ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI

FL-OKKAŻJONI TA’ ĦAMIS IX-XIRKA 1995

 

1. «Unur lil Marijaa,
unur u  glorja,
unur lill-Verġni Mqaddsa! (...)
Dak li ħoloq id-dinja
meraviljuża
fiHa onora
lil Ommu (...).
Ħabbha bħala Ommu,
għex fl-ubbidjenza.
Minkejja li kien Alla,
irrispetta kull kelma tagħha».

Għeżież Ħuti fis-saċerdozju!

La tistagħġbux jekk nibda din l-Ittra, li tradizjonalment nindirizzalkom fl-okkażjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, bil-kliem ta’ innu Marjan Pollakk. Dan qed nagħmlu għaliex din is-sena nixtieq inkellimkom dwar l-importanza tal-mara fil-ħajja tas-saċerdot, u dawn il-versi, li kont inkanta sa minn tfuliti, jistgħu jikkostitwixxu introduzzjoni sinifikattiva għal tali suġġett.

L-innu jqanqal l-imħabba ta’ Kristu lejn Ommu. Ir-rapport ewlieni u fundamentali li l-esseri uman jistabilixxi mal-mara huwa propju dak ta’ iben lejn ommu. Kull wieħed minna jistà jesprimi mħabbtu lejn l-omm terrena bħal ma għamel u jagħmel l-Iben ta’ Alla ma’ tiegħu. L-omm hija l-mara li lilha nafu ħajjitna. Ikkonċepitna f’ġufha, tatna d-dawl fost l-uġigħ li jakkumpanja l-esperjenza ta’ kull mara li twelled. Permezz tal-ġenerazzjoni tasal li tistabilixxi rabta speċjali, kważi sagra, bejn l-esseri uman u ommu.

Wara l- ġġenerawna għall-ħajja terrena, kienu mill-ġdid il-ġenituri tagħna li sawruna fi Kristu wlied addottivi ta’ Alla, grazzi għas-sagrament tal-Magħmudija. Dan kollu għamel ferm iktar profonda r-rabta eżistenti bejnna u bejn ommijietna. Il-prototipu hawn huwa Kristu nnifsu, Kristu-Saċerdot, li jdur b’dan il-mod lejn il-Missier etern: «Int la ridt saġrifiċċju linqas offerta,  minflok ħejjejtli ġisem. La għoġbok l-olokawst linqas is-sagrifiċċju għad-dnub. Allura jiena għidt: Hawn jien, ġej (...) biex nagħmel, o Alla, ir-rieda tiegħek » (Lh 10,5-7). Dan il-kliem jimplika b’xi mod ukoll lill-Omm, billi l-Missier etern ifforma l-ġisem ta’ Kristu bl-opra tal-Ispirtu Santu, fil-ġuf tal-Verġni Marija, ukoll grazzi għall-kunsens tagħha: «Isir minni dak li għidt» (Lq 1,38).

Kemm minna jafu lil ommhom l-istess vokazzjoni għas-saċerdozju! L-esperjenza tgħallem li spiss ħafna hija l-omm li tikkultiva għal snin sħaħ ġewwa qalbha x-xewqa tal-vokazzjoni saċerdotali tal-iben u biex tiksibha billi titlob b’fiduċja nsistenti u b’umiltà profonda. Hekk mingħajr ma timponi r-rieda tagħha, hija tiffavorixxi, b’effett tipiku tal-fidi, ir-rimi tal-aspirazzjoni għas-saċerdozju f’qalb l-iben, aspirazzjoni li tagħmel il-frott fil-waqt opportun.

2. Nixtieq nirrifletti f’din l-Ittra dwar ir-rapport bejn is-saċerdot u l-mara, billi nieħu spunt mill-fatt li t-tema tal-mara tiġbed mill-ġdid din is-sena attenzjoni speċjali, b’mod analogu għal dak li kien is-sena l-oħra għat-tema tal-familja. Infatti, għall-mara, se tkun iddedikata l-importanti Konferenza internazzjonali msejħa mill-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda f’Peiking, għal Settembru li ġej. Din hija tema ġdida fir-rigward ta’ dik tas-sena l-oħra, imma marbuta b’mod strett magħha.

Mal-Ittra preżenti, għeżież Ħuti fis-saċerdozju, nixtieq ngħaqqad dokument ieħor. Bħal ma s-sena l-oħra akkumpanjajt il-Messaġġ ta’ Ħamis ix-Xirka mal-Ittra lill-Familji, hekk issa rrid nagħtikom mill-ġdid l-Ittra apostolika Mulieris dignitatem, tal-15 ta’ Awissu 1988. Bħal ma tiftakru, din hija test elaborat għat-terminu tas-Sena Marjana tal-1987-1988 li matulha kont ippubblikajt l-Enċiklika Redemptoris Mater (25 ta’ Marzu 1987). Hija xewqa ħajja tiegħi li tul din is-sena wieħed jerġà jaqra il- Mulieris dignitatem, waqt li jagħmilha oġġett ta’ meditazzjoni speċjali u waqt li jikkonsidra b’mod partikolari l-aspetti marjani.

Ir-rabta ma’ Omm Alla hija fundamentali għall-«ħsieb» nisrani. Dan huwa qabel kollox fuq il-pjan tejoloġiku, minħabba r-rapport speċjalissmu ta’ Marija mal-Verb Inkarnat u l-Knisja, il-ġisem mistiku tiegħu. Imma huwa wkoll fuq il-pjan storiku, antropoloġiku u kulturali. Infatti fil-kristjaneżmu, il-figura ta’ Omm Alla tirrapreżenta sors kbir ta’ ispirazzjoni mhux biss għall-ħajja reliġjuża, imma wkoll għall-kultura nisranija u għall-istess imħabba lejn il-patrija. Jeżistu provi għal dan fil-wirt storiku ta’ bosta nazzjonijiet. Fil-Polonja, per eżempju,, l-iktar monument letterarju antik huwa l-innu Bogurodzica (Ġenitriċi ta’ Alla), li ispira lix-xjuħ tagħna mhux biss fl-iffurmar tal-ħajja tan-nazzjon, imma saħansitra fid-difiża tal-kawża ġusta fuq il-kamp tal-battalja. L-Omm ta’ Bin Alla saret «l-ispirazzjoni l-kbira» għall-individwi u għal nazzjonijiet insara sħaħ. Dan ukoll, bil-mod tiegħu, jgħid bosta fir-rigward tal-importanza tal-mara fil-ħajja tal-bniedem u, b’titli speċjali, fl-eżistenza tas-saċerdot.

Diġa kelli okkażjoni nitratta tali argument fl-Enċiklika Redemptoris Mater u fl-Ittra apostolika Mulieris dignitatem, waqt li rrikonoxxejt lil dawk in-nisa – ommijiet, miżżewġin, ulied bniet jew aħwa nisa – li għall-ulied, irġiel, ġenituri u aħwa kienu ispirazzjoni effikaċi għat-tajjeb. Mhux mingħajr mottiv wieħed jitkellem dwar il-«ġenu femminili», u dak li ktibt s’issa jikkonferma l-bażi ta’ tali espressjoni. Madankollu, waqt li nitkellmu dwar il-ħajja saċerdotali, il-preżenza tal-mara terġà tilbes mill-ġdid karattru speċifiku u tesiġi analiżi speċifika.

3. Imma, intant, nerġgħu lura għal Ħamils ix-Xirka, jum li fih jakkwista importanza speċjali l-kliem tal-innu liturġiku:

Ave verum Corpus natum de Maria Virgine:
Vere passum, immolatum in cruce pro homine.
Cuius latus perforatum fluxit aqua et sanguine:
Esto nobis praegustatum mortis in examine.
O Iesu dulcis! O Iesu pie! O Iesu, fili Mariae!

Minkejja li tali kliem, ma jappartinix għal-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka, huwa marbut magħha b’mod profond.

Bl-Aħħar Ċena, li matulha Kristu waqqaf is-sagramenti tas-Sagrifiċċju u tas-Saċerdozju tal-Patt il-Ġdid, jibda it-Triduum paschale. Fiċ-ċentru tiegħu jinsab il-Ġisem ta’ Kristu. Huwa propju dan il-Ġisem li, qabel ma kien espost għall-passjoni u l-mewt, waqt l-Aħħar Ċena jiġi offrut bħala ikel għat-twaqqif ewkaristiku. Kristu jieħu f’idejh il-ħobż, jaqsmu u jqassamu lill-Appostli, waqt li jgħid il-kliem:  «Ħudu u kulu; dan huwa Ġismi» (Mt 26,26). Hekk iwaqqaf is-sagrament ta’ Ġismu, ta’ dak il-Ġisem, li, bħala Bin Alla, kien kiseb mingħand il-Ġenitriċi, il-Verġni Immakilata. Suċċessivament jippreżenta lill-Appostli fil-kalċi Demmu propju taħt l-ispeċi tal-imbid, waqt li qal: «Ixorbu minnu lkoll, għaliex dan huwa Demmi tal-patt, imxerred għall-bosta, għall-maħfra tad-dnubiet» (Mt 26,27-28). U hawn mill-ġdid qed nitkellmu dwar id-Demm, li janima l-Gisem riċevut mingħand il-Verġni Omm: Demm li kellu jixxerred, waqt li jwettaq il-misteru tal-Fidwa, sabiex il-Ġisem riċevut mill-Omm,  – bħala Corpus immolatum in cruce pro homine – jsir għalina u għal kulħadd sagrament ta’ ħajja eterna, vjatku għall-eternità.  Għalhekk fl-Ave verum, innu ewkaristiku u fl-istess ħin marjan, aħna nitolbu: Esto nobis praegustatum mortis in examine.

Ukoll jekk fil-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka ma nitkellmux dwar Marija – minflok insibuha fil-Ġimgħa l-Kbira f’riġlejn is-Salib mal-Appostlu Ġwanni  - huwa diffiċli li wieħed ma jħossx il-preżenza fit-twaqqif tal-Ewkaristija, antiċipu tal-passjoni u l-mewt tal-Ġisem ta’ Kristu, ta’ dak il-Ġisem li Bin Alla kien irċieva mill-Verġni Omm, fil-waqt tal-Annunzjazzjoni.

Għalina, ġaladarba saċerdoti, l-Aħħar Ċena hija waqt b’mod partikolari qaddis. Kristu li jgħid lill-Appostli: «Agħmlu dan b’tifkira tiegħi» (1Kor 11,24), iwaqqaf is-sagrament tal-Ordni Sagri. Rigward il-ħajja tagħna ta’ presbiteri, dan huwa waqt kristoċentriku b’mod distint: infatti aħna nirċievu s-saċerdozju mingħand Kristu-Saċerdot, l-uniku Saċerdot tal-Patt il-Ġdid. Imma waqt li naħsbu dwar is-sagrifiċċju tal-Ġisem u tad-Demm, li in persona Christi jiġi minna offrut, huwa diffiċli għalina li ma nħossux fih il-preżenza tal-Omm. Marija tat il-ħajja lil Bin Alla, l-istess bħal ma għamlu magħna ommijietna, sabiex Hu joffri ruħu u wkoll aħna noffru rwieħna f’sagrifiċċju flimkien miegħu permezz tal-ministeru saċerdotali. Wara tali missjoni hemm il-vokazzjoni riċevuta mingħand Alla, imma hemm ukoll moħbija l-imħabba kbira ta’ ommijietna, bħal ma wara s-sagrifiċċju ta’ Kristu fiċ-Ċenaklu tinħeba l-imħabba ineffabbli ta’ Ommu.

O, kemm realment u fl-istess ħin diskretament hija preżenti l-maternità u, grazzi għaliha, il-femminilità fis-sagrament tal-Ordni Sagri, li tiegħu inġeddu l-festa kull sena, nhar Ħamis ix-Xirka!

4. Kristu Ġesù huwa l-uniku iben ta’ Marija Santissma. Nifhmu sewwa s-sinifikat ta’ dan il-misteru: hekk kien konvenjenti li jkun, ladarba Iben hekk singolari minħabba d-divinità tiegħu ma setax ikun ħlief l-uniku iben tal-Omm Verġni tiegħu. Imma propju tali uniċità timponi ruħha, b’xi mod, bħala «garanzija» aħjar ta’ «multeplicità» spirituali. Kristu, veru bniedem u fl-istess ħin etern u Iben uniġenitu tal-Missier ċelesti, jgħodd, fuq il-pjan spiritwali, numru bla tarf ta’ aħwa rġiel u nisa maqtula. Il-familja ta’ Alla infatti tinkludi l-bnedmin kollha: mhux biss dawk li permezz tal-Magħmudija jsiru wlied addottivi ta’ Alla, imma f’ċertu sens l-umanità kollha kemm hi, minħabba li Kristu feda l-irġiel u n-nisa kollha, waqt li offrilhom il-possibiltà li jsiru wlied addottivi tal-Missier etern. Hekk ilkoll, insiru aħwa fi Kristu.

U hawn hu tfeġġ fuq ix-xefaq tar-riflessjoni tagħna dwar ir-rapport bejn is-saċerdot u l-mara, maġemb il-figura tal-omm, dik tal-oħt. Grazzi għall-Fidwa, is-saċerdot jieħu sehem b’mod partikolari fir-relazzjoni ta’ fraternità offruta minn Kristu lill-mifdijin kollha.

