ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1993

 

 

Għeżież ħuti fis-Saċerdozju ta’ Kristu!

1. Waqt li llum niltaqgħu fil-ħafna Katidrali veskovili tad-dinja – il-membri tal-komunitajiet presbiterjali tal-Knejjes kollha mar-Rgħajja tad-dijocesijiet – f’moħħna jirritorna b’qawwa ġdida l-kliem dwar Kristu, li sar il-fil imbuttatur tal-500 anniversarju tal-evanġelizzazzjoni tad-Dinja l-Ġdida. «Ġesù Kristu huwa l-istess il-bieraħ, illum u dejjem»: dan huwa l-kliem tal-Uniku u Etern Saċerdot, li «daħal darba għal dejjem fis-santwarju… b’demmu stess, wara li kien kisbilna fidwa eterna» (Lh 9,12). Hawn huma, waslu l-jiem -  it-«Triduum Sacrum» tal-liturġija mqaddsa tal-Knisja – li fihom, b’qima u adorazzjoni ukoll iktar profonda, inġeddu l-Għid ta’ Kristu, dik is- «siegħa tiegħu» (cfr. Ġw 2,4; 13,1) li hija l-imbierka «milja taż-żmien» (Gal 4,4). Permezz tal-Ewkaristija, din is-«siegħa» tal-fidwa ta’ Kristu tkompli, fil-Knisja, tkun feddejja, u propju llum l-Knisja tiftakar it-twaqqif tagħha waqt l-Aħħar Ċena. «Ma nħallikomx iltiema, nerġà lura għandkom» (Ġw 14,18). «Is-siegħa» tal-Feddej, «is-siegħa» tal-passaġġ tiegħu minn din id-dinja għal għand il-Missier, «is-siegħa» li dwarha Huwa nnifsu jgħid: «Se nmur, u nerġà lura għandkom»! (Ġw 14,28). Propju permezz tal-«mawra paskwali» tiegħu, Huwa kontinwament jiġi u kontinwament huwa preżenti fostna, bil-qawwa tal-Ispirtu Paraklitu. Huwa preżenti b’mod sagramentali. Huwa preżenti permezz tal-Ewkaristija. Huwa preżenti b’mod reali.

Aħna, għeżież Ħuti, irċivejna wara l-Appostli dan id-don ineffabbli b’tali mod li nkunu l-ministri ta’ dan il-mawrien ta’ Kristu permezz tas-Salib u, fl-istess ħin, tal-miġja tiegħu permezz tal-Ewkaristija. X’inhu għalina dan it-Triduo Qaddis! X’inhu għalina dan il-jum – il-jum tal-Aħħar Ċena! Aħna ministri tal-misteru tal-fidwa tad-dinja, ministri tal-Ġisem li kien offrut u tad-Demm li xtered għall-maħfra ta’ dnubietna. Ministri ta’ dak is-Sagrifiċċju li permezz tiegħu Hu, l-Uniku, daħal darba għal dejjem fis-santwarju: «waqt li offra lilu nnifsu bla tebgħa lil Alla, jippurifika l-koxjenza tagħna mill-opri mejtin, biex naqdu lil Alla l-ħaj » (cfr. Lh 9,14).

Jekk il-jiem kollha ta’ ħajjitna huma mmarkati minn dan il-misteru kbir tal-fidi, dak tallum huwa b’mod partikolari. Dan huwa l-jum tagħna miegħU.

2. F’dan il-jum insibu ruħna flimkien, fil-komunità tagħna presbiterjali, sabiex kull wieħed ikun jista jikkontempla b’mod iktar profond il-misteru ta’ dak is-Sagrament li permezz tiegħu sirna, fil-Knisja, ministri tal-offerta saċerdotali ta’ Kristu. Sirna, fl-istess ħin, qaddejja tas-saċerdozju rjali tal-Polplu kollu ta’ Alla, tal-imgħammdin kollha, biex inħabbru l-«magnalia Dei» - l-«opri l-kbar ta’Alla» (At 2,11). Ikun sewwa li ninkludu, din is-sena, fir-ringrazzjament tagħna element partikolari ta’ rikonoxxenza għad-don tal-«Katekiżmu tal-Knisja Kattolika». Tali test, infatti, huwa wkoll tweġiba għall-missjoni li l-Mulej afda lill-Knisja tiegħu: tgħasses id-depożitu tal-fidi u tittrażmettih integru, b’konsiderazzjoni awtorevoli u ta’ mħabba, lill-ġenerażżjonijiet li jiġu wara. Frott tal-kollaborazzjoni fertili tal-Episkopat kollu tal-Knisja Kattolika, dan jiġi afdat qabel kollox lilna Rgħajja tal-Poplu ta’ Alla, biex insaħħu l-irbit profond tagħna ta’ għaqda fl-istess fidi apostolika. Sommarju tal-fidi kattolika permanenti unika, dan jikkostitwixxi strument ikkwalifikat u awtorevoli biex jixhed u jiggarantixxi dik l-għaqda fil-fidu, li għaliha Kristu stess, fil-qorbien tas-«siegħa» tiegħu, indirizza lil Missieru talba qawwija (cfr. Ġw 17,21-23). Waqt li nipproponi mill-ġdid il-kontenuti fundamentali u essenzjali tal-fidi u tal-morali kattolika, bħal ma huma emmnuti, iċċelebrati, migħuxa, mitluba mill-Knisja llum, il-Katekiżmu huwa mezz privileġġjat biex napprofondixxu l-għarfien tal-misteru nisrani li ma jispiċċa qatt, biex jagħti impetu ġdid għal talba intimament magħquda ma dik ta’ Kristu, biex jikkollabora l-impenn ta’ xhieda ta’ ħajja konsistenti.  Fl-istess ħin, tali Katekiżmu jasal għndna bħala punt sikur ta’ referenza għat-twettiq tal-missjoni, afdatha lilna fis-Sagrament tal-Ordni Sagri, li nxandru f’isem Kristu u l-Knisja l-«Bxara t-Tajba» lill-bnedmin kollha.  Grazzi lilu, nistgħu nattwaw, b’mod dejjem imġedded, il-kmandament perenni ta’ Kristu: «Morru mela u għallmu l-ġnus kollha... billi tgħallmuhom josservaw dak kollu li kkmandajtkom» (Mt 28,19-20). F’tali sommarju sintetiku tad-depożitu tal-fidi, nistgħu infatti nsibu norma awtentika u sikura għat-tagħlim tad-duttrina kattolika, għall-iżvolġiment tal-attività kateketika fost il-Poplu nisrani, għal dik l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, li tagħha d-dinja tallum tant tinħtieġ. Għeżież Saċerdoti, ħajjitna u l-ministeru jsiru, minnhom infihom, katekeżi elokwenti għall-komunità kollha kemm hi afdatha lilna, jekk ikunu radikati fil-Verità li hija Kristu. Din tagħna, allura, ma tkunx xhieda iżolata, imma korali, offerta ta’ persuni magħquda fl-istess fidi u komunikanti fl-istess kalċi. Huwa għal din il-«kontaminazzjoni» vitali li għandna nimmiraw flimkien, f’komunjoni effettiva u affettiva, biex inwettqu l-«evanġelizzazzjoni l-ġdida» li kull ma jmur qed issir iktar urġenti.

3. Miġburin flimkien f’Ħamis ix-Xirka fil-Komunitajiet presbiterjali kollha tal-Knisja mad-dinja kollha, niżżu ħajr għad-don tas-saċerdozju ta’ Kristu li fih nieħdu sehem permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri. F’dan ir-ringrazzjament irridu ninkludu t-tema tal-«Katekiżmu», għaliex dak li jiġbor fih u dak li għalih iservi huwa marbut b’mod partikolari ma’ ħajjitna ta’ saċerdoti u mal-ministeru pastorali tal-Knisja.

Għalhekk – fil-mixja lejn il-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000 – il-Knisja rnexxielha telabora, wara l-Konċilju Vatikan II, il-ġabra tad-duttrina tal-fidi u tal-morali, tal-ħajja sagramentali u tat-talb. Din is-sintesi tistà tinkludi f’modi differenti sosten għall-ministeru saċerdotali tagħna. Tistà wkoll tillumina l-għarfien apostoliku ta’ ħutna rġiel u nisa li, b’mod konformi mal-vokazzjoni nisranija tagħhom, jixtiequ flimkien magħna jagħtu xhieda ta’ dik it-tama (cfr. 1Pt 3,15), li terġà tħeġġiġna flimkien f’Ġesù Kristu.

Il-Katekiżmu jippreżenta n-«novità tal-Konċilju», waqt, li fl-istess ħin, iqiegħdha, fit-Tradizzjoni kollha kemm hi; dan hu Katekiżmu hekk mimli b’dawk it-teżori li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa u mbagħad fil-Missirijiet u d-Dutturi tal-Knisja matul l-ispazju tal-millenji li jippermettu lil kull wieħed minna li jsir jixbaħ lil dak ir-raġel tal-parabbola evanġelika «li joħroġ mit-teżor tiegħu ħwejjeġ ġodda u ħwejjeġ qodma» (Mt 13,52), ir-rikkezzi antiki u dejjem ġodda tad-Depożitu divin. Waqt li jħeġġeġ mill-ġdid fina l-grazzja tas-sagrament tal-Ordni Sagri, konxji dwar dak li jfisser għall-ministeru saċerdotali tagħna il- «Katekiżmu tal-Knisja Kattolika», nistqarru mal-adorazzjoni u l-imħabba lil Dak li huwa «it-triq, il-verità u l-ħajja» (Ġw 14,6).

«Ġesù Kristu huwa l-istess ilbieraħ, illum u dejjem».

Mill-Vatikan, it-8 ta’ April – Ħamis ix-Xirka – tas-sena 1993, il-ħmistax tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb