MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

ĠWANNI PAWLU II

GĦAR-RANDAN 2004

  

Għeżież Ħuti! 

1. Bir-rit suġgestiv tal-impożizzjoni tal-Irmied jibda triqtu ż-żmien sagru tar-Randan, li matulu l-liturġija ġgedded lil dawk li jemmnu l-appell għal konverżjoni radikali, waqt li jafdaw fil-ħniena divina.

It-tema ta’ din is-sena  – “Min jilqà mqar wieħed minn dawn it-tfal f’ismi, jilqà lili” (Mt 18,5) – toffri  l-opportunità li nirriflettu dwar il-kondizzjoni tat-tfal, li wkoll illum Ġesù jsejjaħ ħdejh u jesponihom bħala eżempju lil dawk li jridu jsiru dixxipli tiegħu. Il-kliem ta’ Ġesù jikkostitwixxi eżortazzjoni biex neżaminaw kif inhuma ttrattati t-tfal fil-familji tagħna, fis-soċjetà ċivili u fil-Knisja. U huwa wkoll stimolu biex nerġgħu niskopru s-sempliċità u l-fiduċja li dak li jemmen għandu jikkultiva, waqt li jimita lil Bin Alla, li qasam ix-xorti taċ-ċkejknin u tal-foqra. F’dan ir-rigward, Santa Kjara ta’ Assisi kienet tħobb tgħid li Hu,”imqiegħed f’maxtura, għex fqir fuq l-art u spiċċa għeri fuq is-salib” (Testamento, Fonti Francescane n. 2841).

Ġesù ħabb lit-tfal u ppreferihom  “għas-sempliċità tagħhom, u għall-fidi tagħhom mimlija stagħġib” (Angelus tat-,18.12.1994). Hu, għalhekk, ried li l-komunità tiftħilhom dirgħajha u qalbha bħal ma tiftaħhom lilU: “Min jilqà mqar wieħed minn dawn iċ-ċkejknin f’ismi, jilqà lili” (Mt 18,5). Mat-tfal Ġesù jqiegħed lill-iżgħar fost l-aħwa”, jiġifieri l-imsejknin, dawk fil-bżonn, dawk bil-ġuħ u bil-għatx, il-barranin, l-għera, il-morda, il-kalzrati. Ilqgħuhom u ħobbuhom jew inkella ttrattawhom b’indifferenza u rrifjutawhom, u rriservaw lilu l-istess atteġġjament, għaliex fihom Hu jirrendi ruħu preżenti b’mod partikolari.

2. Il-Vanġelu jirakkonta l-infanzja ta’ Ġesù fid-dar fqajra ta’ Nażżaret fejn, sottomess lejn il-ġenituri tiegħu, “kien jikber fil-għerf, fl-età u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2, 52). Billi għamel lilu nnifsu tifel, huwa ried jaqsam l-esperjenza umana. “Neżżà lilu nnifsu, - jikteb l-appostlu Pawlu – billi ħa fuqu l-kondizzjoni ta’ qaddej u billi sar jixbaħ lill-bnedmin: deher f’forma umana, umilja lilu nnifsu billi sar ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt fuq is-salib” (Fil 2, 7-8). Meta kellu tnax-il sena baqà fit-tempju ta’ Ġerusalem, lill-ġenituri li kienu fittxewh inkwetati qalilhom: “Għaliex fittixtuni? Ma tafux li jien irrid nieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieri?” (Lq 2, 49). Fis-sewwa, l-eżistenza kollha tiegħu kienet immarkata minn sottomissjoni fiduċjuża u filjali lejn il-Missier ċelesti. “L-ikel tiegħi – kien jgħid – huwa li nagħmel ir-rieda ta’ Dak li bagħatni u nwettaq l-opra tiegħu” (Ġw 4, 34).

Fis-snin tal-ħajja pubblika tiegħu, itenni iktar drabi li biss dawk li jkunu kapaċi jagħmlu lilhom infushom tfal setgħu jidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet (cfr Mt 18,3; Mk 10,15; Lq 18,17; Ġw 3,3). Fi kliemu t-tifel isir xbiha elokwenti tad-dixxiplu msejjaħ biex isegwi lill-Imgħallem divin bil-ħlewwa ta’ tifel: “Kull min isir ċkejken bħal dan it-tifel ikun l-ikbar fis-saltna tas-smewwiet” (Mt 18,4).

“Isiru” ċkejknin u “jilqgħu” liċ-ċkejknin: dawn huma ż-żewġ aspetti ta’ tagħlim uniku li l-Mulej iġedded lid-dixxipli tiegħu f’dan iż-żmien tagħna. Huwa biss min isir “ċkejken” li huwa lest li jilqà b’imħabba l-aħwa l-iktar “ċkejknin”.

