MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 2001

"Il-karità ma tqisx il-ħsara li tkun irċeviet" (1 Kor 13, 5) 

 

1. "Hawn aħna, se nmorru Ġerusalem" (Mk 10, 33). B’dan il-kliem il-Mulej jistieden lid-dixxipli biex iterrqu miegħu l-mixja li mill-Galilea twassal għall-post fejn kellu jikkonsma l-missjoni feddejja tiegħu. Din il-mixja lejn Ġerusalem, li l-Evanġelisti jippreżentawlna bħala l-inkurunazzjoni tal-itinerarju terren ta’ Ġesù, tikkostitwixxi l-mudell tal-ħajja tan-nisrani, impenjat li jsegwi lill-Imgħallem fit-triq tas-Salib. Ukoll lill-irġiel u lin-nisa tallum Kristu jindirizza l-istedina biex "jitilgħu Ġerusalem". Huwa jindirizzaha b’qawwa partikolari fir-Randan, żmien favorevoli biex wieħed jikkonverti u jerġà jsib il-komunjoni sħiħa miegħU, waqt li jieħu sehem b’mod intimu fil-ministeru ta’ mewtu u fil-qawmien mill-imwiet tiegħu.  

Ir-Randan, għalhekk, jirrapreżenta għal dawk li jemmnu l-okkażjoni propizja ta’ reviżjoni profonda tal-ħajja. Fid-dinja kontemporanja, maġemb xhieda tal-Vanġelu ġenerużi, ma jonqsux imgħammda li, quddiem l-appell esiġenti biex jaqbdu t-"telgħa lejn Ġerusalem", jassumu atteġġjament ta’ reżistenza truxa u kultant ukoll ta’ ribelljoni miftuħa. Dawn huma sitwazzjonijiet li fihom l-esperjenza tat-talb hija migħuxa b’mod pjuttost superfiċjali, hekk li l-kelma ta’ Alla ma taffettwax fl-eżistenza. L-istess Sagrament tal-Penitenza huwa miżmum minn bosta bħala insinifikanti u ċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika tal-Ħadd biss bħala dmir li għandu jitwettaq. 

Kif se twettaq l-istedina għall-konverżjoni li Ġesù qed jindirizzalek f’dan ir-Randan? Kif se twettaq bidla serja tal-ħajja? Jinħtieġ qabel kollox li tiftaħ il-qalb għall-messaġġi tokkanti tal-liturġija. Il-perijodu li jħejji għall-Għid jirrapreżenta don providenzjali tal-Mulej u possibiltà prezzjuża ta’ avviċinament lejh, waqt li wieħed jidħol fih innifsu u joqgħod jismà s-suġġerimenti nterni tiegħu. 

2. Hemm insara li jaħsbu li jistgħu jgħaddu mingħajr tali sforz spiritwali kostanti, għaliex ma jħossux l-urġenza li jiffaċcjaw lilhom infushom bil-verità tal-Vanġelu. Huma jittentaw iċekknu u jirrendu nnokwi, sabiex ma jiddisturbawx il-mod tal-għixien tagħhom, kliem bħal: "Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom" (Lq 6, 27). Tali kliem, għal dawn il-persuni, idoqq estremament diffiċli biex jaċcettawh u biex jittraduċuh f’imġieba koerenti ta’ ħajja.  Dan huwa, infatti, kliem li, jekk wieħed jieħdu bis-serjetà, jobbliga konverżjoni radikali. Iżda, meta nkunu offiżi u feruti, inkunu ttentati li nċedu għall-mekkaniżmi psikoloġiċi tal-awtokompassjoni u tal-vendetta, waqt li ninjoraw l-istedina ta’ Ġesù biex inħobbu lill-għadu tagħna. Bdanakollu l-grajjiet umani ta’ kuljum jikxfu, b’xhieda kbira, kemm il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni jkunu vitali biex inpoġġu fil-prattika rinnovament personali u soċjali reali. Dan jgħodd fir-relazzjonijiet interpersonali, imma wkoll; fir-rapporti bejn il-komunitajiet u bejn in-nazzjonijiet. 

3. Il-konflitti numerużi u traġiċi li jħarbtu l-umanità, imqanqla kultant ukoll minn motivi reliġjużi mifhuma ħażin, ħaffru kanali ta’ mibegħda u ta’ vjolenza bejn popli u popli. Kultant, dan iseħħ ukoll bejn gruppi u fazzjonijiet fl-intern ta’ l-istess nazzjon. Infatti wieħed jassisti xi daqqiet, b’sens ta’ impotenza doloruża, għar-riaffaċċjar ta’ ġlied li wieħed ikun ħaseb li jkun inqered darba għal dejjem u jkollu l-impressjoni li xi popli jkunu mdeffsa fi spiral ta’ vjolenza inarrestabbli, li tkompli taħsad il-vittmi, mingħajr prospettiva konkreta ta’ soluzzjoni. U l-awguri ta’paċi, li jitilgħu minn kull parti tad-dinja, jirriżultaw ineffiċjenti: l-impenn meħtieġ biex nimxu lejn il-mixtieq ftehim ma jirnexxilux jitwettaq. 

Quddiem dan ix-xenarju nkwetanti, l-insara jistgħu jibqgħu ndifferenti. Huwa għal dan li, fis-Sena ġubilari li għadha kemm għalqet, jiena semmajt it-talba tal-maħfra tal-Knisja lil Alla għad-dnubiet ta’ wliedha. Nafu sewwa li l-ħtijiet tal-insara ċajpru sfortunatament il-wiċċ immakulat, imma, waqt li nafdaw fl-imħabba ħanina ta’ Alla li ma jżommx kont tal-ħazin in vista tas-sogħba, nafu wkoll li nistgħu inkomplu naqbdu mill-ġdid fiduċjużi l-mixja. L-imħabba ta’ Alla ssib l-espressjoni tagħha l-iktar għolja propju meta l-bniedem, midneb u ingrat, jiġi mill-ġdid imdaħħal fil-komunjoni sħiħa miegħU. F'dan id-dawl, il- "purifkazzjoni tal-memorja" tikkostitwixxi b’mod speċjali l-istqarrija mġedda tal-ħniena divina li l-Knisja, fil-livelli differenti tagħha, hija msejħa kull darba biex tagħmel tagħha b’konvinzjoni mġedda. 

 4. L-unika triq tal-paċi hija l-maħfra. Taċċetta u tirregala l-maħfra jirrendi possibbli kwalità ġdida ta’ rapporti bejn il-bnedmin, jinterrompi l-ispiral tal- mibegħda u tal-vendetta u jaqtà l-ktajjen tal-ħażen, li ijassru l-qlub tal-kontestanti. Għan-nazzjonijiet li qed ifittxu rikonċiljazzjoni u għal dawk li jawguraw koeżistenza paċigika bejn individwi u popli, mħemmx triq oħra għajr din: il-maħfra riċevuta u offruta. Kemm għonja ta’ tagħlim benefiku jidwu l-kliem tal-Mulej: "Ħobbu l-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, sabiex tkunu wlied Missierkom ċelesti, li jtellà x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq il-ġusti u fuq l-inġusti " (Mt 5, 44-45)! Li nħobbu lil min offendiena jiżmantella l-avversarju u jistà jibdel f’post ta’ koperazzjoni solidali wkoll kamp tal-battalja.  

Din hija sfida, li tikkonċerna l-persuni ndividwi, imma wkoll il-komunitajiet, il-popli u l-umanità kollha. Din tinteressa b’mod speċjali, il-familji. Mhuwiex faċli tikkonverti għall-maħfra u għar-rikonċiljazzjoni. Li tirrikonċilja ruħek diġa tistà tidher problematika meta fil-bidu hemm ħtija propja. Jekk imbagħad il-ħtija hija tal-ieħor, li tirrikonċilja ruħek tistà tidher saħansitra bħala umiljazzjoni bla raġuni. Biex tagħmel pass simili hija meħtieġa mixja ta’ konverżjoni nterna; jinħtieġ il-kuraġġ tal-ubbidjenza tal-umli għall-amar ta’ Ġesù. Il-kelma tiegħu ma tħallix dubji: mhux biss min jipprovoka l-mibegħda, imma wkoll min isofriha jinħtieġ li jfittex ir-rikonċiljazzjoni (cfr Mt 5, 23-24). In-nisrani jinħtieġ li jagħmel il-paċi wkoll meta jħossu vittma ta’ min offendieh u sawtu b’mod inġust. Il-Mulej innifsu aġixxa b’dan il-mod. Huwa jistenna li d-dixxiplu jsegwih, waqt li jikkopera b’dan il-mod għall-fidwa ta’ ħuh. 

F’dan iż-żmien tagħna, il-maħfra tidher dejjem iżjed bħala dimensjoni meħtieġa għal rinnovament soċjali awtentiku u biex tikkonsolida lilha nnifisha bil-paċi tad-dinja. Il-Knisja, waqt li xxandar il-maħfra u l-imħabba għall-għedewwa, u konxja li tinjetta fil-wirt spiritwali tal-umanità kollha mod ġdid ta’ relazzjoni mal-oħrajn; mod bla dubju fatikuż, imma għani bit-tama. F’dan hija taf li tistà torbot fuq l-għajnuna tal-Mulej, li qatt ma jabbanduna lil dak li lejH jirrikorri fid-diffikultajiet.  

5. "Il-karità ma tikkalkulax id-deni li tirċievi" (1 Kor 13,5). F’din l-espressjoni tal-ewwel Ittra lill-Korintin l-appostlu Pawlu jfakkar li l-maħfra hija waħda mill-forom l-iktar elevati tal-eżerċizzju tal-karità. Il-perijodu tar-Randan jirrapreżenta żmien favorevoli biex napprofondixxu aħjar il-firxa ta’ din il-verità. Permezz tas-Sagrament tar-rikonċiljazzjoni, il-Missier jirregalalna fi Kristu l-maħfra tiegħu, waqt li jikkonsidra lill-ieħor mhux bħal għadu, imma bħala ħu. 

Jalla dan iż-żmien ta’ penitenza u rikonċiljazzjoni jinkuraġġixxi lil dawk kollha li jemmnu biex jaħsbu joperaw fis-sinjal ta’ karità awtentika, miftuħa għad-dimensjonijiet kollha tal-bniedem. Dan l-atteġġjament intern iwassalhom biex iġibu l-frott tal-Ispirtu (cfr Gal 5, 22) u biex joffru b’qalb ġdida l-għajnuna materjali lil kull min għandu bżonn. 

Qalb rikonċiljata ma’ Alla u mal-proxxmu hija qalb ġeneruża. Fil-jiem sagri tar-Randan il-‘kolletta’ tassumi valur sinifikattiv, għaliex din mhix li tagħti xi ħaġa miż-żejjed biex isserraħ il-kuxjenza tiegħek, imma li tieħu r-resposabiltà b’mod solidali immedjat tal-miżerja preżenti fid-dinja. Li tikkonsidra l-wiċċ imnikket u l-kondizzjonijiet tat-tbatijiet ta’ tant aħwa rġiel u nisa ma jistax ma jimbuttakx biex taqsam talinqas parti minn ġidek ma’ min jinsab f’diffikultà. U l-offerta tar-Randan tirriżulta iktar għanja fil-valur, jekk min iwettaqha jkun ħeles lilu nnifsu mill-korla u mill-indifferenza, ostakli li jżommu ‘l bogħod mill-komunjoni ma’ Alla u mal-aħwa. 

Id-dinja tistenna mill-insara xhieda konsistenti ta’ komunjoni u ta’ solidarjetà. F’dan ir-rigward huma ferm iktar imdawla l-kliem tal-appostlu Ġwanni: "Imma jekk wieħed għandu l-għana ta’ din id-dinja u jara lil ħuh fil-bżonn jagħlaqlu qalbu, kif tistà tgħammar fih l-imħabba ta’ Alla?" (1 Ġw 3, 17). 

Ħuti! San Ġwann Krisostmu, waqt li jikkummenta t-tagħlim tal-Mulej dwar il-mixja lejn Ġerusalem, ifakkar li Kristu ma jħallix lid-dixxipli mhux infurmati rigward it-taqtigħat u s-sagrifiċċji li hemm jistennewhom. Huwa jenfasizza li li tirrinunzja għal ‘jien’ propju huwa diffiċli, iżda mhux impossibbli meta wieħed jistà jorbot fuq l-għajnuna ta’ Alla ggarantita lilna "permezz tal-komunjoni mal-persuna ta’ Kristu" (PG 58, 619 s).  

Hekk hu għaliex, f’dan ir-Randan, nixtieq nistieden lil dawk kollha li jemmnu għal talb imħeġġeġ u fiduċjuż lill-Mulej, sabiex jagħti lil kull wieħed biex jagħmel esperjenza mġedda tal-ħniena tiegħu. Dan id-don biss jgħinna biex nilqgħu u ngħixu b’mod dejjem iktar ferrieħi u ġeneruż il-karità ta’ Kristu, li "ma jirrabjax, ma jqisx id-deni li jirċievi, ma jiħux gost bl-inġustizzja, imma jieħu gost bil-verità " (1 Kor 13, 5-6). 

B’dawn is-sentimenti nitlob il-protezzjoni tal-Omm tal-Ħniena fuq il-mixja tar-Randan tal-Komunità kollha ta’ dawk li jemmnu u mill-qalb nagħti lil kull wieħed u waħda l-Barka Apostolika. 

Mill-Vatikan, 7 ta’ Jannar 2001

IOANNES PAULUS PP. II

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb