ITTRA APPOSTOLIKA

MISERICORDIA DEI

Dwar xi aspetti taċ-Ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Penitenza

ĠWANNI PAWLU II

7 April 2002

 

Għal ħniena ta’ Alla, il-Missier li jirrikonċiljana miegħu nnifsu, il-Kelma ħadet il-laħam fil-ġuf bla tebgħa tal-Imbierka Verġni Marija, biex isalva “il-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:21) u biex jiftaħ għalihom “it-triq għas-salvazzjoni eterna”.[1] Meta wera lil Ġesù bħala “il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1:29), San Ġwann l-Għammiedi kkonferma din il-missjoni.  F’għemejjel u l-priedki kollha tiegħu, il-Prekursur għamel sejħa mqanqla u qawwija għall-indiema u l-konverżjoni, li bħala sinjal kellha l-magħmudija li kien jamministra fl-ilmijiet tal-Ġordan.  Ġesù nnifsu mar jagħmel dan ir-rit penitenzjali (cf Mt 3:13-17), mhux għaliex huwa kien dineb, imma għaliex “hu ħalla lilu nnifsu li jkun magħdud mal-midinbin; huwa diġà hu ‘il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja’ (Ġw 1:29); diġà qed jantiċipa l-magħmudija tal-mewt imdemmija tiegħu.”[2] Is-salvazzjoni hija għalhekk u fuq kollox fidwa mid-dnub, li jxekkel il-ħbiberija ma’ Alla, hija ħelsien mill-istat tal-jasar li l-bniedem sab ruħu fih sa minn meta ċeda għat-tentazzjoni tal-Ħażin u hekk tilfu l-ħelsien ta’ ulied Alla. (cf Rum 8:21)

Il-missjoni fdata minn Kristu lill-Appostli hija t-tħabbir tas-Saltna ta’ Alla u l-predikazzjoni tal-Evanġelju għall-konverżjoni (cf Mk 16:15; Mt 28:18-20). Filgħaxija ta’ dakinhar li qam mill-imwiet, kif il-missjoni appostolika kienet se tibda, Ġesù permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jagħti lill-Appostli s-setgħa li jirrikonċiljaw lill-midimbin niedma ma’ Alla u mal-Knisja: “Ircievu l-Ispirtu s-Santu. Lil dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura u lil dawk li ma tahfruhomlox, ma jkunux maħfura” (Ġw 20:22-23)[3].

Bi prattika kostanti tal-Knisja matul l-istorja, il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni (2 Kor 5:18), mogħti permezz tas-Sagramenti tal-Magħmudija u tal-Penitenza, kien dejjem meqjus bħala dmir essenzjali u meqjum ħafna tal-ministeru saċerdotali, mwettaq b’ubbidjenza għall-kmand ta’ Ġesù.  Matul is-sekli, iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Penitenza żviluppat f’forom differenti, imma dejjem żammet l-istruttura bażika tagħha: biex dan jikkura u jfejjaq f’isem Kristu huma meħtieġa, mhux biss l-azzjoni tal-ministru – Isqof jew qassis biss li jiġġudika u jassolvi – imma wkoll l-atti tal-penitent: l-indiema, l-istqarrija u t-tewba (penitenza).

Fl-Ittra Appostolika tiegħi, Novo Millenio Ineunte jiena ktibt: “Qiegħed nitlob ukoll kuraġġ pastorali mġedded biex niżguraw li t-tagħlim tal-komunitajiet Insara minn jum għall-ieħor jippreżenta s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni b’mod persważiv u li jħalli effett. Tiftakru kif fl-1984 jien ittrattajt dan is-suġġett fl-Eżortazzjoni ta’ wara s-Sinodu, Reconciliatio et Paenitentia, li ġabret ir-riżultati tal-Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet dedikat għal dan is-suġġett.  F’dak iż-żmien, l-istedina tiegħi kienet dik li nagħmlu ħilitna kollha biex naffrontaw il-kriżi “tas-sens tad-dnub” (...)    Meta l-imsemmi s-Sinodu ttratta din il-problema, il-kriżi ta’ dan is-Sagrament kienet tidher sewwa, l-aktar f’xi nħawi tad-dinja. Il-kawżi ta’ din il-kriżi ma għebux fil-ftit żmien li għadda minn dakinhar sal-lum. Imma s-sena tal-Ġublew, li kienet ikkaratterizzata l-aktar bir-ritorn għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, wasslitilna messaġġ ta’ inkoraġġiment, li ma nistgħux inħalluh għaddej. Jekk ħafna nies, fosthom ukoll ħafna żgħażagħ, swielhom ta’ ġid jersqu lejn dan is-Sagrament, jidher li hu meħtieġ li r-Rgħajja jarmaw lilhom infushom b’aktar fiduċja, kreattività u perseveranza meta jippreżentaw dan is-Sagrament biex hekk iwasslu lin-nies biex japprezzawh aktar.”[4]

B’dan il-kliem, kelli f’moħħi, kif għandi f’moħħi issa, li nagħmel kuraġġ u fl-istess waqt stedina qawwija, lil Ħuti Isqfijiet u permezz tagħhom lill-presbiteri kollha li jagħtu ħajja ġdida u mmedjata lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Din hija ħtieġa ta’ karita awtentika u ġustizzja pastorali[5] tassew.  Infakkarhom li kull wieħed mill-fidili li jkollu fih id-dispożizzjoni meħtieġa, għandu dritt li jirċievi dan id-don sagramentali.

Sabiex il-ministru tas-Sagrament ikun jaf id-dispożizzjoni tal-penitenti ħalli jkun jista’ jagħti jew ma jagħtix l-assoluzzjoni u biex jassenja penitenza xierqa, huwa meħtieġ li l-fidili, minbarra li jkunu konxji mid-dnubiet li jkunu wettqu, li jkun jiddispjeċihom minnhom u li jkunu għamlu l-proponiment li ma jerġgħux,[6] huma jeħtiġilhom ukoll jistqarru dnubiethom.  F’dan is-sens, il-Konċilju ta’ Trentu ddikjara li huwa meħtieġ, b’digriet divin, li tqerr kull dnub mejjet”.[7]  Il-Knisja minn dejjem rat rabta essenzjali bejn il-ġudizzju fdat f’idejn is-saċerdot fis-Sagrament u l-ħtieġa għall-penitenti li jsemmu dnubiethom,[8] ħlief fejn dan mhuwiex possibli.  Għalhekk, minħabba li l-istqarrija sħiħa ta’ dnubiet serji hija b’digriet divin parti kostitutiva tas-Sagrament, din bl-ebda mod ma hi fid-deskrizzjoni ta’ dawk li jmexxu (dispensa, interpretazzjoni, drawwiet lokali, etc). L-awtorità ekkleżjastika kompetenti tindika biss - fin-normi dixxiplinarji relevanti – il-kriterji biex tiddistingwi l-impossibiltà vera li ssir l-istqarrija tad-dnubiet minn sitwazzjonijiet oħra fejn l-impossibiltà hija biss waħda li tidher jew li tista’ tiġi mirbuħa.

Fiċ-cirkustanzi pastorali attwali, bi tweġiba għal talbiet preokkupanti ta’ bosta minn Ħutna fl-Episkopat, inqisu meħtieġ li ntenni uħud mill-liġijiet kanoniċi, attwali llum, dwar iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-Sagrament u niċċara xi aspetti tagħhom – fi spirtu ta’ komunjoni, b’responsabbiltà li hi proprija tal-Episkopat kollu.[9]  Hija kwestjoni biex tkun assigurata ċelebrazzjoni aktar fidila, u għalhekk li tħalli aktar frott, tar-rigal fdat lill-Knisja mill-Mulej Ġesù wara l-Qawmien tiegħu mill-imwiet (cf Ġw 20:18-23). Dan jidher li huwa essenzjalment meħtieġ, minħabba li f’xi postijiet hemm tendenza li tkun abbandunata l-istqarrija individwali u b’mod abbużiv tidħol l-assoluzzjoni ġenerali jew kollettiva.  F’dan il-każ l-assoluzzjoni ġenerali m’għadhiex aktar meqjusa bħala mezz staordinarju li għandu jkun użat f’sitwazzjonijiet għal kollox eċċezzjonali.  Fuq il-bażi ta’ tiġbid arbitrarju tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm neċessità gravi,[10] fil-prattika qed tintilef mill-viżżjoni l-fedeltà tal-konfigurazzjoni divina tas-Sagrament, u b’mod konkret il-ħtieġa tal-istqarrija individwali, b’danni gravi għall-ħajja spiritwali tal-fidili u għall-qdusija tal-Knisja.

Għalhekk wara konsultazzjoni mal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, il-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, u l-Kunsill Pontifiċju għat-Testi Leġiżlattivi, u wara li smajt dak li jaħsbu venerabbli Ħuti Kardinali li huma nkarigati minn dikasteri tal-Kurja Rumana, nafferma mill-ġdid id-Duttrina Kattolika dwar is-Sagrament tal-Penitenza u Rikonċiljazzjoni kif miġbur b’mod konċiż fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika,[11] konxju mir-responsabbiltà pastorali tiegħi, waqt li nagħraf il-ħtieġa u l-effetti dejjem attwali ta’ dan is-Sagrament, jiena niddikjara dan li ġej:

1.   L-Ordinarji għandhom ifakkru lill-Ministri kollha tas-Sagrament tal-Penitenza li l-liġi universali tal-Knisja, waqt li tapplika d-duttrina Kattolika f’dan il-qasam, tistabilixxi illi:

 

a.    L-istqarrija individwali u l-assoluzzjoni huma l-uniku mezz ordinarju li permezz tiegħu l-fidili, konxji minn dnub gravi, huma rikonċiljati ma’ Alla u mal-Knisja; impossibiltà fiżika jew morali biss tiskuża minn din il-qrara individwali, f’liema każ ir-rikonċiljazzjoni tista’ tinkiseb b’modi oħra.[12]

b.   Għalhekk, “dawk kollha li fil-ministeru tagħhom għandhom il-kura tal-erwieħ, huma obbligati li jassiguraw illi l-qrar tal-fidili fdati lilhom jkunu mismugħ, meta dawn jitolbu b’mod raġonevoli, u li huma jkunu mogħtija l-opportunità li jersqu lejn il-qrar individwali, fi ġranet u ħinijiet stabiliti u konvenjenti għalihom”.[13]

Barra minn hekk, is-saċerdoti kollha li jkollhom il-fakultajiet meħtieġa biex jamministraw is-Sagrament tal-Penitenza għandhom jidhru dejjem disposti li bil-qalb kollha li jammistrawh kull darba li fidili jitolbuh raġonevolment.[14]  In-nuqqas ta’ disponibiltà li jilqgħu lin-ngħaġ feruti, anzi li jmorru għalihom ħalli jġibuhom lura lejn il-merħla, ikun sinjal li jnikket ta’ nuqqas ta’ sensibilità pastorali f’dawk li, permezz tal-Ordinazzjoni saċerdotali jridu jirriflettu x-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb.

 

2.   L-Ordinarju tal-post, kif ukoll il-kappillani u r-retturi tal-knejjes u santwarji, għandhom minn żmien għal żmien jaraw li fil-fatt jehżistu l-akbar faċilitajiet possibli għall-qrar tal-fidili. B’mod partikolari huwa rakkomandat, illi f’postijiet ta’ qima, il-konfessuri jkun preżenti b’mod li jidhru fil-ħinijiet avżati, li dawn il-ħinijiet ikunu tajba għaċ-ċirkustanzi reali tal-penitenti, li b’mod speċjali jkun hemm il-possibiltà ta’ qrar qabel il-Quddiesa, u sabiex wieħed jilħaq mal-bżonnijiet tal-fidili, jekk ikun hemm saċerdoti oħra disponibbli, anke matul il-Quddiesa.[15]

3.   Kull fidil, wara li jeżamina lilu nnifsu sewwa, huwa obbligat li jqerr, skont l-ispeċi u l-għadd, id-dnubiet kollha mwettqa minnu wara l-Magħmudija, li jkun konxju tagħhom, u li jkunu għadhom mhux maħfura bis-setgħa tal-imfietaħ mogħtija lill-Knisja u lanqas kienu mistqarra fi qrara individwali.[16] Għalhekk huwa ta’ min iwiddeb kontra kull prattika li tirristretta l-qrar għal akkuża ġenerika tad-dnub jew biss ta’ dnub jew tnejn meqjusa l-aktar sinifikattivi. Barra minn hekk, minħabba li l-fidili kollha huma msejħa għall-qdusija, huwa rakkomandat li huma jqerru wkoll id-dnubiet venjali.[17]

4.   Fid-dawl u l-kuntest ta’ dawn in-normi ta’ hawn fuq, l-assoluzzjoni ta’ numru ta’ penitenti flimkien u bla ma qabel tkun saret qrara individwali, kif prevista f’kanoni 961 tal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika, trid tiftiehem u tkun amministrata tajjeb.  Assoluzzjoni bħal din hija fil-fatt ta’ “karattru eċċezzjonali”[18] u ma tistgħax tkun mogħtija b’mod ġenerali ħlief meta:

 

i.             il-periklu tal-mewt ma huwa mminenti u mhemmx ħin għas-saċerdot jew saċerdoti li jisemgħu l-qrara ta’ kull penitent b’mod individwali.

ii.            tkun tehżisti neċessità gravi, bħal meta fid-dawl tan-numru ta’ penitenti, ma jkunx hemm konfessuri biżżejjed biex jisemgħu b’mod kif suppost il-qrar individwali f’ħin xieraq, u b’hekk il-penitenti, bla ebda ħtija tagħhom, ikunu mċaħħda għal żmien twil mill-grazzja sagramentali jew mit-Tqarbin;  mhux meqjus bħala bżonn suffiċjenti, jekk ma jkunx hemm konfessuri biżżejjed għar-raġuni unika ta’ numri kbir ta’ penitenti, kif jista’ jkun hemm f’okkażjoni bħal f’festa kbira jew pellegrinaġġ.[19]

B’referenza għal każ ta’ neċessità gravi, qed issir din il-kjarifika:

a.    Titratta dwar sitwazzjonijiet li oġġettivament huma eċċezzjonali, bħal ma jista’ jiġri f’territorji tal-missjoni jew f’komunitajiet tal-fidili li huma iżolati, fejn is-saċerdoti jista’ jmur biss darba, jew ftit drabi ħafna f’sena, jew meta ċirkustanzi ta’ gwerra jew ta’ temp jew fatturi simili jippermettu.

b.   Iż-żewġ kundizzjonijiet li hemm fil-Kodiċi biex jiddeterminaw neċessità gravi huma inseparabbli, għalhekk ma hi qatt biżżejjed waħeda l-impossibiltà li jsir qrar individwali kif suppost u fi żmien konvenjenti, minħabba nuqqas ta’ konfessuri; din l-impossibiltà trid tkun imsieħba wkoll mill-fatt li altrimenti, il-penitenti jkollhom jibqgħu għal żmien twil u bla ħtija tagħhom, mingħajr il-grazzja sagramentali. Għalhekk ikun meħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-penitenti u tad-Djoċesi, f’dak li għandu x’jaqsam mal-organizazzjoni pastorali tagħha u l-possibiltà li l-fidili jkollhom aċċess għas-Sagrament tal-Penitenza.

c.    L-ewwel kundizzjoni, l-impossibiltà li jsir il-qrar “b’mod xieraq” u “fi żmien xieraq” tirreferi biss għaż-żmien raġonevoli mitlub għaċ-ċelebrazzjoni valida u denja ta’ dan is-Sagrament. F’dan ir-rigward mhux kwestjoni ta’ ħin meħtieġ għal konverżazzjoni pastorali aktar fit-tul, li tista’ tkun imħollija għal ċirkustanzi aktar favorevoli.  Il-ħin ragonevoli u xieraq li fiħ jista’ jsir il-qrar, jiddependi mill-possibiltajiet vera tal-konfessur jew konfessuri, u tal-penitenti nfushom.

d.   It-tieni kundizzjoni meħtieġa biex ikun hemm l-impossibiltà vera deskritta f’Kan. 960, titlob ġudizzju prudenti biex ikun meqjus it-tul ta’ żmien li matulu l-penitenti jistgħu jitħallew bla grazzja sagramentali, dejjem sakemm ma jkunx hemm periklu imminenti tal-mewt.  Dan il-ġudizzju ma jkunx wieħed prudenti jekk jgħawweġ is-sens ta’ impossibiltà fiżika jew morali, kif ikun il-każ, per eżempju, meta jitqies żmien ta’ anqas minn xahar bħala “żmien twil” li wieħed jitħalla f’stat ta’ tali privazzjoni.

e.    Mhux aċcettabbli li minħabba nuqqas ta’ amminstrazzjoni ordinarja tas-Sagrament kawżata mill-inosservanza tan-normi msemmija hawn fuq,  jkunu maħluqa, jew jitħallew jinħolqu sitwazzjonijiet li jidħru li huma bżonn ġravi,[20]u daqstant ieħor mhux aċċettabli  jekk dawn jinħolqu għaliex il-penitenti jippreferu l-assoluzzjoni ġenerali, bħallikieku din kienet għażla normali ekkwivalenti għaż-żewġ forom ordinarji li hemm fir-Ritwal.

f.     In-numru kbir ta’ penitenti, miġbura f’okkażjoni ta’ xi festa kbira jew pellegrinaġġ, jew għal raġunijiet ta’ turiżmu, jew minħabba għax illum żdiedet il-mobiltà tan-nies, fiha nfisha ma tikkostitwix bżonn biżżejjed.

5.   Il-ġudizzju dwar jekk jehżistux il-kundizzjonijiet meħtieġa minn Kan. 961 § 1,2 mhux f’idejn il-konfessur, imma huwa “l-Isqof djoċesan li jista’ jiddetermina każi ta’ tali neċessità, u dan fid-dawl ta’ kriterji maqbula mal-membri l-oħra tal-Konferenza Episkopali”.[21] Dawn il-kriterji pastorali jridu li fid-dawl taċ-ċirkustanżi territorjali rispettivi, jesprimu t-tiftix ta’ fedeltà sħiħa, għall-kriterji bażiċi li hemm fid-dixxiplina universali tal-Knisja, li dawn stess huma bbażati fuq il-ħtiġijiet li joħorġu mill-istess Sagrament tal-Penitenza bħala istituzzjoni divina.

6.   Minħabba l-importanza fundamentali li f’materja tant essenzjali għall-ħajja tal-Knisja jkun hemm armonija sħiħa fl-Episkopat tad-dinja, il-Konferenzi Episkopali, f’osservanza ta’ Kan. 455 § 2 tal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika, għandhom, mill-aktar fis possibli, jibgħatu lill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u Dixxiplina tas-Sagramenti t-test tan-normi, li fi ħsiebhom joħorġu jew jaġġornaw fid-dawl tal-Motu proprio preżenti dwar l-applikazzjoni tal-Kan. 961. Dan ma jonqosx li jgħin biex tikber il-komunjoni bejn l-Isqfijiet tal-Knisja, waqt li kullimkien iħeġġu lill-fidili biex igawdu mill-għejjun tal-ħniena divina, li kontinwament joħorġu b’qawwa mis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

F’din il-perspettiva ta’ komunjoni jkun xieraq għall-Isqfijiet Djoċesana li jinfurmaw lill-Konferenzi Episkopali rispettivi tagħhom dwar jekk fil-ġuriżdizzjoni tagħhom seħħewx każi ta’ neċessità gravi.  Imbagħad ikun xogħol ta’ kull Konferenza biex tinforma lill-Kongregazzjoni hawn fuq imsemmija dwar is-sitwazzjoni reali li hemm fir-reġjuni tagħhom u dwar xi tibdil li sussegwentement ikun qed iseħħ.

7.   Dwar id-dispożizzjoni tal-penitenti, irid jingħad illi:

a.    “Sabiex il-fidili jagħmlu użu b’mod validu tal-assoluzzjoni sagramentali mogħtija lil ħafna persuni f’ħin wieħed, huwa meħtieġ li huma mhux biss ikunu disposti b’mod xieraq imma wkoll fl-istess waqt jkollhom l-intenzjoni li jqerru id-dnubiet gravi li fil-mument ma jistgħux jqerruhom.[22]

b.   Sakemm huwa possibli, anke f’każ ta’ periklu mminenti tal-mewt, lill-fidili għandha qabel issirilhom “eżortazzjoni li kull persuna tieħu ħsieb tagħmel att ta’ ndiema.”[23]

c.    Huwa ċar li penitenti li jkunu qed jgħixu fi stat abitwali tad-dnub ma jistgħux jirċievu l-assuluzzjoni b’mod validu sakemm huma ma jkollhomx l-intenzjoni li jibdlu s-sitwazzjoni tagħhom.

8.   Jibqa’ l-obbligu tal-qrar ta’ dnubiet serji, ta’ l-inqas darba fis-sena,[24] u għalhekk “persuna li kellha dnubiet gravi maħfura permezz ta’ assoluzzjoni ġenerali għandha tersaq għall-qrara individwali malli jkollha l-opportunità li tagħmel dan qabel ma tirċievi assoluzzjoni ġenerali oħra, sakemm ma jkunx hemm xi kawża ġusta”.[25]

9.   Dwar il-post u l-konfessinarju għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament, għandu jkun imfakkar illi:

a.    il-post proprju għas-smiegħ tas-Sagrament tal-Qrar huwa knisja jew oratorju,[26] għalkemm għandu jkun ċar li għal raġunijiet pastorali tista’ tkun ġustifikata ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament f’postijiet oħra.[27]

b.   il-konfessinarju jaqa’ taħt id-dixxiplina tan-normi tal-Konferenza Episkopali rispettiva, li għandha tassigura li l-konfessinjarju jkun “f’post li jidher” u li jkollu grada fissa, hekk li jippermetti lill-fidili u lill-konfessuri nfushom li jagħmlu użu minnhom bil-libertà.[28]

Nordna li dak kollu li huwa stabilit f’din l-Ittra Appostolika f’forma ta’ Motu proprio, jkollu qawwa sħiħa u li tibqa’, u jkun osservat mil-lum ‘il quddiem, u dan minkejja kull provediment li huwa kontra.  Dak kollu li stabbilejt f’din l-Ittra huwa, min-natura tiegħu validu wkoll għall-Ven. Knejjes Kattoliċi Orjentali, f’konformità mal-Kanoni rispettivi tal-Kodiċi tagħhom.

 

Mogħtija f’Ruma, ġewwa San Pietru, is-7 tax-xahar ta’ April, il-Ħadd f’Ottava tal-Għid il-Kbir jew tal-Ħniena Divina, fis-Sena tal-Mulej 2002, l-erbgħa u għoxrin waħda tal-Pontifikat.

JOHN PAUL II


 

[1] Roman Missal,Advent Preface I.

[2] Catechism of the Catholic Church,536.

[3] Cf. Ecumenical Council of Trent, Session XIV, De Sacramento Paenitentiae, Can. 3: DS 1703.

[4] No. 37: AAS 93 (2001) 292.

[5] Cf. Code of Canon Law, Cans. 213 and 843 § 1.

[6] Cf. Ecumenical Council of Trent, Session XIV, Doctrina de Sacramento Paenitentiae, Chap. 4: DS 1676.

[7] Ibid., Can. 7: DS 1707.

[8] Ibid., Chap. 5: DS 1679; Ecumenical Council of Florence, Decree for the Armenians (22 November 1439): DS 1323.

[9] Cf. Can. 392; Second Vatican Ecumenical Council, Dogmatic Constitution on the Church Lumen Gentium, Nos. 23, 27; Decree on the Pastoral Ministry of Bishops Christus Dominus, No. 16.

[10] Cf. Can. 961, § 1, 2.

[11] Cf. Nos. 980-987; 1114-1134; 1420-1498.

[12] Can. 960.

[13] Can. 986, § 1.

[14] Cf. Second Vatican Ecumenical Council, Decree on the Ministry and Life of Priests Presbyterorum Ordinis, 13; Ordo Paenitentiae, editio typica, 1974, Praenotanda, No. 10, b.

[15] Cf. Congregation for Divine Worship and the Discipline of the Sacraments, Responsa ad dubia proposita: Notitiae, 37 (2001) 259-260.

[16] Can. 988, § 1.

[17] Cf. Can. 988, § 2: John Paul II, Post-Synodal Apostolic Exhortation Reconciliatio et Paenitentia (2 December 1984), 32: AAS 77 (1985) 267; Catechism of the Catholic Church, 1458.

[18]  (18)John Paul II, Post-Synodal Apostolic Exhortation Reconciliatio et Paenitentia (2 December 1984), 32: AAS 77 (1985) 267.

[19] Can. 961, § 1.

[20] Cf. above Nos. 1 and 2.

[21] Can. 961, § 2.

[22] Can. 962, § 1.

[23] Can. 962, § 2.

[24] Can. 989.

[25] Can. 963.

[26] Can 964, § 1.

[27] Cf. Can. 964 § 3.

[28] Pontifical Council for the Interpretation of Legislative Texts, Responsa ad propositum dubium: de loco excipiendi sacramentales confessiones (7 July 1998): AAS 90 (1998) 711.