IL-MISTIĊI

3. X’inhu l-mistiċiżmu?

Il-kelma ‘mistiċiżmu’, jew ‘mistika’, ġejja mill-Grieg ‘muo’, li tfisser tiskot biex tifhem is-sens tal-‘musterion’. Il-misteru jattira dejjem, aktar u aktar meta jkun minn kitbiet ta’ rakkonti mistiċi, bħal dawk ta’ Santa Tereża ta’ Avila, li fil-kontemplazzjoni tintrefa’ mill-art, u l-estasi li kien ikollha Hadewijch ta’ Anversa.

Imma dan hu biss l-aspett esterjuri ta’ enigma li tmur ħafna aktar lil hemm. Għax hawn qed nitkellmu dwar il-misteru ta’ Alla, il-misteru ta’ Ġesù. Il-mistiċi kellhom esperjenza tal-misteru ta’ Alla, kull wieħed u kull waħda, fil-ħajja partikulari tagħhom.

Il-kliem diffiċli jfisser dak li jkunu għaddew minnu għax qisu li f’daqqa waħda hemm għalihom l-eternità fiż-żmien. Għalhekk huma jinqdew bix-xbihat, bħal meta Santa Tereża ta’ Lisieux ssemmi li hi bħal “ballun li wieħed jilgħab bih imbagħad jarmih” 

Wieħed mill-mistiċi, Berulle (1575-1629), fil-kitba tiegħu dwar Santa Marija Madalena, jgħid li “Il-mistika hi sigriet ta’ Alla”. Għalkemm huma biss xi persuni li jkollhom il-possibbiltà li jidħlu hekk fil-misteru ta’ Alla, dan id-don hu mogħti lilhom biex jiġi xxerjat mal-oħrajn.

 

 

Meister Eckhart (1260-1329)

Il-mistiċi tant jidħlu fil-ħajja ta’ Alla li xi espressjonijiet li naqraw jissorprenduk, bħal dak li jikteb Sant’Irinew, li: “Alla sar bniedem biex il-bniedem isir Alla”. Forsi din hi spjegata tajjeb mill-mistiku Meister Eckhart: “Aħna nsiru bi grazzja dak li Alla hu b’natura”.