|
Ittra tas-XVI-il Assemblea Ordinarja Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet lill-Poplu ta’ Alla
Belt tal-Vatikan, 25 ta' Ottubru 2023
Fil-25 ta’ Ottubru, it-364 membru tas-Sinodu ivvutaw sabiex jippubblikaw ittra lill-poplu ta’ Alla, li fiha esprimew il-ħsibijiet tagħhom dwar l-ewwel fażi tas-Sinodu dwar is-Sinodalità. Din l-ittra ġiet tradotta għall-Malti minn Joe Micallef
Għeżież ħuti,
Hekk kif l-ewwel sessjoni tas-16-il Assemblea Ordinarja Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet riesqa lejn it-tmiem, irridu nirringrazzjaw lil Alla għal din l-esperjenza sabiħa li għexna magħqudin magħkom ilkoll. Aħna konna megħjuna mit-talb tagħkom u ħadna magħna l-mistoqsijiet, il-beżgħat u t-tamiet tagħkom. Kif talab Papa Franġisku sentejn ilu, bdejna proċess twil ta’ smiegħ u dixxerniment, miftuħ għall-poplu kollu ta’ Alla mingħajr ħadd eskluż. Dan taħt il-gwida tal-Ispirtu s-Santu.
Qsamna l-għana u l-faqar tal-komunitajiet
Din is-sessjoni hija fażi importanti ta’ dan il-proċess bla preċedent. Għall-ewwel darba, fuq stedina tal-Papa Franġisku, irġiel u nisa ġew mistiedna biex ipoġġu fuq l-istess mejda, mhux biss għad-diskussjonijiet, imma anke biex jivvutaw f’din l-Assemblea. Dan grazzi għall-magħmudija li rċevew. B’mod attent smajna l-Kelma t’Alla, aħna lkoll li għandna vokazzjonijiet differenti. Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, qsamna flimkien l-għana u l-faqar tal-komunitajiet tagħna minn kull kontinent, u fittixna x’ried jgħid l-Ispirtu lill-Knisja illum. Rajna l-importanza li naqsmu l-esperjenza tat-tradizzjoni Latina mat-tradizzjonijiet Insara tal-Lvant. Il-parteċipazzjoni tal-aħwa delegati mill-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali għenet sabiex tarrikkixxi ddiskussjonijiet.
F’kuntest ta’ kriżi dinjija
Din l-assemblea saret f’kuntest ta’ kriżi dinjija, li l-feriti tagħha u l-inugwaljanzi li jeżistu ġarrejnihom f’qalbna; għaldaqstant ix-xogħol tagħna wettaqnieh taħt dan id-dell, speċjalment għax x’uħud minna ġejjin minn pajjiżi fejn hemm il-gwerer. Tlabna għall-vittmi tal-vjolenza, mingħajr ma nsejna dawk kollha li huma sfurzati li jgħixu fil-miżerja u mġegħlin jemigraw. Nassiguraw is-solidarjeta’ tagħna lil dawk kollha li qed jaħdmu għall-ġustizzja u l-paċi.
Spazju għas-silenzju
Fuq stedina tal-Papa, ħallejna spazju għas-silenzu sabiex nisimgħu lil xulxin, b’xewqa tal-għaqda bejnietna permezz tal-Ispirtu s-Santu. Waqt il-ftuħ tal-vġili ekumenika, rajna kemm ix-xewqa għall-għaqda tikber fil-kontemplazzjoni ta’ Kristu Msallab. Fil-fatt is-salib huwa l-unika katedra ta’ Dak li filwaqt li ta ruħu għas-salvazzjoni tad-dinja, ħalla lid-dixxipli tiegħu f’idejn Missieri, ħalli lkoll ikunu ħaġa waħda (Ġw 17, 21). Magħquda fit-tama li tiġi mill-Qawmien, fdajnielu l-dar komuni tagħna fejn il-biki tad-dinja u tal-foqra qed isiru aktra urġenti: Laudate Deum (Faħħru lil Alla!) kif Papa Franġisku fakkarna fil-bidu ta’ dawn il-laqgħat.
Mill-Knisja jistennew l-imħabba
Kuljum ħassejna l-bżonn tal-konverżjoni pastorali u missjunarja. Għax il-vokazzjoni tal-Knisja hija dik li xxandar il-Vanġelu billi tpoġġi lilha nnifisha għas-servizz tal-imħabba infinita li biha Alla ħabb lid-dinja (Ġw 3, 16). Meta l-foqra ta’ ħdejn Pjazza San Pietru ġew mistoqsija x’jistennew mill-Knisja, huma rrispondew “L-Imħabba.” Din l-imħabba għandha dejjem tibqa’ il-qalb tal-Knisja, imħabba Trinitarja u Ewkaristika, kif semma l-Papa f’nofs is-Sinodu, waqt li rrepeta l-messaġġ ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Hija l-fiduċja li tagħtina l-awdaċità u l-libertà interjuri li esperjenzajna, li nesprimu d-differenzi, il-mistoqsijiet u x-xewqat tagħna.
