MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 2005

 

Għeżież Ħuti!

1. Kull sena r-Randan jipproponi ruħu lilna bħala żmien propizju biex nintensifikaw t-talb u l-penitenza, waqt li niftħu qlubna għal-laqgħa ħelwa tar-rieda divina. Fiha hemm indikat lilna itinerarju spiritwali li jħejjijna biex ngħixu mill-ġdid il-kbir misteru tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, speċjalment permezz tas-smigħ l-iktar spiss tal-Kelma ta’ Alla u l-prattika iktar ġeneruża tal-mortifikazzjoni, li grazzi lilha nistgħu niġu b’mod iktar wiesà biex ngħinu lill-proxxmu fil-bżonn.

Hija xewqa tiegħi li nipproponi din is-sena għall-attenzjoni tagħkom, għeżież ħuti, tema  estremament attwali, illustrata sewwa minn dawn il-versetti tad-Dewteronomju: "Huwa Hu ħajtek u għomrok twil" (30,20). Dan huwa kliem li Mosè jindirizza lill-poplu biex jistiednu ħalli jintrabat iktar bil-patt ma’ Jaħwè fil-pajjiż ta’ Moab, "sabiex tgħix int u d-dixxendenza tiegħek, waqt li tħobb lill-Mulej Alla tiegħek, billi tobdi leħnu u żżomm ruħek magħqud miegħu" (30, 19-20). Il-fedeltà għal dan il-patt divin hija għal Iżrael garanzija ta’ futur, "biex hekk tkun tistà tabita fuq l-art li l-Mulej ħalef li jagħti lil missirijietek, Abraham, Iżakk u Ġakobb" (30,20). L-ilħuq tal-età matura, fil-viżjoni bibblika, huwa sinjal ta’ tjubija benediċenti tal-Iktar Għoli. L-għomor twil jidher b’dan il-mod rigal divin speċjali.

Fuq din it-tema irrid nistedinkom tirriflettu matul ir-Randan biex tapprofondixxu l-għarfien tar-rwol li l-anzjani huma msejħa biex jiżvolġu fis-soċjetà u fil-Knisja, u hekk jiddisponu r-ruħ għall-ilqugħ amorevoli li għalihom għandha tkun dejjem irriservata. Fis-soċjetà tallum, ukoll grazzi għall-kontribut tax-xjenza u tal-mediċina, nassistu għal titwil tal-ħajja umana u għal żieda konsegwenti tan-numru tal-anzjani. Dan jassumi attenzjoni iktar speċifika għad-dinja tal-hekk imsejħa "tielet" età, biex tgħin lill-membri biex jgħixu kompletament il-potenzjalità tagħhom, waqt li jqegħduha għas-servizz tal-komunità kollha. Il-kura tal-anzjani, speċjalment meta jgħaddu minn mumenti diffiċli, għandha tkun għal qalb tal-fidili, b’mod speċjali fil-Komunitajiet ekkleżjali tas-soċjetajiet tal-Punent, fejn il-problema hija preżenti b’mod partikulari.

2. Il-ħajja tal-bniedem hija don prezzjuż li għandu jinħabb u jiġi difiż f’kull fażi tiegħu. Il-kmandament "La toqtolx!" jitlob li nirrispettawha u nippromwovuha dejjem, mill-bidu tagħha sal-għabex naturali tagħha. Dan huwa amar li jgħodd ukoll fil-preżenza ta’ mard u meta d-dgħufija tal-forzi tirriduċi l-esseri uman fil-kapaċitajiet tiegħu ta’ awtonomija. Jekk ix-xjuħija, bil-kondizzjonamenti inevitabbli tagħha, tiġi milqugħa b’mod seren fid-dawl tal-fidi, tistà ssir okkażzjoni prezzjuża biex nifhmu aħjar il-misteru tas-Salib, li jagħti sens sħiħ lill-eżistenza umana.

L-anzjan jinħtieġ li jkun mifhum u mgħejjun f’din il-prospettiva. Nixtieq hawn nesprimi l-apprezzament tiegħi lil dawk li joffru ruħhom biex jakkomodaw dawn l-esiġenzi u nħeġġeġ ukoll oħrajn volentorużi li jridu japprofittaw mir-Randan biex joffru wkoll il-kontribut personali tagħhom. Dan jippermetti biex tant anzjani ma jħossuhomx piż għall-komunità u kultant saħansitra għall-familji tagħhom, f’sitwazzjoni ta’ solitudni li tesponihom għat-tentazzjoni tal-għeluq u tal-iskuraġġiment.

Hemm bżonn li nkabbru fl-opinjoni pubblika l-għarfien li l-anzjani jikkostitwixxu hekk jew hekk riżorsa ta’ valoriżazzjoni. Jiġu, għalhekk imsaħħa is-sustenji ekonomiċi u l-inizjattivi leġislattivi li jippermettulhom li ma jkunux esklużi mill-ħajja soċjali. Fis-sewwa, tul l-aħħar diċenni is-soċjetà saret iktar attenta għall-esiġenzi tagħhom, u l-mediċina żviluppat kuri  paljattivi li, b’approċċju integrali lill-marid, jirriżultaw b’mod partikolari benefiċi għal dawk li jgħixu ħafna.

3. Il-biċċa l-kbira tal-ħin disponibbli f’din il-fażi tal-eżistenza joffri lill-persuni anzjani l-opportunità li jiffaċċjaw interrogattivi bażiċi li forsi kienu ġew ittraskurati qabel minħabba motivi ta’ interessi stretti jew meqjusa hekk jew hekk prijoritarji. L-għarfien tal-viċinanza tal-għan finali  iġiegħel lill-anzjan jikkonċentra fuq dak essenzjali, waqt li jagħti mportanza lil dak li l-użura tas-snin ma teqridx.

Propju minħabba din il-kondizzjoni l-anzjan jistà jiżvolġi rwol tiegħu fis-soċjetà. Jekk inhu minnu li l-bniedem jgħix bl-eredità ta’ min ġie qablu u l-futur tiegħu jiddependi b’mod determinanti minn kif ingħaddew lilu l-valuri tal-kultura tal-poplu li minnu jagħmel sehem, l-għaqal u l-esperjenza tal-anzjani jistgħu idawlu mixjietu fit-triq tal-progress lejn forma ta’ ċiviltà dejjem iktar sħiħa.  

Kemm huwa mportanti dan l-arrikkiment reċiproku bejn ġenerazzjonijiet differenti! Ir-Randan, bl-istedina qawwija tiegħu għall-konverżjoni u għas-solidarjetà, iwassalna din is-sena biex niffokalizzaw dawn l-argumenti importanti li jinteressaw lil kulħadd. X’jiġri jekk il-Poplu ta’ Alla jċedi għal ċerta mentalità kurrenti li tqis kważi inutli lil dawn ħutna rġiel u nisa, meta sabu ruħħom imnaqqsa mill-ħiliet tagħhom mill-inkonvenjenzi tal-età jew tal-mard? Kif, mill-banda l-oħra, tkun differenti l-komunità, tibda mill-familja, jekk tfittex li dejjem iżżomm ruħha miftuħa u akkoljenti fil-konfront tagħhom!

4. Għeżież ħuti, matul ir-Randan, mgħejjuna mill-Kelma ta’ Alla, nirriflettu dwar kemm huwa mportanti li kull komunità takkompanja b’komprensjoni amorevoli lil dawk li qed jixjieħu. Hemm bżonn, barra minn dan, li nidraw naħsbu b’fiduċja fil-misteru tal-mewt, sabiex il-laqgħa definittiva ma’ Alla  ssir fi klima ta’ paċi nterna, fl-għarfien li biex jilqagħna se jkun Dak "li nisiġna fil-ġuf matern" (cfr Sal 139,13b) u riedna "xbiha u xebħ tiegħu" (cfr Ġn l, 26).  

Marija, gwida tagħna fl-itinerarju kwareżimali, twassal lil dawk kollha li jemmnu, b’mod speċjali lill-anzjani, għal għarfien dejjem iktar profond ta’ Kristu mejjet u rxuxtat, li huwa l-aħħar raġuni tal-eżistenza tagħna. Hi, il-qaddejja fidila tal-Iben divin tiegħu, flimkien mal-Qaddisin Anna u Ġwakkin, tinterċedi għal kull wieħed u waħda minna  "issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna".  

Il-Barka tiegħi lilkom ilkoll!  

Mill-Vatikan, 8 ta’ Settembru 2004

ĠWANNI PAWLU II

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb