MESSAĠĠ TA’ ĠWANNI PAWLU II 
GĦAR-RANDAN 2000

Jien se nkun magħkom sal aħħar taż-żmenijiet (cfr Mt 28, 20)

 

Ħuti!

1. Iċ-ċelebrazzjoni tar-Randan, żmien ta’ konverżjoni u ta’ rikonċiljazzjoni, jassumi f’din is-sena karattru għal kollox partikolari, għaliex qiegħed nikteb fil-Ġublew il-Kbir tal-2000. Iż-żmien tar-Randan jirrapreżenta infatti l-punt kulminanti ta’ dik il-mixja ta’ konverżjoni u rikonċiljazzjoni li l-Ġublew, sena ta’ grazzja tal-Mulej, jipproponi lil dawk kollha li jemmnu biex iġeddu l-adeżjoni tagħhom ma’ Kristu u jħabbru b’fervur imġedded il-misteru tal-fidwa tiegħu fil-millenju l-ġdid. Ir-Randan jgħin lill-insara biex jippenetraw b’mod iktar profond dan il-"misteru moħbi għal sekli" (Ef 3, 9): iwassalhom biex jikkonfrontaw lilhom infushom bil-Kelma ta’ Alla ħaj u jitlobhom biex jirrinunzjaw għall-egoiżmu tagħhom sabiex jilqgħu l-azzjoni feddejja tal-Ispirtu Santu.

2. Konna mejtin minħabba d-dnub (cfr Ef 2, 5): hekk San Pawl jiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-bniedem mingħajr Kristu. Dan huwa għaliex l-Iben ta’ Alla ried jingħaqad man-natura umana sabiex jifdiha mill-jasar tad-dnub u tal-mewt.

Din hija skjavitù li l-bniedem jisperimenta ta’ kuljum, waqt li jirrispetta l-għeruq profondi fl-istess qalbu (cfr Mt 7, 11). Xi drabi hi turi ruħha f’forom drammatiċi u  mhux tas-soltu, bħal ma seħħ fil-korsa tat-traġedji l-kbar tas-seklu XX, li b’mod profond naqqxu fil-ħajja ta’ tant komunitajiet u persuni, vittmi ta’ vjolenza krudili.  Deportazzjonijiet forzati, eliminazzjonijiet sistematiċi ta’ popli, disprezz tad-drittijiet fundamentali tal-persuna huma t-traġedji li għadhom sfortunatament illum jumiljaw l-umanità. Ukoll fil-ħajja ta’ kuljum, jimmanifestaw irwieħhom forom differenti ta’ abbuż ta’ poter, ta’ mibegħda, ta’ qerda tal-oħrajn, ta’ gideb li tiegħu l-bniedem huwa vittma u awtur. L-umanità hija ttimbrata mid-dnub. Il-kondizzjoni drammatika iġġibilna f’moħħna il-għajta allarmanti tal-Appostlu tal-ġnus: "Mhemm ħadd ġust, linqas wieħed" (Rm 3, 10; cfr Sal 13, 3).

3. Quddiem id-dlam tad-dnub u l-impossibiltà għall-bniedem li jeħles lilu nnifsu waħdu, tidher fid-dija kollha tagħha l-opra feddejja ta’ Kristu: "Alla  ippredestinah biex jaqdi bħala strument ta’ espijazzjoni permezz tal-fidi, f’demmu, bl-iskop li jimmanifesta l-ġustizzja tiegħu" (Rm 3, 25). Kristu huwa l-Ħaruf li ħa fuqu d-dnub tad-dinja (cfr Ġw 1, 29). Huwa qasam l-eżistenza umana “sal-mewt u sal-mewt tas-salib" (Fil 2, 8), biex jifdi  l-bniedem mill-iskjavitù tal-ħażen u jerġà jirrintegrah fid-dinjità oriġinarja tiegħu ta’ bin Alla. Dan huwa l-misteru paskwali li fih aħna mwielda mill-ġdid! Hawn bħal ma tfakkarna s-Sekwenza paskwali, "Mewt u ħajja ffaċċjaw lil xulxin fi dwell  meraviljuż". Is-Santi Padri tal-Knisja jiddikjaraw li, f’Ġesù Kristu, id-demonju jattakka l-umanità kollha u jheddidha bil-mewt, li minnha iżda tiġi meħlusa grazzi għall-qawwa rebbieħa tal-qawmien mill-imwiet. Fil-Mulej irxoxt jitfarrak il-poter tal-mewt u lill-bniedem tiġi offruta l-possibiltà permezz tal-fidi, li jidħol fil-komunjoni ma’ Alla. Lil min jemmen tingħata l-istess ħajja ta’ Alla permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu, "l-ewwel don lil dawk li jemmnu" (Preghiera Eucaristica IV). Il-fidwa mwettqa fuq is-salib hekk iġġedded l-univers u tattwa r-rikonċiljazzjoni bejn Alla u l-bniedem u tal-bnedmin bejniethom.

4. Il-Ġublew huwa ż-żmuen ta’ grazzja li fih aħna mistiedna biex ninfetħu b’mod partikolari għall-ħniena tal-Missier, li fl-Iben tbaxxa fuq il-bniedem, u għar-rikonciljazzjoni, don kbir ta’ Kristu. Din is-sena, għalhekk, għandha ssir għall-insara, imma wkoll għal kull bniedem ta’ rieda tajba, waqt prezzjuż biex jisperimenta il-qawwa rinnovatriċi tal-imħabba ta’ Alla li jaħfer u jirrikonċilja. Alla joffri l-ħniena tiegħu lil kull min irid jilqagħha, ukoll jekk imbiegħed u dubjuż. Lill-bniedem tallum, għajjien bil-medjokrità u bl-illużjonijiet foloz, hija hekk offruta l-possibiltà li jimbarka fit-triq ta’ ħajja ta’ sodisfazzjon. F’tali kuntest, ir-Randan tas-Sena 2000 jikkostitwixxi per eċċellenza "il-waqt favorevoli, il-jum tas-salvazzjoni" (2 Kor 6, 2), l-okkażjoni partikolarment favorevoli biex "inħallu lilna nfusna nirrikonċiljaw ma’ Alla" (2 Kor 5, 20).

Matul is-Sena Mqaddsa l-Knisja toffri diversi opportunitajiet ta’ rikonċiljazzjoni personali u komunitarji. Kull dijoċesi ndikat xi postijiet speċjali, fejn dawk li jemmnu jistgħu jmorru biex jisperimentaw preżenza partikolari ta’ Alla waqt li jagħrfu fid-dawl tiegħu dnubhom u biex jimbarkaw, grazzi għas-sagrament ta’ Rikonċiljazzjoni, fuq mixja ġdida ta’ ħajja. Jilbes sinifikat partikolari l-pellegrinaġġ lejn l-Art Imqaddsa u lejn Ruma, postijiet ipprivileġġjati tal-laqgħa ma’ Alla, minħabba r-rwol singolari tagħhom fl-istorja tal-fidwa. Kif nistgħu ma nimxux, għallinqas spiritwalment, lejn dik l-Art li, elfejn sena ilu jew qribhom, rat il-mogħdija tal-Mulej? Hemm "il-Verb sar bniedem" (Ġw 1, 14) u  “trabba” fl-“għerf, l-età u l-grazzja" (Lq 2, 52); hemm “iġġerra mal-bliet u l-irħula kollha,. . .   waqt li ppriedka l-vanġelu tas-Saltna u waqt li fejjaq kull marda u kull nuqqas ta’ saħħa" (Mt 9, 35); hemm wassal fi tmiemha l-missjoni afdata lilu mill-Missier (cfr Ġw 19, 30) u sawwab l-Ispirtu Santu fuq il-Knisja naxxenti (cfr Ġw 20, 22).

Jien ukoll nerġà nwiegħed li, propju fir-Randan tal-2000, nirrendi lili nnifsi pellegrin fl-art tal-Mulej, fis-sorsi tal-fidi tagħna, biex niċċelebraw hemm il-Ġublew bimillenarju tal-Inkarnazzjoni. Nistieden lil kull nisrani biex jakkumpanjani bit-talb, waqt li, fl-istadji diversi tal-pellegrinaġġ, se nsejjaħ għall-maħfra u r-rikonċiljazzjoni għal ulied il-Knisja u għall-umanità kollha kemm hi.

5. L-itinerarju tal-konverżjoni jwassal għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla u għal għixien totali tal-ħajja ġdida fi Kristu. Ħajja ta’ fidi, ta’ tama u ta’ karità. Dawn it-tliet virtujiet, imsejħa “tejologali” għaliex jirreferu b’mod dirett lil Alla fil-misteru tiegħu, kienu oġġett ta’ approfondiment speċjali fit-tliet snin ta’ tħejjija għall-Ġublew il-Kbir. Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Mqaddsa issa titlob lil kull nisrani li jgħix u jixhed tali virtujiet b’mod iktar sħiħ u konxju.

Il-grazzja tal-Ġublew timbotta qabel xejn biex inġeddu l-fidi personali. Din tikkonsisti fl-adeżjoni għall-aħbar tal-misteru paskwali, li permezz tagħha dak li jemmen jagħraf li fi Kristu mejjet u irxoxt ingħatatlu l-fidwa; treġġagħlu lura ta’ kuljum ħajtu; tilqà dak kollu li l-Mulej iħejji għalih, fiċ-ċertezza li Alla jħobbu. Il-fidi hija l-“iva” tal-bniedem lil Alla, l-“Ammen” tiegħu.

Figura eżemplari ta’ dak li jemmen għal-Lhud, l-Insara u l-Musulmani huwa Abraham; fiduċjuż fil-wegħda, huwa jsegwi leħen Alla li jsejjaħlu għal mogħdijiet mhux magħrufa. Il-fidi tgħin biex niskopru is-sinjali tal-preżenza amoruża ta’ Alla fil-ħolqien, fil-persuni, fil-ġrajjiet tal-istorja u, speċjalment, fl-opra u fil-messaġġ ta’ Kristu, waqt li timbotta lill-bniedem biex iħares ‘l hemm minnu, ‘il hemm mill-apparenzi lejn dik it-traxxendenza fejn jinfetaħ il-misteru tal-imħabba ta’ Alla għal kull kreatura.

Mal-grazzja tal-Ġublew il-Mulej jistedinna, ukoll, biex inqajmu t-tama tagħna. Infatti fi Kristu iż-żmien stess huwa mifdi u jiftaħ għal prospettiva ta’ ferħ bla tmiem u ta’ komunjoni sħiħa ma’ Alla. Iż-żmien tan-nisrani huwa  ttimbrat mill-istennija taż-żwieġ etern, antiċipat ta’ kuljum fil-pranzu ewkaristiku. Bil-ħarsa mdawra lejh, "l-Ispirtu u l-għarusa jgħidu: Ejja!" (Ap 22, 17), waqt li jħeġgu t-tama li ċċaħħad liż-żmien mir-ripetittivita pura u ssawwablu s-sens awtentiku tiegħu. Bil-virtù tat-tama in-nisrani jixhed li, ‘il hemm minn kull ħażen u minn kull limitu, l-istorja ġġorr fiha żerriegħa ta’ tjubija li l-Mulej iġiegħel  tarmi għal kollox. Huwa, għalhekk iħares lejn il-millenju l-ġdid bla biżà, imma jiffaċċja l-isfidi u l-istenniji tal-futur biċ-ċertezza fiduċjuża li titnissel mill-fidi fil-wegħda tal-Mulej.

Bil-Ġublew il-Mulej jitlobna, fl-aħħarnett, biex inħeġġu mill-ġdid il-karità tagħna. Is-Saltna, li Kristu se jimmanifesta fid-dija kollha tagħha fl-aħħar taż-żmenijiet, hija diġa preżenti hemm fejn il-bnedmin jgħixu skont ir-rieda ta’ Alla. Il-Knisja hija msejħa biex tixhed il-komunjoni, il-paċi u l-karità li jiddistingwuha. F’din il-missjoni, il-komunità nisranija taf li l-fidi mingħajr l-opri hija mejta (cfr Ġk 2, 17). Hekk, permezz tal-karità, in-nisrani jirrendi viżibbli l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin irrivelata fi Kristu u jirrendi manifesta l-preżenza tiegħu fid-dinja "sal-aħħar taż-żminijiet". Il-karità għan-nisrani mhijiex biss ġest, jew ideal, imma hija, biex ngħidu hekk, it-titwil tal-preżenza ta’ Kristu li jirregala lilu nnifsu.

Fl-okkażjoni tar-Randan, ilkoll – għonja u foqra – huma mistiedna biex jirrendu preżenti l-imħabba ta’ Kristu b’opri ta’ karità ġenerużi. F’din is-sena ġubilari l-karità tagħna hija msejħa, b’mod partikolari, biex timmanifesta l-imħabba ta’ Kristu lill-aħwa li jonqoshom dak meħtieġ biex jgħixu, għal dawk vittmi tal-ġuħ, tal-vjolenza u tal-inġustizzja. Huwa dan il-mod biex nattwalizzaw l-każi ta’ liberazzjoni u ta’ fraternità diġa preżenti fl-Iskrittura Mqaddsa, li ċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Mqaddsa tipproponilna mill-ġdid. Il-ġublew Lhudi antik, infatti, kien jesiġi l-ħelsien tal-iskjavi, l-insija tad-djun, l-għajnuna lill-foqra. Illum skjavitù ġodda u faqar iktar drammatiku qegħdin jolqtu moltitudnijiet ta’ persuni, speċjalment f’Pajjiżi hekk imsejħa tat-Tielet Dinja. Din hija għajta ta’ niket u ta’ disperazzjoni li hemm bżonn li ssib attenti u disponibbli lil dawk kollha li se jimbarkaw il-mixja ġubilari. Kif nistgħu nitolbu l-grazzja tal-Ġublew jekk aħna insensibbli għall-bżonnijiet tal-foqra, jekk ma ninpenjawx ruħna li niggarantixxu għall-mezzi kollha meħtieġa biex ngħixu b'mod dinjituż?

Jalla l-millenju li se jibda ikun epoka li fiha finalment l-appell ta’ tant bnedmin, ħutna, li m’għandhom linqas il-minimu biex jgħixu, isib smigħ u lqugħ fratern. Nittama li l-insara, fil-livelli differenti, jagħmlu lilhom infushom promuturi ta’ inizjattivi konkreti biex jassikuraw distribuzzjoni ekwa tal-ġid u l-promozzjoni integrali umana għal kull individwu.

6. "Jien se nkun magħkom sal-aħħar taż-żminijiet". Dan il-kliem ta’ Ġesù jassikurana li fit-tħabbir u l-għixien tal-vanġelu tal-karità m’aħniex weħedna. Ukoll f’dan ir-Randan tas-Sena 2000 Huwa jistedinna biex nerġgħu lura għand il-Missier, li jistenniena b’dirgħajh miftuħa, biex jibdilna f’sinjali ħajjin u effikaċi ta’ mħabbtu ħanina.

Lil Marija, Omm ta’ kull batut u Omm il-Ħniena divina, nafdaw l-intenzjonijiet tagħna u l-iskopijiet tagħna. Tkun Hi l-kewkba mdawla ta’ triqtna fil-millenju l-ġdid  .

B’tali xewqat, nitlob fuq kulħadd il-barka ta’ Alla, Wieħed u Tlieta, bidu u tmiem tal-ħwejjeġ kollha, li lilu "sal-aħħar taż-żminijiet" jitlà l-innu ta’ barka u ta’ tifħir:: "Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, Lilek, Alla Missier li tistà kollox, flimkien mal-Ispirtu Santu, kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen".

Minn Kastell Gandolfo, 21 ta’ Settembru 1999.

IOANNES PAULUS PP. II

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb