L-ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

ĠWANNI PAWLU II

LIS-SAĊERDOTI

GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1996

 

Għeżież Ħuti fis-Saċerdozju!

«Nikkonsidraw... il-vokazzjoni tagħna, ħuti» (cfr 1 Kor 1, 26). Is-saċerdozju huwa vokazzjoni, vokazzjoni partikolari: «Ħadd ma jistà jattribwixxi dan l-unur, jekk mhux min imsejjaħ minn Alla » (Lh 5, 4). L-Ittra lil-Lhud tagħmel riferenza għas-saċerdozju tat-Testment il-Qadim, biex tintroduċi għall-fehim tal-misteru ta’ Kristu Saċerdot: «Kristu ma attribwixxiex il-glorja ta’ qassis il-kbir, imma tahielu dak li qallu:. . . Int saċerdot għal dejjem, skont Melkisedek » (5, 5-6).

Il-vokazzjoni singolari ta’ Kristu Saċerdot

1. Kristu, Iben konsustanzjali tal-Missier, huwa maħtur saċerdot tal-Patt il-Ġdid skont l-ordni ta’ Melkisedek:  hu wkoll jiġi, mela, imsejjaħ għas-saċerdozju. Huwa l-Missier li «jsejjaħ» lill-Iben propju, minnU ġġenerat b’att ta’ imħabba eterna, sabiex «jidħol fid-dinja» (cfr Lh 10, 5) u jsir bniedem. Huwa jrid li Ibnu uniġenitu, waqt li jinkarna ruħu, isir «saċerdot għal dejjem»: l-uniku saċerdot tal-Patt il-ġdid u etern. Fil-vokazzjoni tal-Iben għas-saċerdozju tesprimi ruħha l-profondità tal-misteru trinitarju. Infatti  l-Iben biss, il-Verb tal-Missier, li fih u permezz tiegħu kollox kien maħluq, jistà joffri bla ma jaqtà f’sagrifiċċju lill-Missier il-ħolqien, waqt li jikkonferma li dak kollu li nħoloq ġie mill-Missier u għandu jsir offerta ta’ tifħir lill-Ħallieq. Hekk, mela, il-misteru tas-saċerdozju isib il-bidu tiegħu fit-Trinità u huwa fl-istess ħin konsegwenza tal-Inkarnazzjoni. Waqt li sar bniedem, l-Iben uniġenitu u etern tal-Missier jitwieled minn mara, jidħol fl-ordni tal-ħolqien u hekk isir saċerdot, saċerdot uniku u etern.

L-Awtur tal-Ittra lil-Lhud jenfasizza li s-saċerdozju ta’ Kristu huwa marbut mas-sagrifiċċju tas-Salib:  «Kristu, li ġie bħala qassis il-Kbir tal-ġid futur, permezz ta’ tinda ikbar u iktar perfetta, mhux magħmula minn id il-bniedem, jiġifieri li ma tippartinix għal dan il-ħolqien, daħal darba għal dejjem fis-santwarju… b’demmu stess, wara li kisbilna fidwa eterna » (Lh 9,11-12). Is-saċerdozju ta’ Kristu għandu għeruqu fl-opra tar-redenzjoni. Kristu huwa saċerdot tas-sagrifiċċju propju: «Bi Spirtu etern offra lilu nnifsu mingħajr tebgħa lil Alla» (Lh 9, 14). Is-saċerdozju tal-Patt il-Ġdid, li fih nissejħu fil-Knisja, jikkostitwixxi hekk il-parteċipazzjoni għal dan is-saċerdozju singolari ta’ Kristu.

Saċerdozju komuni u saċerdozju ministerjali

2. Il-Konċilju Vatikan II jippreżenta l-kunċett ta’ «vokazzjoni» fil-wisgħa kollha tiegħu. Infatti, jitkellem dwar vokazzjoni tal-bniedem, dwar vokazzjoni tan-nisrani, dwar vokazzjoni għall-ħajja konjugali u familjari, waħda mill-forom possibbli ta’ rejalizzazzjoni tas-sekwenza ta’ Kristu, li bosta drabi fil-Vanġelu jindirizza l-istedina: «Imxi warajja!».

Fil-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen gentium, il-Konċilju jgħallem li l-imgħammdin kollha jipparteċipaw mis-saċerdozju ta’ Kristu; fl-istess ħin, però, jiddistingwi b’mod ċar bejn is-saċerdozju tal-poplu ta’ Alla, komuni għall-fidili kollha, u s-saċerdozju ġerarkiku, jiġifieri ministerjali. Jixraq, f’dan ir-rigward, li jkun rapportat kollu kemm hu pass illuminanti tal-ikkwotat dokument konċiljari:  «Kristu Mulej, Papa magħżul minn qalb il-bnedmin  (cfr Lh  5, 1-5), għamel mill-poplu l-ġdid “saltna u saċerdoti għal Alla u Missieru” (Ap 1, 6; cfr 5, 9-10). Infatti, għar-riġenerazzjoni u għad-dlik tal-Ispirtu Santu l-imgħammdin jiġu kkonsagrati biex jiffurmaw għamara spiritwali u saċerdozju qaddis, biex joffri, permezz tal-opri kollha tan-nisrani, sagrifiċċji spiritwali, u jgħarraf l-għegubijiet ta’ Dak, li mid-dlamijiet sejħilhom għad-dawl tiegħu tal-għaġeb (cfr 1 Pt 2, 4-10). Id-dixxipli kollha ta’ Kristu, mela, waqt li jipperseveraw fit-talb u waqt li jfaħħru flimkien lil Alla (cfr At 2, 42-47), joffru lilhom infushom bħala vittma ħajja, qaddisa, sabiħa lil Alla (cfr Rm 12, 1), jirrendu xhieda kullimkien lil Kristu u, lil kull min jitlobha, jirrendu raġuni tat-tama li tkun fihom tal-ħajja eterna (cfr 1 Pt 3, 15). Is-saċerdozju komuni tal-fidili u s-saċerdozju ministerjali jew ġerarkiku, għalkemm essenzjalment huma differenti u mhux biss fil-grad, huma madankollu ordnati wieħed għal ieħor, ġaladarba wieħed għal ieħor, kull wieħed bil-mod tiegħu, jieħdu sehem fl-uniku saċerdozju ta’ Kristu. Is-saċerdot ministerjali,  bil-qawwa sagra  li biha huwa nvestit, jifforma u jmexxi l-poplu saċerdotali, iwettaq is-sagrifiċċju ewkaristiku fil-persuna ta’ Kristu u joffrih lil Alla f’isem il-poplu kollu; il-fidili, bis-saħħa tas-saċerdozju regali tagħhom, jikkontribwixxu għall-offerta tal-Ewkaristija, u jeżerċitaw is-saċerdozju bis-sehem fis-sagramenti, bit-talb u r-ringrazzjament, bix-xhieda ta’ ħajja qaddisa, bis-sagrifiċċju personali u bil-karità operanti ».

Is-saċerdozju ministerjali huwa għas-servizz tas-saċerdozju komuni tal-fidili. Is- saċerdot, infatti, meta jiċċelebra l-Ewkaristija u jamministra s-sagramenti iġiegħel lill-fidili jkunu konxji tas-sehem tagħhom distint fis-saċerdozju ta’ Kristu.

Is-sejħa personali għas-saċerdozju

3. Jidher b’ċarezza, għalhekk li, fil-qasam l-iktar vast tal-vokazzjoni nisranija, dik saċerdotali tikkostitwixxi sejħa speċifika. U dan huwa konformi b’mod ġenerali mal-esperjenza personali tagħna s-saċerdoti:  irċivejna l-magħmudija u l-griżma, ħadna sehem fil-katekeżi, fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u b’mod speċjali fl-Ewkaristija. . Il-vokazzjoni tagħna għas-saċerdozju ffjorixxiet fil-kuntest tal-ħajja nisranija.

Kull vokazzjoni għas-saċerdozju madankollu, għandha storja ndividwali, li tagħmel riferenza għal waqtiet preċiżi sewwa tal-ħajja ta’ kull wieħed. Waqt li sejjaħ lill-Appostli, Kristu kien jgħid lil kull wieħed: «Imxi warajja!» (Mt 4, 19; 9, 9; Mk 1, 17; 2, 14; Lq 5, 27; Ġw 1, 43; 21, 19). Għal elfejn sena Huwa għadu jkompli jindirizza l-istess stedina lil bosta rġiel, b’mod partikolari żgħażagħ. Kultant isejjaħ ukoll b’mod sorprendenti, għalkemm din qatt ma tkun sejħa mhix mistennija għal kollox. L-istedina ta’ Kristu biex nimxu warajh hija, is-soltu, imħejjija tul l-ispazju ta’ żmenijiet twal. Preżenti diġa fil-kuxjenza tat-tfajjel, ukoll jekk imċajpra sussegwentement mill-indeċiżjoni jew mis-sejħa biex isegwi toroq oħra, meta l-istedina terġà tibda ssemmà leħinha ma tikkostitwixxi ebda sorpriża. Wieħed allura ma jistagħġibx li hija din il-vokazzjoni li tieħu preċedenza fuq l-oħrajn, u ż-żagħżugħ ikun jistà jaqbad it-triq indikata lilu minn Kristu: iħalli l-familja u jibda t-tħejjija speċifika għas-saċerdozju.

Teżisti tipoloġija tas-sejħa, li għaliha issa se naċċennaw. Insibu abbozz tagħha fit-Testment il-Ġdid. Bl-«Imxi warajja!» tiegħu Kristu jdur fuq diversi persuni: hemm sajjieda bħal Pietru jew ulied Żebedew (cfr Mt 4, 19.22), imma hemm ukoll Levi,  pubblikan, wara imsejjaħ Mattew. Il-professjoni ta’ kollettur tat-taxxi kienet miżmuma f’Iżrael pekkaminuża u jixirqilha disprezz. Bdanakollu Kristu jsejjaħ fil-grupp tal-Appostli propju pubblikan (cfr Mt 9, 9). L-ikbar stagħġib jitqanqal bla ebda dubju ta’ xejn mis-sejħa ta’ Sawlu ta’ Tarsu (At 9, 19), magħruf u persekutur li jqanqal il-biżà tal-insara, li kien jobgħod l-isem ta’ Ġesù. Propju dan il-Fariżew jiġi msejjaħ fit-triq ta’ Damasku: minnu l-Mulej ried jagħmel «strument magħżul», iddestinat biex ibati ħafna għal ismu  (cfr At 9, 15-16).

Kull wieħed minna s-saċerdoti jagħraf lilu nnifsu fit-tipoloġija evanġelika oriġinali tal-vokazzjoni; fl-istess ħin, hu jaf li l-istorja tal-vokazzjoni tiegħu, il-mixja twila li għaliha jmexxih tul l-eżistenza kollha tiegħu, hija sa ċertu punt irrepetibbli.

Għeżież Ħuti fis-saċerdozju, hemm bżonn li spiss nieqfu fit-talb, waqt li nimmeditaw il-misteru tal-vokazzjoni tagħna, b’qalbna mimlija stagħġib u gratitudni lejn Alla għal don hekk ineffabbli.

Il-vokazzjoni saċerdotali tal-Appostli

4. L-immaġni tal-vokazzjoni mgħoddija lilna mill-Vanġeli hija b’mod partikolari marbuta mal-figura tas-sajjied. Ġesù sejjaħ warajh xi sajjieda tal-Galilea, fosthom lil Xmun Pietru, u ddefenixxa l-missjoni apostolika billi rrifera għas-sengħa tagħhom. Wara s-sajda mirakoluża, meta Pietru nxteħet f’riġlejh waqt li għajjat: «Mulej, tbiegħed minni għaliex jien midneb», Kristu wieġbu: «La tibżax; minn issa ‘l hemm int se tkun sajjied tal-bnedmin» (Lq 5, 8.10).

Pietru u l-Appostli l-oħra kienu jgħixu flimkien ma’ Ġesù u miegħU ġrew mat-toroq tal- missjoni tiegħu. Semgħu l-kliem li Hu ippronunzja, ammiraw l-opri, stagħġbu bil-mirakli li kien jagħmel. Kienu jafu li Ġesù kien il-Messija mibgħut minn Alla biex jindika lill-Iżrael u lill-umanità kollha t-triq tal-fidwa. Imma l-fidi tagħhom kellha tgħaddi mill-ġrajja feddejja misterjuża li spiss kien tennielhom: «Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-bnedmin u joqtluh, imma mat-tielet jum huwa jerġà jqum » (Mt 17, 22-23). Dan kollu twettaq b’mewtu u bil-qawmien mill-imwiet tiegħu, fil-jiem li l-Liturġija ssejjaħ Triduum sacrum.

Propju waqt tali ġrajja paskwali Kristu rrivela lill-Appostli li l-vokazzjoni tagħhom kienet dik li jsiru saċerdoti bħalU u fiH. Dan seħħ meta, fiċ-Ċenaklu, lejlet il-mewt tiegħu fuq is-salib, Huwa ħa l-ħobż u mbagħad il-kalċi tal-imbid, waqt li fuqhom ippronunzja l-kliem tal-konsagrazzjoni. Il-ħobż u l-imbid saru Ġismu u Demmu, offruti f’sagrifiċċju għall-umanità kollha. Ġesù kkonkluda dan il-ġest billi żied lill-Appostli: «Agħmlu dan... b’tifkira tiegħi» (1 Kor 11, 25). B’dan il-kliem afdalhom is-sagrifiċċju propju u ttrażmettieh, permezz ta’ jdejhom, lill-Knisja għaż-żminijiet kollha, Kristu għamilhom ukoll parteċipi mis-saċerdozju tiegħu. Teżisti, infatti, rabta stretta u li ma tinħallx bejn l-offerta u s-saċerdot: dak li joffri s-sagrifiċċju ta’ Kristu għandu jkollu parti fis-sagrifiċċju ta’ Kristu. Il-vokazzjoni għas-saċerdozju hija mela, vokazzjoni biex ikun offrut in persona Christi is-sagrifiċċju tiegħu, bis-saħħa tal-parteċipazzjoni fis-saċerdozju tiegħu. Mill-Appostli, għalhekk, writna l-ministeru saċerdotali.

Is-sacċerdot iwettaq lilu nnifsu fi tweġiba dejjem imġedda u viġilanti

5. «L-Imgħallem hawn u qed isejjaħlek» (Ġw 11, 28).Dan il-kliem nistgħu naqrawh b’riferenza għall-vokazzjoni saċerdotali. Is-sejħa ta’ Alla tinsab fl-oriġni tal-mixja li l-bniedem irid iwettaq f’ħajtu: hija din id-dimensjoni primarja u fundamentali tal-vokazzjoni, imma mhix l-unika. Mal-ordinazzjoni saċerdotali, infatti, tibda mixja li ddum sal-mewt u li hija kollha kemm hi itinerarju «vokazzjonali». Il-Mulej isejjaħ il-presbiteri għal dmirijiet differenti u ministeri li joħorġu minn tali vokazzjoni. Imma hemm livell li hu iktar profond. Barra mid-dmirijiet li huma l-espressjoni tal-ministeru saċerdotali, jibqà dejjem, fil-qiegħ ta’ kollox, ir-realtà nfisha ta’ li  «tkun saċerdot». Is-sitwazzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jistiednu bla qtugħ ta’ xejn lis-saċerdot biex jikkonferma l-għażla oriġinali tiegħu, biex iwieġeb dejjem u mill-ġdid għas-sejħa ta’ Alla. Ħajjitna saċerdotali, bħal kull eżistenza nisranija awtentika, hija suċċessjoni ta’ tweġibiet lil Alla li jsejjaħ.

Hija simbolika, f’dan ir-rigward, il-parabbola tal-qaddejja li jistennew ir-ritorn ta’ sidhom. Minħabba li dan ittardja, huma jridu jgħassu biex jinstabu viġilanti, meta huwa jasal (cfr Lq 12, 35-40). Ma tistax tkun, din il-viġilanza evanġelika, definizzjoni oħra tat-tweġiba għall-vokazzjoni? Din, fil-fatt, titwettaq grazzi għal sens għassies ta’ responsabbiltà. Kristu jenfasizza: «Imberkin dawk il-qaddejja li s-sid isib għadhom imqajmin meta jiġi lura… U jekk, meta jasal f’nofs ta’ lejl jew qabel is-sebħ, isibhom hekk, imberkin huma! » (Lq 12, 37-38).

Il-presbiteri tal-Knisja latina jassumu l-impenn li jgħixu fiċ-ċelibat. Jekk il-vokazzjoni hija viġilanza, aspett sinifikattiv ta’ din tal-aħħar huwa bla dubju il-fedeltà għal tali mpenn tul il-perijodu kollu tal-eżistenza. Iċ-ċelibat, madankollu, jikkostitwixxi biss waħda mid-dimensjonijiet tal-vokazzjoni, li tattwa ruħha, tul il-mixja tal-ħajja, fil-kuntest ta’ impenn globali lejn id-dmirijiet multepliċi li joħorġu mis-saċerdozju.

Il-vokazzjoni mhijiex realtà statika: tippossiedi dinamika propja. Għeżież Ħuti fis-saċerdozju, ejjew nikkonfermaw u mwettqu dejjem iktar il-vokazzjoni tagħna, fil-qies li fih ngħixu fedelment il- «mysterium» tal-patt ta’ Alla mal-bniedem u, b’mod partikolari, il- «mysterium» tal-Ewkaristija; inwettquha fil-qies li fih b’intensità krexxenti inħobbu s-saċerdozju u l-ministeru saċerdotali, li aħna msejħin biex inwettqu. Niskopru allura li, f’li aħna saċerdoti, «inwettqu lilna nfusna, waqt li nikkonfermaw l-awtentiċità tal-vokazzjoni tagħna, skont il-pjan singolari u etern ta’ Alla fuq kull wieħed minna. Dan il-proġett divin jattwa ruħu fil-qies li bih jiġi magħruf u milqugħ minna, bħala l-proġett tagħna u l-programm tal-ħajja.

Is-saċerdozju bħala «officium laudis»

6. Gloria Dei vivens homo. Il-kliem ta’ Sant’Irinew (S. Irenaei Adversus Haereses, IV, 20, 7: Sch 100/2, 648-649) jġħaqqdu b’mod profond il-glorja ta’ Alla mal-awtorealizzazzjoni tal-bniedem«Non nobis, Domine, non nobis, sed nomini tuo da gloriam» (Sal113 B [114-115], 1): waqt li nirrepetu spiss dan il-kliem tas-Salmista, nintebħu li li «twettaq lilek innifsek» fil-ħajja għandu riferenza u fini traxxendenti, miġburin fil-kunċett ta’ «glorja ta’ Alla»: ħajjitna hija msejħa biex issir officium laudis.

Il-vokazzjoni saċerdotali hija sejħa speċjali għall-«officium laudis». Meta s-saċerdot jiċċelebra l-Ewkaristija, meta jipparteċipa fil-Penitenza il-maħfra ta’ Alla jew jamministra s-Sagramenti l-oħra, dejjem huwa jirrendi tifħir lil Alla. Jeħtieġ mela li s-saċerdot iħobb il-glorja tal-Alla l-ħaj u li flimkien mal-komunità ta’ dawk li jemmnu, ixandar il-glorja divina, li tiddi fil-ħolqien u fir-redenzjoni. Is-saċerdot huwa msejjaħ biex jingħaqad b’mod partikolari ma’ Kristu, Verb etern u veru Bniedem, Feddej tad-dinja: fir-redenzjoni, infatti, timmanifesta ruħha t-totalità tal-glorja li l-umanità u l-ħolqien kollu jirrendu lill-Missier f’Ġesù Kristu.

Officium laudis mhuwiex biss il-kliem tas-Salterju, l-innijiet liturġiċi, il-kant tal-poplu ta’ Alla mġiegħla jidwu fil-preżenza tal-Ħallieq b’tant ilsna differenti; officium laudis huwa fuq kollox is-sejba bla qtugħ tal-veru, tal-ġid u tas-sabiħ, li d-dinja tirċievi b’don tal-Ħallieq u, fl-istess ħin, huwa s-sejba tas-sens tal-eżistenza umana. Il-misteru tal-fidwa wettaq kompletament u irrivela dan is-sens, waqt li qarrab il-ħajja tal-bniedem lejn il-ħajja ta’ Alla. Il-fidwa, imwettqa b’mod definittiv fil-misteru paskwali permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, tirrivela mhux biss il-qdusija traxxendenti ta’ Alla, imma wkoll, bħal ma jgħallem il-Konċilju Vatikan II, tiżvela «il-bniedem lill-bniedem» (Gaudium et Spes, 22).

Il-glorja ta’ Alla hija minquxa fl-ordni tal-ħolqien u tal-fidwa; is-saċerdot huwa msejjaħ biex jgħix sal-aħħar dan il-ministeru biex jieħu sehem bil-kbir fl- officium laudis, li jitwettaq bla jaqtà fl-univers. Biss bl-għixien fi profondità tal-verità tal-fidwa tad-dinja u tal-bniedem, huwa jistà joqrob għat-tbatijiet u għall-problemi tal-persuni u tal-familji u jiffaċċja bla biżà wkoll ir-realtà tal-ħażin u tad-dnub, bl-enerġiji spiritwali meħtieġa biex jegħlibha.

Is-saċerdot jakkumpanja l-fidili lejn it-totalità tal-ħajja f’Alla

7. Gloria Dei vivens homo. Is-saċerdot, li l-vokazzjoni tiegħu hija li jagħti glorja lil Alla, huwa fl-istess ħin ittimbrat mill-verità miġbura fit-tieni parti tal-espressjoni ta’ Sant’Irinew: vivens homoL-imħabba għall-glorja ta’ Alla ma tbigħedx lis-saċerdot mill-ħajja u minn dak kollu li jagħmilha; għall-kuntrarju, il-vokazzjoni tiegħu twasslu biex jiskopri is-sinifikat sħiħ.

Xi jrid jgħid vivens homo? Ifisser  il-bniedem fit-totalità tal-verità tiegħu: il-bniedem maħluq minn Alla xbiha u xebħ tiegħu; il-bniedem li Alla afdalu l-art biex jiddominaha; il-bniedem immarkat minn għana multepliċi tan-natura u tal-grazzja; il-bniedem meħlus mill-iskjavitù tad-dnub u mgħolli għad-dinjità ta’ iben addottiv ta’ Alla.

Hawn huma l-bniedem u l-umanità li s-saċerdot għandu quddiemu meta jiċċelebra l-misteri divini: mit-tarbija li l-ġenituri jġibu għall-Magħmudija, għat-tfal żgħar u kbar li jiltaqà magħhom għall-katekeżi jew għat-tagħlim tar-reliġjon. U mbagħad iż-żgħażagħ li, fil-perijodu l-iktar delikat tal-ħajja, jagħżlu triqthom, il-vokazzjoni propja, u jerħulha biex jiffurmaw familji ġodda jew inkella biex jikkonsagraw ruħhom għas-Saltna ta’ Alla billi jidħlu f’Seminarju jew fi Stitut tal-ħajja kkonsagrata. Hemm bżonn li s-saċerdot ikun ferm viċin taż-żgħażagħ. F’dan l-istaġun tal-ħajja huma jduru spiss lejh biex ifittxu s-sabar ta’ parir, is-sosten tat-talb, akkumpanjament għaref vokazzjonali. B’dan il-mod is-saċerdot jistà josserva kemm hija miftuħa u ddedikata għall-persuni l-vokazzjoni tiegħu. Waqt li jersaq lejn iż-żgħażagħ huwa jiltaqà ma missirijiet futuri u ommijiet futuri ta’ familji, professjonisti futuri jew, ikun xi jkun, persuni li jistgħu jikkontribwixxu bil-ħiliet propji biex jibnu s-soċjetà ta’ għada. Kull waħda minn dawn il-vokazzjonijiet tgħaddi minn qalbu saċerdotali u timmanifesta kif mixja partikolari, li tulha Alla jiggwida l-persuni u jwassalhom għal-laqgħa miegħU.

Is-saerdot hekk isir parteċipi ta’ tant għażliet ta’ ħajja, ta’ tbatijiet u ferħ, ta’ delużjoni u tamiet. F’kull sitwazzjoni, id-dmir tiegħu huwa li juri lil Alla lill-bniedem bħala l-aħħar fini tal-ġrajja personali. Is-saċerdot isir dak li l-persuni jafdaw fih il-ħwejjeġ l-iktar għeżież u s-sigrieti tagħhom, kultant ta’ niket mhux ħażin. Isir il-mistenni tal-morda, tal-anzjani u tal-moribondi, li jafu li hu biss, li jipparteċipa fis-saċerdozju ta’ Kristu, jistà jgħinhom fl-aħħar passaġġ, li għandu jwassalhom għand Alla. Is-saċerdot, xhud ta’ Kristu, huwa messaġġier tal-vokazzjoni suprema tal-bniedem għall-ħajja eterna f’Alla. U waqt li jakkumpanja lill-aħwa, huwa jħejji lilu nnifsu: l-eżerċizzju tal-ministeru jippermettilu li japprofondixxi l-vokazzjoni tiegħu stess biex tagħti ġlorja lil Alla sabiex tieħu sehem fil-ħajja eterna. B’dan il-mod huwa jipproċedi lejn il-jum li fih Kristu se jgħidlu: «Tajjeb, qaddej tajjeb u fidil, …ħu sehem fil-ferħ ta’ sidek» (Mt 25, 21).

Il-ġublew saċerdotali: żmien ta’ ferħ u ta’ ringrazzjament

8. «Ikkonsidraw... il-vokazzjoni tagħkom, ħuti» (1 Kor 1, 26). L-eżortazzjoni ta’ Pawlu lill-insara ta’ Korintu tkopri sinifikat partikolari għalina s-saċerdoti. Irridu «nikkonsidraw» spiss il-vokazzjoni tagħna, waqt li nsibu s-sens u l-kobor, li dejjem jissuperawna. Okkażjoni privileġġjata għal dan huwa Ħamis ix-Xirka, jum kommemorattiv tal-istituzzjoni tal-Ewkaristija u tas-sagrament tas-Saċerdozju. Okkażjonijiet favorevoli huma wkoll l-anniversari tal-Ordinazzjoni saċerdotali u, b’mod speċjali, il-ġublewijiet saċerdotali.

Għeżież Ħuti saċerdoti, waqt li naqsam magħkom dawn ir-riflessjonijiet, naħseb fil-50 sena tiegħi tal-Ordinazzjoni saċerdotali, li taħbat din is-sena. Naħseb fi sħabi tas-seminarju li, bħali, għandhom wara spallejhom mixja lejn is-saċerdozju immarkata mill-perijodu drammatiku tat-tieni gwerra mondjali. Dak iż-żmien is-Seminarji kienu magħluqin u l-kjeriċi kienu jgħixu in diaspora. Uħud minnhom tilfu ħajjithom fl-operazzjonijiet tal-gwerra.  Is-saċerdozju milħuq f’dawk il-kondizzjonijiet kiseb għalina valur partikolari. Ħaj fit-tifkira dak il-waqt kbir meta, ħamsin sena ilu, l-Assemblea invokat: «Veni, Creator Spiritus» fuqna Djakni żgħażagħ, minn tulna mal-art f’nofs it-tempju, qabel ma rċivejna l-Ordinazzjoni saċerdotali permezz tal-impożizzjoni ta’ jdejn l-Isqof. Niżżu ħajr lill-Ispirtu Santu għal dik l-effużjoni ta’ grazzja, li mmarkat l-eżistenza tagħna. U inkomplu nitolbu: «Imple superna gratia, quae tu creasti pectora».

Nixtieq, għeżież Ħuti fis-saċerdozju, nistedinkom tieħdu sehem fit-Te Deum tiegħi ta’ radd il-ħajr għad-don tal-vokazzjoni.  Il-ġublewijiet, dan intom tafuh, huma waqtiet importanti fil-ħajja ta’ saċerdot: dawn jirrapreżentaw kważi bħal ġrajjiet importanti fil-mixja tal-vokazzjoni tagħna. Skont it-tradizzjoni bibblika, il-ġublew huwa żmien ta’ ferħ u ta’ ringrazzjament. Il-bidwi jiżżi ħajr lill-Ħallieq għall-ġbir tal-prodotti; fl-okkażjoni tal-ġublewijiet tagħna, aħna rridu niżżu ħajr lir-Ragħaj etern għall-frott ta’ ħajjitna saċerdotali, għas-servizz mogħti lill-Knisja u lill-umanità fid-diversi postijiet tad-dinja, fil-kondizzjonijiet l-iktar varji u fis-sitwazzjonijiet multepliċi tax-xogħol, li fihom il-Providenza riditna u mexxitna. Nafu li aħna «qaddejja inutli» (Lq 17, 10), madankollu aħna grati lejn il-Mulej għaliex ried jagħmel minna ministri tiegħu.

Aħna rikonoxxenti wkoll lejn il-bnedmin: qabel kollox dawk li għenuna biex naslu għas-Saċerdozju u lejn dawk li l-Providenza divina poġġiet fit-triq tal-vokazzjoni tagħna. Nirringrazzjawhom kollha, waqt li nibdew mill-ġenituri tagħna, li għalina kienu don versatili ta’ Alla:  kemm u liema rikkezzi ta’ tagħlim u ta’ eżempji tajba għaddewlna! Waqt li niżżu ħajr, nitolbu wkoll maħfra lil Alla u lil ħutna għan-negliġenzi u għan-nuqqasijiet, frott tad-dgħufija umana. Il-ġublew, skont l-Iskrittura Mqaddsa, ma setax ikun biss ringrazzjament għall-ġbir tal-prodotti: dan kien jinvolvi wkoll iċ-ċediment tad-djun. Nitolbu, għalhekk, lil Alla ħanin sabiex jaħfrilna d-djun li għamilna tul il-kors ta’ ħajjitna u fl-eżerċizzju tal-ministeru saċerdotali.

«Ikkunsidraw... il-vokazzjoni tagħkom, ħuti», iwissina l-Appostlu. Imħeġġin minn kelmtu, aħna «nikkonsidraw» il-mixja mwettqa s’issa, li matulha l-vokazzjoni tagħna twettqet, approfondiet ruħha, ikkonsolidat.  «Nikkunsidraw» biex niksbu koxjenza iktar ċara tal-azzjoni amorevoli ta’ Alla f’ħajjitna. Ma nistgħux, fl-istess ħin, ninsew lil ħutna fis-saċerdozju, li ma pperseverawx fit-triq li qabdu. Nafdawhom fl-imħabba tal-Missier, waqt li nassikuraw għal kull wieħed minnhom it-talb tagħna.

L-«ikkunsidrar» hekk jimbidel, kważi bla nintebħu, f’talb. Huwa f’din il-prospettiva li nixtieq nistedinkom, għeżież Ħuti fis-saċerdozju, biex tingħaqdu fir-ringrazzjament tiegħi għad-don tal-vokazzjoni saċerdotali.

Talba ta’ ringrazzjament għad-don tas-Saċerdozju

9. «Te Deum laudamus, 
Te Dominum confitemur . . .
» 
Infaħħruk u niżżuk ħajr, o Alla: 
l-art kollha tadurak.
Aħna, Ministri tiegħek
b’leħen il-Profeti 
u mal-kor tal-Appostli
nipproklamawk Missier u Mulej tal-ħajja
ta’
kull forma ta’ ħajja li minnek biss tinżel.
Aħna nagħrfuk, o Trinità l-iktar Qaddisa, 
ġuf u bidu tal-vokazzjoni tagħna:
Int, Missier, sa mill-eternità ħsibt fina, 
ridtna u ħabbejtna; 
Int, Iben, għażiltna u sejjaħtilna
biex nieħdu sehem fis-saċerdozju uniku u etern Tiegħek;
Int, Spirtu Santu, fawwartna bid-doni Tiegħek 
ikkonsagrajtna bid-dlik qaddis Tiegħek.
Int, Mulej taż-żmien u tal-istorja, 
qegħdtna fuq il-għatba 
tat-tielet millenju nisrani, 
biex inkunu xhieda tal-fidwa, 
imwettqa minnek għall-umanità kollha.
Aħna, Knisja li xxandar il-glorja Tiegħek, 
Nitolbuk biex: 
qatt ma jiġu nieqsa saċerdoti qaddisa 
fis-servizz tal-Vanġelu; 
jirbombja sollenni f’kull Katidral 
u f’kull rokna tad-dinja 
l-innu «Veni, Creator Spiritus».
Ejja o Spirtu Ħallieq! 
Ejja biex tqanqal ġenerazzjonijiet ġodda ta’ żgħażagħ,
lesti biex jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej, 
biex iferrxu s-Saltna ta’ Alla 
sat-truf l-iktar imbiegħda tal-art.
U Int, Marija, Omm ta’ Kristu, 
li taħt is-salib ulqajtna 
bħala wlied għeżież mal-appostlu Ġwanni, 
kompli għasses il-vokazzjoni tagħna. 
Lilek nafdaw is-snin tal-ministeru 
li l-Providenza tippermettilna li nkomplu ngħixu.
Kun qribna sabiex tiggwidana 
fit-toroq tad-dinja, 
fil-laqgħat mal-irġiel u man-nisa, 
li Ibnek feda b’demmu.
Għinna biex inwettqu sal-aħħar 
ir-rieda ta’ Ġesù, 
imwieled minnek għall-fidwa tal-bniedem.
O Kristu, Int it-tama tagħna! 
«In Te, Domine, speravi, 
non confundar in aeternum».

Mill-Vatikan, is-17 ta’ Marzu, ir-rabà Ħadd tar-Randan, tas-sena 1996, it-tmintax tal-Pontifikat.

IOANNES PAULUS PP. II

 

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti min Emanuel Zarb