IL-MISTIĊI

8. Aħna mistiċi?

Ma nistgħux ngħidu li aħna mistiċi, għax dan ikun prematur u prużuntuż.

Fil-Bibbja nsibu diversi referenzi għall-qdusija, li kulħadd hu msejjaħ għall-qdusija. Saħansitra tasal biex teżortana biex inkunu ‘perfetti’, fis-sens li ngħixu  ħajja kif jitlob minna Alla. “Bħalma qaddis hu dak li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha, għax hu miktub: “Kunu qaddisin, għax qaddis jien”. (1 Pietru 1, 15-16).

 

 

Il-Knisja, l-aktar bil-kitbiet tal-Papiet, bħal fl-eżortazzjoni tal-Papa Franġisku ‘Gaudete et Exsultate’, (‘Ifirħu u Thennew’), ittenni kemm-il darba din is-sejħa għall-qdusija, bħal: “Hu jridna qaddisin u jistenna minna li ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja medjokri.” Irridu nkunu prattiċi meta naqraw dan il-kliem; aħna mitlubin nagħmlu dak li nistgħu u l-Mulej japprezza dan.

Rajna kif il-Kelma t’Alla hi fundamentali fil-mistiċiżmu. Bil-Konċilju Vatikan II, reliġjużi u lajċi bdew jagħtu importanza ikbar lill-Bibbja. Forsi qabel, l-emfasi kienet fuq il-liturġija u d-devozzjonijiet popolari. Dan it-tiġdid għen lil ħafna Kattoliċi biex jgħaddu għal spiritwalità iktar intensa, skont iċ-ċirkustanzi tal-persuni.

Forsi ma nintebħux li r-riskoperta tat-talb fl-aħħar snin u l-interess li kiber fil-mixja tal-fidi personali qed iressquna qrib il-mistiċi. Diffiċli nikkupjawhom, imma kemm jiswielna li nieħdu l-eżempju tagħhom!