Laikos

 

U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. [Rum:15:13]

 

IFIRĦU BIT-TAMA

 

Ħsibijiet minn Joseph Bonnici waqt laqgħa għall-Mexxejja tal-Għaqdiet u Movimenti tal-Lajċi. Dar Ħanin Sammaritan. 21/01/2023.

 

Fl-Udjenza Ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa 31 ta’ Mejju 2017, il-Papa Franġisku tkellem dwar it-tama, bi thejjija għall-festa ta’ Pentekoste. Mis-simbolu ta’ ankra li tagħti stabbilità lid-dgħajsa, għadda għas-simbolu tal-qlugħ, li jħalli r-riħ imexxih bil-qawwa tiegħu fih. Donnhom is-simboli tal-appostli Pietru u Pawlu, l-istabbiltà tal-blata u d-dinamiżmu tal-messaġġier !

 

Min jaf kemm jifraħ il-baħħar meta jqum ir-riħ u jimlielu l-qlugħ bil-qawwa tiegħu ! Għax qlugħ waħdu hu mejjet, imma mimli bil-qawwa tar-riħ, jieħu l-ħajja u jbaħħar lejn destinazzjonijiet ġodda, jilħaq xtut u persuni oħra, iwassal il-preżenza lil hinn minn fejn beda. Isir ħaġa ħajja !

 

Imkebbeb mal-arblu, jew mitwi fuq il-gverta, il-qlugħ hu mejjet, qisu bla użu. Imma meta l-idejn tal-baħħar iqegħduh f’postu, jesponuh għall-elementi, isir qalb li tħabbat ma’ kull nefħa u jagħti tama fi vjaġġ li jista’ jwassal f’orizzonti ġodda.

 

Jekk il-baħħar jintefa’ jimmedita biss fuq il-qlugħ mitwi, jew imkebbeb, jibqa’ l-art u jitlef l-opportunità li jħoss il-ferħ li jara l-qlugħ jintefaħ u jiġbed id-dgħajsa lejn id-destinazzjoni tagħha. Jitlef il-ferħ li jixbah lil dak li ħassejna meta bit-tajra f’idejna, ħassejna r-r-riħ jaqbadha u kważi jaqbad qalbna wkoll magħha !

 

It-tama hi l-passaġġ bejn qlugħ mitluq, tajra mejta u l-ħajja !

 

Il-Papa jitkellem minn tliet aspetti tat-tama :

 

-     It-tama timla qlubna bil-ferħ issa stess

-     It-tama ma tqarraqx bina

-     Inkunu aħna li niżirgħu t-tama

 

1.     Ifirħu bit-tama ( Rum: 12, 12 )

Alla mhux biss l-oġġett tat-tama, dak li lejh inħarsu bħala d-destinazzjoni tagħna fl-għaqda miegħu għal dejjem fil-Ġenna. Huwa wkoll dak li, permezz tat-tama, jimlielna qlubna bil-ferħ illum. Aħna ngħidu ‘fejn hemm il-ħajja, hemm it-tama’, imma hija verità wkoll li ‘fejn hemm it-tama, hemm il-ħajja’. It-tama żżommna ħajjin. It-tama li jagħtina l-Ispirtu t’Alla żżommna għaddejjin.

X’inhu dak li jimlina bit-tama ?

-     Huwa l-fidi li għandi sejħa, Hu għażilni u jien inwieġeb bi gratitudni

-     Għandna aħbar tajba, li tagħti dawl fid-dlam

-     Il-kelma ta’ Ġesù : ‘Agħmlu l-qalb, jiena Hu !’

-     Meta naraw lil dawk li naħdmu magħhom jimxu ’l quddiem fil-ħajja spiritwali … u niggostaw x’jista’ jagħmel Alla fil-qlub !

-     Meta nħarsu lejn iż-żgħażagħ tal-lum, mimlijin entużjażmu li, għalkemm moħbi bħall-ġamar taħt l-irmied, kif ittektku ftit bil-ħlewwa tinkixef ix-xewqa għal Alla li hemm fil-qalb !

-     Meta minn żmien għal żmien, il-Mulej jagħtina togħma tal-ħwejjeġ kbar u sbieħ li qed jagħmel fina u fl-oħrajn permezz tagħna. ‘Dik il-kelma mexxietni !’ ‘Kemm bqajt niftakar dak li għedtli !’ ‘Grazzi !’

-     Meta nirriflettu fuq il-ħidma sorprendenti ta’ Alla fina. Membri tal-għaqda li lanqas biss kienu joħolmu li jkunu fejn qegħdin, jew li jagħmlu dak li qed jagħmlu. Imma s-sejħa t’Alla bidlitilhom ħajjithom, u ma jimmaġinawx li jmorru lura !

-     Meta nħossu l-ferħ li jiġi mill-għotja totali lil Alla. Meta tingħata, tiżvojta, tixbah lill-qlugħ battal, vojt biex jimtela biss bil-qawwa tar-riħ. Niżvojta u ningħata u b’hekk il-Mulej jista’ jimla qalbi bil-ferħ li ma jintemmx. L-eżempju ġeneruż ta’ nsara oħra, jimla qlubna bit-tama fit-tjubija.

-     Meta niltaqgħu mal-ferħ fit-tbissima tat-tfal żgħar, mal-fiduċja taż-żgħażagħ u mal-kuraġġ tal-adulti.

-     Meta nsib dak li hu sempliċi, imma reali u li jagħmel sens, ħieles mill-kożmetika tad-dinja.

-     Meta tara l-ħeġġa fiż-żgħażagħ tal-għaqda/grupp.

-     Meta anzjan/a, li kemm kemm jifilħu jimxu, tarahom għadhom jinteressaw ruħhom fil-grupp.

-     Meta tħares f’għajnejn żagħżugħ/a u tara x-xewqa għal dak kollu li huwa tajjeb.

 

2.     ‘It-tama ma tqarraqx bina’ Rum 5 : 5

San Pawl jistedinna biex inħallu ‘t-tama toktor fina’ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U dan anke meta, jekk nitkellmu ta’ bnedmin, ma jkunx donnu fadal lok għat-tama ! Meta nikkunsidraw lista ta’ diffikultajiet li għandna fuq livell personali, fuq livell ta’ għaqda, fuq livell ta’ djoċesi/Knisja, ikun hemm min jaħseb li mhemmx lok għat-tama ! U jibda jlesti l-qabar biex jindifen hu, il-grupp u jekk jista’ anke d-djoċesi! Abraham quddiem l-offerta ta’ Iżakk, Marija quddiem binha msallab, Pietru midneb u traditur tal-Mulej, Pawlu umiljat bil-għamad m’għajnejh, jispirawna nibqgħu ‘nittamaw kontra kull tama’, mhux għax aħna boloh, imma għax nafu li bħal Pawlu aħna ta’ Dak li ‘tiegħu aħna u li lilu nqimu’ (Atti 27, 23) ! ‘Kif jista’ jkun li Dak li tana lil Ibnu stess ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu ?’ (Rum 8 : 32) L-Ispirtu jkompli jimbotta fi qlubna, għalhekk ‘it-tama ma tqarraqx bina’ u nibqgħu mexjin anke meta …

-     Jikber il-bżonn u jonqsu jew jikbru fl-età l-membri

-     Jonqsu l-ħaddiema, niftakru li qegħdin fl-istess għalqa li tkellem minnha l-Mulej

-     Il-frott jidher li ġej bil-mod, bħaż-żerriegħa li ntefgħet fl-art mill-bidwi, imma tikber bil-mod weħidha, għax Alla hu li jkabbar

-     Jkolli t-tentazzjoni li nħares lura, imma nisma’ jidwi f’widnejja l-kliem tal-Imgħallem : ‘Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhux tajjeb għas-Saltna t’Alla’ (Lq 9 : 62)

-     Nara membri tal-għaqda jmutu … minflok naqta’ qalbi nitqawwa mill-eżempju tagħhom biex nibqa’ noffri lili nnifsi sal-aħħar

-     Inkun mitlub li nibdel dak li drajt fih u nħalli warajja dak li ntrabatt miegħu. Niftakar li ‘jekk iż-żerriegħa ma taqax fl-art u tmut tibqa’ weħidha, imma jekk tmut tagħmel ħafna frott’ (Ġw 12, 24)

-     Nikkonsidra d-dgħufijiet tiegħi u ta’ sħabi, imma niftakar fil-kelmiet ta’ San Pawl ‘għal kollox niflaħ f’dak li jqawwini’ (Filippin 4 :13)

 

3.     Niżirgħu t-tama fil-qlub…

L-Ispirtu s-Santu mhux biss jimla qlubna bit-tama, imma wkoll jagħtina l-qawwa biex din it-tama niżirgħuha fil-qlub tal-oħrajn. Iqawwina biex inkunu ‘parakliti’, li nagħtu l-komfort u l-protezzjoni lil ħutna. Nisrani li jiżra’ l-qrusa, id-dubju, mhux Nisrani. In-Nisrani li rċieva l-Griżma jsawwab iż-żejt tat-tama u l-fwieħa tat-tama u mhux il-qrusa u l-qtigħ il-qalb – dawk faċli tiżragħhom !

Fi kliem il-Kardinal John Henry Newman :

‘Imgħallmin mit-tbatija tagħna, mid-dwejjaq tagħna, anzi, mid-dnubiet tagħna, ikollna qalb u moħħ imħarreġ fil-qadi tal-imħabba lejn min għandu bżonnha. Inkunu nies li nagħtu komfort bħala xbiha tal-Paraklitu, l-Ispirtu s-Santu, u dan nagħmluh f’kull sens tal-kelma : billi niddefendu, nassistu u nikkomfortaw. Kliemna u l-pariri tagħna, il-manjieri tagħna, il-vuċi, il-ħarsa, ħa jkunu ġentili u li jnisslu trankwillità.’

Noffru protezzjoni u komfort, fuq kollox, lil min hu mwarrab, dgħajjef u miksur !

 

U allura, aħna bħala nsara impenjati, niżirgħu t-tama billi :

 

-     Nqawwu lil xulxin bi kliem ta’ fidi

-     Infakkru lil xulxin li aħna ħaddiema mal-Mulej u nittamaw li minn issa u mbagħad (ready but not yet), ngħixu l-hena tal-għaqda m’Alla fil-ġenna

-     Inkomplu niżirgħu l-aħbar it-tajba … iktar kemm naraw l-art imxennqa, iktar noffru dak li rċevejna fi qlubna

-     Infittxu lill-imwarrab u naħdmu miegħu b’qawwa u mħabba … kemm fl-għaqdiet tagħna u wkoll fit-triq – għandna bżonn nimxu !

-     Infakkru fil-kelmiet tal-Mulej – Agħmlu l-qalb, jiena HU !

-     Noffru liż-żgħażagħ, lill-adulti u t-tfal linji ċari u mudelli sbieħ fuqiex jimxu, nagħtuhom tama li kapaċi jgħixu skont dak it-tajjeb li Alla nissel fi qlubhom. Noffru eżempji mill-għaqdiet tagħna stess !

-     Inkunu xhieda f’dak li ngħidu u nagħmlu … noffru tama lil ta’ madwarna li ‘tista’ tgħix tajjeb’ u nifirħu u nirringrazzjaw lil min jaqsam magħna jew naraw fih it-tajjeb ta’ qalbu, minkejja d-dgħufijiet ta’ kull bniedem

-     Dak li nagħmlu, nagħmluh bil-ferħ, minkejja t-tbatija u s-sagrifiċċju li jitlob – dak li jsir b’imħabba u ferħ, jispira u jqawwi l-qlub !

 

Attenzjoni : Il-parabbola tas-sikrana :

"Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara' żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara' s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, 'Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?' Iżda hu qalilhom, 'Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.'

 

L-aħħar sentenza hija qawwija :

Min jiżra’ s-sikrana, Kristu jqisu bħala għadu. Is-sikrana hija ż-żerriegħa li tifni l-ħajja taż-żerriegħa tal-qamħ. Teħdilha saħħitha u tnaqqas il-frott.

Huma l-mumenti meta …

Nibdew naraw l-impenji żejda

Immaqdru dak kollu li hu marbut mat-tradizzjoni tal-għaqda

Insiru medhija bina nfusna biss u b’dak li hu tad-dinjia

Infittxu ħajja komda

Ingergru u niddispreġġaw lil sħabna fl-għaqda jew fil-Knisja

U nsibuha diffiċli li nissottomettu ruħna għat-tmexxija tal-għaqda …

Nittraskuraw il-prattiċi nsara …

 

Min jidħol f’dawn is-sqaqien, ikun qed jiżra’ l-qtigħ il-qalb flok it-tama.

Dawn l-attitudnijiet u min jippersisti fihom, jeqirdu l-grupp !

Jekk qegħdin fik, iddeċiedi llum li twaqqafhom b’rieda soda u bl-għajnuna jekk hemm bżonn. Jekk qegħdin f’ħutek fl-għaqda, ikkoreġihom b’korrezzjoni fraterna ġentili imma soda.

 

Inħallu lil Alla jimla qlubna bit-tama u bil-ferħ issa,

Nemmnu tassew li t-tama ma tqarraqx bina,

u niżirgħu t-tama fil-qlub.

 

Ma’ San Ġorġ Preca, nitolbu : ‘Sinjur Alla, ferraħni bil-paċi tiegħek !’