| 
												   
												
												Mis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar 
												iż-Żgħażagħ. Ottubru 2018. 
												
												
												Huma u jisimgħu dwar “Kristu 
												żagħżugħ għal dejjem ta’ dejjem” 
												il-padri sinodali kitbu ittra 
												liż-żgħażagħ tad-dinja kollha: 
												“Tħallux id-dgħufijiet tagħna 
												jaqtgħulkom qalbkom”. “Il-Knisja 
												u d-dinja għandhom bżonn urġenti 
												tal-entużjażmu tagħkom”. 
												
												
												
												  
												  
												  
												
												   | 
												
												   
												
												
												
												XV Assembleja Ġenerali Ordinarja 
												tas-Sinodu tal-Isqfijiet 
												
												
												
												Ittra tal-padri sinodali 
												liż-żgħażagħ 
												
												
												  
												
												
												Lilkom żgħażagħ 
												tad-dinja, aħna l-padri sinodali 
												qed nindirizzawkom b’kelma ta’ 
												tama, fiduċja u konsolazzjoni. 
												F’dawn il-ġranet inġbarna 
												flimkien biex nisimgħu il-leħen 
												ta’ Ġesù, “Kristu żagħżugħ għal 
												dejjem ta’ dejjem”, u nagħrfu 
												FIH il-bosta ilħna tagħkom, 
												l-għajjat tagħkom ta’ eżultanza, 
												il-biki tagħkom, il-mumenti ta’ 
												skiet.  
												
												
												  
												
												
												
												Aħna familjari mat-tiftix 
												interjuri tagħkom, il-ferħ u 
												t-tamiet, il-weġgħat u d-dwejjaq 
												li ma jħallukomx  bi kwietkom. 
												Issa nixtiequ nsemmgħulkom kelma 
												minn għandna: aħna nixtiequ 
												naqsmu magħkom il-ferħ tagħkom 
												sabiex dak kollu li qed 
												tistennew isir ideal. Aħna ċerti 
												li bl-entużjażmu li għandkom 
												għall-ħajja intom lesti li 
												timpenjaw rwieħkom ħalli l-ħolm 
												tagħkom jitwettaq fil-ħajja 
												tagħkom u fl-istorja 
												tal-bniedem. 
												
												
												
												  
												
												
												
												In-nuqqasijiet 
												tagħna m'għandhomx jaqtgħulkom 
												qalbkom; il-fraġilità 
												u d-dnubiet tagħna m’għandhomx 
												ikunu ta’ ostaklu għall-fiduċja 
												tagħkom. Il-Knisja hija ommkom; 
												ma tħallikomx weħidkom, lesta 
												biex timxi magħkom f’toroq 
												ġodda, f’ mogħdijiet fil-għoli 
												fejn ir-riħ tal-Ispirtu qed 
												jonfoħ bil-qawwa, u jiknes minn 
												quddiemu ċ-ċpar 
												tal-indifferenza, 
												superfiċjalità u 
												qtigħ il-qalb. 
												
												
												  
												
												
												Meta d-dinja, li 
												Alla tant ħabb li wasal biex 
												taha lil Ibnu Ġesù, hija ffukata 
												fuq affarijiet materjali, fuq 
												is-suċċess immedjat, fuq 
												il-pjaċir li jfarrak l-aktar 
												dgħajfa, intom tgħinuha biex 
												terġa’ tqum u mill-ġdid iddawwar 
												ħarsitha lejn l-imħabba, 
												is-sbuħija, il-verità u 
												l-ġustizzja.  
												
												
												  
												
												
												Għal xahar, aħna 
												mxejna flimkien ma’ xi wħud 
												fostkom  u ma’ ħafna oħrajn 
												marbutin magħna permezz tat-talb 
												u l-affett. Aħna nixtiequ 
												nkomplu l-vjaġġ issa f'kull 
												parti tad-dinja fejn il-Mulej 
												Ġesù jibgħat lilna bħala 
												dixxipli missjunarji. 
												
												
												  
												
												
												Il-Knisja u 
												d-dinja għandhom bżonn urġenti 
												tal-entużjażmu tagħkom. Imxu 
												fit-triq bħala l-imseħbin ta’ 
												min hu l-iżjed fraġli, tal-fqar 
												u ta’ dawk li l-ħajja 
												weġġgħethom. 
												
												
												  
												
												
												Intom 
												il-preżent,  kunu futur iktar 
												imdawwal. 
												  
												  
												
												
												
												Miġjub mit-Taljan għall-Maltin 
												minn Louis Spiteri 
												  
												
												
												
												
												
												https://www.vaticannews.va/it/vaticano/news/2018-10/sinodo-giovani-2018-lettera-padri-sinodali.html 
												  
												   |