ikunu l-kuluri ideoloġiċi li jiksruhom.

Huwa evidenti illi dawn l-istinti jeżistu u jaħdmu, imma ebda ekonomija tassew umana ma hija possibbli jekk il-forzi l-iżjed profondi tal-bniedem, li jagħmlu l-kultura vera tal-popli, ma jiddiriġuhomx u ma jaħkmuhomx. Dawn huma l-forzi li jagħtu bidu għall-espressjoni tal-libertà vera tal-bniedem u li huma kapaċi li jisguraw il-libertà fil-qasam ekonomiku wkoll. L-iżvilupp ekonomiku, b’dak kollu li jgħinu jseħħ sewwa, għandu jkun ippjanat il-ħin kollu u għandu jkun realizzat fil-perspettiva ta’ l-iżvilupp universali u solidali ta’ kull individwu u ta’ kull poplu, kif kien qal b’mod konvinċenti l-predeċessur tiegħi l-Papa Pawlu VI fl-Enċiklika Populorum Progressio. Inkella l-kategorija ta’ “progress ekonomiku” ssir kategorija superjuri li tissubordina l-eżistenza umana kollha għall-esiġenzi parzjali tagħha, tifga lill-bniedem, tkisser is-soċjetà u tispiċċa biex titħabbel fit-tensjonijiet u l-eċċessi tagħha stess.

B’danakollu, jibqa’ possibbli li nidħlu għal dan ix-xogħol bħalma juru ċerti riżultati li hawnhekk hu diffiċli li nanalizzaw fil-fond. Ħaġa waħda jidher ċar li hi ċerta: fil-bażi ta’ dan is-settur mill-aktar wiesa’ jeħtieġ nistabilixxu, naċċettaw u napprofondixxu s-sens ta’ responsabbiltà morali, li l-bniedem għandu jagħmel tiegħu. Kif wieħed jara, huwa dejjem il-bniedem li jrid ikun. Din ir-responsabbiltà narawha aħjar aħna l-insara jekk niftakru – u dejjem għandna niftakru – dik ix-xena tal-ġudizzju universali skond il-kliem ta’ Kristu kif jirriferihulna San Mattew.[108]

Jeħtieġ li dik ix-xena eskatoloġika tkun dejjem “applikata” għall-istorja tal-bniedem; jeħtieġ li jsir il-“qies” ta’ l-atti tal-bniedem, isir bħal skema essenzjali għall-eżami tal-kuxjenza tagħna lkoll u ta’ kull wieħed minna: “Kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont għeri u ma libbistunix…kont fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni”.[109] Dawn il-kelmiet isiru twissija aktar serja meta naħsbu li minflok ħobż u għajnuna kulturali, lill-pajjiżi u lin-nazzjonijiet ġodda, li qed jitwieldu għall-ħajja ndipendenti, qegħdin ikunu offruti, ħafna drabi b’abbundanza, armi moderni u meżżi ta’ qerda li qegħdin jingħataw għal konflitti armati u gwerer. Dawn l-għajnuniet m’humiex tant xi ħtieġa biex huma jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet ġusti u s-sovranità tagħhom daqskemm forma ta’ xoviniżmu, imperjaliżmu u neokolonjaliżmu ta’ kwalità jew oħra. Aħna lkoll nafu li ż-żona ta’ miżerja u ġuħ li hawn fid-dinja tagħna setgħu saru għammiela f’qasir żmien kieku l-investimenti kbar fl-armi tal-gwerra u l-qerda nbidlu f’investimenti għall-ikel għall-ħajja.

Din il-konsiderazzjoni forsi ser tibqa’ dejjem ħsieb “astratt”, għall-inqas f’parti; toffri wkoll liż-żewġ “naħat” okkażjoni biex jakkużaw lil xulxin, waqt li jinsew il-ħtijiet tagħhom. Forsi dan il-ħsieb se jipprovoka akkużi ġodda kontra l-Knisja. Il-Knisja iżda, li ma għandha ebda armi għad-dispożizzjoni tagħha ħlief dawk ta’ l-ispirtu, tal-kelma u ta’ l-imħabba, ma tistax tirrinunzja li xxandar “il-kelma…f’waqtu u barra minn waqtu”.[110] Għal din ir-raġuni l-Knisja ma tiqafx milli titlob lil kulħadd f’isem Alla u f’isem il-bniedem: Toqtlux, Toqtlux. Tħejjux tkissir u qerda għall-bnedmin. Aħsbu f’ħutkom li qed ibatu l-ġuħ u l-miżerja. Irrispettaw id-dinjità u l-libertà ta’ kull wieħed.

 

17. IL-JEDDIJIET TAL-BNIEDEM; L-“ITTRA” U L-“ISPIRTU”

Dan is-seklu kien s’issa seklu ta’ diżgrazzji kbar għall-bniedem, ta’ diżastri kbar, m’hux biss materjali imma wkoll morali, anzi fuq kollox morali. Hu minnu li m’hux faċli li wieħed jipparaguna żmien jew seklu ma’ ieħor minn dan l-aspett, għax dan jiddependi wkoll mill-kejl storiku li wieħed juża u li hu kejl li jitbiddel. Madanakollu, wkoll mingħajr ma nipparagunaw, wieħed xorta waħda jkollu jistqarr li dan is-seklu s’issa kien wieħed li fih il-bnedmin ħolqu ħafna nġustizzji u tbatija għalihom infushom. Dan il-proċess twaqqaf għal kollox? F’kull każ, aħna ma nistgħux ma nfakkrux hawnhekk, b’rispett kbir u b’tama għall-ġejjieni, l-isforz tal-għaġeb li sar biex tingħata ħajja lill-Ġnus Magħquda, sforz li għandu jwassal biex ikunu definiti u stabbiliti d-drittijiet oġġettivi u inaljenabbli tal-bniedem, u biex l-Istati membri jwegħdu lil xulxin li josservawhom bir-reqqa. Dan l-impenn ġie aċċettat u ratifikat minn kważi l-Istati kollha tal-lum u dan għandu jikkostitwixxi garanzija biex id-drittijiet tal-bniedem fil-ġejjieni jsiru prinċipju fundamentali ta’ ħidma għall-ġid tal-bniedem.

Ma hemm ebda ħtieġa li l-Knisja tisħaq fuq kemm dan il-problema hu konness mill-qrib mal-missjoni tagħha fid-dinja moderna. Infatti huwa hu l-istess bażi tal-paċi soċjali u internazzjonali, kif iddikjaraw Ġwanni XXIII, il-Konċilju Vatikan II u, wara, il-Papa Pawlu VI, f’dokumenti dettaljati. Wara kollox, il-paċi tfisser rispett għad-drittijiet inaljenabbli tal-bniedem – il-paċi hija ħidma tal-ġustizzja – waqt li l-gwerra tiġi mill-ksur ta’ dawn id-drittijiet u ġġib magħha ksur akbar tagħhom. Jekk id-drittijiet tal-bniedem jinkisru wkoll fi żmien il-paċi, din hija ħaġa partikolarment doloruża u, jekk wie]ed iħares lejha min-naħa tal-progress, tirrappreżenta fenomenu li ma jiftihemx fil-ġlieda kontra l-bniedem li ma tista’ bl-ebda mod tkun rikonċiljata ma’ xi programm li jsejjaħ lilu nnifsu “umanistiku”. U liema programm soċjali, ekonomiku, politiku jew kulturali jista’ jirrinunzja għal din id-deskrizzjoni? Aħna għandna l-konvinzjoni profonda li ma hemm ebda programm fid-dinja tal-lum li fih il-bniedem ma jitqiegħedx fl-ewwel post, ukoll meta l-programmi jkunu mibnija fuq ideoloġiji kontrastanti dwar il-mod kif iħarsu lejn id-dinja.

Jekk, minkejja dawn il-premessi, id-drittijiet tal-bniedem għadhom qed jinkisru b’modi differenti; jekk, fil-prattika, naraw quddiem għajnejna kampijiet ta’ konċentrament, vjolenza, tortura, terroriżmu, u diskriminazzjoni f’forom differenti, allura dan bilfors hu l-konsegwenza ta’ premessi oħra, li jimminaw u kważi jħassru għal kollox is-siwi tal-premessi umanitarji ta’ dawn il-programmi u sistemi moderni. Jeħtieġ għalhekk li dawn il-programmi jkunu kontinwament riveduti għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet oġġettivi u inaljenabbli tal-bniedem.

Id-dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, flimkien mat-twaqqif ta’ l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Maqgħuda, ċertament kellhom bħala għan tagħhom m’hux biss li ma jirripetux ruħhom l-esperjenzi orribbli ta’ l-aħħar gwerra mondjali, imma wkoll li tinħoloq il-bażi għal reviżjoni kontinwa ta’ programmi, sistemi u forom ta’ gvern proprju minn din l-ispirazzjoni fundamentali: Il-ġid tal-bniedem jew, nistgħu ngħidu, tal-persuna fil-komunità, ispirazzjoni li għandha bħala fattur fundamentali tagħha l-ġid komuni, u li hi stess għandha tkun il-kriterju essenzjali għall-programmi, is-sistemi u l-forom tal-gvern kollha. Fkaż kuntrarju, il-ħajja tal-bniedem, ukoll fi żmien il-paċi, tisfa’ ikkundannata għal ħafna tbatija u flimkien ma’ din it-tbatija jiżviluppaw ruħhom forom differenti ta’ dominazzjoni, totalitariżmu, neokolonjaliżmu u imperjaliżmu, li huma perikli wkoll għall-għixien flimkien bejn il-pajjiżi differenti tad-dinja. Infatti, hu fatt li jfisser ħafna u li hu mwettaq darba wara l-oħra mill-esperjenzi ta’ l-istorja, li l-ksur tad-drittijiet tan-nazzjon, li magħha l-bniedem jingħaqad b’rabtiet organiċi bħala familja kbira.

Diġà mill-ewwel nofs ta’ dan is-seklu, meta kienu qed jiżviluppaw totalitariżmi statali differenti li, kif hu magħruf, wasslu għall-katastrofi orribli tal-gwerra, il-Knisja fissret b’mod ċar il-pożizzjoni tagħha dwar dawn ir-reġimi li fid-deher kienu qed jaħdmu għall-ġid għola, jiġifieri l-ġid ta’ l-Istat, waqt li fil-fatt, l-istorja kellha turi li minflok għall-ġid komuni dawn iġġieldu favur il-ġid ta’ partiti partikolari li kienu ddentifikaw ruħhom ma’ l-Istat.[111] Fil-fatt dawn ir-reġimi kienu rrestrinġew id-drittijiet taċ-ċittadini, kienu ċaħdulhom l-għarfien ta’ dawk id-drittijiet inaljenabbli tal-bniedem li sabu formulazzjoni fuq livell internazzjonali f’nofs dan is-seklu. Waqt li taqsam il-ferħ ta’ din ir-rebħa mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, mal-bnedmin kollha li jħobbu tassew il-ġustizzja u l-paċi, il-Knisja, li tagħraf li l-“ittra” waħedha tista’ toqtol u li biss “l-Ispirtu jagħti l-ħajja”,[112] għandha l-ħin kollu tistaqsi, flimkien ma’ dawn il-bnedmin ta’ rieda tajba, jekk id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-aċċettazzjoni tagħhom ta’ l-“ittra” ifissrux kullimkien ukoll li ma’ l-“ittra” seħħ ukoll “l-Ispirtu”. Infatti, hemm għalfejn wieħed jibża’ tassew li aħna għadna ħafna drabi ‘l bogħod minn din ir-realizzazzjoni u li xi drabi l-ispirtu tal-ħajja soċjali u pubblika hu f’oppozizzjoni ħarxa ma’ l-“ittra” dikjarata tad-drittijiet tal-bniedem. Dawk li jgħinu biex tinħoloq din is-sitwazzjoni tqila għas-soċjetajiet tagħhom għandhom responsabiltà speċjali quddiem dawn is-soċjetajiet u l-istorja tal-bniedem.

Is-sens essenzjali ta’ l-Istat, bħala komunità politika jikkonsisti filli s-soċjetà jew min jiffurmaha, jiġifieri l-poplu, huwa s-sid u l-bennej tad-destin tiegħu. Dan is-sens jibqa’ m’hux realiżżat jekk, minflok l-eżerċizzju tas-setgħa bil-parteċipazzjoni morali tas-soċjetà jew tal-poplu, insibu li tkun qed issir l-impożizzjoni tas-setgħa minn xi grupp wieħed fuq il-membri l-oħra tas-soċjetà. Dawn il-ħwejjeġ huma essenzjali fi żmienna meta qegħda tikber bis-sħiħ il-kuxjenza soċjali tal-poplu u l-ħtieġa, li tmur magħha li ċ-ċittadini jkollhom sehem ġust fil-ħajja politika tal-komunità skond il-kondizzjonijiet reali ta’ kull poplu u s-saħħa neċessarja ta’ l-awtorità pubblika.[113] Dawn mela huma kwistjonijiet ta’ mprotanza mill-akbar għal dak li għandu x’jaqsam mal-progress tal-bniedem u l-iżvilupp ta’ l-umanità globali tiegħu.

Il-Knisja dejjem għallmet id-dmir li wieħed għandu li jaħdem għall-ġid komuni u kull meta għamlet hekk edukat ċittadini tajba għal kull Stat. Barra minn hekk, hi dejjem wissiet li d-dmir ewlieni ta’ min għandu s-setgħa pubblika hu li jaħdem bil-ħerqa għall-ġid komuni tas-soċjetà; huwa minn dan li jieħdu bidu d-drittijiet fundamentali ta’ l-awtorità pubblika. Sewwasew f’isem dawn il-premessi ta’ l-ordni etiku oġġettiv, id-drittijiet tas-setgħa pubblika jistgħu jinftiehmu biss fuq il-bażi tar-rispett għad-drittijiet naturali u nvjolabbli tal-bniedem. Il-ġid komuni li l-awtorità fi Stat taqdi jseħħ għal kollox biss meta ċ-ċittadini kollha jkunu żguri mid-drittijiet tagħhom. Meta m’hemmx dan, is-soċjetà titkisser, iċ-ċittadini jduru kontra l-awtorità, jew tqum sitwazzjoni ta’ oppressjoni, ta’ theddid, ta’ vjolenza u terroriżmu, kif tawna ħafna eżempji t-totalitariżmi ta’ dan is-seklu. Għalhekk, il-prinċipju tad-drittijiet tal-bniedem jolqot ħafna l-kamp tal-ġustizzja soċjali u jsir il-kelj ta’ l-attwazzjoni tagħha fil-ħajja ta’ l-istituzzjonijiet politiċi.

Fost dawn id-drittijiet tal-bniedem hemm bil-ħaqq kollu dak tal-libertà reliġjuża u d-dritt tal-libertà tal-kuxjenza. Il-Konċilju Vatikan II ħass li kien jenħtieġ li jaħdem trattazzjoni twila dwar dan is-suġġett. Dan għamlu b’dokument, imsejjaħ Dignittatis Humanae,[114] li fih huwa ttratta l-kwistjoni m’hux biss mill-aspett teloġiku iżda wkoll mill-aspett tal-liġi naturali jiġifiri minn pożizzjoni biss umana fuq il-premessi ta’ l-esperjenza tal-bniedem stess, tar-raġuni tiegħu u tas-sens tad-dinjità tiegħu. Il-limitazzjoni tal-libertà reliġjuża tal-bniedem u tal-komunitajiet m’hux biss hija esperjenza ta’ tbatija imma hi , fuq kollox, attakk fuq l-istess dinjità tal-bnedmin, indipendentement mir-reliġjon li huma jħaddnu jew mill-idea dwar id-dinja li huma jkollhom. It-tnaqqis u l-ksur tal-libertà reliġjuża jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet oġġettivi tiegħu. Id-dokument tal-Konċilju li semmejna aktar ‘il fuq jgħid b’mod biżżejjed ċar xi jfisser dan it-tnaqqis u l-ksur tal-libertà reliġjuża. Dan it-tnaqqis u dan il-ksur huma bla dubju nġustizzja radikali li teħodha kontra dak li hu fil-qalba tal-bniedem, dak li hu awtentikament uman. Infatti, in-nuqqas ta’ fidi wkoll, il-ħajja bla reliġjon, l-ateismu, bħala fenomeni umani, tista tifhimhom biss f’relazzjoni mal-fenomenu tar-reliġjon u l-fidi. Huwa għalhekk diffiċli, wkoll jekk wieħed iħares b’għajnejn “biss umani”, li jaċċetta l-pożizzjoni ta’ dawk li jagħtu biss lill-ateismu d-dritt ta’ ċittadinanza fil-ħajja pubblika u soċjali waqt li lil dawk li jemmnu, tista’ tgħid bi prinċipju, kemm kemm jittollerawhom jew jittrattawhom bħal kieku kienu xi ċittadini tat-tieni klassi jew iċaħħduhom għal kollox – dan ġara wkoll – mid-drittijiet taċ-ċittadinanza.

Jeħtieġ li nitkellmu, wkoll jekk fil-qosor, dwar dan is-suġġett, għax dan ukoll jidħol fil-kumpless tal-kondizzjonijiet tal-bniedem fid-dinja tal-lum u għaliex dan ukoll jixhed kemm din is-sitwazzjoni hi mtaqqla bi preġudizzji u nġustizzji ta’ kull xorta. Jekk aħna m’hux ser nidħlu fid-dettalji proprju f’dan il-qasam li fih, kieku kellna nitkellmu, konna nkunu qed nitkellmu bi dritt u bi dmir speċjali, ir-raġuni hi, fuq kollox, għaliex aħna, flimkien ma’ dawk li f’isem Alla, qed isofru mid-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni, aħna mmexxija mill-fidi fis-saħħa fejjieda tas-salib ta’ Kristu. Madankollu, minħabba fl-uffiċċju tiegħi, jiena nappella, f’isem dawk kollha li jemmnu fid-dinja kollha, lil dawk li minnhom b’xi mod tiddependi l-organizzazzjoni tal-ħajja soċjali u pubblika, u nitlobhom bil-ħniena biex jirrispettaw id-drittijiet tar-reliġjon u tal-ħidma tal-Knisja. Ħadd ma hu qed jitlob xi privileġġ għalih, imma biss ir-rispett ta’ dritt elementary. Li dan id-dritt jitqiegħed fil-prattika hu wieħed mill-akbar sinjali li l-bniedem qed jagħmel progress awtentiku f’kull reġim, f’kull soċjetà , f’kull forma ta’ istituzzjoni, f’kull sistema u f’kull ambjent.

 


IV. IL-MISSJONI TAL-KNISJA U D-DESTIN TAL-BNIEDEM

 

18. IL-KNISJA HIJA ĦERQANA DWAR IL-VOKAZZJONI TAL-BNIEDEM

FI KRISTU

Din il-ħarsa, li hi bilfors ta’ fuq fuq, lejn is-sitwazzjoni tal-bniedem fid-dinja moderna ġġegħelna ndawru iżjed ħsibijietna u qlubna lejn Ġesù Kristu u l-misteru tal-Fidwa, li fih il-problema tal-bniedem huwa minqux bil-qawwa kbira ta’ l-imħabba u tal-verità. Jekk Kristu “ngħaqad b’xi mod ma’ kull bniedem”,[115] il-Knisja tgħix b’mod aktar profond in-natura u l-missjoni tagħha billi tidħol ‘il ġewwa f’dan il-misteru u fit-tifsiriet kotrana u universali tiegħu. M’hux għalxejn l-Appostlu tkellem dwar il-Ġisem ta’ Kristu li hi l-Knisja.[116] Jekk dan il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu hu l-Poplu ta’ Alla – kif il-Konċilju Vatikan II jafferma aktar tard fuq il-bażi ta’ dak li nsibu fit-tradizzjoni biblika u patristika kollha – dan ifisser ċar li fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu kull bniedem jimtela’ b’dan in-nifs tal-ħajja li jiġi minn Kristu. Hekk, il-fatt li ddur lejn il-bniedem, lejn il-problemi veri tiegħu, lejn it-tamiet u t-tbatijiet tiegħu, is-suċċessi u l-waqgħat tiegħu, iwassal ukoll lill-Knisja bħala ġisem, bħala organiżmu, bħala unità soċjali, biex tirċievi l-istess influss ta’ Alla, l-istess saħħa ta’ l-Ispirtu li jiġu minn Kristu msallab u mqajjem mill-imwiet. Huwa għal dan li l-Knisja tgħix il-ħajja tagħha. Il-Knisja m’għandhiex ħajja oħra għajr dik li jagħtiha l-Għarus u l-Mulej tagħha. Għaliex hu sewwasew għax Kristu ngħaqad magħha fil-misteru tal-Fidwa li l-Knisja għandha tingħaqad bis-saħħa ma’ kull bniedem.

Din l-għaqda ta’ Kristu mal-bniedem hija fiha nfisha misteru. Minn dan il-misteru jitwieled “il-bniedem ġdid”, li hu msejjaħ biex ikollu sehem fil-ħajja ta’ Alla[117] u li għandu ħolqien mill-ġdid fi Kristu għall-milja tal-grazzja u l-verità.[118] L-għaqda ta’ Kristu mal-bniedem hi s-setgħa u l-għajn tas-setgħa kif, bi kliem minqux sewwa, qal San Ġwann fid-daħla tal-Evanġelju tiegħu: “(Il-Verb) tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla”.[119] Din hija l-forza li tbiddel il-bniedem minn ġewwa, forza li hija għajn ta’ ħajja ġdida li ma tintemmx u ma tgħibx iżda tibqa’ sal-ħajja ta’ dejjem.[120] Din il-ħajja li l-Missier wiegħed u offra lil kull bniedem fi Kristu Ġesù, “l-Iben waħdieni u etern tiegħu li, meta waslet il-milja taż-żminijiet”[121] sar bniedem u twieled minn Marija Verġni – din il-ħajja hi l-qofol tas-sejħa tal-bniedem. F’ċertu sens, f’din il-ħajja jseħħ id-“destin” li Alla ħejja għall-bniedem mill-eternità. Dan id-“destin divin” isir it-triq ta’ Alla, li tgħaddi ‘l fuq minn kull ġrajja misterjuża, kull ġrajja moħbija, kull tidwir u tgħawwiġ tad-“destin tal-bniedem” fid-dinja taż-żmien.

Għaliex, jekk dan kollu, minkejja s-sbuħija u l-għana tal-ħajja fiż-żmien, iwassal, bi ħtieġa li ma tistax taħrabha, għall-fruntiera tal-mewt u għall-jum tal-qerda tal-ġisem tal-bniedem, Kristu jidhrilna wara dan il-jum: “Jien il-qawmien u l-ħajja, min jemmen fija…ma jmut qatt”.[122] Fi Kristu Ġesù, msallab, midfun fil-qabar u mqajjem mill-mewt”, tfeġġ it-tama tal-qawmien għall-ħajja…il-wegħda ta’ ħajja oħra li qatt ma tintemm”:[123] lejn din il-ħajja, kull bniedem permezz tal-mewt tal-ġisem, jaqsam mal-bqija tal-ħolqien kollu li jidher din il-ħtieġa li għaliha l-materja kollha hi suġġetta. Aħna rridu, u qed nippruvaw, nidħlu dejjem aktar fil-fond fis-sens ta’ din il-verità li l-Feddej tal-bniedem fisser b’dan il-kliem:- “Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn”.[124] Għalkemm ma jidhirx ċar, dan il-kliem jagħmel l-għola affermazzjoni tal-bniedem: l-affermazzjoni tal-ġisem li jieħu l-ħajja mill-Ispirtu.

Il-Knisja tgħix din “ir-realtà”, tgħix b’din il-verità dwar il-bniedem, li tgħinnha tmur lil hinn mil-limiti tal-ħajja fiż-żmien u fl-istess ħin taħseb b’imħabba u b’ħerqa speċjali dwar dak kollu li f’din il-ħajja temporali jolqot il-ħajja tal-bniedem, il-ħajja ta’ l-ispirtu uman li fih hemm dak in-nuqqas ta’ kwiet li semma Santu Wistin: “Mulej int għamiltna għalik, u l-qalb tagħna tibqa’ inkwieta sakemm ma ssibx mistrieħ fik”.[125] F’dan in-nuqqas ta’ mistrieħ kotran qiesha tħabbat il-qalb ta’ dak kollu li hu l-aktar uman fil-bniedem: it-tiftix tal-verità, l-esiġenza bla heda tat-tajjeb, l-aspirazzjoni għal-libertà, ix-xewqa ta’ dak kollu li hu sabiħ, u l-leħen tal-kuxjenza. Meta l-Knisja tipprova tħares lejn il-bniedem, biex ngħidu hekk “bl-għajnejn ta’ Kristu nnifsu”, hija tagħraf dejjem aktar li hi l-għassiesa ta’ teżor kbir, li hi ma tistax taħli, imma li għandha l-ħin kollu tkabbar. Infatti, Kristu qal: “Min ma jiġborx miegħi, ixerred”.[126] Dak it-teżor ta’ l-umanità, mogħni bil-misteru li ma jistax jitfisser, li aħna bih insiru wlied Alla[127] u nirċievu l-grazzja ta’ l-“adozzjoni ta’ wlied”[128] fl-Iben waħdieni ta’ Alla, li permezz tiegħu nistgħu ngħidu lil Alla “Abba, Missier”,[129] dak it-teżor ta’ umanità hu wkoll forza qawwija li tgħaqqad il-Knisja, u tgħaqqadha l-iżjed minn ġewwa, u tagħti sens lill-ħidma tagħha kollha. Permezz ta’ din il-forza l-Knisja tingħaqad ma’ l-Ispirtu ta’ Kristu, dak l-Ispirtu Qaddis, imwiegħed u moghti l-ħin kollu mill-Feddej, li jibqa’ jinżel bħalma niżel f’Jum Għid Il-Ħamsin. Hekk il-forza ta’ l-Ispirtu,[130] id-doni tiegħu[131] u l-frott tiegħu[132] jidhru fil-bnedmin. U l-Knisja tal-lum donnha tgħajjat b’aktar qawwa u b’insistenza qaddisa: “Spirtu s-Santu, ejja fina”. Ejja! Ejja! “Naddaf kulfejn hemm it-tbajja! Fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja! Lill-miġruħ għatih fejqan! Rattab fina l-ebusija, għati lill-berdin bżulija! Għin fit-triq lil min hu beżgħan!”[133]

Din it-talba lill-Ispirtu, maħsuba biex taqla’ l-Ispirtu, hi t-tweġiba għall-“materjaliżmi” kollha ta’ żmienna. Huma dawn il-materjaliżmi li jwelldu daqshekk forom ta’ xewqat tal-qalb li l-bniedem ma jistax jaqta’. Din it-talba qed tinstema’ f’ħafna naħat u tidher li qed taqla’ l-frott b’modi differenti. Jista’ jingħad li m’hux il-Knisja biss qed tagħmel din it-talba l-lum? Iva, jista’ jingħad hekk, għaliex il-“ħtieġa” ta’ dak li hu spiritwali jfissruha wkoll ħafna nies li huma ‘l barra mil-limiti viżibbli tal-Knisja.[134] Dan m’hux ikkonfermat mill-verità dwar il-Knisja li l-aħħar Konċilju għallem tajjeb fil-Kostituzjoni Dommatika Lumen Gentium fejn qal li l-Knisja hi “sagrament jew sinjal u mezz ta’ għaqda ntima ma’ Alla u tal-għaqda bejn il-bnedmin kollha?”[135]

Din it-talba lill-Ispirtu u permezz ta’ l-Ispirtu hi fil-fatt il-mod kif aħna nidħlu kontinwament fil-milja tal-misteru tal-Fidwa, li fih Kristu, f’għaqda mal-Missier u ma’ kull bniedem, jagħtina mingħajr waqfien l-Ispirtu li jsawwab fina l-istess sentimenti ta’ l-Iben u jmexxina lejn il-Missier.[136] Jeħtieġ għalhekk li l-Knisja ta’ żmienna – żmien ħerqan ħafna għall-Ispirtu għax hu ħerqan għall-ġustizzja, għall-paċi, għall-imħabba, għat-tjubija, għall-qawwa, għas-sens ta’ responsabbiltà u għad-dinjità umana – tikkonċentra fuq dan il-Misteru, tinġabar madwaru u ssib fih id-dawl u l-qawwa li huma ndispensabbli għall-missjoni tagħha. Għax jekk, kif għidna aktar ‘il fuq, il-bniedem hu t-tiq għall-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja, il-Knisja trid dejjem tiftakar fid-dinjità ta’ l-adozzjoni divina li l-bniedem irċieva fi Kristu, bil-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu,[137] u tiftakar ukoll li l-bniedem hu ddestinat għall-gazzja u għall-glorja.[138] Waqt li tirrifletti l-ħin kollu mill-ġdid fuq dawn il-veritajiet kollha, u taċċettahom b’fidi dejjem aktar kuxjenti u b’imħabba dejjem aktar qawwija, il-Knisja tkun qiegħda wkoll tħejji ruħha aħjar għas-servizz tal-bniedem li għalih Kristu sejħilha meta qal: “Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi”.[139] Dan il-ministeru l-Knisja taqdih billi tieħu sehem fl-uffiċċju tlieti ta’ l-Imgħallem u l-Feddej tagħha. Il-Konċilju Vatikan II qiegħed dan it-tagħlim, li hu mibni fuq l-Iskrittura Mqaddsa, f’dawl akbar, b’siwi kbir għall-ħajja tal-Knisja. Għax meta aħna nagħarfu li għandna sehem mill-ministeru tlieti ta’ Kristu, jiġifieri mill-uffiċċju tiegħu tlieti ta’ qassis, profeta u re,[140] aħna nagħarfu aktar ukoll dak li l-Knisja kollha, bħala soċjetà u bħala komunità tal-Poplu ta’ Alla fuq l-art, jeħtiġilha taqdi. Fl-istess ħin aħna nagħarfu kif kull wieħed minna jieħu sehem f’din il-missjoni u f’dan is-servizz.

 

19. IL-KNISJA RESPONSABBLI GĦALL-VERITÁ

Hekk fid-dawl kbir tat-tagħlim kollu tal-Konċilju Vatikan II il-Knisja tidher quddiemna bħala s-suġġett soċjali tar-responsabbiltà għall-verità divina. Aħna nisimgħu mqanqla ħafna lil Kristu nnifsu jgħid: “Il-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni”.[141] F’din l-affermazzjoni ta’ l-Imgħallem tagħna ma narawx responsabbiltà għall-verità rivelata, li hi l-“proprjetà” ta’ Alla nnifsu, jekk hu wkoll, “l-Iben il-waħdieni”, li jgħix “fi ħdan il-Missier”,[142] meta jgħaddi dik il-verità, bħala profeta u għalliem, iħoss il-ħtieġa li jinsisti li hu qed jaġixxi f’fedeltà sħiħa lejn l-għajn divina tagħha? Din l-istess fedeltà għandha tkun kwalità kostitutiva tal-fidi tal-Knisja kemm meta tkun qed tgħallem din il-fidi u kemm meta tkun qed tipprofessaha.

Il-fidi, bħala virtù sopranaturali speċjali msawba fl-ispirtu tal-bniedem, twassalna biex, waqt li aħna nwieġbu għall-kelma rivelata ta’ Alla, aħna nidħlu nagħmlu sehem mill-għarfien tiegħu. Għalhekk hu meħtieġ li, meta l-Knisja tistqarr u tgħallem il-fidi, hi ssir dejjem iżjed ħaġa waħda mal-verità divina[143] u tgħixha f’attitudni u tkun “ubbidjenza (lill-fidi) f’armonija mar-raġuni”.[144] Kristu nnifsu, biex jiggarantixxi din il-fedeltà lejn il-verità divina, wiegħed lill-Knisja l-għajnuna speċjali ta’ l-Ispirtu tal-verità, ta d-don ta’ l-infallibiltverit[145] lil dawk li fdalhom il-mandat li jgħaddu u jgħallmu dik il-verità[146] – bħalma, wara kollox, iddefinizza b’mod ċar il-Konċilju Vatikan I[147] u, mbagħad, reġa’ għallem il-Konċilju Vatikan II[148] – u ta wkoll lil Poplu ta’ Alla kollu sens speċjali tal-fidi.[149] Minħabba f’hekk aħna sirna għandna sehem minn din il-missjoni, aħna, flimkien miegħu, qed naqdu l-verità divina fil-Knisja. Li nkunu responsabbli għal din il-verità ifisser ukoll li aħna nħobbuha u li nfittxu dejjem aktar li nifhmuha biex inressquha dejjem aktar qrib tagħna u ta’ l-oħrajn bil-qawwa tagħha kollha li ssalva, bid-dawl kollu tagħha, fil-profondità u, fl-istess ħin, fis-sempliċità karatteristika tagħha. Din l-imħabba għall-verità u din ix-xewqa li nifhmuha għandhom jimxu id f’id, kif hu kkonfermat mill-istorja tal-qaddisin fil-Knisja. Dawn kienu mdawlin għal kollox mid-dawl veru li jdawwal il-verità divina u li jqarreb lejna l-istess realtà ta’ Alla; għaliex huma kienu jersqu lejn din il-verità b’qima u b’imħabba – qabel xejn b’imħabba lejn Kristu, il-Verb li jgħix mill-verità divina, u mbagħad b’imħabba lejn l-espressjoni umana tiegħu fl-Evanġelju, fit-tradizzjoni u fit-teologija. Il-lum ukoll għandna bżonn fuq kollox din il-fehma u din l-interpretazzjoni tal-Verb ta’ Alla; għandna bżonn din it-teologija. It-teologija minn dejjem kellha u għad għandha mportanza kbira biex il-Knisja, il-Poplu ta’ Alla, tkun tista’ jkollha sehem fil-missjoni profetika ta’ Kristu b’mod kreativ u li jagħti frott. Għalhekk meta t-teologi, bħala qaddejja tal-verità divina, jiddedikaw l-istudji u l-ħidma tagħhom biex jifhmu aktar il-verità, huma qatt ma għandhom jitilfu minn quddiem għajnejhom it-tifsira tas-servizz tagħhom fil-Knisja, tifsira li qegħda fil-kliem “intectus fidel”, id-dehen tal-fidi. Dan il-kunċett għandu jekk nistgħu ngħidu hekk, qawwa doppja, kif kien qal Santu Wistin: “Biex temmen, ifhem, biex tifhem emmen”.[150] Din il-forza taħdem tajjeb meta t-teologi jfittxu li jaqdu lill-Maġisteru li fil-Knisja hu fdat f’idejn l-isqfijiet, magħqudin flimkien f’għaqda ġerarkika mas-Suċċessur ta’ Pietru; meta jgħinu l-isqfijiet fis-servizz tat-tagħlim u fil-ħidma pastorali tagħhom; u meta jaqdu l-impenji appostoliċi tal-Poplu ta’ Alla kollu.

Bħal fiż-żminijiet l-imgħoddija hekk il-lum ukoll, u forsi l-lum aktar milli fiż-żminijiet l-imgħoddija, it-teologi u l-istudjużi kollha fil-Knisja huma msejħa ħalli jgħaqqdu l-fidi max-xjenza u l-għerf, u ħalli jagħtu l-kontribut tagħhom biex fidi u xjenza jidħlu f’xulxin, kif naqraw fit-talba liturġika fit-tifkira ta’ San Albertu, Duttur tal-Knisja. Dan l-impenn il-lum kiber ħafna għaliex kiber il-progress tax-xjenza umana u tal-metodi tagħha u żdiedu l-kisbiet fl-għarfien tad-dinja u tal-bniedem. Dan seħħ kemm fix-xjenzi eżatt kemm fix-xjenzi umani, kif ukoll fil-filosofija li, kif fakkar il-Konċilju Vatikan II,[151] hi marbuta mill-qrib mat-teoloġija.

F’dan il-kamp tal-għarfien uman, li qiegħed il-ħin kollu jitwessa’ u fl-istess ħin isir differenzjat, jeħtieġ li l-fidi wkoll tkun approfondita u hekk turi l-kobor tal-misteru rrivelat u twassal għall-fehma tal-verità li għandha f’Alla l-għajn waħdanija u l-aktar għolja tagħha. Jekk hu permess – anzi hekk għandu wieħed jixtieq – li l-ħidma kbira li hemm x’issir f’din id-direzzjoni tqis ċertu pluraliżmu ta’ metodi, iżda din il-ħidma ma għandha qatt titbiegħed mill-unità fundamentali tat-tagħlim tal-fidi u l-morali bħala l-għan proprju tagħha. Għalhekk hu ndispensabbli li jkun hemm kollaborazzjoni mill-qrib mit-teoloġija mal-Maġisteru. Kull teologu għandu jagħraf b’mod partikulari dak li Kristu nnifsu qal: “Il-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi imma tal-Missier li bagħatni”.[152] Ħadd, għalhekk, ma għandu jagħmel mit-teoloġija qisu kienet ġabra sempliċi ta’ ideat personali tiegħu. Anzi kulħadd għandu jagħraf li hu f’rabta qawwija ma’ din il-missjoni li tgħallem il-verità li għaliha l-Knisja hi responsabbli.

Is-sehem fl-uffiċju profetiku ta’ Kristu nnifsu jfassal il-ħajja tal-Knisja kollha skond il-qies fundamentali tagħha. Għandhom sehem partikolari f’dan l-uffiċċju r-Rgħajja tal-Knisja, li jgħallmu, jxandru u jwasslu l-ħin kollu u b’mod diffrenti t-tagħlim dwar il-fidi u l-morali nisranija. Dan it-tagħlim, kemm fl-aspett missjunarju tiegħu kemm fl-aspett ordinarju tiegħu, jgħin biex jiġbor il-Poplu kollu ta’ Alla madwar Kristu, iħejji għall-parteċipazzjoni fl-Ewkaristija u jindika l-mogħdijiet tal-ħajja sagramentali. Fl-1977 is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet ta attenzjoni speċjali lill-katekeżi fid-dinja moderna u r-riżultati li ħarġu u mmaturaw mid-diskussjonijiet, l-esperjenzi u s-suġġerimenti tiegħu dalwaqt ikunu ppubblikati, kif is-suġġerew dawk stess li ħadu sehem fis-Sinodu, f’dokument pontifiċju speċjali. Il-katekeżi tikkostitwixxi żgur forma ta’ attività permanenti u ewlenija tal-Knisja, attività li fiha hija – il-Knisja – turi l-kariżma profetika tagħha: għaliex li tagħti xhieda u li tgħallem imorru flimkien. U għalkemm hawnhekk qed nitkellmu l-ewwelnett dwar saċerdoti, hu mpossibbli li wieħed ma jsemmix ukoll in-numru kbir ta’ reliġjużi rġiel u nisa li jiddedikaw ħajjithom għall-ħidma kateketika, għall-imħabba ta’ l-Imgħallem divin. Fl-aħħarnett ikun diffiċli li ma nsemmux l-għadd kbir ta’ lajċi li f’din il-ħidma jsibu li jistgħu jfissru l-fidi u r-responsabbiltà appostolika tagħhom.

Barra minn hekk, jeħteġ li nqisu dejjem iżjed illi l-forom differenti ta’ katekeżi u l-oqsma differenti tagħha, – ibda mill-forma ewlenija ta’ katekiżi, dik familjari, jiġifieri l-katekeżi li jagħtu l-ġenituri lil uliedhom – jixhdu s-sehem li l-Poplu ta’ Alla kollu għandu fl-uffiċċju profetiku ta’ Kristu nnifsu. F’din il-konnessjoni jeħtieġ li r-responsabbiltà tal-Knisja għall-verità divina tintrefa’ dejjem aktar, għalkemm b’modi differenti, minn kulħadd. U x’għandna ngħidu fuq dan il-punt dwar l-ispeċjalisti fl-oqsma differenti, dawk li jirrappreżentaw ix-xjenzi naturali u l-letteratura, it-tobba, il-ġuristi, l-artisti, it-tekniċi, l-għalliema fuq livelli differenti u bi speċjalizzazzjonijiet differenti? Bħala membri tal-Poplu ta’ Alla, dawn kollha għandhom sehem fil-missjoni profetika ta’ Kristu u fis-servizz tal-verità divina, ukoll billi jżommu attitudni onesta quddiem il-verità, tinsab fejn tinsab, waqt li jedukaw lill-oħrajn fil-verità u jgħallmuhom kif jimmaturaw fl-imħabba u fil-ġustizzja. Għalhekk is-sens ta’ responsabbiltà għall-verità hu wieħed mill-punti fundamentali li fuqhom il-Knisja tiltaqa’ ma kull bniedem: hekk ukoll dan is-sens ta’ responsabbiltà huwa waħda mill-esiġenzi fundamentali tal-vokazzjoni tal-bniedem fil-komunità tal-Knisja. Il-Knisja tal-lum, immexxija minn sens ta’ responsabbiltà għall-verità, għandha tippersevera fil-fedeltà lejn in-natura tagħha, li tinkludi l-missjoni profetika li ġiet minn Kristu nnifsu: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom…Ħudu l-Ispirtu s-Santu”.[153]

 

20. EWKARISTIJA U PENITENZA

Fil-misteru tal-Fidwa, jiġifieri fil-ħidma ta’ Kristu li ssalva, il-Knisja tikseb fl-Evanġelju ta’ l-Imgħallem tagħha, m’hux biss permezz tal-fedeltà lejn il-Verb u s-servizz lejn il-verità, iżda wkoll permezz ta’ sottomissjoni mimlija mħabba u tama fil-qawwa tal-ħidma feddejja li huwa fisser u ġabar f’forma sagramentali, l-aktar fl-Ewkaristija.[154] L-Ewkaristija hija ċ-ċentru u l-quċċata tal-ħajja sagramentali kollha: permezz tagħha kull nisrani jirċievi l-qawwa li ssalva tal-Fidwa; huwa jibda mill-misteru tal-Magħmudija, li fiha aħna nindifnu flimkien ma’ Kristu biex imbagħad naqsmu miegħu l-qawmien mill-mewt, kif igħallimna l-Appostlu.[155] Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim aħna naraw b’mod aktar ċar ir-raġuni għaliex il-ħajja sagramentali kollha tal-Knisja u ta’ kull Nisrani tilħaq il-quċċata tagħna u l-milja tagħha fl-Ewkaristija. Għaliex, kif ried Kristu, f’dan is-Sagrament jiġġedded il-ħin kollu l-misteru tas-sagrifiċċju li Kristu għamel meta offra lilu nnifsu lill-Missier fuq l-artal tas-salib. Dan is-sagrifiċċju l-Missier laqgħu u, għal din l-offerta totali ta’ Ibnu, li “obda sal-mewt”,[156] huwa tah għotja ta’ Missier jiġifieri, id-don ta’ ħajja ġdida li ma tintemm qatt fil-qawmien mill-imwiet, ladarba l-Missier hu l-ewwel għajn tal-ħajja u dak li jagħti l-għixien sa mill-bidu. Din il-ħajja ġdida li ġġib magħha l-glorifikazzjoni tal-ġisem ta’ Kristu li kien imsallab, saret għelm effikaċi tad-don ġdid mogħti lill-bnedmin. Dan id-don hu l-Ispirtu s-Santu u permezz tiegħu l-ħajja divina, li l-Missier għandu fih innifsu u li jagħti lill-Iben,[157] titwassal lil kull bniedem u jingħaqad ma’ Kristu.

L-Ewkaristija hi l-aktar sagrament perfett ta’ din l-għaqda. Għaliex meta niċċelebraw u nieħdu sehem fl-Ewkaristija, aħna ningħaqdu ma’ Kristu li hu fuq l-art u fis-sema u li jidħol għalina quddiem il-Missier.[158] Imma aħna ningħaqdu dejjem miegħu permezz ta’ l-att feddej tas-sagrifiċċju tiegħu, li bih Hu fdiena, hekk li aħna “bil-għoli konna mixtrija!”[159] Barra hekk, dan il-prezz għoli tal-fidwa tagħna hu wkoll prova oħra tal-valur li Alla jagħti lill-bniedem u tad-dinjità tagħna fi Kristu. Għax meta nsiru wlied Alla,[160] u wlied addottivi tiegħu,[161] aħna nsiru wkoll, bħalu, “Saltna u qassisin” u niksbu “saċerdozju regali”,[162] jiġifieri aħna nieħdu sehem f’dak ir-radd lura waħdieni u rriversibbli tal-bniedem u tad-dinja lill-Missier, radd lura li Kristu, Iben etern[163] u fl-istess ħin Bniedem tassew, għamel darba għal dejjem. L-Ewkaristija, għalhekk, hi s-sagrament li bih titfisser il-ħajja ġdida tagħna b’mod iżjed sħiħ, is-sagrament li fih Kristu nnifsu bla heda u b’mod dejjem ġdid “jixhed” fl-Ispirtu Mqaddes lill-Ispirtu tagħna;[164] hekk kull wieħed minna, li għandu sehem mill-misteru tal-Fidwa, jista’ jieħu mill-frott tar-rikonċiljazzjoni ta’ wlied ma’ Alla,[165] rikonċiljazzjoni li hu nnifsu temm u li għadu l-ħin kollu jagħmel fostna permezz tal-ministeru tal-Knisja.

Din hija l-verità ewlenija li għandha x’taqsam m’hux biss mat-tagħlim imma wkoll mal-ħajja tal-Knijsa: L-Ewkaristija tibni l-Knijsa,[166] tibniha bħala komunità awtentika tal-poplu ta’ Alla, bħala assemblea tal-fidili, li fihom hemm l-istess sinjal ta’ unità li kien hemm bejn l-Appostli u l-ewwel dixxipli tal-Mulej. L-Ewkaristija tibni l-ħin kollu mill-ġdid din il-komunità u din l-unità u ġġeddidhom dejjem permezz tas-Sagrifiċċju ta’ Kristu, għaliex hija tfakkar il-mewt tiegħu fuq is-Salib[167] li swiet il-prezz li bih hu fdiena. Minħabba f’hekk, fl-Ewkaristija aħna mmissu, biex ngħidu hekk, l-istess misteru tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Dan jixhdu l-istess kliem li l-Mulej uża meta waqqaf dan is-sagrament, il-kliem li, bis-saħħa ta’ din l-istituzzjoni, sar l-kliem taċ-ċelebrazzjoni bla waqfien ta’ l-Ewkaristija minn dawk li huma msejħa għal dan il-ministeru fil-Knisja.

Il-Knisja tgħix bl-Ewkaristija: tgħix mill-milja ta’ dan is-Sagrament mill-ibgħad żmien sal-lum[168]. Il-Maġisteru tal-Knijsa kemm-il darba fisser l-essenza u t-tifsira tal-għaġeb tiegħu. Biss nistgħu ngħidu b’ċertezza li, għalkemm dan it-tagħlim issaħħaħ mill-intelliġenza kbira tat-teologi, u minn nies ta’ fidi kbira u ta’ ħajja ta’ talb, minn axxetti u mistiċi, b’fedeltà sħiħa lejn il-misteru Ewkaristiku, xorta waħda dan it-tagħlim għadu ma wasalx ħlief sal-għatba ta’ barra, għaliex għadu m’hux kapaċi jifhem għal kollox u jfiehem fi kliem x’inhi l-Ewkaristija fil-milja kollha tagħha, xi tfisser u x’isir fiha. Tassew li l-Ewkaristija hija sagrament ineffabbli! Għalhekk l-impenn neċessarju tal-Knijsa u, fuq kollox, il-grazzja viżibbli u l-għajn ta’ qawwa sopranaturali li għandha bħala Poplu ta’ Alla, huma: li tippersevera u timxi ‘l quddiem bla ma taqta’ fil-ħajja Ewkaristika u fit-talb Ewkaristiku kif ukoll li tiżviluppa spirtitwalment madwar l-Ewkaristija. Għalhekk hemm raġuni akbar għala aħna ma nistgħux, la bil-ħsieb, la bil-ħajja u lanqas bl-azzjonijiet tagħna, nnaqqsu minn dan is-sagrament ta’ qdusija hekk kbira xi ħaġa min-natura sħiħa u mit-tifsira essenzjali tiegħu. Dan is-Sagrament hu fl-istess ħin Sagrament-Sagrifiċċju, Sagrament-komunjoni, u Sagrament-preżenza. U għalkemm hu minnu li l-Ewkaristija dejjem kienet u dejjem trid tibqa’ l-akbar wirja ta’ l-imħabba ta’ l-aħwa, tad-dixxipli u tas-segwaċi ta’ Kristu, iċ-ċelebrazzjoni tagħha ma tistax titqies sempliċement bħala “okkażjoni” biex issir stqarrija ta’ din l-imħabba ta’ l-aħwa. Meta niċċelebraw is-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, għandna nirrispettaw il-kobor tal-misteru divin u l-qawwa kollha ta’ dan is-sinjal sagramentali li fih Kristu hu tassew preżenti, “ir-ruħ timtela’ bil-grazzja u jingħatalna rahan tal-glorja tal-ġejjieni”.[169] Minn hawn ġej id-dmir li aħna nosservaw b’eżattezza r-regoli liturġiċi u dak kollu li juri l-qima tal-komunità lil Alla nnifsu, aktar u aktar għax hu f’dan is-sinjal sagramentali jafda ruħu f’idejna b’fiduċja bla qies bħallikieku ma jikkunsidrax kemm aħna dgħajfa, kemm aħna indenji, kemm naqgħu fir-rutina, fid-drawwa ta’ kuljum u saħansitra fil-profanazzjonijiet. Għalhekk, kull membru tal-Knisja, u l-aktar l-isqfijiet u s-saċerdoti għandhom igħassu li jaraw li dan is-Sagrament ta’ l-imħabba jkun fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Poplu ta’ Alla sabiex, permezz tal-manifestazzjonijiet tal-kult, lil Kristu tingħata “imħabba b’imħabba” u hekk huwa jsir “il-ħajja tar-ruħ tagħna”.[170] Lanqas ma għandna ninsew, min-naħa l-oħra, dak li qal San Pawl: “Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, mbagħad jiekol mill-ħobż u jixrob mill-kalċi”.[171] Din it-twissija ta’ l-Appostlu turina, għallinqas b’mod indirett, ir-rabta mill-qrib li hemm bejn l-Ewkaristija u l-Penitenza. Infatti, jekk l-ewwel frażi tat-tagħlim ta’ Kristu u l-ewwel frażi ta’ l-Evanġelju – jiġifieri tal-“Bxara t-Tajba” – kienet: ‘Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba’ (metanoeite),[172] is-sagrament tal-Passjoni, tas-Salib u tal-Qawien mill-Imwiet donnu jsaħħaħ u jwettaq b’mod għal kollox speċjali din is-sejħa (għall-indiema) f’ruħna. Hekk l-Ewkarisitja u l-Penitenza f’ċertu sens isiru żewg dimensjonijiet konnessi mill-qrib bejniethom ta’ ħajja awtentika skond l-ispirtu ta’ l-Evanġelju, ta’ ħajja tassew nisranija.

Kristu li jsejħilna għall-Ikla ta’ l-Ewkarisitija hu dejjem l-istess Kristu li jħeġġiġna għall-indiema u li jgħidilna u jerġa’ jgħidilna “Indmu”.[173] Mingħajr dan l-isforz kontinwu u dejjem imġedded għall-konverżjoni, is-sehem tagħna fl-Ewkaristija jitlef il-qawwa feddejja tiegħu; tonqos jew għallinqas tiddgħajjef dik id-disponibbiltà partikolari tagħna li noffru lil Alla s-Sagrifiċċju spiritwali[174] li fih infissru b’mod essenzjali u universali s-sehem tagħna fis-saċerdozju ta’ Kristu. Fi Kristu, is-saċerdozju hu marbut mas-sagrifiċċju tiegħu, l-għotja tiegħu lill-Missier; u sewwasew għax din l-għotja hi bla limiti, din tqajjem fina l-bnedmin, suġġetti għal-limitazzjonijiet differenti, il-ħtieġa li nduru lejn Alla b’mod aktar matur u b’konvinzjoni kostanti u dejjem aktar profonda.

F’dawn l-aħħar snin sar ħafna biex jinxteħet dawl fuq il-prattika tal-Knisja – u dan jaqbel ma’ l-aktar tradizzjoni qadima fil-Knisja – ta’ l-aspett komunitarju tal-penitenza, speċjalment tas-sagrament tal-Penitenza. Dawn l-inizjattivi huma utli ħafna u għandhom żgur igħinu ħafna biex jagħnu l-prassi penitenzjali tal-knisja ta’ żmienna. Ma nistgħux, madankollu, ninsew li l-konverżjoni hi att intern partikolarment profond li fih ħadd ma jista’ joqgħod flok bniedem ieħor u l-komunità ma tista’ tieħu post ebda bniedem.

Għalkemm is-sehem tal-fidili, miġburin f’komunità ta’ mħabba bejn l-aħwa, f’ċelebrazzjoni penitenzjali, hi ta’ għajnuna kbira fl-att ta’ konverżjoni personali, madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, jeħtieġ li f’dan l-att ikun l-individwu nnifsu li jitkellem bil-kuxjenza kollha tiegħu, anzi bis-sens kollu ta’ ħtija tiegħu u ta’ tama f’Alla, u quddiemu bħas-salmista jistqarr:- “Kontrik…jiena dnibt”.[175] Meta, għalhekk, il-Knisja tikkonserva bil-fedeltà l-prattika, li ilha sejra sekli sħaħ, tas-Sagrament tal-Penitenza – jiġifieri tal-qrara ndividwali magħquda ma’ att ta’ ndiema u deċiżjoni li wieħed jemenda u jagħmel tajjeb għall-ħażin li għamel – il-Knisja tkunqiegħda tiddefendi dritt individwali ta’ kull ruħ umana: id-dritt ta’ kull bniedem li jiltaqa’ b’mod personali ma’ Kristu msallab li jaħfer, ma’ Kristu li jgħid permezz tal-ministru tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni: “Dnubietek maħfura”;[176] “Mur, u tidnibx aktar”.[177] Hija ħaġa ċara li dan hu dritt ukoll ta’ Kristu fuq kull bniedem mifdi minnu. Dan hu d-dritt tiegħu li jiltaqa’ ma kull wieħed minna f’dak il-waqt kruċjali fil-ħajja tar-ruħ meta aħna nikkonvertu u nirċievu l-maħfra. Meta l-Knisja tgħasses is-Sagrament tal-Qrar, il-Knisja tkun qed tistqarr il-fidi tagħha fil-misteru tal-Fidwa bħala realtà ħajja u li tagħti l-ħajja, realtà li taqbel mal-verità ntima tal-bniedem, mas-sens uman tal-ħtija u wkoll max-xewqat tal-kuxjenza umana. “Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin”.[178] Is-Sagrament tal-Qrar hu mezz biex jissodisfa l-bniedem bil-ġustizzja li tiġi mill-Feddej innifsu.

Fil-Knisja li, l-iżjed il-lum, tiltaqa’ b’mod speċjali madwar l-Ewkariistija u li tixtieq li komunità Ewkaristika vera ssir sinjal ta’ għaqda bejn l-insara, għaqda li qiegħda bil-mod il-mod timmatura, għandha tibqa’ ħajja l-ħtieġa tal-Penitenza kemm fl-aspett tagħha bħala sagrament,[179] kemm fl-aspett tagħha bħala virtù. Dan it-tieni aspett tfisser mill-Papa Pawlu VI fil-Kostituzzjoni Appostolika Penitemini.[180]

Wieħed mid-dmirijiet tal-Knisja hu li tqiegħed fil-prattika t-tagħlim li nsibu f’din il-Kostituzzjoni: dan huwa suġġett li jrid ikun mistħarreġ aktar fil-fond minna f’riflessjoni komuni, u fuqu jridu jittieħdu ħafna aktar deċiżjonijiet fi spirtu ta’ kolleġġalità pastorali u f’rispett lejn it-tradizzjonijiet differenti dwaru u ċ-ċirkustanzi differenti tal-ħajja tal-bnedmin il-lum. Madankollu, hu żgur li l-Knisja ta’ l-Avvent il-ġdid, il-Knisja li qiegħda tħejji ruħha l-ħin kollu għall-miġja l-ġdida tal-Mulej għandha tkun il-Knisja ta’ l-Ewkaristija u tal-Penitenza. U huwa biss meta nħarsi lejha minn dan l-aspett spiritwali tal-ħajja u l-ħidma tagħha li narawha bħala l-Knisja tal-missjoni divina, il-Knisja “in statu missionis”, fi stat ta’ missjoni, kif urieha l-Konċilju Vatikan II.

 

21. IS-SEJĦA NISRANJA: TAQDI U SSALTAN

Meta l-Konċilju Vatikan II bena mis-sisien stess ix-xbieha tal-Knisja bħala l-Poplu ta’ Alla – u dan għamlu meta wera l-missjoni ta’ bi tlieta ta’ Kristu nnifsu, missjoni li bis-sehem tagħna fiha aħna nsiru tassw il-Poplu ta’ Alla – il-Konċilju rrivela wkoll din il-karatteristika tas-sejħa nisranija, dik li l-insara jkunu ġens ta’ slaten. Biex nippreżentaw tajjeb hawnhekk l-għana kollu u t-teżor sħiħ tat-tagħlim tal-Konċilju, ikun jeħtieġ nirreferu għal ħafna kapitli u paragrafi tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium u għal ħafna dokumenti oħra tal-Konċilju. Biss, fost dan l-għana kollu hemm element, li jiżboq ‘l oħrajn u li hu dan; li aħna qegħdin nerġgħu niskopru fina u fl-oħrajn id-dinjità speċjali tas-sejħa tagħna li aħna nistgħu niddeskrivuha bħala “regalità”. Din id-dinjità titfisser fil-ħeġġa biex naqdu, fuq l-eżempju ta’ Kristu li “ġie mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi”.[181] Jekk, għalhekk fid-dawl ta’ din l-imġieba ta’ Kristu, “li ssaltan” hu possibbli tassew “meta taqdi”, allura “li taqdi” jitlob maturità spiritwali tali li wieħed jista’ jgħid lili “taqdi” jfisser “issaltan”. Biex wieħed għalhekk jista’ jaqdi kif jixraq jeħtieġ li wieħed ikun kapaċi li jirbaħ lilu nnifsu u li jkollu l-virtujiet li jgħinuh biex jirbaħ lilu nnifsu u li jkollu l-virtujiet li jgħinuh biex jirbaħ. Is-sehem tagħna fil-missjoni regali ta’ Kristu – fl-“uffiċċju regali” tiegħu – hu marbut bil-qawwa ma’ kull qasam tal-moralità nisranija u umana.

Meta l-konċilju Vatikan II ippreżenta xbieha sħiħa tal-Poplu ta’ Alla u għallem liema hu l-post li f’dan il-poplu għandhom mhux biss is-saċerdoti iżda wkoll il-lajċi, mhux biss dawk li jagħmlu sehem mill-Ġerarkija iżda wkoll l-Istituti tal-ħajja kkonsgarata lil Alla, huwa (il-Konċilju) ma wasalx biex jagħti din ix-xbieha biss minn premessi soċjoloġiċi. Il-Knisja bħala soċjetà umana tista’, iva, tkun eżaminata u definita skond ir-regoli u l-kriterji użati mix-xjenzi dwar kull soċjetà umana. Iżda dawn ir-regoli u kriterji m’humiex biżżejjed. Għax, għall-komunità kollha tal-Poplu ta’ Alla u għal kull membru tal-Poplu ta’ Alla, m’hijiex biss kwistjoni ta’ “sħubija soċjali”; iżda x’aktarx tenħtieġ, għal kull wieħed u għal kulħadd, “sejħa” speċjali. Għaliex il-Knisja, bħala l-Poplu ta’ Alla, hi wkoll, skond it-tagħlim ta’ San Pawl imfakkar mill-Papa Piju XII bi kliem mill-isbaħ, il-“Ġisem Mistiku ta’ Kristu”.[182] Il-jedd tas-sħubija f’dan il-ġisem ġej minn sejħa partikolari, magħquda mal-ħidma tal-ġrazzja li ssalva. Għalhekk, jekk aħna nixtiequ tassew li nkunu konxji ta’ din il-komunità tal-Poplu ta’ Alla – li hi daqshekk kbira u daqshekk diffirenzjata – aħna għandna, qabel kollox, nikkontemplaw lil Kristu li b’xi mod igħid lil kull membru ta’ din il-komunità: “Ejja miegħi”.[183] Din hi l-komunità tad-dixxipli li jimxu wara Kristu, kull wieħed minnhom b’mod differenti, xi wħud minnhom konxjament ħafna u b’mod koerenti ħafna, oħrajn inkonxjament ħafna u b’mod inkoerenti ħafna. Dan juri l-aspett profondament “personali” ta’ din is-soċjetà u fl-istess ħin dimensjoni partikolari tagħha illi, minkejja d-difetti kollha tal-ħajja komunitarja tagħha, fis-sens uman tal-kelma, hija, b’danakollu, komunità sewwasew minħabba l-fatt illi jiffurmawha l-membri kollha tagħha flimkien ma’ Kristu nnifsu, għallinqas għax kollha jġibu f’ruħhom is-sinjal li ma jitħassarx, is-sinjal li jġib min hu nisrani.

L-istess Konċilju Vatikan II ta attenzjoni speċjali biex ifisser kif din il-komunità “ontoloġika” tad-dixxipli u ta’ dawk li jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom għandha ssir dejjem aktar, ukoll bħala komunità ta’ bnedmin, komunità li tagħraf sewwa l-ħajja u l-ħidma tagħha. L-inizjattivi li ħa l-konċilju f’dan il-qasam tkomplew f’ħafna inizjattivi oħra ta’ natura sinodali, appostolika u organizzattiva. Imma rridu dejjem niftakru l-verità li kull inizjattiva tgħin fit-tiġdid veru tal-Knisja u tgħin biex twassal “id-dawl veru li hu Kristu”[184] daqskemm tkun mibnija fuq l-għarfien tal-vokazzjoni u tar-responsabbiltà għal din il-grazzja singulari, unika u li ma tirripetix ruħha minn wieħed għall-ieħor, li biha kull nisrani fil-komunità tal-Poplu ta’ Alla jibni l-Ġisem ta’ Kristu. Dan il-prinċipju li hu r-regola prinċipali tal-ħajja u l-ħidma nisranija – tal-ħajja appostolika u pastorali, tal-ħajja interjuri u soċjali – għandu jkun applikat, fil-proporzjon ġust, lill-bnedmin kollha u lil kull bniedem. Il-Papa wkoll, u kull isqof, għadnu japplika dan il-prinċipju għalih innifsu. Is-saċerdot u r-reliġjużi rġiel u nisa għandhom ikunu fidili lejn dan il-prinċipju. Dan il-prinċipju hu l-bażi li fuqha għandhom ifasslu l-ħajja tagħhom il-miżżewġin, il-ġenituri, l-irġiel u n-nisa ta’ kundizzjonijiet u professjonijiet differenti, minn dawk li jokkupaw l-għola karigi fis-soċjetà sa dawk li għandhom l-aktar xogħol sempliċi. Dan huwa sewwasew il-prinċipju ta’ dak is-“servizz regali” li jimponi fuq kull wieħed minna, fuq l-eżempju ta’ Kristu, id-dmir li nesiġu minna nfusna eżattament dak li għalih konna msejħin, dak li aħna ntrabatna personalment li nagħmlu biex, bil-grazzja ta’ Alla, inwieġbu għall-vokazzjoni tagħna. Din il-fedeltà lejn il-vokazzjoni li aħna rċevejna mingħand Alla permezz ta’ Kristu ġġib magħha dik ir-responsabbiltà kollettiva għall-Knisja li fiha l-Konċilju Vatikan II xtaq jeduka lill-insara kollha. Infatti, fil-Knisja, bħala l-komunità tal-Poplu ta’ Alla mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, “kull wieħed għandu d-don tiegħu mingħand Alla”, kif għallimna San Pawl.[185] Għalkemm dan id-“don” hu vokazzjoni personali u forma ta’ parteċipazzjoni fil-ħidma ta’ salvazzjoni tal-Knisja, huwa jaqdi lill-oħrajn, jibni l-Knisja u l-komunitajiet ta’ l-aħwa fl-oqsma differenti tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art.

Il-fedeltà lejn il-vokazzjoni ta’ kull wieħed, jiġifieri d-disponibbiltà perseveranti għas-“servizz regali”, hija ta’ mportanza kbira għal dan il-bini tal-Knisja fl-aspett differenti tiegħu, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mad-dmirijiet l-iżjed importanti u li għandhom l-akbar influwenza fuq il-ħajja tal-proxxmu u tas-soċjetà kollha. Il-bnedmin miżżewġa għandhom jintgħarfu mill-fedeltà tagħhom lejn il-vokazzjoni tagħhom, kif titlob minnhom in-natura indissolubbli ta’ l-istituzzjoni sagramentali taż-żwieġ. Hekk ukoll huwa xieraq li s-saċerdoti jkunu eżempju ta’ fedeltà lejn il-vokazzjoni tagħhom, minħabba l-karattru li ma jitħassarx li s-Sagrament ta’ l-Ordni jistampa f’ruħhom. Meta, infatti, nirċievu dan is-Sagrament, aħna fil-Knisja Latina nintrabtu konxjament u liberalment li ngħixu fiċ-ċelebat. Għalhekk kull wieħed minna għandu jagħmel kull ma jista’ biex, bil-grazzja ta’ Alla, hu jiżżiħajr dejjem ta’ dan id-don u jibqa’ fidil lejn id-dmir li rabat lilu nnifsu bih għall-għomru. L-istess għandhom jagħmlu l-miżżewġin li għandhom jippruvaw, bis-saħħa kollha tagħhom, li jipperseveraw fl-għaqda tagħhom taż-żwieġ biex b’din ix-xhieda ta’ mħabba jibnu l-komunità tal-familja u jedukaw ġenerazzjonijiet ġodda ta’ bnedmin li jkunu kapaċi min-naħa tagħhom jiddedikaw ħajjithom għall-vokazzjoni tagħhom, jiġifieri għas-“servizz regali” li tiegħu Ġesù Kristu tana mudell u eżempju mill-isbaħ. Il-Knisja tiegħu, magħmula minna lkoll, teżisti “għall-bnedmin”; dan ifisser li jekk aħna nibbażaw ruħna fuq l-eżempju ta’ Kristu,[186] u jekk nikkollaboraw mal-grazzja li qalgħalna, aħna jirnexxilna “nsaltnu”, jiġifieri aħna nkunu kapaċi nipproduċu umanità matura f’kull wieħed minna. L-umanità matura tfisser l-użu sħiħ tad-don tal-libertà li rċevejna mill-Ħallieq meta sejjaħ għall-eżistenza l-bniedem “maħluq fi xbieha tiegħu”. Dan id-don huwa realizzat għal kollox fl-għoti tal-persuna umanà kollha, mingħajr ebda kundizzjoni, fi spirtu ta’ mħabba ta’ għerusija lejn Kristu u ma’ Kristu; dan isir f’dawk kollha, irġiel u nisa, li jikkonsagraw ruħhom għal kollox lil Kristu skond il-kunsilli evanġeliċi. Dan hu l-ideal tal-ħajja reliġjuża li l-Ordnijiet u l-Kongregazzjonijiet – kemm dawk antiki kemm dawk ġodda – u l-Istituti Sekulari qegħdin ifittxu li jgħixu.

Illum hemm min igħid, bi żball, li l-libertà hi għan fiha nfisha, li kull bniedem ikun ħieles meta juża l-libetà tiegħu kif irid, u li dan għandu jkun l-għan tagħna fil-ħajja ta’ l-individwi u tas-soċjetajiet. Fil-fatt, il-libertà hi don kbir sakemm aħna nagħarfu nużawha konxjament għal dak kollu li hu l-veru ġid tagħna. Kristu jgħallimna li l-aħjar użu tal-librertà hija l-imħabba, li tirrealizza ruħha meta nagħtu lilna nfusna lill-oħrajn u meta naqdu lill-oħrajn. Għax “f’din il-libertà, Kristu ħelisna”[187] u jibqa’ jeħlisna.

Minn hawn il-Knisja tikseb il-ħin kollu ispirazzjoni, sejħa u spinta ‘l quddiem għall-missjoni tagħha u għas-servizz tagħha fost il-bnedmin. Għalhekk il-verità sħiħa dwar il-libertà tal-bniedem qiegħda moħbija fil-qalb tal-misteru tal-Fidwa. Il-Knisja taqdi tassew lill-bnedmin meta tgħasses din il-verità b’attenzjoni li ma tegħjiex, b’imħabba mħeġġa u b’impenn matur kif ukoll meta, fil-komunità kollha tagħha, hi xxandar din il-verità u tagħtiha forma konkreta fil-ħajja umana, permess tal-fedeltà ta’ kull nisrani għall-vokazzjoni tiegħu. Dan jikkonferma dak li għidna qabel, jiġifieri li l-bniedem huwa u jsir dejjem it-“triq” tal-Knisja fil-ħajja tagħha ta’ kuljum.

 

22. L-OMM TAL-FIDUĊJA TAGĦNA

Għalhekk meta, fil-bidu ta’ dan il-Pontifikat ġdid, jien indawwar ħsibijieti u qalbi lejn il-Feddej tal-bniedem, jien nixtieq nidħol u nippenetra fir-ritmu ntimu tal-ħajja tal-Knisja. Infatti, jekk il-Knisja tgħix il-ħajja tagħha, hi tagħmel hekk għaliex hi tieħu l-ħajja tagħha minn Kristu li jixtieq ħaġa waħda – li aħna jkollna l-ħajja u l-ħajja bil-kotra.[188] Il-milja tal-ħajja li hija fih hi fl-istess ħin il-milja tal-ħajja tal-bniedem. Għalhekk il-Knisja, waqt li tingħaqad mal-għana kollu tal-misteru tal-Fidwa, ssir il-Knisja tal-bnedmin ħajjin, ħajjin għax jieħdu l-ħajja minn ġewwa bil-ħidma ta’ l-“Ispirtu tal-verità,”[189] għaliex jirċievu ż-żjara ta’ l-imħabba li l-Ispirtu s-Santu jsawwab f’qalbna. L-għan ta’ kull servizz fi ħdan il-Knisja, servizz appostoliku, pastorali, saċerdotali jew episkopali, hu li jżomm ħajja din il-ħolqa dinamika bejn il-misteru tal-Fidwa u kull bniedem.[190]

Jekk aħna nagħarfu d-dmir tagħna, allura jidher li nkunu nagħarfu aħjar xi jfisser tgħid li l-Knisja hi omm, [191] xi jfisser ukoll tgħid li l-Knisja dejjem, u b’mod speċjali fi-żmienna, għandha bżonn ta’ Omm. Aħna għandna niżżuħajr speċjali lill-Isqfijiet tal-Konċilju Vatikan II li fissru din il-verità fil-Kostituzzjoni Lumen Gentium b’dak l-għana ta’ tagħlim marjoloġiku li fiha.[192] Billi Pawlu VI, ispirat minn dak it-tagħlim, ipproklama lil Omm Kristu “Omm il-Knisja”,[193] u dan it-titlu sar magħruf mad-dinja kollha, ippermettu lis-suċċessur indenn tiegħu li jdur lejn Marija, Omm il-Knisja, fi tmiem dawn ir-riflessjonijiet li ħass li għandu jagħmel fil-bidu tas-servizz papali tiegħu. Marija hi Omm il-Knisja għaliex minħabba l-għażla inefabbli tal-Missier etern[194], hu bil-ħidma speċjali ta’ l-Ispirtu ta’ l-Imħabba[195] hi tat ħajja umana lill-Iben ta’ Alla “li għaliħ u bih sar kollox”[196] u li minnu l-Poplu ta’ Alla kollu jirċievi l-grazzja u d-dinjità tal-għażla tiegħu. Dan l-istess Binha ried espliċitament ikabbar il-maternità ta’ Ommu meta, minn fuq is-Salib, għażel lid-dixxiplu maħbub tiegħu bħala binha[197] - u dan għamlu b’mod li tista’ tifhmu kull ruħ u kull qalb. L-Ispirtu s-Santu ispiraha biex tibqa’ fiċ-Ċenaklu, wara li l-Mulej kien tela’ s-sema, miġbura fit-talb u fil-mistennija, flimkien ma l-Appostli, sal-ġurnata tal-Għid il-Ħamsin meta l-Knisja kellha titwieled f’forma viżibbli u toħroġ mid-dlam għad-dawl[198]. U wara, il-ġenerazzjonijiet kollha tad-dixxipli, u ta’ dawk kollha li jistqarru u jħobbu lil Kristu, bħal l-Appostlu Ġwanni, laqgħu spiritwalment f’darhom [199] lil din l-Omm li b’hekk, sa mill-bidu, jiġifieri sa mit-tħabbira ta’ l-Anġlu, daħlet fl-istorja tas-salvazzjoni u fil-missjoni tal-Knisja. Għalhekk aħna lkoll li l-lum niffurmaw il-ġenerazzjoni tal-lum tad-dixxipli ta’ Kristu, nixtiequ ningħaqdu magħha b’mod speċjali. Dan nagħmluh, iva, b’għaqda sħiħa mat-tradizzjoni antika tagħna u fl-istess ħin b’rispett sħiħ u b’imħabba għall-Komunitajiet insara kollha.

Dan aħna nagħmluh imqanqlin mill-ħtieġa kbira tal-fidi, tat-tama u ta’ l-imħabba. Għax jekk aħna nħossu ħtieġa speċjali, f’din il-fażi diffiċli u mimlija responsabbiltà ta’ l-istorja tal-Knisja u ta’ l-umanità , li nduru lejn Kristu, li hu l-Mulej tal-Knisja tiegħu u l-Mulej ta’ l-istorja tal-bnedmin bis-saħħa tal-misteru tal-Fidwa, aħna nemmnu li ħadd daqs Marija ma jista’ jdaħħalna fid-dimensjoni divina u umana ta’ dan il-misteru. Alla lil ħadd ma’ daħħal f’dan il-misteru daqskemm daħħal lil Marija. Huwa f’dan li jikkonsisti l-karattru eċċezzjonali tal-grazzja tal-maternità divina. M’hijiex biss id-dinjità tal-maternità li hija l-unika u rripettibbli fl-istorja tal-bniedem; huwa uniku wkoll – għal dak li għandu x’jaqsam mal-profondità tiegħu u ma kemm twassal ‘il bogħod l-azzjoni tiegħu – is-sehem ta’ Marija, minħabba l-maternità tagħha, fil-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bniedem permezz tal-Misteru tal-Fidwa.

 

Dan il-misteru tal-Fidwa tfassal – jekk nistgħu ngħidu hekk – taħt il-qalb tal-Verġni ta’ Nażaret meta din lissnet il-kliem tagħha “Ikun minni skond kelmtek”. Minn dak il-ħin ‘il quddiem, bil-qawwa speċjali ta’ l-Ispirtu s-Santu, din il-qalb, qalb ta’ verġni u fl-istess ħin ta’ omm, issuktat timxi dejjem wara l-ħidma ta’ binha u tħobb lil dawk kollha li Kristu ħaddan u jkompli dejjem iħaddan miegħu u b’imħabba bla tmiem. Għal din ir-raġuni l-qalb ta’ Marija ma tehda qatt tħobb bħal qalb ta’ Omm. Il-karatteristika speċjali ta’ din l-imħabba ta’ omm, li l-Omm ta’ Alla ddaħħal fil-misteru tal-Fidwa u fil-ħajja tal-Knisja, titfisser fil-mod eċċezzjonali kif hija tinsab qrib il-bniedem u dak kollu li jiġri lill-bniedem. Huwa f’dan li jikkonsisti l-misteru ta’ l-Omm. Il-Knisja, li tħares lejha b’imħabba u tama speċjali, tixtieq tagħmel tagħha dan il-misteru, u tagħmlu tagħha b’mod dejjem aktar profond. Għax f’dan il-Knisja tagħraf triqitha ta’ kuljum, magħmula minn kull bniedem.

L-imħabba eterna tal-Missier, li ntweriet matul l-istorja tal-bniedem permezz ta’ l-Iben mogħti mill-Missier, biex “kulmin jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”[200] hija offerta lilna permezz ta’ din l-omm; hekk isir iżjed faċli li nifhmu aħjar is-sinjali tagħna. Għalhekk Marija għandha tkun fit-toroq kollha tal-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja. Permezz tal-preżenza ta’ omm ta’ Marija, il-Knisja tikseb iċ-ċertezza li hi tassew qed tgħix il-ħajja tal-Mulej u s-Sid tagħha u li hi qed tgħix il-misteru tal-Fidwa fil-milja kollha tiegħu li tagħti l-ħajja. Hekk ukoll, il-Knisja li xeħtet l-għeruq f’għadd kbir ta’ oqsma differenti tal-ħajja tal-bniedem tal-lum, tikseb ukoll iċ-ċertezza u, nistgħu ngħidu wkoll, l-esperjenza li hi qrib tal-bniedem, ta’ kull bniedem, li hi l-Knisja tiegħu, jiġifieri l-Knisja tal-poplu ta’ Alla.

Quddiem dawn id-dmirijiet li jqumu tul it-toroq tal-Knisja, dawk it-toroq li l-Papa Pawlu VI indika b’mod ċar fl-ewwel eċnċiklika tal-Pontifikat tiegħu, aħna, waqt li nagħarfu l-ħtieġa assoluta ta’ dawn it-torq kollha u, fl-istess ħin, nafu d-diffikultajiet li joħonquhom, aħna nħossu wkoll dejjem aktar il-ħtieġa li ningħaqdu dejjem iżjed ma’ Kristu. Aħna nisimgħu ġewwa fina, bħal eku li jidwi, il-kliem li qal hu: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”[201]. Aħna nħossu mhux biss il-ħtieġa imma wkoll l-“imperativ kategoriku” li għandha l-Knisja li titlob ħafna, li titlob intensament, li titlob dejjem iżjed. Hu biss it-talb li jista’ ma jħallix li dawn id-dmirijiet u dawn id-diffikultajiet li qegħdin iqumu waħda wara l-oħra jsiru kawża ta’ kriżi, anzi jgħin biex dawn id-dmirijiet u dawn id-diffikultajiet isiru l-għajn u s-sisien ta’ rebħiet dejjem aktar maturi fit-triq tal-Poplu ta’ Alla lejn l-Art Imwiegħda, f’dan l-istadju ta’ l-istorja li qed joqrob lejn tmiem it-tieni millennju.

Għalhekk, waqt li ntemm din il-meditazzjoni b’sejħa umli u ħerqana għat-talb, nixtieq li dan it-talb isir flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù,[202] bħalma għamlu l-Appostli u d-dixxipli tal-Mulej fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalemm wara li Kristu kien tela’ s-sema.[203] Fuq kollox jien nitlob lil Marija, l-Omm tas-sema tal-Knisja, biex f’din it-talba ta’ l-Avvent ġdid ta’ l-umanità, jogħġobha tkun magħna li niffurmaw il-Knisja, jiġifieri l-Ġisem mistiku ta’ l-Iben waħdieni tagħha. Jien nittama li permezz ta’ din it-talba aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu li jiġi fuqna[204] u hekk insiru x-xhieda ta’ Kristu “sat-truf kollha ta’ l-art”,[205] bħal dawk li ħarġu miċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalemm nhar Għid il-Ħamsin.

Bil-Barka Appostolika tiegħi.

Mogħtija f’Ruma, f’San Pietru, nhar l-4 ta’ Marzu, l-ewwel Ħadd ta’ l-Avvent, fis-sena 1979, l-ewwel waħda tal-pontifikat tiegħi.

 

Joannes Paulus pp. II



[1]. Ġw 1,14.

[2]. Ġw. 3,16.

[3]. Lhud 1,1s.

[4]. Exsultet (Jifirħu l-qtajja ta’ l-Anġli) tal-Vġili tal-Ghid.

[5]. Ġw 16,7.

[6]. Ġw 15,26s.

[7]. Ġw 16,13.

[8]. Cf. Apk 2,7.

[9]. Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Ġentium, 1: AAS 57 (1965) 5.

[10]. Ef 3,8

[11]. Ġw 14,24.

[12]. PAWLU VI, Enċiklika Ecclesiam Suam: AAS 56 (1964) 650 ss.

[13]. Mt 11,29

[14]. Ta’ min ifakkar hawn fid-dokumenti ewlenin tal-Pontifikat ta’ Pawlu VI. Dwar xi wħud minnhom huwa

 nnifsu tkellem f’diskors li għamel waqt il-Quddiesa fis-solennitá tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu fl-

 1978: Enċiklika Ecclesiam Suam: AAS 56 (1964) 609-659; Ittra Appostolika Investigabiles Divitias Christi:

 AAS 57 (1965) 298-301; Enċiklika Mysterium Fidei: AAS 57 (1965) 753-774; Enċiklika Sacerdotalis

 Coelibatus; AAS 59 (1967) 657-697; Professjoni Solenni tal-Fidi: AAS 60 (1968) 433-445; Enċiklika,

 Humanae Vitae: AAS 60 (1968) 481-503; Eżortazzjoni Appostolika Evangelica Testificatio; AAS 63 (1971)

 497-535; Eżortazzjoni Appostolika Paterna cum Benevolentia; AAS 67 (1975) 5-23; Eżortazzjoni

 Appostolika Gaudete in Domino; AAS 67 (1975) 289-322, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi AAS

 68 (1976) 5-76

[15] . Mt 3-52.

[16] . 1 Tim 2,4.

[17] . PAWLU VI, Eżortazzjoni Evangelii Nuntiandi: AAS 68 (1976) 5-76

[18] . Ġw 17,21; Cf. Ibid. 17,11,22 s.; 10,16; Lq 9,49s.54.

[19] . 1 Kor 15,10.

[20] . KONĊILJU VATIKAN I, Kostituzzjoni dommatika dwar il-fidi kattolika Dei Filius, cann, III De fide, n. 6;

 Conciliorum Oecumenicorum Decreta, Ed, Istituto per le Scienze Religiose, Bologne 1973, 3, p. 811.

[21]. Is 9,6.

[22]. Ġw 21.15

[23]. Lq 22,32.

[24]. Ġw 6,68; Cf. Atti 4, 8-12.

[25]. Cf Ef 1, 10.22; 4; 25; Kol 1,18.

[26]. 1 Kor 8,6; Cf. Kol 1,17.

[27]. Ġw 14,6.

[28]. Ġw 11,25.

[29]. Cf. Ġw 14,9.

[30]. Cf. Ġw 16,7.

[31]. Cf. Ġw 16,7.13.

[32]. Kol 2,3

[33]. Cf, Rum 12,5;1; Kor 6,15; 10,17; 12,12. 27; Ef 1,23; 2, 16; 4, 4; Kol 1,24; 3,15.

[34]. KONĊILJU VATIKAN II, Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Ġentium, 1: AAS 57 (1965) p. 5.

[35]. Mt 16,16.

[36]. Cf, il-Litanija tal-Qalb ta’ Ġesú.

[37]. 1 Kor 2,2.

[38]. Cf. Ġen. 1, passim.

[39]. Cf. Ġen. 1, 26-30.

[40]. Rum. 8,20; ibid. 8,19-22; KONĊILJU VATIKAN 11, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 2:13; AAS 58 (1966), p. 1026; 1034 s.

[41]. Ġw 3,16.

[42]. Cf. Rum 5,12-21.

[43]. Rum 8,22

[44]. Rum 8,19.

[45]. Rum 8,22.

[46]. Rum 8,19.

[47]. Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 22,: AAS 58 (1966),mpp, 1042 ss.

[48]. Cf. Rum 5,11.: Kol 1,20.

[49]. Salm 8,6.

[50]. Cf. Ġen 1,26.

[51]. Cf. Ġen 3,6-13.

[52]. Cf. Missal Ruman, Talba Ewkaristika IV.

[53]. Cf. KONĊILJU VEKUMENIKU VATIKAN 11, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 37: AAS 58 (1966), pp. 1054 s; Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 48: AAS 57 (1965), pp. 53s.

[54]. Cf. Rum 8,29 s.; Ef 1,8.

[55]. Ġw 16,13.

[56]. Cf, 1 Tess 5,24.

[57]. 2 Kor 5,21; Cf. Gal 3,13.

[58]. 1 Ġw 4,8.16.

[59]. Cf. Rum 8,20.

[60]. Cf. Lq 15,11-32.

[61]. Cf. Rum 8,19.

[62]. Cf. Rum 8,18.

[63]. Cf. S. TUMAS, Summa Theol. III.q.46,a.1,ad.3.

[64]. Gal 3,28.

[65]. Mit-tħabbira tal-Għid.

[66]. Cf. Ġw 3,16.

[67]. Cf. S.ĠUSTINU, I Apologia 46,1-4; II Apologia, 7(8),1-4;10,1-3; 13,3-4; Florilegium Patristicum II, Bonn 1911,

 2, pp.81,125,129,133; KLEMENT TA’ LIXANDRA, Stromata 1, 19,91,94: S.Ch.30, pp. 117 s.; 119 s.;

 KONĊILJU VATIKAN 11, Digriet dwar il-ħidma missjunarja tal-Knisja Ad Gentes, 11: AAS 58 (1966, p. 960:

 Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 17: AAS 57 (1965), 21.

[68]. Cf. Id-Dikjarazzjoni tal-Knisja dwar ir-relazzjonijiet mar-Reliġjonijiet mhux Insara Nostra Aetat, 3-4; AAS 58

 (1966), pp. 741-743.

[69]. Kol. 1.26

[70]. Kol 1,26.

[71]. Mt 11,12.

[72]. Ef 33,8.

[73]. Cf. N. 1s..: AAS 58 (1966), pp. 740 s.

[74]. Atti, 17,22-31.

[75]. Ġw 2,25.

[76]. Ġw 3,8.

[77]. Cf. AAS 58 (1966), pp.929-946.

[78]. Cf. Ġw 14,26.

[79]. PAWLU VI, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi, 6: AAS 68 (1976), p. 9.

[80]. Ġw 7,16.

[81]. Cf. AAS 58 (1966), pp. 936 ss.

[82]. Ġw 8,32.

[83]. Ġw 18,37.

[84]. Cf. Ġw 4,23.

[85]. Ġw. 4.23 s.

[86]. Cf. Enċiklika Ecclesiam Suam: AAS 56 (1964), pp. 609-659

[87]. Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 22: AAS 58 (1966), p. 1042.

 

[88]. Cf. Ġw 14,1 ss.

[89]. Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 91: AAS 58 (1966), p. 1113.

[90]. Ibid. 38: l.c. p. 1056.

[91]. Ibid. 76; l.c. p, 1099.

[92]. Cf. Ġen 1,27.

[93]. Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 24; AAS 58 (1966), p. 1045.

[94]. Ġen 1,28

[95]. Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 24: AAS 58 (1966), p. 1032.

[96]. Ibid 10: l.c., p. 1033.

[97]. Ibid, 38: l.c., p. 1056; PAWLU VI, Enċiklika Populorum Progressio, 21: AAS 59 (1967), p. 267 s.

[98]. Cf. Ġen 1,28.

[99]. Cf. Ġen 1,2.

[100]. Ġen 1-28; Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Digriet dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali

 Inter Mirifica, 6: AAS 56 (1964), p. 147, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et

 Spes, 74, 78: AAS 58 (1966), p. 1095 s.; 1101 s.

[101]. Cf. Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 10,36; 21; AAS 59 (1967), pp. 267 s.

[102]. Cf. Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 35: AAS 58 (1966), p. 1053;

 PAWLU VI, Diskors lill-Korp Diplomatiku, 7 ta’ Jannar 1965; AAS 57 (1965), p. 232; Enċiklika Populorum

 Progression, 14; AAS 59 (1967), p. 264.

[103]. Cf. PIJU XII, Messaġġ bir-radju f’għeluq il-ħamsin sena mill-pubblikazzjoni ta’ l-Enċiklika Rerum Novarum

 ta’ ljun XIII (1 ta’ Ġunju 1941): AAS 33 (1941), pp. 195-205; Messaġġ bir-radju lid-dinja lejlet il-Milied (24

 ta’ Diċembru 1941): AAS 34 (1942), pp. 10-21; Messaġġ bir-radju lid-dinja lejlet il-Milied (24 ta’ Diċembru

 1942: AAS 35 (1943), pp. 9-24; Messaġġ bir-radju lid-dinja lejlet il-Milied (24 ta’ Diċembru 1943); AAS 36

 (1944), pp. 11-24; Messaġġ bir-radju lid-dinja lejlet il-Milied 24 ta’ Diċembru 1944); AAS 37 (1945), pp.10-

 23; Diskors mill-Kardinali (24 ta’ Diċembru 1945): AAS 38 (1946), pp. 15-25; Diskors mill-Kardinali (24 ta’

 Diċembru 1946): AAS 39, (1947), pp. 7-17; Messaġġ bir-radju lid-dinja lejlet il-Milied (24 ta’ Diċembru

 1947: AAS 40 (1948), pp. 8-16; ĠWANNI XXIII, enċiklikaMater et Magistra: AAS 53 (1961), pp. 401-464;

 Enċiklika Pacim in Terris: AAS 55 (1963), pp. 257-304; PAWLU VI, Enċiklika Ecclesiam Suam: AAS 56

 (1964), pp. 609-659; Diskors lill-Assemblea tal-Ġnus Maqgħuda (4 ta’ Ottubru 1965); AAS 57 (1965), pp.

 877-885; Enċiklika Populorum Progressio: AAS 59 (1967), pp. 257-299; Diskors lill-Campesinos tal-

 Columbia (23 ta’ Awissu 1968): AAS 60 (1968), pp. 619-623; Diskors lill-Assemblea tal-Isqfijiet tal-Amerka

 Latina (24 ta’ Awissu 1968): AAS 60 919680, pp. 639-649; Diskors lill-Assemblea tal-Food and Agriculture

 Organisationa (F.A.O.) (16 ta’ Novembru 1970): AAS 62 (1970), pp. 830-838; Ittra Appostolika

 Octogesima Adveniens: AAS 63 (1971), pp. 401-441; Diskors lill-Kulleġġ Imqaddes tal-Kardinali (23 ta’

 Ġunju 1972); AAS 64 (1972), pp. 496-505; ĠWANNI PAWLU II, Diskors lit-Tielet Konderenza Ġenerali tal-

 Isqfijiet tal-Amerka Latina (28 ta’ Jannar 1979); AAS 71 (1979) pp. 187 ss.; Diskors lill-Indios ta’ Ċuilipan

 ħdejn Oasaka (19 ta’ Jannar 1979); l.c., pp. 207 ss., Diskors lill-ħaddiema ta’ Guadalajara (30 ta’ Jannar

 1979): l.c., pp 221 ss.; Diskors lill-ħaddiema ta’ Monterrey (31 ta’ jannar 1979); l.c. pp. 240 ss.,

 KONĊILJU VATIKAN II, Dikjarazzjoni dwar il-libertá reliġjuża Dignitatis Humanae: AAS 58 (1966), pp. 929-

 941; Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes; AAS 58 (1966), pp. 1025-1115;

 Dokumenti tas-Sinodu tal-Isqfijiet: Dwar il-ġustizzja fid-dinja: AAS 63 (1971) pp. 923-941.

[104]. Cf. ĠWNNI XXIII, Enċiklika Mater et Magistra: AAS 53 (1961); p. 418 ss.; Enċiklika Pacem in Terris: AAS 55

 (1963). Pp. 289 ss.; PAWLU VI, ENĊIKLIKA Populorum Progressio: AAS 59 (1967). Pp. 257-299.

[105]. Cf. Lq 16, 19-31.

[106]. ĠWANNI PAWLU II, Omelija f’Santo Domingo (25 ta’ Jannar 1979) n. 3: AAS 71 (1979), pp.157 ss.; Diskors

 lill-Indios u lill-Campesinos f’Oaxaca (30 ta’ Jannar (1979) n. 2: l.c., pp. 207 ss.; Diskors lill-ħaddiema

 f’Monterrey (31 ta’ Jannar 1979), n. 4; l.c., p. 241 s.

[107]. CF. PAWLU VI,Ittra Appostolika Octogesima Adveniens, n. 42: AAS 63 (1971), p. 431.

[108]. Cf. Mt 25, 31-46.

[109]. Mt 25, 42-43.

[110]. 2 Tim 4,2.

[111]. PIJU XI, Enċiklika Quadragesimo Anno: AAS 23 (1931). P. 213; Enċiklika Non abbaiamo bisogno: AAS 23

 (1931), pp. 285-312; Enċiklika Divini Redemptoris: AAS 29 (1937), pp. 65-106; Enċiklika Mit brennender

 Sorge: AAS 29 (1937). Pp. 145-167; PIJU XII, Enċiklika Summi Pontificatus: AAS 31 (1939). pp. 413-453.

[112]. Cf. 2Kor 3,6.

[113]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN 11, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et

 Spes, 31: AAS 58 (1966). P. 1050.

[114]. Cf. AAS 58 (1966), pp. 929-946.

[115]. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes,

 22: AAS 58 (1966), p. 1042.

[116]. Cf. 1 Kor 6,15; 11,3; 12,12 s.; Ef 1,22 s.; 4,4; 5,30; Kol 1,18; 3,15; Rum 12,4 s; Gal 3,28.

[117]. Cf. 2 Pt 1,4.

[118]. Cf. Ef 2,10; Ġw 1,14.16.

[119]. Ġw 1,12.

[120]. Cf. Ġw 4,14.

[121]. Gal 4,4.

[122]. Ġw 11,25 s.

[123]. Prefazju I tal-Quddiesa tal-Mejtin.

[124]. Ġw 6,63.

[125]. Confess., I. 1: CSEL 33, p. 1.

[126]. Mt 12,30.

[127]. Cf. Ġw 1,12.

[128]. Gal 4,5.

[129]. Gal 4,6; Rum 8,15.

[130]. Cf. Rum 15,13; 1 Kor 1,24.

[131]. Cf. Is 11, 2s.; Atti 2,38.

[132]. Cf. Gal 5,22 s.

[133]. Missal Ruman. Sekwenza tas-Solennitá ta’ Għid il-Ħamsin.

[134]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja LUMEN Gentium. 16: AAS 57

 (1965), p. 20.

[135]. Ibid, 1: l.c.; p. 5.

[136]. Cf. Rum 8,15; Gal 4,6.

[137]. Cf. Rum 8,15.

[138]. Cf. Rum 8,30.

[139] Mt 20,28.

[140]. Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 31-36: AAS 57 (1965). Pp. 37-42.

[141]. Ġw 14,24.

[142]. Ġw 1,18.

[143]. Cf. Kostituzzjoni dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Dei Verbum 5,10,21: AAS 58 (1966), pp. 819’ 822; 827 s.

[144]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dommatika dwar il-Fidi kattolika Dei Filius, kap. 3:

 Conciliorum Oecumenicorum Decreta, Ed. Istituto per le Scienze Religiose, Bologna 1973, 3, p. 807.

[145]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN I, Kostituzzjoni dommatika I dwar il-Knsja ta’ Kristu Pastor Aeternus:

 ed. Cit., pp. 811-816; KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II. Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen

 Gentium, 25: AAS 57 (1965), pp. 30 s.

[146]. Cf. Mt 28,19.

[147]. Cf. Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja ta’ Kristu Pastor Aeternus: l.c.

[148]. Cf. Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 18-27: AAS 57 (1965), pp. 21-33.

[149]. Cf. Ibid., 12,35: AAS 57 ((1965) pp. 16-17; 40-41.

[150]. Cf. S. Wistin, Sermo 43,7-9: PL 38, 257-258.

[151]. Cf. Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, 44, 57, 59, 62: AAS 58 (1966), 1064 f.; 1077 ff.; 1079 f.; 1082 ff.; Digriet dwar il-formazzjoni saċerdotali Optatam Totius, 15: AAS 58 (1966), 722.

[152]. Ġw 14,24.

[153]. Ġw 20,21 s.

[154]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium,

 10: AAS 56 (1964), p. 102.

[155]. Cf. Rum 6,3 ss.

[156]. Fil 2,8.

[157]. B Cf. Ġw 5,26; 1 Ġw 5,11.

[158] Cf Lhud 9,24: 1 Ġw 2,11.

[159]. Cf. 1 Kor 6,20.

[160]. Ġw 1,12.

[161]. Cf. Rum 8,23.

[162]. Apk 5,1o; 1 Pt2,9.

[163]. Cf. Ġw 1,1-4.18; Mt 3,17;11,27; 17,5; Mk 1,11; Lq 1,32.35; 3,22: Rum 1,4; 2 Kor 1,19; 1 Ġw 5,5.20; 2Pt

 1,17; Lhud 1,2

[164]. Cf. 1 Ġw 5,5-11.

[165]. Cf. Rum 5,10.11; 2 Kor 5,18 s.; Kol 1,20.22.

[166]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 11: AAS

 57 (1965), pp.15 s.; PAWLU VI, Diskors li sar fil-15 ta’ Settembru 1965: Insegnamenti di Paolo VI, III, 1965,

 p. 1036.

[167]. Cf KONĊILJU EKUMENTIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium,

 47: AAS 56 (1964), p. 113.

[168]. Cf. PAWLU VI, Enċiklika Mysteruyn Fidei: AAS 57 (1965), pp. 553-574.

[169]. Cf KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dwar il-liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 47:

 AAS 56 (1964), p. 113.

[170]. Cf. Ġw 6,52.58;14,6; Gal 2,20.

[171]. 1 Kor 11,28.

[172]. Mk 1,15.

[173]. Ibid.

[174]. Cf. Pt 2,5.

[175]. Salm 50 (51), 6.

[176]. Mk 2,5.

[177]. Ġw 8,11.

[178]. Mt 5,6.

[179]. Cf. KONGREGAZZJONI MQADDSA GĦAD-UTTRINA TAL-FIDI, normi pastorali dwar l-assoluzzjoni ġenerali:

 AAS 64 (1972), 510-514; PAWLU VI, Diskors lil xi Isqfijiet ta’ Istati Uniti ta’ l-Amerka waqt il-vista tagħhom

 ad limina (20 ta’ April 1978); AAS 70 (1978), pp. 328-332: ĠWANNI PAWLU II, Diskors lil xi Isqfijiet mill-

 Kanada waqt il-vista tagħhom adlimina (17 ta’ Novembru 1978): AAS 71 (1979), pp. 32-36.

[180]. AAS 58 (1966), pp. 177-198.

[181]. Mt 20,28,

[182]. PIJU XII, Enċiklika Mystici Corporis: AAS 35 (1943), pp. 193-248.

[183]. Ġw 1,43.

[184]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 1: AAS 57

 (1965), pp. 41 s.

[185]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 1: AAS 57

 (1965), pp. 41 s.

[186] . Gal 5,1; cf. ibid. 13.

[187]. Gal 5,1; cf. Ibid. 13

[188]. Cf. Gw. 10,10.

[189]. Gw. 16,13.

[190] Cf. Rum 5,5.

[191]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 63-64;

 AAS 57 (1965), p. 64.

[192]. Cf. Kap.VIII, 52-69; AAS 57 (1965), pp. 58-67.

[193]. Diskors fil-Bażilika Vatikana f’gżeluq it-Tieni Sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (21 ta’ Novembru

 1964): AAS 56 (1964), p.1015.

[194]. Cf. KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 56: AAS 57 (1965) 60.

[195]. Ibid.

[196]. Lhud. 2, 10.

[197]. Cf, Gw. 19,26.

[198]. Cf. Atti 1,14; 2.

[199]. Cf. Gw. 19,27.

[200]. Gw. 3,16.

[201]. Ġw. 15,5.

[202]. Cf. Atti 1,14.

[203]. Cf. Atti 1,13.

[204]. Cf. Atti 1,8.

[205]. Ibid.