Bosta fostna s-saċerdoti għandhom familja ta’ aħwa bniet. F’kull każ, kull saċerdot sa minn tfulitu kellu b’xi mod jiltaqà ma bniet, jekk mhux fil-familja propja tiegħu, talinqas fil-qasam tal-viċinat, fil-logħob taż-żgħorija u fl-iskola. Tip ta’ komunità mħallta tippossiedi mportanza enormi għall-formazzjoni tal-personalità tas-subien u tal-bniet.

Inmissu hawn il-pjan oriġinali tal-Ħallieq, li fil-bidu ħalaq il-bniedem «maskju u femmina» (cfr. Ġen 1,27). Tali att divin krejattiv ikompli matul il-ġenerazzjonijiet. Il-ktieb tal-Ġenesi jitkellem fil-kuntest tal-vokazzjoni għaż-żwieġ: «Għalhekk ir-raġel jitlaq lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu» (2,24). Ovvjament il-vokazzjoni taż-żwieġ tassumi u tesiġi li l-ambjent li fih wieħed jgħix jirriżulta magħmul minn irġiel u nisa.

F’tali kuntest iżda jitwieldu mhux biss il-vokazzjonijiet għaż-żwieġ, imma wkoll dawk għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata. Dawn ma jiffurmawx ruħhom fl-iżolament. Kull kandidat għas-saċerdozju, fir-rifsa tal-għatba tas-seminarju, għandu wara spallejh l-esperjenza tal-familja tiegħu propja u tal-iskola, fejn kellu ċans jiltaqà ma’ dawk tamparu subien u bniet. Biex tgħix fiċ-ċelibat b’mod matur u seren, donnu li hu importanti b’mod partikolari li s-saċerdot jiżviluppa b’mod profond ġo fih ix-xbiha tal-mara bħala oħt. Fi Kristu, l-irġiel u n-nisa huma aħwa indipendentement mill-irbit tal-parentela. Din hija rabta universali, li grazzi għaliha s-saċerdot jistà jinfetaħ għal kull ambjent ġdid, saħansitra l-iktar imbiegħed taħt l-aspett etniku u kulturali, bl-għarfien li għandu jeżerċita lejn l-irġiel u n-nisa li għandhom jintbagħat ministeru ta’ awtentika paternità spiritwali, li jipprovdilu «ulied subien» u «ulied bniet» fil-Mulej  (cfr. 1Ts 2,11; Gal 4,19).

5. Bla dubju «l-oħt» tirrapreżenta manifestazzjoni speċifika tas-sbuħija spiritwali tal-mara; imma hija, fl-istess ħin, rivelazzjoni ta’ «intanġibilità» tagħha. Jekk is-saċerdot, bl-għajnuna tal-grazzja divina u taħt il-protezzjoni speċjali ta’ Marija Verġni u Omm, jimmatura f’dan is-sens fl-atteġġjament tiegħu lejn il-mara, jara l-ministeru tiegħu akkumpanjat minn sentiment ta’ fiduċja kbira propju minn naħa tan-nisa, meqjusin minnu, fl-etajiet u s-sitwazzjonijiet differenti tal-ħajja, bħala aħwa u ommijiet.

Il-figura tal-mara-oħt tieħu mill-ġdid importanza notevoli fiċ-ċiviltà nisranija tagħna, fejn nisa innumerevoli saru aħwa b’mod universali, grazzi għall-atteġġjament tipiku minnhom meħud lejn il-proxxmu, b’mod speċjali lejn dak fil-bżonn. «Oħt» hija garanzija ta’ gratuwità: fl-iskola, fl-isptar, fil-ħabs u f’setturi oħra tas-servizzi soċjali. Meta mara tibqà xebba, fl-«għoti tagħha nfisha bħala oħt» permezz tal-impenn apostoliku jew tad-dedikazzjoni ġeneruża għall-proxxmu, tiżviluppa maternità spiritwali distintiva. Dan id-don diżinteressat ta’ femminilità «fraterna» idawwal l-eżistenza umana, iqanqal l-aqwa sentimenti li tagħhom il-bniedem huwa kapaċi u dejjem iħalli warajh ħjiel ta’ rikonoxxenza għall-ġid offrut b’mod gratwit.

B’dan il-mod, mela, dawk ta’ omm u oħt huma ż-żewġ dimensjonijiet fundamentali tar-rapport bejn il-mara u s-saċerdot. Jekk dan ir-rapport huwa elaborat b’mod seren u matur, il-mara ma ssibx diffikultajiet partikolari fil-kuntatti tagħha mas-saċerdot. Linqas ma ssibhom, per eżempju, fl-istqarrija ta’ ħtijietha fis-sagrament tal-Penitenza. Tant inqas ma ssibhiex bi kbira fl-impenn ta’ attivitajiet ta’ tip varju mas-saċerdoti. Kull qassis mela għandu r-responsabiltà kbira li jiżviluppa fih innifsu atteġġjament awtentiku ta’ ħu fir-rigward tal-mara, atteġġjament li ma jammetti ebda ambigwità. F’din il-prospettiva, lid-dixxiplu Timotju l-Appostlu jirrakkomandalu li jitratta «n-nisa anzjani bħala ommijiet u lil dawk iktar żgħażagħ bħala ħutu b’purezza assoluta» (1Tm 5,2).

Meta Kristu ddikjara – bħal ma jikteb l-evanġelista Mattew – li l-bniedem jistà jibqà mhux miżżewweġ għas-Saltna ta’ Alla, l-Appostli baqgħu mistagħġbin (cfr. 19,10-12). Ftit qabel huwa kien iddikjaralhom iż-żwieġ indissolubli, u diġa din il-verità kienet qajmet fosthom rejazzjoni sintomatika: «Jekk din hija l-kondizzjoni tar-raġel fir-rigward tal-mara, aħjar wieħed ma jiżżewwiġx» (Mt 19,10). Kif wieħed jistà jara, ir-rejazzjoni tagħhom marret fid-direzzjoni opposta fir-rigward tal-loġika ta’ fedeltà li għaliha kien ispira Ġesù. Imma l-Imgħallem approfitta wkoll minn dan in-nuqqas ta’ fehim, biex jintroduċi fix-xefaq dejjaq tal-mod ta’ ħsieb tagħhom il-prospettiva taċ-ċelibat għas-Saltna ta’ Alla. B’dan huwa ried jiddikjara li ż-żwieġ jippossiedi dinjità propja tiegħu u qdusija sagramentali u li madankollu teżisti triq oħra għan-nisrani: triq li mhix ħarba miż-żwieġ, imma għażla nfurmata taċ-ċelibat għas-Saltna tas-smewwiet.

F’tali xefaq il-mara ma tistax tkun għas-saċerdot għajr oħt, u din id-dinjità ta’ oħt għandha tkun minnu kkultivata b’mod infurmat. L-Appostlu Pawlu, li kien jgħix fiċ-ċelibat, hekk imur jikteb fl-Ewwel Ittra lill-Korintin: «Irrid li lkoll kontu bħali, imma kull wieħed għandu d-don propju minn Alla, b’min b’mod u min b’ieħor» (7,7). Għalih mhemmx dubju: kemm iż-żwieġ kemm iċ-ċelibat huma doni ta’ Alla, li wieħed jgħassishom u jikkultivahom bi premura. Waqt li jenfasizza s-superjorità tal-verġinità, huwa ma jiżvaluta bl-ebda mod iż-żwieġ. Għat-tnejn li huma tikkorrispondi kariżma speċifika, kull waħda minnhom hija vokazzjoni, li l-bniedem, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, għandu jkun jaf jiddixxerna fil-propja eżistenza tiegħu.

Il-vokazzjoni għaċ-ċelibat titlob li tkun difiża b’mod konxju b’għassa speċjali fuq is-sentimenti u fuq il-kondotta propja kollha kemm hi. B’mod partikolari  irid jiddefendi l-vokazzjoni propja s-saċerdot li, skont id-dixxiplina kurrenti fil-Knisja oċċidentali u tant stmata f’dik orjentali, għażel iċ-ċelibat in vista tar-Renju ta’ Alla. Meta fir-rapport ma’ mara jiġu esposti għall-periklu d-don u l-għażla taċ-ċelibat, is-saċerdot ma jistax ma jiġġelidx biex iżomm lilu nnifsu fidil lejn il-vokazzjoni propja. Tali difiża ma tfissirx li ż-żwieġ fih innifsu huwa xi ħaġa ħażina, imma li għalih it-triq hija oħra.

Ħalliha li, fil-każ tiegħu, tfisser li mar lura mill-kelma mogħtija lil Alla.

It-talba tal-Mulej: «U la ddaħħalniex fit-tiġrib, imma eħlisna mid-deni», takkwista sinifikat singulari fil-kuntest taċ-ċiviltà kontemporanja, imfawra b’elementi ta’ edoniżmu, ta’ egoċentriżmu u ta’ senswalità. Tixxala sfortunatament il-pornografija, li tumilja d-dinjità tal-mara, waqt li tittrattaha bħala oġġett esklussiv ta’ tgawdija sesswali. Dawn l-aspetti taċ-ċiviltà attwali bla ebda dubju ta’ xejn ma jiffavurixxux la l-fedeltà matrimonjali u linqas liċ-ċelibat għas-Saltna ta’ Alla. Jekk is-saċerdot ma jrawwimx ġo fih dispożizzjonijiet awtentiċi ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba lejn Alla, faċilment jistà jċedi għas-sejħat li jiġuh mid-dinja. Kif nistà mela ma ndurx lejkom, għeżież Ħuti fis-saċerdozju, illum, Ħamis ix-Xirka, biex inħeġġiġkom biex tibqgħu fidili lejn id-don taċ-ċelibat, offrut lilna minn Kristu? Fih hemm ġid spiritwali li jappartieni lil kull wieħed u lill-Knisja kollha kemm hi.

Fil-ħsieb u fit-talb illum huma preżenti b’mod partikolari ħutna fis-saċerdozju li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet f’dan il-qasam, kemm propju minħabba mara telqu l-ministeru saċerdotali. Nirrakkomandaw lil Marija Santissma, Omm is-saċerdoti, u għall-interċessjoni tan-numru bla qies ta’ qaddisin saċerdoti tal-istorja tal-Knisja il-waqt diffiċli li huma jinsabu għaddejjin minnu, waqt li nitolbu għalihom il-grazzja tar-ritorn għall-fervur primittiv (cfr. Ap 2,4-5). L-esperjenza tal-ministeru tiegħi u, naħseb dan jgħodd għal kull Isqof, twettaq li tali qawmien mill-ġdid iseħħ u li wkoll illum mhuwiex ftit. Alla jibqà fidil għall-patt li għamel mal-bniedem fis-sagrament tal-Ordni Sagri.

6. Hawn, irrid inmiss l-argument, ferm iktar wiesà, tar-rwol li l-mara hija msejħa biex tiżvolġi fil-kostruzzjoni tal-Knisja. Il-Konċilju Vatikan II laqà għal kollox il-loġika tal-Vanġelu, fil-kapitoli II u III tal-Lumen Gentium, waqt li ppreżenta lill-Knisja l-ewwel bħala Poplu ta’ Alla u biss wara bħala struttura ġerarkika. Hija hi qabel kollox il-Poplu ta’ Alla, ladarba dawk li jiffurmawha, irġiel u nisa, jipparteċipaw - kull wieħed bil-mod li huwa propju tiegħu – fil-missjoni profetika, saċerdotali u regali ta’ Kristu. Waqt li nistieden għal qari mill-ġdid tat-testi konċiljari kkwotati, nillimita ruħi hawn għal xi riflessjonijiet qosra waqt li nieħu spunt mill-Vanġelu.

Fil-waqt tat-tlugħ fis-sema, Kristu jamar lill-Appostli: «Morru fid-dinja kollha u xandru l-Vanġelu lil kull krejatura» (Mk 16,15). Ixxandar il-Vanġelu huwa li twettaq il-missjoni profetika, li fil-Knisja għandha forom differenti skont il-kariżma rregalata lil kull wieħed (cfr. Ef 4,11-12). F’dik iċ-ċirkostanza, li għandha x’taqsam mal-Appostli u mal-missjoni  speċifika tagħhom,  u ta’ xi rġiel li lilhom jiġi afdat dan id-dmir; imma, jekk naqraw attentament ir-rakkonti evanġeliċi u b’mod speċjali dak ta’ Ġwanni, ma jistax ma jolqotniex il-fatt li l-missjoni profetika, meqjusa skont l-wisà diversifikat kollu tagħha, jiġi mqassam bejn irġiel u nisa. Biżżejjed niftakru, per eżempju, is-Sammaritana u d-djalogu tagħha ma’ Ġesù ħdejn il-bir ta’ Ġakobb f’Sikar (cfr. Ġw 4,1-42): hu lilha Sammaritana u fuq kollox midimba, li Ġesù jirrivela l-profondità tal-kult veru ta’ Alla, li ma jimpurtahx il-post imma l-atteġġjament tal-adorazzjoni  «fl-ispirtu u l-verità».

U xi ngħidu għal ħut Lażżru, Marija u Marta? Is-sinottiċi, fir-rigward tal- «kontemplattiva» Marija, jiktbu dwar is-superjorità magħrufa minn Kristu għall-kontemplazzjoni fir-rigward tal-azzjoni (cfr. Lq 10,42). Ferm iktar importanti huwa dak li jikteb San Ġwann fil-kuntest tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Lażżru, ħuhom. F’dan il-każ hija Marta, l-iktar «attiva» mit-tnejn, li lilha Ġesù jirrivela l-misteri profondi tal-missjoni tiegħu: «Jien hu l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija, ukoll jekk imut jgħix; min jgħix u jemmen fija, ma jmut qatt» (Ġw 11,25-26). Il-misteru paskwali huwa miġbur f’dan il-kliem indirizzat lil mara.

Imma nkomplu r-rakkont evanġeliku u nidħlu fir-rakkont tal-Passjoni. Mhuwiex forsi dettal inkontestabbli li propju n-nisa kienu l-iktar qrib ta’ Kristu fit-triq tas-salib u fis-siegħa tal-mewt? Raġel, Xmun ta’ Ċirene, jiġi mġiegħel iġorr is-salib (cfr. Mt 27,32); bosta nisa ta’ Ġerusalem għall-kuntrarju b’mod spontanju juruh ħniena tul il-«via crucis» (cfr. Lq 23,27). Il-figura tal-Veronika, minkejja li mhix bibblika, tesprimi sewwa s-sentimenti tan-nisa ta’ Ġerusalem fi triq in-niket.

Taħt is-salib hemm biss appostlu wieħed, Ġwanni ta’ Żebedew, waqt li hemm diversi nisa (cfr. Mt 27,55-56): Omm Kristu, li, skont it-tradizzjoni, kienet akkumpanjatu tul it-triq tal-Kalvarju; Salome, omm ulied Zebedew, Ġwanni u Ġakbu; Marija, omm Ġakbu ż-żgħir u ta’ Ġużeppi; u Marija ta’ Magdala. Ilkoll xhieda qalbiena tal-agunija ta’ Ġesù; ilkoll preżenti fil-waqt tad-dlik u tad-dfin ta’ ġismu fil-qabar. Wara d-difna, billi l-jum ta’ qabel is-Sibt kien wasal fi tmiemu, huma jitilqu bil-ħsieb li jerġgħu lura, hekk kif ikunu jistgħu. U jkunu huma l-ewwel nies li jmorru ħdejn il-qabar, filgħodu kmieni, il-jum wara l-festa. Ikunu huma l-ewwel xhieda tal-qabar vojt, u jkunu jerġgħu huma li jmorru jgħarrfu lill-Appostli (cfr. Gv 20,1-2). Marija Maddalena, li baqgħet tibki qrib il-qabar, hija l-ewwel waħda li tiltaqà mal-Irxoxt, li tintbagħat għand l-Appostli, bħala l-ewwel xandara tal-qawmien mill-imwiet tiegħu (cfr. Gv 20,11-18). Bir-raġun, mela, li t-tradizzjoni orjentali tqiegħed lil Maddalena kważi daqs l-Appostli, billi kienet hija l-ewwel waħda li ħabbret il-verità tal-qawmien mill-imwiet, segwita mbagħad mill-Appostli u mid-dixxipli ta’ Kristu.

B’dan il-mod in-nisa wkoll, maġemb l-irġiel, għandhom parti mill-missjoni profetika ta’ Kristu. U l-istess jistà jingħad dwar is-sehem tagħhom fil-missjoni saċerdotali u regali tiegħu. Is-saċerdozju universali tal-fidili u d-dinjità regali jinvestu irġiel u nisa. F’dan ir-rigward hija illuminanti kif imiss kitba attenta tal-passi tal-Ewwel Ittra ta’ San Pietru (2,9-10) u tal-Kostituzzjoni konċiljari Lumen Gentium (nn. 10-12; 34-36).

7. F’din tal-aħħar, fil-kapitolu dwar il-Poplu ta’ Alla wieħed isegwi dak dwar l-istruttura ġerarkika tal-Knisja. Fih titkellem dwar is-saċerdozju ministerjali, li fih bir-rieda ta’ Kristu huma nklużi biss l-irġiel. Illum, f’xi ambjenti, u l-fatt li l-mara ma tistax tkun ordnata saċerdot jiġi nterpretat bħala forma ta; diskriminazzjoni. Imma huwa tassew hekk?

Bla dubju, il-kwistjoni tistà tkun imqiegħda f’dawn it-termini, kemm-il darba s-saċerdozju ġerarkiku jiddetermina pożizzjoni soċjali ta’ privileġġ, ikkaratterizzat mill-eżerċizzju tal-«poter». Imma dan mhux hekk: is-saċerdozju ministerjali, fil-pjan ta’ Kristu, mhuwiex espressjoni ta’ dominju, imma ta’ servizz. Min jinterpretah bħala «dominju», ikun bla dubju ta’ xejn ferm ‘il bogħod mill-intenzjoni ta’ Kristu, li fiċ-Ċenaklu beda l-Aħħar Ċena bil-ħasil ta’ riġlejn l-Appostli. B’dan il-mod huwa jenfasizza b’qawwa kbira il-karattru «ministerjali» tas-saċerdozju imwaqqaf f’dik il-lejla stess. «Bin il-bniedem infatti ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu bħala fidwa għal ħafna» (Mk 10,45).

Iva, is-saċerdozju li nfakkru llum b’tant qima bħala wirt speċjali tagħna, għeżież Ħuti, huwa saċerdozju ministerjali! Ejjew naqdu l-Poplu ta’ Alla! Ejjew naqdu l-missjoni tiegħu! Dan is-saċerdozju tagħna irid jiggarantixxi s-sehem tal-irġiel u n-nisa kollha – għall-missjoni tripla profetika, saċerdotali u regali ta’ Kristu. U mhux biss is-sagrament tal-Ordni Sagri huwa ministerjali: ministerjali hija qabel kollox l-istess Ewkaristija. Waqt li jiddikjara: «Dan huwa Ġismi li huwa mogħti għalikom  (...) Dan il-kalċi huwa l-patt il-ġdid, li jiġi mxerred għalikom» (Lq 22,19.20), il-Kristu jirrivela l-ikbar servizz tiegħu: is-servizz tar-Redenzjoni, li fih l-uniġenitu u etern Bin Alla jsir Qaddej tal-bniedem fl-ikbar u l-iktar sens profond.  

8. Maġemb Kristu-Qaddej, ma nistgħux ninsew lil Dik li hija «il-Qaddejja», Marija. San Luqa jgħarrafna li, fil-waqt deċiżiv tal-Annunzjazzjoni, il-Verġni ppronunzjat il- «fiat» tagħha meta qalet: «Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej» (Lq 1,38). Ir-rapport tas-saċerdot lejn il-mara bħala omm u oħt jistagħna ruħu, grazzi għat-tradizzjoni marjana, b’aspett ieħor: dak tas-servizz b’imitazzjoni ta’ Marija qaddejja. Jekk is-saċerdozju huwa min-natura tiegħu ministerjali, hemm bżonn li ngħixuh b’għaqda mal-Omm, li hija qaddejja tal-Mulej. Allura, is-saċerdozju tagħna jkun mgħasses f’idejha, anzi f’qalbha, u nkunu nistgħu niftħuh għal kulħadd. B’tali mod ikun fertili u feddej, f’kull dimensjoni tiegħu.  

Jalla l-Verġni Mqaddsa tgħasses b’imħabba partikolari lilna lkoll, uliedha għeżież, f’din il-festa annwali tas-saċerdozju tagħna. Jalla tqiegħed f’qalbna xenqa kbira ta’ qdusija. Kont ktibt fl-Eżortazzjoni apostolika Pastores dabo vobis: «L-evanġelizzazzjoni l-ġdida tinħtieġ evanġelizzaturi ġodda, u dawn huma s-saċerdoti li jimpenjaw ruħhom biex jgħixu l-ministeru tagħhom bħala mixja speċifika lejn il-qdusija» (n. 82). Ħamis ix-Xirka, waqt li jeħodna lura għall-oriġni tas-saċerdozju tagħna, ifakkarna wkoll id-dmir li nħabirku għall-qdusija, biex inkunu «ministri ta’ qdusija» għal dawk l-irġiel u nisa afdati għas-servizz pastorali tagħna. F’dan id-dawl tidher tassew f’postha l-proposta, imressqa mill-Kongregazzjoni għall-Kleru, li jkun iċċelebrat f’kull dijoċeżi  «Jum għall-Qdusija tas-Saċerdoti» fl-okkażjoni tal-festa tal-Qalb Imqaddsa, jew f’data oħra iktar addattata għall-esiġenzi u għad-drawwiet pastorali tal-post. Qiegħed nagħmel din il-proposta tiegħi, waqt li nawgura li tali Jum jgħin lis-saċerdoti biex jgħixu fl-istruttura dejjem iktar sħiħa fil-qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb.

Waqt li nitlob fuqkom ilkoll il-protezzjoni ta’ Marija, Omm il-Knisja, Omm is-saċerdoti, b’imħabba imberikkom.

Mill-Vatikan, il-25 ta’ Marzu 1995, Is-Sollennità tal-Annunzjazzjoni tal-Mulej.

ĠWANNI PAWLU II.

 Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb