|
KOMUNJONI – PARTEĊIPAZZJONI – MISSJONI
It-tliet kelmiet-muftieħ tas-Sinodu 2021 - 2023
“Huma t-tliet kelmiet-muftieħ tas-Sinodu: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni.” Hekk fissirhom il-Papa Franġisku f’diskors li għamel lill-Isqfijiet miġbura fil-bidu tal-mixja sinodali 2021-2023[i]. Imbagħad kompla, “Komunjoni u missjoni jfissru l-misteru tal-Knisja u tajjeb niftakruhom. ... Il-parteċipazzjoni hi esiġenza tal-fidi ġejja mill-magħmudija.”
Minn dan jidher ċar li aktar milli huma sempliċiment is-suġġett magħżul għal għal din il-ġrajja partikolari u li nistgħu ninsew malli jkunu ntemmu l-laqgħat sinodali, komunjoni – parteċipazzjoni – missjoni, huma fin-natura tal-Knisja nfisha, anzi nażżarda ngħid li jikkostitwixxu n-natura divina ta’ Alla nnifsu. Huwa minnu li jrid jibda kollox. Huwa fih li nistgħu nsibu t-tifsira għall-eżistenza tagħna. Huwa biss bih li kull ma nwettqu jista’ jilħaq l-għan aħħari tiegħu.
KOMUNJONI
Il-blata li fuqha tistrieħ kull komunjoni, hija l-istess pedmanent li fuqu huwa mibni t-twemmin nisrani kollu. Ma hemm ebda kristjaneżmu bla fidi fit-Trinità qaddisa, kif ma hemm ebda komunjoni vera li mhix xebħ mal-komunjoni perfetta li hemm bejn it-tliet persuni divini; distinti minn xulxin u ndaqs fil-kobor, fejn il-Missier huwa Alla, l-Iben huwa Alla u l-Ispirtu s-Santu huwa Alla. Madankollu huma mhumiex tliet allat, iżda Alla wieħed.
Dan aħna nsejħulu l-Misteru tat-Trinità Qaddis, u tabilħaqq hekk tassew hu. Madankollu l-iżball tagħna huwa fil-mod kif inħarsu lejn “il-misteru”. Spiss nippruvaw nifhmu lil Alla b’mentalità matematika, bħal meta qed insolvu xi ekwazzjoni. Kif jista’ jkun possibli li tlieta jagħmlu wieħed jew wieħed jiswa tlieta? Kif jista’ jkun dan?
Drajna saħansitra nxebbħu t-Trinità qaddisa mad-disinn ġeometriku tat-trianglu. Meta qtajna qalbna li naslu, b’dan il-mod, allura ddeċidejna li nagħtu l-kunsens mentali tagħna għal dan l-artiklu tal-fidi tagħna, u nieqfu hemm. Ħarisna lejn il-misteru bħalikieku kien xi sur li ma nistgħux ninfdu, jew inkella bħal bieb imsakkar li ma hemm ebda mod kif ngħaddu minnu.
Xebbaħna moħħna ma’ dik il-ħofra ċkejkna fir-ramel li fiha tfajjel żgħir ipprova jferra l-ilmijiet kollha tal-baħar. Minflok ma aħna stess ippruvajna nidħlu fih, ħsibna li ndaħħlu lilu fina. Alla huwa bħal oċean bla qiegħ, li minkejja li ninsabu ċerti li qatt ma nistgħu nesplorawh kollu, madankollu nafu li aktar ma nixxenqu għalih, aktar ħa niskopru s-seher u l-ġmiel tiegħu.
Din hi t-Trinità qaddisa, mhux tliet sinjali li jiffurmaw trianglu, imma oċejan immens li mhux ibarrina minnu, imma li kontinwament jisteddinna ngħoddsu fih. Huwa misteru ta’ komunjoni perfetta, li minħabba ċ-ċokon tagħna, imma wkoll minħabba l-effett tad-dnub li hemm fina, għalina jidher inkonċepibbli. Kif wara kollox huwa wkoll inkonċepibbli l-ħsieb ta’ komunjoni perfetta. Kif jista’ jkun li l-bniedem ikun f’komunjoni perfetta miegħu nnifsu, mal-oħrajn, mal-kumplament tal-ħolqien, u mal-Ħallieq nnifsu? Kif jista’ jkun dan?
Alla huwa komunjoni perfetta fih nnifsu, kif ukoll ma’ dak kollu li huwa joħloq. Kull ma’ ħalaq, għamlu f’komunjoni, kemm miegħu u kif ukoll mal-kumplament tal-ħolqien. “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.” [Ġen 1:31] Alla tpaxxa bil-ħolqien perfett tiegħu għax fih ra dik komunjoni sħiħa. Mingħajr komunjoni fil-ħolqien, ma kienx ikun kollox tajjeb.
Saħansitra l-bniedem innifsu tpaxxa b’din il-komunjoni. Wara li ħares lejn il-kreaturi l-oħra, kollha. Mbagħad il-bniedem qal: “Din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi.” [Ġen 2:23] Jista’ jkun hemm komunjoni umana akbar minn dik?
Imma l-komunjoni ma kienetx fil-bniedem biss. Fiċ-ċiklu sħiħ tan-natura; l-arja, l-art, l-ilma, ix-xemx, saħansitra l-qamar nnifsu u l-kwiekeb. L-armonija tal-ħlejjaq. Il-mod kif il-waħda tiddependi u hija parti integrali u meħtieġa għall-kumplament. Dan kollu tgħallimulna x-xjenza naturali.
Il-ġmiel tal-komunjoni li kien hemm bejn Alla u l-bniedem, huwa deskritt b’mod simboliku fil-Ġenesi meta jgħidilna li l-Mulej Alla kien jitlajja għaż-żiffa tal-jum fil-ġnien fejn kien hemm il-bniedem. [Ġen 3:8]. Saħansitra wara d-dnub, Alla jerġa’ jkun hemm. Imma l-bniedem kien staħba minn Alla. “Adam, fejn int?” [Ġen 3:9] Tgħid Alla ma kienx jaf fejn qiegħed Adam? Imma, l-bniedem kien għadu jaf, fejn hu kien qiegħed, jew kien tilef l-orjentament saħansitra miegħu nnifsu?
Mhemmx komunjoni bla komunikazzjoni
Id-dnub, l-ewwel li jtellef huwa l-komunikazzjoni, u bla komunikazzjoni ma hemmx komunjoni. Fejn tieqaf il-komunikazzjoni jinbnew il-ħitan. Jinbtu s-suspetti. Kemm bejnuetna, imma anke ma' Alla. Bla djalogu veru bejnietna, bla talb veru ma’ Alla, mhemmx komunikazzjoni. Hekk tispiċċa l-komunjoni. Bla komunikazzjoni jibdew iċ-ċertezzi, aktarx żbaljati, fija nnifsi u f’dak li nagħmel jien. Dan jiġri fuq kull livell tal-ħajja umana; fuq il-post tax-xogħol, fil-gruppi u l-għadiet tagħna, bejn il-ħbieb, fis-soċjetà, saħansitra fil-familja, bejn il-miżżewġin, bejn l-aħwa, bejn l-ulied u bejn il-ġenituri.
Sfortunatament dan narawh iseħħ ukoll fil-Knisja; kemm mill-ħitan ‘il ġewwa bejn dawk li jemmnu, kemm ‘il barra minnhom mal-kumplament tas-soċjetà. Aħna nkomplu bil-programmi taghna tas-soltu, u d-dinja tkompli miexja fid-direzzjoni tagħha. Nemmnu li aħna ghandna ragun! Li aħna qegħdin fit-triq id-dritta. Lesti li naqsmu l-ibħra u nduru d-dinja kollha biex indawwru bniedem għar-reliġjon tagħna [Mt 23:15], imma ħa jifhem kulħadd li aħna t-tajbin. Jista’ jkun li anke aħna, illum tlifna l-orjentament tagħna u nqtajna mir-realtà?
Dan mhux l-istat ta’ komunjoni perfetta li ħalaqna fih Alla, meta ħares lejna u tpaxxa bina. Kien l-effett tad-dnub li daħħlilna d-dubju f’xulxin u saħansitra f’Alla. Kliem serp il-ħażen lill-bniedem, “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” [Ġen 3:5]
U dik li darba kienet “laħam minn laħmi u għadma minn għadmi”, issa nwaħħal fiha għall-iżball tieghi, “Il-mara li inti tajtni għal miegħi.” [Ġen 3:12] Mela tort tagħha u tort tiegħek ukoll, għax inti tajthieli!
Dak li ġara dakinhar u kompla jiġri bejn il-bniedem u l-ħolqien, nistgħu narawh iseħħ madwarna fi żmienna. Illum, b’mod konvenjenti, minflok ħolqien bdejna nsejħulu ambjent. Imma kemm jekk insejħulu ħolqien u kemm jekk inseħulu ambjent, xorta waħda jibqa’, kif sejjaħlu l-Papa Franġisku, id-dar komuni taghna. U jkun jaqblilna li nibdew nieħdu ħsiebha bis-serjetà.
Kien għalhekk li Alla sar wieħed minna, biex jerġa jwaqqaf il-komunjoni u l-paċi tal-bniedem ma’ Alla, tal-bniedem mal-bniedem, tal-bniedem miegħu nnifsu, u tal-bniedem mal-kumplament tal-ħolqien.
Kien għalhekk li fit-twelid tal-Bniedem-Alla, l-anġli ħabbru l-paċi li hija riżultat dirett tal-komunjoni. Ma hemmx paċi minghajr komunjoni, kif ma hemmx komunjoni mingħajr paċi.
Konna ngħidu li Kristu sar bniedem biex jiftħilna l-bieb tal-ġenna. Konna nistħajlu li dakinhar tad-dnub, Alla sabbtilna l-bieb f’wiċċba. Il-bieb tal-ġenna, jekk il-ġenna għandha bieb, qatt ma kien magħluq. Kien il-bniedem li tbieghed, tilef triqtu lura, u forsi wkoll tilef kull xewqa li jerġa’ jmur lura. Kif nista’ nidħol lura f’dik il-komunjoni perfetta li aħna nsejjħulha l-ġenna kontra qalbi? Kieku nkun imgiegħel nagħmel dan, l-istess ġenna ssir infern għalija. Santa Katarina ta’ Siena kienet tgħid li t-triq għall-ġenna hija kollha ġenna, kif it-triq għall-infern hija kollha infern. Kif nista’ tassew naspira għal komunjoni perfetta wara mewti, jekk jiena stess ma nfittixhiex minn issa stess?
Kristu ġie biex jerġa jagħmilna komununjoni ma’ Alla, komunjoni bejnietna, komunjomni magħna nfusna, u komunjoni mal-kumplament tal-ħolqien. “Ut unum sint. Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina. [Ġw 17:21]
Ftit mumenti qabel kien għadu kif tana lilu nnifsu fis-sagrament li aħna nsejħulu tal-komunjoni. Jista’ jkun li matul is-sekli, dan għamilnih sinjal ta’ firda bejn min hu b’saħħtu u min hu dgħajjef? Minflok il-qawwa għad-dgħajfin, il-maħfra għall-midinbin u l-vjatku għal dawk kollha fil-mixja, aħna bdilnih fi premju għal min hu tajjeb[ii]?
Id-dielja hija parabola naturali ta’ din l-għaqda. Kristu stess huwa d-dielja. Missieru, il-bidwi. Aħna l-frieghi. [Ġw 15:1]. Huwa biss permezz tiegħu li aħna niksbu għaqda sħiħa mal-Missier - il-bidwi, għaqda mal-oħrajn – il-friegħi, għaqda mal-art li aħna mħawwlin fiha, u għaqda ma’ dak kollu li hemm madwarna, mal-arja li tagħtina n-nifs li Alla nefah fina, mad-dawl tax-xemx li jsaħħanna u jsostnina, saħansitra mal-qamar u l-kwiekeb li jaħkmu fuq il-lejl. Din hi l-komunjoni perfetta li ħalaq Alla u li gawdha minnha l-bniedem qabel dineb. “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.”
PARTEĊIPAZZJONI
Għax Alla huwa komunjoni perfetta, dak kollu li jwettaq, huwa jagħmlu f’parteċipazzjoni sħiħa fih innifsu. Ta’ bnedmin li aħna natribwixxu opri differenti lill-persuni differenti tat-Trinità Qaddisa. Lill-Missier natribwulu l-ħolqien. Lill-Iben natribwulu l-fidwa. Lill-Ispiru s-Santi natribwulu t-tqaddis. Imma dawn huma kollha opri tat-Tliet Persuni Divini flimkien għaliex dak li jagħmel Alla, jagħmlu f’għaqda u b’parteċipazzjoni sħiħa bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Mhux biss li Alla huwa f’parteċipazzjoni sħiħa fih innifsu, imma lil dak kollu li joħloq, huwa jsieħbu miegħu fl-opri li jwettaq. Huwa sieħeb lill-kreaturi kollha tiegħu f’din l-opra tal-ħolqien għax mhiex fin-natura tiegħu li jaħdem waħdu. Ried li l-bniedmin, l-annimali, il-pjanti, min-natura stess li tahom, u li hija parti minnu, ikomplu huma wkoll inisslu speċi oħra jixbħu lilhom. Isiru parteċipi miegħu fl-opra tal-ħolqien. “Nisslu u oktru, u imlew l-art.” [Ġen 1:28]
L-istess stedina għall-parteċipazzjoni tal-bnidem ma’ Alla, nistgħu narawha fl-opra tal-fidwa, li normalment aħna natribwuha lill-Iben. Minkejja li kieku ried seta’ jagħżel mod ieħor, imma “dak li ħalaqna mingħajrna, ma riedx jifdina mingħajrna.”[iii] Ġesù nnifsu jagħżel lit-Tnax biex jibgħathom jkomplu jwettqu dak li kien beda hu [Mk 16:15]. L-ewwel iddikjara lilu nnifsu bħala d-dawl tad-dinja [Ġw 8:12], imma qabel ħalliehom, qalilhom, "Intom id-dawl tad-dinja.” [Mt 5:14]
Tant kien evidenti dak li ried jagħmel Ġesù meta sieħeb miegħu lil dawk li mxew warajh, li f’okkażjoni minnhom, Ġuda mhux l-Iskarjota, staqsieh, “Dan kif ser turi lilek innifsek lilna u mhux lid-dinja? [Ġw 14:22] Ġesù ma riedx jagħmel kollox hu, waħdu. Dak hu aħna li spiss nimxu hekk.
Imbagħad il-qofol tal-parteċipazzjoni nilmħuħ f’dak li wetta l-Ispirtu Divin nhar l-ewwel Għid il-Ħamsin. Mill-qofol tal-kamra ta’ fuq fejn kienu ssakkru, tefagħhom ‘il barra, minn fejn xerridhom mad-dinja u fejn wara priedka waħda ta’ sajjied dgħajjef, f’jum wieħed emmnu u tgħammdu tlitt elef ruħ [Atti 2:41] .
Parteċipazzjoni fid-diversità
Il-parteċipazzjoni vera, li hija possibli biss fil-komunjoni ma tfissirx li kulħadd jaħsibha l-istess għaliex il-parteċipazzjoni, l-istess bħall-komunjoni hija possibli wkoll fid-diversità. Anzi huwa fid-diversità li jidher tassew il-valur kbir tagħha.
Kultant nużaw id-diversità bħala skuża banali biex ma nipparteċipawx bejnietna. Inwaħħlu fil-karattri differenti – tiegħi mhux bħal tiegħek. Inwaħħlu fid-diversità tal-kariżmi – tagħna mhux bħal tagħkom. Kieku Alla riedna kollha l-istess ma kienx forsi kapaċi jagħmilna l-istess, jagħtina karattri u kariżmi bħal ta’ xulxin?
Imma minkejja li dan nifhmuh, spiss ikollna reżistenza fina biex inwettquh u ngħixuh. L-appostli nfushom riedu jwaqqfu lil dak li kien qed ikeċċi x-xjaten f’isem Ġesù għaliex “mhuwiex wieħed minn tagħna” [Lq 9:49] . Illum nilmħu fosta xi xebħ ma’ din l-attitudni?
Fil-proġett tat-Torri ta’ Babel, il-bennejja ma fittxewx unità kif spiss naħsbu, imma uniformità li hija tant differenti. Spiċċaw biex minflok ma qablu bejniethom, ħadd minnhom ma setgħa jifhem lil ħadd. Il-proġett tħarbat u huma tferrxu. Ħasbu li jekk ikunu kollha l-istess, ikun hemm komunjoni u jiftehmu aktar. Imma lanqas il-proġett li kienu bdew ma setgħu jkomplu. Ma kienux kapaċi jipparteċipaw.
Għaddew is-sekli u ġie l-Ispirtu s-Santu bid-diversità tal-kariżmi u seħjat differenti. Uħud appostli, oħrajn profeti, jew għalliema. Lil min tah id-don tal-mirakli. Lill-ieħor dak tal-fejqan u oħrajn id-don tal-ilsna. [1 Kor 12:29-30]. U minkejja din il-varjetà, xorta fehmuhom kulħadd, għax tkellmu bi Spirtu wieħed.
Bla diversità, ma hemmx komunjoni imma reġim jew reġiment. Lil dawk li huma differenti, inwarbuhom! Neħilsu minnhom! Inqalftuhom ‘il barra!
Huwa mill-komunjoni li tiġi l-parteċipazzjoni, kif huwa mill-parteċipazzjoni tiġi l-missjoni.
MISSJONI
Elfejn sena ilu, Kristu nnifsu ġie fid-dinja bħala l-Bniedem-Alla biex
iwettaq il-missjoni li kien irċieva mill-Ispirtu s-Santu. “L-Ispirtu
tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
inrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.”
[Lq 4:18-19]
Kristu tana l-ħelsien mill-jasar tal-firda li teqred il-komunjoni. Huwa d-dawl li mingħajru ma naraw lil xejn u lil ħadd - bilkemm lilna nfusna. Huwa l-ħabbar tais-sena tal-grazzja li matulha kollox u kulħadd jintradd lura lejn l-oriġni tiegħu, meta kollox kien għadu tajjeb ħafna.
Il-missjoni ta’ Kristu kienet li jifdina mill-jasar tal-firda. Dan huwa t-tielet misteru tal-fidi taghna, il-Misteru tal-Fidwa li l-Knisja ser tfakkar fl-2033. Ikun Ġublew speċjali li jimmarka l-elfejn sena mill-akbar ġrajja li qatt seħħet fl-umanità – il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-imwiet tal-Mulej tagħna, Kristu Ġesù, is-Sid ta’ kull żmien, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Tkun sena ta’ grazzja speċjali li bħala Knisja għandna obbligu. li minn issa stess nibdew inħejju għaliha, xi ħaġa li l-Papa Franġisku diġà ħeġġiġna dwarha.[iv]
Għalhekk l-missjoni li rridu mwettqu mhix tagħna, imma ta’ Kristu. Hija missjoni li fl-imħabba kbira li għandu għalina, u fil-fiduċja li għandu fina, ried li jsieħeb fiha lilna lkoll. Din il-fiduċja tiegħu fina ċertament tisboq dik li aħna għandna fina nfusna u f’xulxin.
Spiss nifhmu l-missjoni bħala ħidma li aħna rridu nwettqu mal-oħrajn. Fejn aħna mmorru għandhom biex nagħtu lilhom – biex ngħallmu lilhom – biex nikkonvertu lilhom. Imma forsi huma ma għandhom xejn li jistgħu jagħtu lilna? Aħna ma għandna bżonn xejn minn għandhom? Aħna mmorru biex nevanġelizzaw lilhom, imma lilna min ser jevanġelizzana? Aħna m’għandnix bżonn inkunu evanġelizzati? Jew forsi aħna nevanġelizzaw lilna nfusna? Kollox tagħna f’tagħna! Closed shop!
Madankollu saħansitra l-foqra, li aħna spiss inħarsu lejhom bħala dawk li m’għandhom xejn x’jagħtuna, “jevanġelizzawna u jgħinuna kuljum biex niskopru s-sabiħ tal-Evanġelju”. Dan fakkarulna l-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu għat-Tieni Ġurnata Dinjija tal-Foqra[v]. Imma hija wkoll l-esperjenza ta’ dawk fostna li għamlu żmien f’artijiet u fost popli, li aħna nirreferu għalihom bħala “tal-missjoni”, Kollha jistqarru li marru bil-ħsieb uniku li jagħtu u spiċċaw biex irċevew ħafna aktar.
L-għalqa tal-missjoni li naħdmu fiha, mhux tagħna imma tiegħu [Mt 20:4]. Huwa hu li jibgħatna flimkien biex naħdmuha flimkien, “Morru intom ukoll fl-għalqa.” [Mt 20:4]. Imma aħna spiss nibnulha l-ħitan tal-firda u kulħadd jaħdem il-biċċa tiegħu. U ta’ dan, nibqgħu nwaħħlu f’xulxin, l-istess kif għamlu l-ewwel antenati tagħna dakinhar li ppruvaw jinħbew minn Alla. U l-istorja tkompli tirrepeti ruħha. Imma meta ser nifhmu l-missjoni ma tistax issir bla parteċipazzjoni u li l-parteċipazzjoni tiġi biss mill-komunjoni tagħna miegħu u bejnietna. Komunjoni - Parteċipazzjoni – Missjoni.
F’dan kollu, it-tentazzjoni kbira llum tibqa’ t-taqtieh il-qalb. Forsi huwa għalhekk li tmien snin qabel il-Ġublew tal-Fidwa, il-Knisja trid tfakkarna li aħna Pellegrini tat-Tama[vi]. Altru tgħid u altru tagħmel, u dan huwa minnu. Waħdi ma nistax nasal, imma flimkien, inwieżnu lil xulxin. In-natura ta’ madwarna turina li saħansitra minn dak li jidher mejjet u midfun, titwieled ħajja ġdida.
Komunjoni – Pareteċipazzjoni – Missjoni. Huma l-armonija ta’ ġnien, imżewwaq b’tant ilwien u fwejjaħ diversi, kollha maġenb xulxin bla ma waħda tistona mal-oħrajn u mal-ambjent ta’ madwarhom.
Komunjoni – Pareteċipazzjoni – Missjoni. Huma l-kuluri differenti ta’ qawsalla, mhux imferrxa ‘l hawn u ‘l hinn, għal rashom, fil-beraħ tas-smewwiet, imma mħaddna flimkien, bejniethom, fejn kulur jisfuma ħelu ħelu f’dawk ta’ maġenbu.
Komunjoni – Pareteċipazzjoni – Missjoni. Huma, kif kiteb l-istess Appostlu Pawlu, tant membri tal-ġisem uman, imma anke divin, tal-Kristu, il-Bniedem-Alla, li minkejja d-doni differenti tagħhom, huma lkoll membri tiegħu ta’ xulxin. Huwa fih biss li tidher tassew il-glorja tal-imħabba. [1Kor:12:27–13:13] Mhux hu waħdu, imma aħna bih, aħna miegħu, aħna fih.
Bi Kristu. Ma’ Kristu. Fi Kristu. Hekk biss jista’ jkollna tassew il-komunjoni, il-parteċipazzjoni, il-missjoni.
joe farrugia
29 ta’ Ġunju 2023
Solennità tal-Appostli Pietru u Pawlu
[ii] https://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Omelija_Corpus_04062015.htm
[iii] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1847.
[iv] https://laikos.org/gublew_2025_vid1.htm
[v] https://www.laikos.org/Fr1_Messagg_Jum-Foqra_2018.htm
[vi] https://laikos.org/g2025/