Ħarsa ‘l quddiem
U issa? Nittamaw li x-xhur sat-tieni sessjoni tas-Sinodu f’Ottubru 2024 jippermettu lil kulħadd jipparteċipa fid-dinamiżmu tal-komunjoni missjunarja kif tfisser il-kelma “sinodu”. Din mhijiex ideoloġija, imma esperjenza li għandha l-għeruq tagħha fit-tradizzjoni apostolika. Kif fakkarna l-Papa Franġisku fil-bidu ta’ dan il-proċess “il-komunjoni u l-missjoni hemm il-periklu li jibqgħu astratti, jekk ma nikkultivawx prassi ekkleżjali li tesprimi is-sinodalità b’mod konkret.....billi nħeġġu għall-parteċipazzjoni prattika ta’ kull wieħed u waħda minna”(9 ta’ Ottubru 2021). Hemm ħafna sfidi u mistoqsijiet: ir-rapport tal-ewwel sessjoni se jispeċifika il-punti li fihom qbilna, juri l-mistoqsijiet li għadhom pendenti u jindika kif il-ħidma se titkompla.
Jeħtieġ tisma’ lil kulħadd
Il-Knisja jeħtieġ tisma’ lil kulħadd biex tagħmel progress fid-dixxerniment tagħha, tibda mill-foqra. Dan jeħtieġ proċess ta’ konverżjoni min-naħa tagħha, li huwa anke proċess ta’ tifħir: “Infaħħrek, Missier Sid tas-sema u l-art, għax inti ħbdejn dawn l-affarijiet mill-għorrief u wrejthom liċ-ċkejknin”(Lq 10, 21)! Dan il-proċess ifisser li jeħtieġ tisma’ lil dawk li qed ikunu mċaħħda mid-dritt li jitkellmu fis-soċjetà jew iħossuhom esklużi, anke mill-Knisja. Ifisser ukoll li tisma’minn dawk li huma vittmi tar-razziżmu f’kull forma tiegħu – speċjalment f’żoni fejn il-kulturi tal-popli ġew misħuqa. Fuq kollox, il-Knisja fi żmienna għandha d-dmir li tisma’, fi spirtu ta’ konverżjoni, lil dawk li sfaw vittmi tal-abbuż kommess minn membri tal-komunità ekkleżjali, u tikkommetti lilha nnifisha b’mod konkret u fl-istruttura tagħha ħalli dawk l-abbużi ma’ jerġgħux jitwettqu.
Sejħa għall-qdusija
Il-Knisja jeħtieġ tisma’ lil-lajċi, irġiel u nisa, li huma msejħa għall-qdusija permezz tal-vokazzjoni li tiġi mill-mgħmudija: lix-xhieda tal-katekisti, li f’ħafna sitwazzjonijiet huma minn tal-ewwel li jxandru -Vanġelu; lis-semliċità tat-tfal, l-entużjażmu u l-mistoqsijiet taż-żgħażagħ, lill-ħolm, l-għerf u l-memorja tal-anzjani. Il-Knisja jeħieġ tisma’ lill-familji, lit-tħassib tagħhom dwar l-edukazzjoni, lix-xhieda Nisranija li joffru fid-dinja tal-lum. Jeħtieġ tilqa’ l-vuċi ta’ dawk li jixtiequ jagħtu sehemhom fil-ministeri lajkali u jipparteċipaw fl-istrutturi ta’ dixxerniment u f’dawk fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Attenta għal kull min ifittex il-Verità
Biex isir progress f’dan id-dixxerniment sinodali, il-Knisja jeħtieġ li tiġbor aktar l-esperjenzi u l-kliem tal-ministri ordnati – tas-saċerdoti, il-kollaboraturi primarji tal-Isqfijiet, li l-ministeru sagramentali tagħhom huwa ndispensabbli għall-ħajja tal-Knisja; tad-djakni, li permezz tal-ministeru tagħhom, juri l-kura tal-Knisja kollha għal dawk vulnerabbli. Jeħtieġ anke li tisma’ l-vuċi li tiġi mill-ħajja kkonsagrata, ix-xhud tas-sejħa tal-Ispirtu. Jeħtieġ tkun attenta għal dawk kollha li m’għandhomx l-istess fidi, imma li qed ifittxu l-Verità. F’dawn ukoll l-Ispirtu huwa preżenti b’mod attiv, u “joffri lil kulħadd il-possibiltà li jkun magħqud f’dan il-misteru paskwali” (Gaudiuim et Spes 22).
Nirrispondu għas-sejħa bla biża’
“Din id-dinja li ngħixu fiha, fejn aħna msejħin li nħobbu u nservu - anke bil-kontradizzjonijiet kollha li jeżistu – titlob li l-Knisja ssaħħah il-ħidma tagħha f’kull missjoni li twettaq. Huwa preċiżament din it-triq ta’ sinodalità li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millenju (Papa Franġisku, 17 ta’ Ottubru 2015) M’għandniex nibżgħu nirrispondu għal din is-sejħa. Marija, Omm il-Knisja, l-ewwel fil-vjaġġ, takkompanjana f’din il-mixja. Fil-ferħ u fin-niket, hi turina lil Binha u tistedinna sabiex nafdaw. U Hu, Ġesù, hu l-unika tama tagħna.
Maħruġa mill-Belt tal-Vatikan, 25 ta’ Ottubru 2023
miġjuba għall-Malti minn Joe Micallef