3. Huma bosta dawk li jemmnu li jfittxu li jsegwu fedelment dan it-tagħlim tal-Mulej. Irrid hawn infakkar lill-ġenituri li ma jaħsbuhiex li jgħabbu lilhom infushom b’familja numeruża, l-ommijiet u l-missirijiet li, minflok li jesponu bħala prijorità r-riċerka tas-suċċess professjonali u tal-karriera,  jikkonċernaw irwieħhom li jittrażmettu lil uliedhom dawk il-valuri umani u reliġjużi li jagħtu sens veru lill-eżistenza.

Naħseb b’ammirazzjoni grata dwar dawk li  jinkarigaw irwieħhom mill-formazzjoni tat-tfulija f’diffikultà u jtaffu t-tbatijiet tat-tfal u tal-familjari tagħhom ikkawżati mill-ġlied u mill-vjolenza, min-nuqqas ta’ ikel u ta’ ilma, mill-emarġinazzjoni forzata u minn tant forom ta’ inġustizzji eżistenti fid-dinja.

Maġemb tant ġenerożità però wieħed irid jirreġistra wkoll l-egoiżmu ta’ tant li ma “jilqgħux” lit-tfal. Hemm minorenni li huma feruti b’mod l-iktar profond mill-vjolenza tal-adulti: abbużi sesswali, introduzzjoni għall-prostituzzjoni, involviment fit-tqassim u fl-użu tad-droga; tfal imġegħla jaħdmu jew irreġistrati biex jissieltu; innoċenti mmarkati għal dejjem mit-tifrik familjari; ċkejknin mgħaddsa mit-traffiku vili  tal-organi u tal-persuni. U xi ngħidu dwar it-traġedja tal-AIDS b’konsegwenzi devastanti fl-Afrika? Issa qegħdin nitkellmu dwar miljuni ta’ persuni milquta minn dan il-flaġell, u minn dawn tant u tant jiġu nfettati sa minn twelidhom. L-umanità ma tistax tagħlaq għajnejha quddiem dramm hekk preokkupanti!

4. X’deni qatt għamlu dawn it-tfal biex jimmeritaw tant tbatija? Mill-punt di vista uman mhux faċli, anzi huwa forsi mpossibbli li twieġeb għal dan l-interrogattiv inkwetanti. Hija biss il-fidi li tgħinna biex nippenetraw f’abbiss hekk profond ta’ niket. Waqt li għamel lilu nnifsu “ubbidjenti sal mewt u sal-mewt fuq is-salib” (Fil 2,8), Ġesù ħa fuqu t-tbatija umana u dawwalha bid-dawl li jgħammex tal-qawmien mill-imwiet. Bil-mewt tiegħu rebaħ il-mewt għal dejjem.

Matul ir-Randan inħejju ruħna biex ngħixu mill-ġdid il-Misteru tal-Għid, li jdawwal bit-tama l-eżistenza tagħna kollha kemm hi, ukoll f’aspetti tagħha l-iktar kumplessi u dolorużi. Il-Ġimgħa Mqaddsa terġà tipproponilna dan il-misteru ta’ fidwa permezz tar-riti suġġestivi tat Tridu paskwali.

Għeżież Ħuti, nibdew b’fiduċja l-itinerarju tar-Randan animati b’iktar talb, penitenza u attenzjoni lejn dawk li huma fil-bżonn. Ir-Randan huwa, b’mod partikolari, okkażjoni utli biex niddedikaw iktar kura lit-tfal, fl-ambjent familjari u soċjali propju: dawn huma l-futur tal-umanità.

5. Bis-sempliċità tipika tat-tfal aħna nduru lejn Alla waqt li nsejħulu, bħal ma għallimna Ġesù, “Abba”, Missier fit-talba tal-“Missierna”.

Missierna! Nirrepetu b’mod frekwenti fil-korsa tar-Randan, din it-talba nirripetuha bi trasport intimu. Waqt li nsejħu lil Alla “Missierna”, se nħossu li aħna wliedu u se nħossuna aħwa bejnietna. Se jkun b’tali mod iktar faċli li niftħu il-qalb liċ-ċkejknin, skont l-istedina ta’ Ġesù: “Min jilqà ukoll wieħed biss minn dawn it-tfal f’ismi, jilqà lili” (Mt 18,5).

B’tali awguri, insejjaħ fuq kull wieħed u waħda minnkom il-barka ta’ Alla bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Verb magħmul bniedem u Omm tal-umanità kollha kemm hi.

Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru 2003

ĠWANNI PAWLU II 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb