MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU 
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1994

«Il-familja hija għas-servizz tal-karità, il-karità hija għas-servizz tal-familja»

 

1. Iż-żmien tar-Randan huwa staġun favorevoli, mogħti mill-Mulej biex inġeddu l-mixja ta’ konverżjoni u biex inqawwu fina l-fidi, it-tama u l-karità biex nidħlu fil-Patt mixtieq minn Alla u biex ngħixu b’mod iktar intens perijodu ta’ grazzja u ta’ rikonċiljazzjoni.

«Il-familja hija għas-servizz tal-karità, il-karità hija għas-servizz tal-familja». Bl-għażla ta’ din it-tema, nixtieq nistieden lill-insara kollha biex jibdlu l-eżistenza propja tagħhom u biex jimmodifikaw l-imġiebet, biex isiru ħmira tassew u biex ikabbru fi ħdan il-familja umana l-karità u s-solidarjetà: valuri essenzjali għall-ħajja soċjali u għall-ħajja nisranija.

2. Nittama, qabel xejn, li l-familji nsara jagħrfu l-missjoni tagħhom fil-Knisja u fid-dinja. Huwa bit-talb personali u komunitarju li l-familji jirċievu l-Ispirtu Santu, li joħloq fihom u għalihom il-ħwejjeġ ġodda kollha u jiftaħ il-qalb tal-fidili għad-dimensjoni universali. Waqt li ningħaqdu ma’ dan is-sors ta’ mħabba, kull wieħed u waħda minna jistà jittrażmetti tali mħabba b’ħajtu u bl-opri tiegħu. It-talb jgħaqqadna ma’ Kristu u iva jagħmel li l-bnedmin kollha jkunu aħwa.

Il-familja hija l-ewwel post privileġġjat tal-edukazzjoni u tal-eżerċizzju tal-ħajja fraterna, tal-karità u tas-solidarjetà, li l-forom tagħha huma multipliċi. Fir-relazzjonijiet familjari jiġu mgħallma l-attenzjoni, l-akkoljenza u r-rispett tal-ieħor, li dejjem għandu jkollu l-post li jixraqlu f’qalbna.  Il-ħajja mutwa hija mbagħad stedina għall-qsim li jġiegħel joħrog il-propju egoiżmu. Min jitgħallem jaqsam u jagħti jiskopri il-ferħ immens li tqanqal il-komunjoni tal-ġid. Il-ġenituri bl-eżempju tagħhom u bit-tagħlim tagħhom, jagħmlu li jistgħu biex iqanqlu b’mod delikat f’uliedhom is-sens tas-solidarjetà. Hekk, sa minn ċkunitu kull wieħed huwa msejjaħ biex jesperjenza n-nuqqas u s-sawm bl-iskop li jifforma l-karattru propju u biex jiddomina l-istinti propji b’mod partikolari dak li jippossiedi biss għalih innifsu. Dak li wieħed jirċievi fil-ħajja familjari jibqà għat-tul tal-eżistenza kollha.

3. Id-dinja tagħna għaddejja minn żminijiet partikolarment diffiċli; jinħtieġ, għalhekk, li l-familji, fuq l-eżempju ta’ Marija li tħaffef biex tmur tgħin lill-kuġina Eliżabetta, jqarrbu lejn ħuthom fil-bżonn billi jwasslulhom l-għajnuna materjali u spiritwali! Bħalma l-Mulej jieħu ħsieb il-bnedmin, hekk ukoll aħna, imqanqla minn kliemu: «rajt il-miżerja tal-Poplu tiegħi u l-għajta tiegħu  sa ma’ ġembi» (1Sam 9,16), ma nistgħux nibqgħu torox għall-appelli tagħhom, ġaladarba l-faqar ta’ ħutna numerużi javvilixxi d-dinjità tagħhom ta’ bnedmin u jisfigura l-umanità kollha kemm hi. Dan huwa nsult ċar u straordinarju għad-dmir tas-solidarjetà u tal-ġustizzja.

4. F’dan iż-żmien, l-attenzjoni tagħna għandha ddur b’mod speċjali lejn it-tbatijiet u l-faqar tal-familji. Numru kbir minnhom, infatti, qabeż il-limiti estremi tal-faqar, billi lanqas għandhom il-minimu vitali biex jitrejqu u jrejqu liċ-ċkejknin tagħhom, biex jippermettilhom trobbija fiżika normali u struzzjoni regolari, skont il-liġi. Xi familji anqas jiddisponu minn alloġġ diċenti. Id-diżokkupazzjoni tolqot u tfaqqar dejjem iktar saffi tal-popolazzjoni. In-nisa huma weħedhom biex jipprovdu għall-bżonnijiet ta’ wliedhom u għall-edukazzjoni tagħhom: dan kollu spiss iwassal biex iż-żgħażagħ jiġġerrew mat-toroq u biex isibu r-rifuġju tagħhom fid-droga, fl-abbuż tal-alkoħol u fil-vjolenza. Attwalment wieħed jinnota iż-żieda ta’ koppji u ta’ familji li għandhom problemi psikoloġiċi u relazzjonarji. Id-diffikultajiet soċjali kultant jikkontribwixxu għat-tiksir tan-nukleju familjari. Spiss ferm it-trabi li jitwieldu ma jkunux aċċettati. F’xi pajjiżi, l-iktar żgħażagħ jsibu ruħhom  suġġetti għal ħajja diżumana jew sfruttati b’mod tal-mistħija Il-persuni anzjani u handikappati, meqjusa ekonomikament mhux produttivi, jħossu ruħhom inutli u relegati fis-solitudni. Xi familji, minħabba l-appartenenza tagħhom għal razez, kulturi u reliġjonijiet oħra, jiġu mkeċcija mill-art li fiha jkunu stabbilew ruħhom.

5. Quddiem dawn il-flaġelli, li jolqtu t-totalità tal-pjaneta, ma nistgħux nisktu, lanqas ma nibqgħu b’idejna fuq żaqqna, għaliex dawn iferu l-familja, ċellula fundamentali tas-soċjetà u tal-Knisja. Hemm bżonn nidħlu fina nfusnaà L-insara u l-bnedmin ta’ rieda tajba għandhom id-dmir li jsostnu lill-familji f’diffikultajiet, billi jagħtuhom il-mezzi spiritwali u materjali ħalli joħorġu minn sitwazzjonijiet sikwit traġiċi.

F’dan iż-żmien tar-Randan inħeġġiġkom b’mod speċjali għall-qsim mal-familji l-iktar foqra, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw, b’mod partikolari ma’ wliedhom, ir-responsabiltà li għandhom lejhom. Ħadd ma għandu jiġi rrifjutat f’isem id-differenza, id-dgħufija jew il-faqar tiegħu. Għall-kuntrarju, id-diversitajiet huma għana għall-kostruzzjoni komuni. Huwa lil Kristu li aħna nagħtu, ladarba nagħtu lill-foqra, għaliex huma «assumew il-wiċċ ta’ Sidna» u «huma l-preferiti ta’ Alla» (S. Girgor ta’ Nissa, De Pauperibus amandis). Il-fidi tesiġi l-qsim ma’ dawk bħalna. Is-solidarjetà materjali hija espressjoni essenzjali u primarja tal-karità fraterna: hija tagħti lil kull wieħed u waħda minna l-mezzi biex neżistu u  nrieġi ħajjitna.

Id-dinja u l-għana tagħha jappartjenu lil kulħadd, «il-fertilità tal-art kollha għandha tkun fertilità għal kulħadd» (S. Ambroġ, De Nabuthe VII, 33). Fis-sigħat diffiċli li fihom qegħdin ngħixu, mhuwiex biżżejjed li taqbad miż-żejjed tiegħek, hemm bżonn li pjuttost tibdel l-inġibiet konsumistiċi tiegħek, sabiex tmiss mill-istess meħtieg, waqt li żżomm biss l-essenzjali, sabiex ilkoll inkunu nistgħu ngħixu b’dinjità. Ejjew insajmu xewqitna li nippossiedu biex noffru lill-proxxmu tagħna dak li huwa jonqsu b’mod radikali. «Is-sawm tal-għonja għandu jsir l-ikel tal-foqra» (S. Iljun il-Kbir, Sermo 20 De Ieiunio).

6. Nixtieq niġbed l-attenzjoni b’mod partikolari tal-komunitajiet djoċesani u parrokkjali dwar il-bżonn li jsibu l-mezzi prattiċi biex ngħinu lill-familji fil-bżonn. Naf li bosta Sinodi djoċesani diġa għamlu xi progressi f’dan is-sens. Il-pastorali familjari għandha b’dan il-mod ikollha rwol ta’ quddiem nett, l-insara fl-organiżmi ċivili li fihom jipparteċipaw, jiftakru dejjem din l-attenzjoni u dan id-dmir li jgħinu lill-familji dgħajfa.

Indur mill-ġdid lejn id-Diriġenti tan-nazzjonijiet sabiex isibu fuq skala nazzjonali u planetarja il-mod biex jitwaqqaf l-ispiral tal- faqar u tad-dejn. Il-Knisja tawgura li, fil-politika ekonomika, id-diriġenti u l-mexxejja tal-ażjendi għandhom jagħrfu l-bidliet li jinħtieg iwettqu u l-obbligi tagħhom, sabiex il-familji ma jiddipendux iktar unikament fuq l-għajnuniet li jiġu mogħtija lilhom, imma li bix-xogħol tagħhom ikunu jistgħu jaqilgħu il-mezzi li jżommuhom.

7. Il-komunità nisranija tilqà bil-ferħ l-inizjattiva tal-Ġnus Magħquda li tiddikjara l-1994 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Familja; hemm fejn tistà, hija twassal b’mod ġeneruż il-kontribut speċifiku tagħha.

Ma nagħlqux qalbna, imma nisimgħu l-leħen tal-Mulej u dak tal-bnedmin, ħutna! Jalla l-opri ta’ karità mwettqa matul dan ir-Randan, permezz tal-familji u għall-familji, jipprovdu lil kull wieħed u waħda minna ferħ profond u jiftħu l-qlub lil Kristu rxoxt, «primoġenitu ta’ moltitudni ta’ aħwa» (Rm 8,29).

Lil dawk kollha li se jwieġbu għal dan l-appell min-naħa tal-Mulej, jiena bil-qalb kollha nagħti l-Barka Apostolika tiegħi.

Mill-Vatikan, 3 ta’ Settembru 1993.

ĠWANNI PAWLU II