MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1997

 

Ħuti Rġiel u Nisa!

1. Iż-żmien tar-Randan ifakkar l-40 sena li għamel Iżrael fid-deżert, waqt li kien fi triqtu lejn l-art imwegħda. F’dak il-perijodu l-poplu sperimenta xi jfisser tgħix taħt it-tinda, mingħajr abitazzjoni fissa, fin-nuqqas totali ta’ sikurezza. Kemm-il darba nħakem mit-tentazzjoni li jergà lura lejn l-Eġittu, fejn talinqas il-ħobż kien iggarantit, minkejja li kien l-ikel tal-ilsiera. Fin-nuqqas ta’ ċertezza tad-deżert kien propju Alla li pprovda l-ilma u l-ikel tal-għixien għall-poplu, waqt li ddefendieh mill-perikoli. Hekk l-esperjenza tad-dipendenza totali minn Alla nbidlet għal-Lhud f’mixja ta’ liberazzjoni mill-iskjavitù u mill-idolatrija tal-affarijiet.

Il-perijodu tar-Randan irid jgħin lil dawk li jemmnu biex jgħixu mill-ġdid, b’impenn ta’ purifikazzjoni personali, dan l-istess itinerarju spiritwali, waqt li niksbu għarfien tal-faqar u tal-inċertezza u billi niskopru l-intervent providenzjali tal-Mulej li jistieden biex jiftaħ l-għajnejn dwar il-bżonn tal-aħwa l-iktar fil-bżonn. B’dan il-mod ir-Randan isir ukoll iż-żmien tas-solidarjetà lejn is-sitwazzjonijiet inċerti li fihom jinsabu individwi u popli f’tant partijiet tad-dinja.

2. Għar-Randan tal-1997, l-ewwel sena ta’ tħejjija għall-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000, irrid nieqaf nirrifletti dwar is-sitwazzjoni drammatika ta’ min jgħix bla dar. Nipproponi bħala tema ta’ meditazzjoni il-kliem li ġej meħud mill-Vanġelu ta’ Mattew: "Ejjew. Imberkin ta’ Missieri, għaliex kont bla dar u intom ilqajtuni" (cfr  Mt 25, 34-35). Id-dar hija l-post tal-komunjoni familjari, il-ġabra tal-familja fejn mill-imħabba migħuxa bejn ir-raġel u l-mara jitwieldu l-ulied u jitgħallmu d-drawwiet tal-ħajja u l-valuri fundamentali morali u spiritwali, li jagħmlu minnhom iċ-ċittadini u l-insara ta’ għada. Fid-dar l-anzjan u l-marid jisperimenta dik il-klima ta’ viċinanza u ta’ mħabba li tgħin biex jintegħlbu wkoll il-jiem tat-tbatija u tad-deklin fiżiku.

Imma kemm huma, sfortunatament, dawk li jgħixu mwarrba mill-klima ta’ fervur uman u minn ilqugħ tipiku tad-dar! Naħseb dwar ir-refuġjati, l-eżiljati, il-vittmi tal-gwerer u tad-diżastri naturali, kif ukoll il-persuni suġġetti għall-hekk imsejħa emarġinazzjoni ekonomika. U xi ngħidu mbagħad dwar familji mifruda jew dwar dawk li ma jirnexxilhomx isibu abitazzjoni, dwar il-firxa kbira tal-anzjani li l-pensjonijiet soċjali ma jippermettulhomx li jiksbu alloġġ dinjituż bi prezz ekwu? Dawn huma diffikultajiet li huma stess jipproduċu kultant diżastri oħra veri u propji bħall-alkoiliżmu, il-vjolenza, il-prostituzzjoni, id-droga. Flimkien mal-iżvolġiment tal-Konferenza Mondjali dwar l-Insedjamenti Umani, Habitat II, li saret f’Istanbul ix-xahar ta’ Ġunju li għadda, jien ġbidt l-attenzjoni ta’ kulħadd, waqt ir-reċita tal-Angelus ta’ nhar ta’ Ħadd, dwar dawn il-problemi gravi, u enfasizzajt l-urġenza, waqt li tennejt li d-dritt għall-abitazzjoni mhux biss għandu jkun magħruf għall-individwu bħala entità, imma għall-familja, magħmula minn iktar persuni. Il-familja, bħala ċellula fundamentali tas-soċjetà, hija intitolata b’mod sħiħ għal alloġġ adegwat bħala ambjent ta’ ħajja, sabiex tkun għaliha possibbli l-attwazzjoni ta’ komunjoni domestika awtentika. Il-Knisja tagħraf dan id-dritt fundamentali u taf li għandha tikkopera sabiex ikun magħruf b’mod effettiv.

3. Bosta huma l-passaġġi bibbliċi li jenfasizzaw id-dmir li jipprovdi  għall-bżonnijiet ta’ min huwa nieqes minn abitazzjoni.

Diġa fit-Testment il-Qadim, skont it-Torah, il-frustier u, b’mod ġenerali, kull min hu bla saqaf fuq rasu, billi hu espost għall-perikoli kollha, ħaqqu trattament speċjali minn naħa ta’ dawk li jemmnu. Anzi b’mod imtenni Alla juri li tkun rakkomandata l-ospitalità u l-ġenerożità lejn l-istranġier (cfr Dewt 24, 17-18; 10, 18-19; Num 15, 15 ecc.), waqt li jfakkar l-inċertezza li għaliha kien espost l-istess Iżrael. Ġesù mbagħad jidentifika ruħu ma min huwa nieqes minn dar: "Kont barrani u intom ilqajtuni" (Mt 25, 35), waqt li għallem li l-karità lejn min isib ruħu f’tali bżonn tkun ippremjata fis-sema. L-Appostli tal-Mulej jirrakkomandaw lid-diversi komunitajiet minnhom imwaqqfa l-ospitalità reċiproka bħala sinjal ta’ komunjoni u ta’ innovazzjoni ta’ ħajja fi Kristu.

Huwa mill-imħabba ta’ Alla li n-nisrani jitgħallem jġħin lil min hu fil-bżonn, billi jaqsam miegħu il-ġid tiegħu materjali u spiritwali. Din il-konsiderazzjoni ma tirrapreżentax biss għajnuna materjali għal min ikun f’diffikultà, imma tikkostitwixxi ukoll okkażjoni ta’ żvilupp spiritwali għall-istess offerent, li jislet l-imbuttatura biex jinqatà mill-ġid tal-art. Teżisti infatti dimensjon iktar għolja, indikata lilna minn Kristu bl-eżempju tiegħu: "Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu" (Mt 8, 20). Huwa ried b’dan jesprimi d-disponibiltà totali tiegħu lejn il-Missier ċelesti, li kellu f’moħħu li jwettaq ir-rieda tiegħu mingħajr ma jħalli lilu nnifsu jintrabat mill-pussess tal-ġid tal-art: jeżisti, infatti l-perikolu kostanti li r-realtajiet terreni jieħdu post Alla fil-qalb tal-bniedem.

Ir-Randan jikkostitwixxi, għalhekk, okkażjoni providenzjali biex noperaw dan id-distakk spiritwali mill-għana bl-iskop li niftħu lilna nfusna lil Alla, li lejh in-nisrani għandu jorjenta ħajtu kollha, konxju li ma għandux residenza stabbli f’din id-dinja, "għaliex pajjiżna huwa fis-smewwiet" (Fil 3, 20). Fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteru paskwali, fi tmiem ir-Randan, jidher kif il-mixja kwareżimali ta’ purifikazzjoni tilħaq il-quċċata tagħha fl-offerta tagħha, ħielsa u amoruża, lill-Missier.  Huwa permezz ta’ din it-triq li d-dixxiplu ta’ Kristu jitgħallem joħroġ minnu nnifsu u mill-interessi egoistiċi tiegħu biex jiltaqà fl-imħabba mal-aħwa.

4. Is-sejħa evanġelika biex tkun ħdejn Kristu "bla saqaf" hija stedina għal kull imgħammed biex jagħraf ir-realtà tiegħu u biex iħares lejn l-aħwa b’sentimenti ta’ solidarjetà konkreta, waqt li jitgħabba bid-diffikultajiet tagħhom.  Huwa billi juru ruħhom miftuħin u ġenerużi li l-insara jistgħu jaqdu, b’mod komunitarju u individwali. Kristu preżenti fil-fqir, u jagħti xhieda tal-imħabba tal-Missier. F’din il-mixja Kristu  huwa quddiemna. Il-preżenza tiegħu hija qawwa u nkuraġġiment. Huwa jeħles u jirrendi xhieda tal-imħabba.

Għeżież ħuti! Inmorru miegħu mingħajr biżà sa Ġerusalem (cfr Lq 18, 31), waqt li nilqgħu l-istedina tiegħu għall-konverżjoni, għal adeżjoni iktar profonda ma’ Alla, qaddis u ħanin, speċjalment matul iż-żmien ta’ grazzja kostitwit mir-Randan. Nittama li dan iwassalna lkoll biex nisimgħu l-appell tal-Mulej biex niftħu qalbna lejn kull min jinsab fil-bżonn. Waqt li nsejjaħ il-protezzjoni ċelesti ta’ Marija b’mod speċjali fuq dawk li m’għandhomx dar, nagħti b’imħabba lil kulħadd il-Barka Apostolika.

Mill-Vatikan, 25 ta’ Ottubru 1996.

ĠWANNI PAWLU II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb