MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1987

 

Għeżież ħuti fi Kristu.

«Mela bil-ġid lil min hu bil-ġuħ, u lill-għonja bagħathom ‘l barra b’xejn» (Lq 1, 53). Dan il-kliem li l-Verġni Marija ippronunzjat fil-«Magnificat» tagħha huwa fl-istess ħin tifħir lil Alla Missier u appell li kull wieħed u waħda minna jistà jilqà f’qalbu u jimmedita f’dan iż-żmien tar-Randan.

Żmien ta’ konverżjoni, żmien tal-verità li «tirrendina ħielsa» (Ġw 8, 32), għaliex aħna ma nistgħux inqarrqu lil dak li jiskrutinizza «l-imħuħ u l-qlub» (Sal 7, 10). Quddiem Alla Ħallieq tagħna, quddiem Kristu Feddej tagħna, min xiex nistgħu aħna nisiltu mottiv ta’ kburija? Liema għana jew liema talenti jistgħu jagħtuna xi speċi ta’ superjorità?

Marija tgħallimna li l-veru għana, dik li ma tgħaddix, tiġi minn Alla; aħna jmissna nixtequha, ikollna l-ġuħ, nabbandunaw dak kollu li huwa fittizju u għaddieni, biex nirċievu dan il-ġid u nirċevuh b’abbundanza. Nikkonvertu, nabbandunaw il-ħmira l-qadima  (cfr. 1 Kor 5, 6) tal-kburija u ta’ dak kollu li jwassal għall-inġustizzja, għad-disprezz, għax-xewqa li nippossiedu flus u poter b’mod egoistiku.

Jekk aħna nagħrfu lilna nfusna foqra quddiem Alla – li hija verità u mhux umiltà falza – aħna jkollna qalb ta’ fqir, tal-għajnejn u tal-idejn ta’ fqir biex naqsmu dik l-għana li biha jimliena Alla: il-fidi tagħna, li aħna ma nistgħux nikkonservaw b’mod egoistiku għalina biss, it-tama ta’ liema għandhom bżonn dawk li huma nieqsa minn kollox, il-karità li ġġegħlna nħobbu bħal Alla lill-foqra b’imħabba preferenzjali. L-ispirtu tal-imħabba jimliena b’elf ġid biex naqsmu iktar; iktar ma aħna nixtequh, iktar nirċevuh b’abbundanza.

Jekk aħna nkunu tassew dawk il-«foqra fl-ispirtu» li lilhom wiegħed is-saltna tas-smewwiet (Mt 5, 3), l-offertà tagħna tkun apprezzata minn Alla. Ukoll l-offertà materjali, li għandna d-drawwa li nagħmlu tul ir-Randan, jekk tkun magħmula b’qalb ta’ fqir, tkun għana, għaliex inkunu qegħdin nagħtu dak li nkunu rċivejna mingħand Alla biex ikun imqassam: aħna ma nirċevux jekk mhux biex nirregalaw. Bħal dawk il-ħames ħbejżiet u dawk iż-żewġ ħutiet taż-żagħżugħ, li l-idejn ta’ Kristu kattru biex jitmà folla, hekk dak li aħna noffru jkun imkattar minn Alla għall-foqra.

Se ntemmu aħna dan ir-Randan bil-qalb arroganti, mimlijin bina nfusna, imma b’idejna vojta għall-oħrajn? O minflok ma naslu għall-Għid, iggwidati mill-Verġni tal-«Magnificat», b’qalb fqajra, mġewħa għal Alla u b’idejna għonja bir-rigali kollha ta’ Alla x’inqassmu lid-dinja li tant tinsab fil-bżonn?

«Iċċelebraw lill-Mulej, għaliex huwa tajjeb, għaliex eterna hija l-ħniena tiegħu» (Sal 117, 1).

Mill-Vatikan, 3 ta’ Marzu 1987.