-       

EN

 

DIKASTERU GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI

 NOTA

GESTIS VERBISQUE

DWAR IL-VALIDITÁ TAS-SAGRAMENTI

Preżentazzjoni

Fl-okkażjoni tal-Assembleja Plenarja tad-Dikasteru li saret f’Jannar 2022, il-Kardinali u l-Isqfijiet membri kienu diġà wrew it-tħassib tagħhom minħabba żjieda fil-każi ta’ Sagramenti li kienu qed jiġu ċċelebrati invalidament. Minħabba bidliet gravi li saru fil-materja jew fil-forma tas-Sagramenti, li wasslu għal ċelebrazzjoni invalida, inħasset il-ħtieġa li jinstabu l-persuni involuti, biex jirripetu r-rit tal-Magħmudija jew tal-Griżma, u numru mdaqqas ta’ fidili, ġustament, fissru t-tħassib tagħhom. Per eżempju, minflok il-formula stabbilita għall-Magħmudija, intużaw formuli bħal dawn: “Jiena ngħammdek f’isem il-Ħallieq…” u “F’isem il-papà u l-mamà … aħna ngħammduk”. Ukoll xi saċerdoti nstabu f’sitwazzjonijiet gravi bħal dawn, għax huma nfushom ġew mgħammdin b’formuli ta’ dan it-tip, u b’dispjaċir skoprew li l-ordinażżjoni tagħhom u s-sagramenti li kienu laħqu ċċelebraw kienu invalidi.

Waqt li fi sferi oħra tal-ħidma pastorali tal-Knisja hemm lok għal krejattività, inizjattivi bħal dawn fil-każ taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti jissarrfu f’“azzjoni manipulatriċi”, u għalhekk ma jistgħux isiru[i]. Għalhekk, tibdil fil-forma jew fil-materja ta’ Sagrament hu dejjem att gravement illeċitu li jistħoqqlu piena eżemplari, għax atti arbitrarji bħal dawn jistgħu jisfaw ta’ ħsara kbira għall-Poplu fidil ta’ Alla.

Fid-diskors tiegħu lil dan id-Dikasteru, fl-okkażjoni tal-Assembleja Plenarja reċenti, tas-26 ta’ Jannar 2024, il-Qdusija Tiegħu fakkarna li “permezz tas-Sagramenti, il-fidili jsiru kapaċi ta’ profezija u xhieda. U żminijietna għandhom ħtieġa partikulari u urġenti għal profeti ta’ ħajja ġdida u għal xhieda ta’ karità; ejjew, mela, inħobbu u ngħinu oħrajn biex iħobbu l-ġmiel u l-qawwa tas-Sagramenti!” F’dan il-kuntest huwa fisser ukoll li “fil-ministri tenħtieġ kura speċjali   huma u jamministrawhom u huma u juru lill-fidili t-teżori tal-grazzja li jikkomunikaw”[ii].

B’dan il-mod, il-Qdusija Tiegħu, waqt li jistedinna biex naġixxu b’mod li l-fidili jkunu jistgħu jersqu bi frott lejn is-Sagramenti, jisħaq bil-qawwa fuq il-“kura speċjali” fl-amministrazzjoni tagħhom.

Għaldaqstant aħna l-ministri jeħtieġ ikollna l-kuraġġ biex negħlbu t-tentazzjoni li nħossuna s-sidien tal-Knisja. Għall-kuntrarju, jeħtieġ inħossu li qed nirċievu don li ġie qabilna: mhux biss id-don tal-ħajja jew tal-grazzja, iżda wkoll it-teżori tas-Sagramenti li ġew fdati lilna mill-Knisja Omm. Mhumiex tagħna! U l-fidili għandhom id-dritt li, min-naħa tagħhom, jirċevuhom hekk kif tridhom il-Knisja. B’dan il-mod, iċ-ċelebrazzjoni tagħhom tkun fi qbil mal-intenzjoni ta’ Ġesù u tagħmel attwali u effikaċi l-ġrajja tal-Għid.

Bir-rispett reliġjuż li, bħala ministri, nuru lejn dak li l-Knisja stabilixxiet dwar il-materja u l-forma ta’ kull Sagrament, inkunu qed nuru quddiem il-komunità li “ir-Ras tal-Knisja, u, allura, il-president veru taċ-ċelebrazzjoni, huwa biss Kristu”[iii].

Għalhekk, din in-Nota mhijiex dwar kwestjoni sempliċement teknika jew ukoll “rigorista”. Waqt li qed jippublikaha, il-ħsieb ewlieni tad-Dikasteru hu li jixħet dawl fuq il-prijorità tal-azzjoni ta’ Alla u jħares bl-umiltà l-unità tal-Ġisem ta’ Kristu, li huwa l-Knisja fl-għemejjel l-aktar qaddisa tagħha.

Jalla dan id-Dokument, approvat unanimament fil-25 ta’ Jannar 2024 mill-Membri tad-Dikasteru miġburin fl-Assembleja Plenarja, u li mbagħad ġie approvat mill-Papa Franġisku nnifsu, iwassal lill-ministri kollha tal-Knisja biex jagħrfu bis-sħiħ kliem Kristu: “Mhux intom għażiltu lili, iżda jien għażilt lilkom” (Ġw 15, 16).

Víctor Manuel Kard. FERNÁNDEZ
Prefett

 


[i] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Nota dottrinale circa la modifica della formula sacramentale del Battesimo (24 ta’ Ġunju 2020), nota 2: L’Osservatore Romano, 7 ta’ Awwissu 2020, 8.

[ii] Franġisku, Discorso ai partecipanti all’Assemblea plenaria del Dicastero per la Dottrina della Fede, Sala Clementina (26 ta’ Jannar 2024): L’Osservatore Romano, 26 ta’ Jannar 2024, 7.

[iii] Dikasteru għad-Duttrina tal-Fide, Nota Gestis verbisque dwar il-validità tas-Sagramenti (2 ta’ Frar 2024), n. 24.

 

Tista' tkompli taqra d-dokument Gestis Verbisque kollu bil-Malti minn hawn ...     

Word form ... 

PDF format ...  

 


Daħla

1. Bi ġrajjiet u kliem magħqudin intimament flimkien, Alla jirrivela u jwettaq il-pjan tas-salvazzjoni għal kull bniedem, iddestinat għal tisħib miegħu[1]. Din ir-relazzjoni feddejja titwettaq b’mod effikaċi fil-Liturġija, fejn it-tħabbira tas-salvazzjoni, li tidwi fil-Kelma li tiġi mxandra, issib it-twettieq tagħha fil-ġesti sagramentali. Dawn, infatti, jagħmlu preżenti fil-ġrajja umana l-ħidma feddejja ta’ Alla, li għandha l-milja tagħha fl-Għid ta’ Kristu. Il-qawwa feddejja ta’ dawk il-ġesti jissuktaw l-istorja tas-salvazzjoni li Alla qed iwettaq fiż-żmien.


Għalhekk is-Sagramenti, imwaqqfin minn Kristu, huma azzjonijiet li, permezz ta’ sinjali sensibbli, jattwaw l-esperjenza ħajja tal-misteru tas-salvazzjoni, billi jagħmlu possibbli s-sehem tagħna fil-ħajja divina. Huma l-“kapolavuri ta’ Alla” fil-Patt il-Ġdid u ta’ dejjem, qawwiet li jnixxu mill-Ġisem ta’ Kristu, għemejjel tal-Ispirtu li jaħdem fil-Ġisem tiegħu, li hu l-Knisja2.


Għalhekk il-Knisja, fil-Liturġija, tiċċelebra bi mħabba sinċiera u bil-qima s-Sagramenti li Kristu nnifsu fdalha, sabiex tħarishom bħala wirt prezzjuż u għajn tal-ħajja u l-missjoni tagħha.

2. Sfortunatament ikollna nistqarru li ċ-ċelebrażżjoni liturġika, u speċjalment dik tas-Sagramenti, mhux dejjem qegħda ssir b’fedeltà sħiħa lejn ir-riti stabbiliti mill-Knisja. Dan id-Dikasteru bosta drabi kellu jindaħal biex iwieġeb għal dubia fuq il-validità ta’ Sagramenti ċċelebrati fir-Rit Ruman, meta ma ġewx imħarsa n-normi liturġiċi, u xi drabi b’ċerta sogħba kellu jagħti tweġiba negattiva, għax deherlu li, f’dawn il-każi, il-fidili ġew imċaħħda minn jeddijiethom, “jiġifieri l-misteru tal-Għid, iċċelebrat skond ir-ritwal stabbilit mill-Knisja”3. Bħala eżempju nistgħu nsemmu ċelebrazzjonijiet tal-magħmudija li fihom il-formula sagramentali ġiet mibdula f’xi element essenzjali, b’mod li invalidat is-Sagrament, u allura affettwat ħażin il-mixja sagramentali futura tal-fidili li, b’ċerta weġgħa, kellhom jirripetu ċ-ċelebrazzjoni mhux biss tal-magħmudija, iżda wkoll tas-Sagramenti li rċevew wara4.

3. F’ċerti ċirkustanzi seta’ kien hemm intenzjoni tajba ta’ xi ministri li, jew għax ma ġihomx f’rashom, jew għax imqanqlin minn motivi pastorali sinċieri, bidlu l-formuli u r-riti essenzjali stabbiliti mill-Knisja, forsi għax dehrilhom li b’hekk kienu qed jagħmluhom aktar adattati u jiftehmu aħjar. Iżda bosta drabi, “l-ideja ta’ motivazzjoni pastorali sservi ta’ maskra, anki bla ma wieħed jintebaħ, għal devjazzjoni suġġettiva u rieda manipulatriċi”5. Dan jikxef ukoll nuqqas fil-formazzjoni tal-ministru, speċjalment meta wieħed iqis il-valur tal-azzjoni simbolika, element essenzjali tal-att liturġiku-sagramentali.

4. Biex jgħin lill-isqfijiet fid-dmir tagħhom li jmexxu ’l quddiem u jħarsu l-ħajja liturġika tal-knejjes partikulari fdati lilhom, id-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, f’din in-Nota, jrid jippreżentalhom xi elementi ta’ xejra duttrinali għal dixxerniment dwar il-validità taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, waqt li jqis ukoll ċerti aspetti dixxiplinari u pastorali.

5. L-iskop ta’ dan id-dokument jgħodd għall-Knisja Kattolika kollha kemm hi. Madanakollu l-argumenti teoloġiċi li jispirawh xi drabi huma msejjsin fuq kategoriji proprji tat-tradizzjoni Latina. Għalhekk is-Sinodu jew l-Assembleja tal-Ġerarki ta’ kull Knisja Kattolika tal-lvant għandhom jieħdu ħsieb jadattaw kif imiss id-direttivi ta’ dan id-dokument, waqt li jagħmlu użu mil-lingwaġġ teoloġiku proprju tagħhom, meta dan hu differenti mil-lingwaġġ użat f’dan it-test. Imbagħad ix-xogħol li jkun twettaq, qabel ma jiġi ppublikat, għandu jiġi sottopost għall-approvazzjoni tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi.

I. Il-Knisja tirċievi u tesprimi ruħha fis-Sagramenti

6. Il-Konċilju Vatikan II, b’analoġija, japplika d-definizzjoni ta’ Sagrament għall-Knisja kollha. Speċjalment meta fil-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa jtenni li “mill-kustat ta’ Kristu rieqed fuq is-salib nixxa s-Sagrament tal-għaġeb li hu l-Knisja kollha”[7], huwa għamel użu mill-kitba tipoloġika, għażiża għal Missirijiet il-Knisja, fuq ix-xebħ bejn Kristu u Adam7. It-test Konċiljari jirriferixxi għal kliem Santu Wistin8, li jtenni: “Jorqod Adam biex titnissel Eva; imut Kristu biex titnissel il-Knisja. Mill-ġenb ta’ Adam rieqed tnisslet Eva; mill-ġenb ta’ Kristu mejjet, minfud mil-lanza, inixxu s-Sagramenti, li bihom tnisslet il-Knisja”9.

7. Il-Kostituzzjoni Dommatika fuq il-Knisja ttenni li l-Knisja hi “fi Kristu bħala Sagrament, jiġifieri sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tan-nisel uman kollu”[8]. U dan jitwettaq fuq kollox permezz tas-Sagramenti, għax f’kull wieħed minnhom titwettaq, skond il-mod ta’ kull wieħed, in-natura sagramentali tal-Knisja, il-Ġisem ta’ Kristu. Id-definizzjoni tal-Knisja bħala sagrament universali ta’ salvazzjoni “turi kif l-ekonomija sagramentali fl-aħħar mill-aħħar tagħżel il-mod li fih Kristu, is-Salvatur waħdieni, permezz ta’ l-Ispirtu, jilħaq il-ħajja tagħna fiċ-ċirkustanzi partikulari tagħha. Il-Knisja tiġi milqugħa, u fl-istess waqt tfisser dak li hi, fis-seba’ Sagramenti, li permezz tagħhom il-grazzja ta’ Alla tolqot fir-realtà l-għajxien ta’ l-insara, biex ħajjithom kollha, mifdija minn Kristu, issir qima li togħġob ’l Alla”.[9] 

8. Billi waqqaf il-Knisja bħala l-Ġisem tiegħu, Kristu jagħti lill-fidili sehem mill-istess ħajja tiegħu, billi jgħaqqadhom mal-mewt u l-qawmien tiegħu b’mod rejali u misterjuż permezz tas-Sagramenti[10]. Tabilħaqq, il-qawwa qaddiesa tal-Ispirtu s-Santu taħdem fil-fidili permezz tas-sinjali sagramentali[11], u tagħmilhom ġebel ħaj f’bini spiritwali, mibni fuq il-ġebla tax-xewka li hi Kristu l-Mulej[12], u poplu saċerdotali, li għandu sehem mis-saċerdozju waħdieni ta’ Kristu[13].

9. Għalhekk, is-seba’ azzjonijiet vitali, li l-Konċilju ta’ Trentu ddikjara solennement li huma ta’ istituzzjoni divina[14], huma l-post privileġġjat tal-laqgħa ma’ Kristu l-Mulej, li jagħti l-grazzja tiegħu u li, bil-kliem u l-atti ritwali tal-Knisja, jitma u jsaħħaħ il-fidi[15]. Huwa fl-Ewkaristija u fis-Sagramenti l-oħrajn kollha li “lilna tiġi ġġarantita l-possibbiltà li niltaqgħu mal-Mulej Ġesù u li tilħaqna l-qawwa tal-Passjoni tiegħu”[16].

10. Waqt li tifhem dan, il-Knisja, sa mill-bidunett tagħha, ħadet ħsieb speċjali tal-għejjun li minnhom tikseb l-ilma tal-ħajja għall-eżistenza u x-xhieda tagħha: il-Kelma ta’ Alla (li nsibuha fil-Kotba Mqaddsa u fit-Tradizzjoni) u s-Sagramenti, iċċelebrati fil-liturġija, li permezz tagħhom tersaq kontinwament lejn il-misteru tal-Għid ta’ Kristu[17].

L-interventi tal-Maġisteru f’dak li jolqot is-Sagramenti kienu dejjem imqanqlin minn ħrara fundamentali għall-fedeltà lejn il-misteru li jiġi ċċelebrat. Infatti, il-Knisja għandha d-dmir li tassigura l-prijorità tal-azzjoni ta’ Alla u li tħares l-unità tal-Ġisem ta’ Kristu f’dawk l-azzjonijiet li bħalhom ma hemmx, għax huma sagri “per eċċellenza” b’effikaċja li hi ġġarantita mill-ħidma saċerdotali ta’ Kristu[18].

II. Il-Knisja li tħares u hi mħarsa mis-Sagramenti

11. Il-Knisja hi “l-ministra” tas-Sagramenti, mhijiex il-padruna[19]. Meta tiċċelebrahom, hija nnifisha tirċievi l-grazzja, tħarishom u tiġi minnhom imħarsa. Is-setgħa li tista’ tħaddem dwar is-Sagramenti tixbaħ lil dik li għandha dwar l-Iskrittura Mqaddsa. F’din tal-aħħar il-Knisja tagħraf il-Kelma ta’ Alla, imniżżla bil-kitba taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u għalhekk tistabilixxi l-Kanoni tal-Kotba mqaddsa. Iżda fl-istess ħin tissottometti ruħha għal din il-Kelma, li hija “tismagħha bil-qima, tħarisha bil-qdusija, u tfissirha bil-fedeltà”[20]. Hekk ukoll il-Knisja, megħjjuna mill-Ispirtu s-Santu, tagħraf dawk is-sinjali sagri li permezz tagħhom Kristu jagħti l-grazzja li tnixxi mill-Għid, tiddetermina n-numru tagħhom u turi l-elementi essenzjali ta’ kull wieħed minnhom.

Waqt li tagħmel dan, il-Knisja tifhem sew li meta wieħed jamministra l-grazzja ta’ Alla, huwa ma jkunx qed isir padrun tagħha, iżda strument tal-Ispirtu billi jgħaddi lil ħaddieħor id-don ta’ Kristu paskali. B’mod partikulari hija taf li s-setgħa tagħha dwar is-Sagramenti ma tolqotx is-sustanza tagħhom[21]. Bħalma fil-predikazzjoni l-Knisja trid dejjem ixxandar bil-fedeltà l-Evanġelju ta’ Kristu li miet u rxoxta, hekk ukoll fl-azzjonijiet sagramentali hija trid tħares l-azzjonijiet feddejja li Ġesù fdalha.

12. Huwa veru li l-Knisja mhux dejjem uriet b’mod ċar il-ġesti u l-kliem li jsawwru s-sustanza stabbilita divinament. Iżda għas-Sagramenti kollha jidhru fundamentali dawk l-elementi li l-Maġisteru tal-Knisja, huwa u jagħti widen għas-sens tal-fidi tal-Poplu ta’ Alla u fi djalogu mat-teoloġija, qies bħala l-materja u l-forma, li magħhom tingħaqad ukoll l-intenzjoni tal-ministru.

13. Il-materja tas-Sagrament tikkonsisti fl-azzjoni umana li permezz tagħha jaġixxi Kristu. Xi drabi fiha jkun preżenti xi element materjali (ilma, ħobż, inbid, żejt); xi drabi tkun ġest b’tifsira speċjali (is-sinjal tas-salib, it-tqegħid tal-idejn, l-immersjoni, l-infużjoni, id-dlik, il-kunsens fiż-żwieġ). Dan l-aspett korporali huwa indispensabbli, għax iqiegħed is-Sagrament mhux biss fl-istorja umana, iżda wkoll, b’mod aktar fundamentali, fl-ordni simboliku tal-ħolqien u jorbtu mal-misteru tal-Verb li sar bniedem u tal-fidwa mwettqa minnu[22].

14. Il-forma tas-Sagrament tikkonsisti fil-kelma, li tagħti tifsira traxxendenti lill-materja, billi tbidillha t-tifsira ordinarja tal-element materjali u t-tifsira purament umana tal-azzjoni mwettqa. Din il-kelma hi dejjem imnebbħa, skond gradi differenti, mill-Iskrittura Mqaddsa[23], għandha għeruqha fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, u tiġi mfissra b’awtorità mill-Maġisteru tal-Knisja permezz ta’ dixxerniment għaqli[24].

15. Billi għandhom l-għeruq tagħhom fl-Iskrittura u fit-Tradizzjoni, il-materja u l-forma qatt ma kienu, u lanqas jistgħu, jiddependu mir-rieda ta’ xi individwu jew xi komunità. Għalhekk, dwar dawn, ix-xogħol tal-Knisja mhuwiex li tiddeterminahom kif wieħed jixtieq u b’mod arbitrarju, iżda, waqt li tħares is-sustanza tas-Sagramenti (salva illorum substantia)[25], bl-awtorità turihomlna, fedelment għall-azzjoni tal-Ispirtu.

Għal ċerti Sagramenti, il-materja u l-forma jidhru sustanzjalment definiti sa mill-bidu, u għalhekk jidher ċar it-twaqqif tagħhom direttament minn Kristu; għal oħrajn, id-definizzjoni tal-elementi essenzjali ġiet speċifikata tul il-medda ta’ storja kkomplikata, xi drabi bi żvilupp konsiderevoli.

16. Jeħtieġ niftakru wkoll li meta l-Knisja tintervjeni biex tiddetermina l-elementi kostituttivi ta’ Sagrament, hija dejjem taġixxi bbażata fuq it-Tradizzjoni, biex tfisser aħjar il-grazzja li jagħti s-Sagrament.

Huwa f’dan il-kuntest li r-riforma liturġika tas-Sagramenti, imwettqa skond il-prinċipji tal-Konċilju Vatikan II, fittxet li r-riti jiġu riveduti b’mod li jesprimu aktar ċar ir-rejaltajiet sagri li huma jfissru u jipproduċu[26]. Il-Knisja, bil-maġisteru tagħha f’materja sagramentali, tħarreġ is-setgħa tagħha fuq il-bażi ta’ dik it-Tradizzjoni ħajja “li ġejja mill-Appostli u tiżviluppa fil-Knisja bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu”[27].

Għalhekk, waqt li, taħt il-ħidma tal-Ispirtu, għarfet il-karattru sagramentali ta’ ċerti riti, il-Knisja rat li jikkorrispondu għall-intenzjoni ta’ Ġesù, li jagħmel il-ġrajja tal-Għid attwali u b’mod li nistgħu nieħdu sehem fih[28].

17. Għas-Sagramenti kollha dejjem kienet meħtieġa l-osservanza tal-materja u l-forma għall-validità taċ-ċelebrazzjoni. Bidliet arbitrarji fil-waħda u/jew fl-oħra – il-gravità jew il-kawża li tinvalida ċ-ċelebrazzjoni għandhom jiġu mistħarrġa f’kull każ – iqegħdu fil-periklu l-għotja effettiva tal-grazzja sagramentali, bi ħsara ċara għall-fidili[29]. Kemm il-materja kif ukoll il-forma, imfissrin fil-Kodiċi tad-Dritt Kanonku[30], huma stabbiliti fil-kotba liturġiċi ppromulgati mill-awtorità kompetenti, li għalhekk jeħtieġ jiġu osservati fedelment, “mingħajr ebda żjieda, tnaqqis jew tibdil”[31].

18. Marbuta mal-materja u l-forma hemm l-intenzjoni tal-ministru li jiċċelebra s-Sagrament. Huwa ċar li hawnhekk il-kwestjoni tal-intenzjoni hi distinta minn dik tal-fidi personali u tal-kundizzjoni morali tal-ministru: dawn ma jolqtux il-validità tal-għotja tal-grazzja[32]. Infatti huwa għandu jkollu “għallinqas l-intenzjoni li jagħmel dak li tagħmel il-Knisja”[33], biex l-azzjoni sagramentali tkun tabilħaqq att uman, ħieles minn kull awtomatiżmu, u att għal kollox ekklezjali, ħieles minn rieda arbitrarja tal-individwu. Barra minn hekk, ladarba dak li tagħmel il-Knisja mhuwiex ħaġa oħra ħlief dak li waqqaf Kristu[34], l-intenzjoni wkoll, flimkien mal-materja u l-forma, tikkontribwixxi biex l-azzjoni sagramentali tkun il-kontinwazzjoni tal-opra feddejja tal-Mulej.

Il-materja, il-forma u l-intenzjoni huma intrinsikament marbutin flimkien: huma jingħaqdu flimkien fl-azzjoni sagramentali b’mod li l-intenzjoni ssir il-prinċipju li jgħaqqad il-materja u l-forma, waqt li tagħmilhom sinjal sagru li permezz tiegħu il-grazzja tingħata ex opere operato[35].

19. Il-materja u l-forma jirrappreżentaw l-element sensibbli u oġġettiv tas-Sagrament; iżda, għall-kuntrarju, l-intenzjoni tal-ministru, flimkien mad-dispożizzjoni ta’ min jirċievi s-Sagrament, tirrappreżenta l-element interjuri u suġġettiv tiegħu. Madanakollu, hija wkoll, min-natura tagħha, tista’ tintwera wkoll esternament fl-osservanza tar-rit stabbilit mill-Knisja, hekk li bidla gravi fl-elementi essenzjali tnissel ukoll dubju dwar l-intenzjoni rejali tal-ministru, li tikkawża l-invalidità tas-Sagrament li ġie ċċelebrat[36]. Għax, bħala prinċipju, l-intenzjoni li tagħmel dak li tagħmel il-Knisja trid tidher fil-fatt li wieħed juża l-materja u l-forma stabbiliti mill-Knisja[37].

20. Il-materja, il-forma u l-intenzjoni huma dejjem inklużi fil-kuntest taċ-ċelebrazzjoni liturġika, u dan ma jiffurmax ornament (ornatus) ċeremonjali tas-Sagramenti, u lanqas daħla didattika għar-rejaltà li qed isseħħ, iżda, fis-sħuħija tagħha, hi l-avveniment li fih tissokta titwettaq il-laqgħa personali u komunitarja ta’ Alla magħna, fi Kristu u fl-Ispirtu s-Santu, laqgħa li fiha, bis-saħħa tal-medjazzjoni ta’ sinjali sensibbli, “jingħata lil Alla ġieħ perfett u jitqaddsu l-bnedmin”[38].

Għalhekk, il-ħerqa meħtieġa għall-elementi essenzjali tas-Sagramenti, li minnhom tiddependi l-validità tagħhom, trid tkun fi qbil mal-kura u r-rispett li jixirqu liċ-ċelebrazzjoni kollha, li fiha t-tifsira u l-effetti tas-Sagramenti jistgħu jinftehmu għal kollox permezz tad-diversi ġesti u kliem, u b’hekk iħeġġu l-parteċipazzjoni attiva tal-fidili[39].

21. L-istess Liturġija tippermetti dik il-varjetà li tħares lill-Knisja minn “uniformità riġida”[40]. Għalhekk il-Konċilju Vatikan II stabilixxa li “waqt li tibqa’ tinżamm l-unità f’dak li hu sustanzjali fir-rit Ruman, jistgħu jsiru tibdiliet u adattamenti leġittmi għal gruppi, reġjuni u popli differenti, l-aktar fil-missjonijiet, ukoll fir-reviżjoni tal-kotba liturġiċi”[41].

Għalhekk, ir-riforma liturġika li ried il-Konċilju Vatikan II mhux biss tawtoriżża lill-Konferenzi Episkopali biex jintroduċu adattamenti ġenerali fl-editio typica latina, iżda wkoll ippreveda l-possibbiltà ta’ adattamenti partikulari min-naħa tal-ministru taċ-ċelebrazzjoni, bl-għan waħdieni li jwieġeb għall-ħtiġijiet pastorali u spiritwali tal-fidili.

22. Madanakollu, biex il-varjetà “ma tisfax ta’ ħsara għall-unità, iżda tkunilha ta’ siwi”[42], jingħad ċar li, barra mill-każi espressament indikati fil-kotba liturġiċi, “li tirreġola l-Liturġija hu biss kompetenza tal-awtorità tal-Knisja”[43], li tinsab, skond iċ-ċirkustanzi, fl-Isqof, l-assembleja episkopali territorjali, jew is-Sede Appostolika.

Jidher ċar, infatti, illi “li tbiddel b’inizjattiva proprja l-forma taċ-ċelebrazzjoni ta’ Sagrament huwa mhux sempliċi abbuż liturġiku, bħal fil-każ ta’ ksur ta’ norma pożittiva, iżda hu ġerħa imposta fuq l-għaqda ekklezjali u fuq l-għarfien tal-azzjoni ta’ Kristu, u f’każi aktar gravi tagħmel invalidu s-Sagrament innifsu, għax in-natura tal-azzjoni ministerjali titlob li nittrażmettu fedelment dak li rċevejna (ara 1 Kor 15, 3)”[44].

III. Il-presidenza fil-liturġija u l-arti taċ-ċelebrazzjoni

23. Il-Konċilju Vatikan II u l-Maġisteru wara l-Konċilju jippermettu li l-ministeru ta’ min jippresiedi fil-liturġija jitqies fit-tifsira tiegħu proprja teoloġika. L-Isqof u l-presbiteri kollaboraturi tiegħu jippresiedu ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, li l-qofol tagħhom hi l-Ewkaristija, “l-għajn u l-quċċata tal-ħajja nisranija kollha”[45], in persona Christi (Capitis) nomine Ecclesiae. Fiż-żewġ każi, għandna formuli li – għalkemm b’xi varjazzjonijiet – għandhom  ħafna għeruq fit-Tradizzjoni[46].

24. Il-formula in persona Christi[47] tfisser li s-saċerdot jirrappreżenta lil Kristu nnifsu fil-ġrajja taċ-ċelebrazzjoni. Dan jitwettaq fuq kollox meta, fil-konsagrazzjoni ewkaristika, huwa jtenni kliem il-Mulej bl-istess effikaċja, meta, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jidentifika il-“jien” tiegħu ma’ dak ta’ Kristu. Meta mbagħad il-Konċilju jispjeġa li l-presbiteri jippresiedu l-Ewkaristija in persona Christi Capitis[48], mhux qed iħaddan l-idea li l-ministru, bħala “kap”, għandu s-setgħa li jista’ jħarrigħa arbitrarjament. Il-Kap tal-Knisja, u allura l-veru president taċ-ċelebrazzjoni, huwa Kristu biss. Huwa Hu “ir-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja” (Kol 1, 18), għaliex huwa Hu li jagħmilha titnissel minn ġenbu, imantniha u jieħu ħsiebha billi saħansitra jagħti lilu nnifsu għaliha (ara Ef 5, 25.29; Ġw 10, 11). Il-potestas tal-ministru hija diakonia kif Kristu nnifsu jgħallem lid-dixxipli fil-kuntest tal-Aħħar Ċena (ara Lq 22, 25-27; Ġw 13, 1-20). Dawk li, bis-saħħa tal-grazzja sagramentali, jiġu mxebbħin miegħu, billi jieħdu sehem mill-awtorità li biha Huwa jmexxi u jqaddes il-Poplu tiegħu, huma, għaldaqstant, imsejjħin, fil-liturġija u fil-ministeru kollu pastorali, biex jikkonformaw ruħhom ma’ din l-istess loġika, ladarba nħatru rgħajja mhux biex jaħkmu fuq il-merħla, iżda biex jaqduha fuq il-mudell ta’ Kristu, ir-ragħaj it-tajjeb tan-nagħaġ (ara 1Pt 5, 3; Ġw 10, 11.14)[49].

25. Fl-istess ħin, il-ministru li jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni jaġixxi nomine Ecclesiae[50], formula li tagħmilha ċara li, waqt li jirrappreżenta lil Kristu Ras quddiem il-Ġisem tiegħu li hu l-Knisja, huwa jippreżenta wkoll, quddiem ir-Ras tiegħu, lil dan il-Ġisem, anzi lil din l-Għarusa, bħala s-suġġett sħiħ taċ-ċelebrazzjoni, il-Poplu kollu saċerdotali, li f’ismu l-ministru qed jitkellem u jaġixxi[51]. Għax wara kollox, jekk inhu veru li “meta wieħed jgħammed, huwa Kristu nnifsu li qed jgħammed”[52], huwa veru wkoll li “meta l-Knisja tiċċelebra Sagrament, taġixxi bħala Ġisem li jaħdem bla ma jinfired mir-Ras tiegħu, ladarba hu Kristu-Kap li jaġixxi fil-Ġisem ekklezjali mnissel minnu fil-misteru tal-Għid”[53]. Dan juri kemm huma ordinati għal xulxin is-saċerdozju batteżimali u dak ministerjali[54], u jgħinna nifhmu li t-tieni wieħed jeżisti għas-servizz tal-ewwel wieħed. Sewwasew għalhekk, kif diġà rajna, fil-ministru li jiċċelebra s-Sagramenti ma tistax tkun nieqsa l-intenzjoni li jagħmel dak li tagħmel il-Knisja.

26. Ir-rwol doppju u magħqud imfisser fil-formuli in persona Christi – nomine Ecclesiae, u r-relazzjoni fekonda bejn saċerdozju batteżimali u saċerdozju ministerjali, flimkien mal-fehma li l-elementi essenzjali għall-validità tas-Sagramenti għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest proprju tagħhom, jiġifieri fl-azzjoni liturġika, għandhom jgħinu lill-ministru biex jifhem dejjem aktar li “l-azzjonijiet liturġiċi mhumiex għamejjel privati, iżda ċelebrazzjonijiet tal-Knisja”, azzjonijiet li “skond id-diversità ta’ ordnijiet, ta’ ħidmiet u ta’ sehem attwali”, “huma azzjonijiet tal-Ġisem kollu tal-Knisja, manifestazzjoni tiegħu, u għandhom efffett fuqu”[55]. Sewwasew għalhekk il-ministru għandu jifhem li l-ars celebrandi awtentika hi dik li tirrispetta u tgħolli l-primat ta’ Kristu u l-actuosa participatio tal-assembleja liturġika kollha kemm hi, ukoll permezz ta’ ubbidjenza umli għan-normi liturġiċi[56].

27. Jidher dejjem iżjed urġenti li nimmaturaw l-arti taċ-ċelebrazzjoni li, waqt li żżomm ’il bogħod kemm minn rubriċiżmu riġidu kif ukoll minn immaġinazzjoni bla rażan, twassal għal dixxiplina li tenħtieġ tiġi rrispettata, biex inkunu dixxipli awtentiċi: “Mhuwiex il-każ li wieħed irid isegwi manwal ta’ etikett liturġiku. Huwa aktarx il-każ ta’ ċerta ‘dixxiplina’ – fis-sens użat minn Guardini – li, jekk tiġi mħarsa b’awtentiċità, tiffurmana. Huma ġesti u kliem li jqegħdu fl-ordni d-dinja interjuri tagħna u tagħmilna ngħixu ċerti sentimenti, atteġġjamenti u mġieba. Mhumiex spjegazzjoni ta’ xi idejal li rridu nfittxuh biex jispirana, iżda azzjoni li timplika l-ġisem kollu kemm hu, jiġifieri fl-essri tiegħu bħala unità ta’ ġisem u ruħ”[57]

Għeluq

28. “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna” (2 Cor 4, 7). Il-kuntrast li juża l-appostlu, biex jisħaq li l-kobor tal-qawwa ta’ Alla juri ruħu permezz tad-dgħufija tal-ministeru tiegħu bħala predikatur, juri wkoll tajjeb x’jiġri fis-Sagramenti. Il-Knisja kollha hi msejjħa biex tħares l-għana li jinsab fihom, biex ma jiġi qatt imdallam il-primat tal-azzjoni feddejja ta’ Alla fl-istorja, ukoll fil-medjazzjoni dgħajjfa ta’ sinjali u ġesti proprji tan-natura umana.

29. Il-qawwa li taħdem fis-Sagramenti tifforma l-wiċċ tal-Knisja u tagħmilha kapaċi biex twassal id-don tas-salvazzjoni li Kristu mejjet u rxuxtat, fl-Ispirtu tiegħu, irid li jitwassal lil kull bniedem. Fil-Knisja hu fdat, speċjalment lill-ministri tagħha, dan it-teżor kbir, għax bħala “qaddejja ħerqana” tal-Poplu ta’ Alla, imantnuh bl-abbundanza tal-Kelma u jqaddsuh bil-grazzja tas-Sagramenti. Iridu jkunu huma l-ewwel li jaħdmu b’mod li jinżamm ħaj “il-ġmiel taċ-ċelebrazzjoni nisranija” u ma jġarrabx “taħsir minn intelliġenza superfiċjali u limitata tal-valur tagħha jew, aktar agħar, tiġi abbużata għas-servizz ta’ xi idejoloġija, tkun xi tkun”[58].

Hekk biss il-Knisja tista’, minn jum għal ieħor, “tikber fl-għarfien tal-misteru ta’ Kristu, hija u tgħaddas ħajjitha fil-misteru tal-Għid tiegħu, waqt li tistenna t-tieni miġja tiegħu”[59].

 

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza mogħtija lis-sottoskritt il-Prefett tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi fil-31 ta’ Jannar 2024, approva din in-Nota, deċiża fis-Sessjoni Plenarja ta’ dan id-Dikasteru, u ordna l-pubblikazzjoni tagħha.

Mogħti f’Ruma, fis-sedi tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, fit-2 ta’ Frar 2024, fil-festa tal- Preżentazzjoni tal-Mulej.

Víctor Manuel Kard. Fernández
Prefett

Mons. Armando Matteo
Segretarju
għas-Sezzjoni Duttrinali

 

Miġjub għall-Malti mill-Isqof George Frendo op



[1] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. domm. Dei Verbum (18 ta’ Novembru 1965), n. 2: AAS 58 (1966) 818.

2 Ara Katekizmu tal-Knisja Kattolika, n. 1116.

3 Frangisku, Ittra Ap. Desiderio desideravi (29 ta’ Gunju 2022), n. 23: L’Osservatore Romano, 30 ta’ Gunju 2022, 9.

4 Xi saċerdoti ntebhu bl-invalidità tal-ordinazzjoni tagħhom u tal-atti sagramentali ċċelebrati minnhom minhabba li ma kinitx valida l-magħmudija tagħhom (ara CIC, can. 842), tort ta’ dawk li tawhom dan is-Sagrament b’mod arbitrarju.

5 Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Nota dottrinale circa la modifica della formula sacramentale del Battesimo (24 ta’ Gunju  2020), nota 2: L’Osservatore Romano, 7 Awwissu 2020, 8.

6 Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. Lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), nn. 5, 26: AAS 56 (1964) 99, 107.

7 Dwar dan il-Papa Frangisku jikkummenta: “Jolqtok ix-xebh bejn l-ewwel u t-tieni Adam: bhalma mill-kustat tal-ewwel Adam, wara li kien tefa’ fuqu raqda tqila, Alla hareg lil Eva, hekk ukoll mill-kustat ta’ Adam il-gdid, rieqed fir-raqda tal-mewt, titwieled Eva l-gdida, il-Knisja. Jolqtuna l-kliem li nimmaginaw li Adam il-gdid għamel tiegħu huwa u jhares lejn il-Knisja: ‘Din issa hi għadma minn għadmi, laham minn lahmi’ (Gen 2, 23). Ladarba emminna fil-Kelma u nzilna fl-ilma tal-magħmudija, ahna sirna għadam minn għadmu u laham minn lahmu”: Frangisku, Ittra Ap. Desiderio desideravi (29 ta’ Gunju 2022), n. 14: L’Osservatore Romano, 30 ta’ Gunju 2022, 9.

8 Ara S. Wistin, Enarrationes in Psalmos 138, 2: CCL 40, 1991: “Eva twieldet mill-genb [ta’ Adam] rieqed, il-Knisja twieldet mill-genb [ta’ Kristu] fit-tbatija”.

9 Id., In Johannis Evangelium tractatus 9, 10: PL 35, 1463.

[8] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), n. 1: AAS 57 (1965) 5. Ara. Ibid., nn. 9, 48: AAS 57 (1965) 12-14, 53-54; Id., Kost. past. Gaudium et spes (7 ta’ Diċembru 1965), nn. 5, 26: AAS 58 (1966) 1028-1029, 1046-1047.

[9] Benedittu XVI, Ezort. Ap. post-sinod. Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), n. 16: AAS 99 (2007) 118.

[10] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), n. 7: AAS 57 (1965) 9-11.

[11] Ara Ibid. n. 50: AAS 57 (1965) 55-57.

[12] Ara 1Pt 2, 5; Ef 2, 20; Konċ. Ekum. Vat.II, Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), n. 6: AAS 57 (1965) 8-9.

[13] Ara 1Pt 2, 9; Ap 1, 6; 5, 10; Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), nn. 7-11: AAS 57 (1965) 9-16.

[14] Ara Konċ. ta’ Trentu, Decretum de sacramentis, can. 1: DH 1601.

[15] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 59: AAS 56 (1964) 116.

[16] Frangisku, Ittra Ap. Desiderio desideravi (29 ta’ Gunju 2022), n. 11: L’Osservatore Romano, 30 ta’ Gunju 2022, 8.

[17] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Dei Verbum (18 ta’ Novembru 1965), n. 9: AAS 58 (1966) 821.

[18] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 5, 7: AAS 56 (1964) 99, 100-101.

[19] Ara 1Kor 4, 1.

[20] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Dei Verbum (18 ta’ Novembru 1965), n. 10: AAS 58 (1966) 822.

[21] Ara Konċ. ta’ Trentu, Sessjoni XXI, kap. 2: DH 1728: «Il-Konċilju jiddikjara wkoll li l-Knisja dejjem kellha s-setgħa li, fl-amministrazzjoni tas-Sagramenti, waqt li tibqa’ mharsa s-sustanza tagħhom, tistabilixxi u tbiddel dawk l-elementi li hija tqis ta’ siwi għal min jirċevihom, jew għall-qima tal-istess Sagramenti, skond id-diversi ċirkustanzi taz-zmien u tal-postijiet”; Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 21: AAS 56 (1964) 105-106.

[22] Ara Frangisku, Enċik. Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), nn. 235-236: AAS 107 (2015) 939-940; Id., Ittra Ap. Desiderio desideravi (29 ta’ Gunju 2022), n. 46: L’Osservatore Romano, 30 ta’ Gunju 2022, 10; Katekizmu tal-Knisja Kattolika, n. 1152.

[23] Proprju fis-Sagramenti, u fuq kollox fl-Ewkaristija, il-Kelma ta’ Alla tikseb l-akbar effikaċja tagħha.

[24] Ara Gw 14, 26; 16, 13.

[25] Konċ. ta’ Trentu, Sessjoni XXI, cap. 2: DH 1728. Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 38: AAS 56 (1964) 110.

[26] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 21: AAS 56 (1964) 105-106. Il-Knisja dejjem hadet hsieb li thares it-tradizzjoni qawwija, waqt li tiftah it-triq għal progress legittmu. Għal dan l-għan, fir-riforma tar-riti mxiet fuq ir-regola li “forom godda, b’xi mod, għandhom inixxu b’mod organiku minn dawk li diga’ jezistu”: Ibid., n. 23: AAS 56 (1964) 106. Bhala prova ta’ dan, ara: Pawlu VI, Kost. Ap. Pontificalis Romani (18 ta’ Gunju 1968): AAS 60 (1968) 369-373; Id., Kost. Ap. Missale Romanum (3 ta’ April 1969): AAS 61 (1969) 217-222; Id., Kost. Ap. Divinae consortium naturae (15 ta’ Awwissu 1971): AAS 63 (1971) 657-664; Id., Kost. Ap. Sacram unctionem infirmorum (30 ta’ Novembru 1972): AAS 65 (1973) 5-9.

[27] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Dei Verbum (18 ta’ Novembru 1965), n. 8: AAS 58 (1966) 821.

[28] Ara Benedittu XVI, Ezort. Ap. post-sinod. Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), n. 12: AAS 99 (2007) 113; CIC, can. 841.

[29] Infakkru d-distinzjoni bejn liċejità u validità, kif ukoll infakkru li kull bidla fil-formula ta’ Sagrament hi dejjem att gravement illeċitu. Ukoll jekk inqisu bidla ċkejkna li ma tbiddilx is-sens originali ta’ Sagrament, u allura ma tagħmlux invalidu, izda tibqa’ dejjem illeċita. F’kazi ta’ dubju, meta kien hemm bidla fil-forma jew materja ta’ Sagrament, huwa fil-kompetenza ta’ dan id-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi li jiddixxerni dwar il-validità.

[30] Per ezempju, ara: CIC, can. 849 dwar il-Magħmudija; can. 880 § 1-2 dwar il-Konfirmazzjoni; cann. 900 § 1, 924 u 928 dwar l-Ewkaristija; cann. 960, 962 § 1, 965 u 987 dwar il-Qrar; can. 998 dwar id-Dilka tal-Morda; cann. 1009 § 2, 1012 u 1024 dwar l-Ordni; cann. 1055 u 1057 dwar iz-Żwieg; an. 847 § 1 dwar l-uzu taz-zjut imqaddsa.

[31] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 22: AAS 56 (1964) 106. Ara CIC, can. 846 § 1.

[32] Ara Konċilju ta’ Trentu, Decretum de Sacramentis, can. 12: DH 1612; Canones de sacramento baptismi, can. 4: DH 1617. F’kitba lill-imperatur fis-sena 496, il-Papa Anastasju II qallu: “Jekk ir-raggi ta’ din ix-xemx vizibbli, għalkemm jgħaddu minn imkejjen l-aktar mahmuga, ma jitniggsu xejn minkejja l-kuntatt magħhom, wisq aktar il-qawwa ta’ dak li għamel din ix-xemx vizibbli mhux se titnigges minn ebda nuqqas ta’ dinjità fil-ministru”: DH 356.

[33] Konċilju ta’ Trentu, Decretum de Sacramentis, can. 11: DH 1611. Ara Konċilju ta’ Kostanza, Bulla Inter cunctas, 22: DH 1262; Konċilju ta’ Firenze, Bulla Exsultate Deo: DH 1312; CIC, cann. 861 § 2; 869 § 2; Katekizmu tal-Knisja Kattolika, n. 1256.

[34] Ara S. Tumas ta’ Akwinu, Summa Theologiae, III, q. 64, a. 8; Benedittu XIV, De Synodo dioecesana, lib. VII, cap. 6, n. 9, 204.

[35] Konċilju ta’ Trentu, Decretum de Sacramentis, can. 8: DH 1608.

[36] Ara Ljun XIII, Ittra. Ap. Apostolicae curae: DH 3318.

[37] Izda hu possibbli li, ukoll jekk esternament qed jigi osservat ir-rit preskritt, l-intenzjoni tal-ministru tkun differenti minn dik tal-Knisja. Hekk jigri fil-kaz ta’ dawk il-Komunitajiet Ekklezjali li billi biddlu l-fidi tal-Knisja f’xi element essenzjali, b’hekk stess biddlu wkoll l-intenzjoni tal-ministri tagħhom, hekk li ma jistax ikollhom l-intenzjoni li jagħmlu dak li tagħmel il-Knisja – u mhux il-Komunità tagħhom – meta jiċċelebraw is-Sagramenti. Per ezempju, din hi r-raguni għaliex il-magħmudija amministrata mill-Mormoni (Il-Knisja ta’ Gesu’ Kristu tal-Qaddisin tal-Ahhar Żminijiet): billi l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma għalihom haga essenzjalment diversa minn dak li tistqarr il-Knisja, il-magħmudija amministrata minnhom, għalkemm iċċelebrata bl-istess formula trinitarja, hi invalida, minhabba error in fide, li jaffettwa l-intenzjoni tal-ministru. Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Resp. ad propositum dubium de validitate Baptismatis (5 ta’ Gunju 2001): AAS 93 (2001) 476.

[38] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 7: AAS 56 (1964) 101.

[39] Dwar dan, il-Konċilju Vatikan II iheggeg lir-ragħajja biex jiehdu hsieb li “fl-azzjoni liturgika mhux biss jitharsu l-ligijiet mehtiega għal ċelebrazzjoni valida u leċita, izda wkoll li l-fidili jiehdu sehem haj fiha, ikunu jafu xi jkun qed isir, u jkollhom frott minnha”: Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 11: AAS 56 (1964) 103.

[40] Ibid., n. 37: AAS 56 (1964) 110.

[41] Ibid., n. 38: AAS 56 (1964) 110.

[42] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), n. 13: AAS 57 (1965) 18.

[43] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 22 § 1: AAS 56 (1964) 106.

[44] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Nota dottrinale circa la modifica della formula sacramentale del Battesimo (24 ta’ Gunju 2020): L’Osservatore Romano, 7 ta’ Awwissu 2020, 8.

[45] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), n. 11: AAS 57 (1965) 15.

[46] Ara, specjalment dwar il-formula in persona Christi (jew ex persona Christi), S. Tumas ta’ Akwinu, Summa Theologiae, III, q. 22 c; q. 78, a. 1 c; a. 4 c; q. 82, a. 1 c; dwar il-formula in persona Ecclesiae (li aktar tard giet sostitwita bil-formula [in] nomine Ecclesiae), Id., Summa Theologiae, III, q. 64, a. 8; ad 2; a. 9, ad 1; q. 82, a. 6 c. Fis-Summa Theologiae, III, q. 82, a. 7, ad 3, Tumas kien attent biex jorbot iz-zewg espressjonijiet: «… sacerdos in missa in orationibus quidem loquitur in persona Ecclesiae in cuius unitate consistit. Sed in consecratione sacramenti loquitur in persona Christi cuius vicem in hoc gerit per ordinis potestatem».

[47] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 33: AAS 56 (1964) 108-109; Id., Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), nn. 10, 21, 28: AAS 57 (1965) 14-15, 24-25, 33-36; Pawlu VI, Enċik. Sacerdotalis caelibatus (24 ta’ Gunju 1967), n. 29: AAS 59 (1967) 668-669; Id., Ezort. Ap. Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), n. 68: AAS 68 (1976) 57-58; Gwanni Pawlu II, Ittra Ap. Dominicae Cenae (24 ta’ Frar 1980), n. 8: AAS 72 (1980) 127-130; Id., Ezort. Ap. post-sinod. Reconciliatio et paenitentia (2 ta’ Diċembru 1984), nn. 8, 29: AAS 77 (1985) 200-202, 252-256; Id., Enċik. Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), n. 29: AAS 95 (2003) 452-453; Id., Ezort. Ap. post-sinod. Pastores gregis (16 ta’ Ottubru 2003), nn. 7, 10, 16: AAS 96 (2004) 832-833, 837-839, 848; CIC, cann. 899 § 2; 900 § 1.

[48] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Dig. Presbyterorum Ordinis (7 ta’ Diċembru 1965), n. 2: AAS 58 (1966) 991-993. Ara wkoll Gwanni Pawlu II, Ezort. Ap. post-sinod. Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988), n. 22: AAS 81 (1989) 428-429; Id., Ezort. Ap. post-sinod. Pastores dabo vobis (25 ta’ Marzu 1992), nn. 3, 12, 15-18, 21-27, 29-31, 35, 61, 70, 72: AAS 84 (1992) 660-662, 675-677, 679-686, 688-701, 703-709, 714-715, 765-766, 778-782, 783-787; CIC, can. 1009 § 3; Katekizmu tal-Knisja Kattolika, nn. 875; 1548-1550; 1581; 1591.

[49] Hekk jingħad fl-Istituzzjoni Generali tal-Missal Ruman, n. 93: “Għalhekk, meta jiċċelebra l-Ewkaristija, (il-presbiteru) għandu jaqdi lil Alla u lill-poplu kif jixraq u bl-umiltà, u ... juri lill-fidili li Kristu hu ħaj u preżenti fosthom”.

[50] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 33: AAS 56 (1964) 108-109; Id., Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), n. 10: AAS 57 (1965) 14-15; Id., Dig. Presbyterorum Ordinis (7 ta’ Diċembru 1965), n. 2: AAS 58 (1966) 991-993.

[51] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), n. 10: AAS 57 (1965) 14-15.

[52] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 7: AAS 56 (1964) 101.

[53] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Nota dottrinale circa la modifica della formula sacramentale del Battesimo (24 ta’ Gunju 2020): L’Osservatore Romano, 7 ta’ Awwissu 2020, 8.

[54] Ara Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. dom. Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), n. 10: AAS 57 (1965) 14-15.

[55] Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. lit. Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963), n. 26: AAS 56 (1964) 107. Ara wkoll ibid., n. 7: AAS 56 (1964) 100-101; Katekizmu tal-K della Csja Kattolika, nn. 1140-1141.

[56] Ara Istituzzjoni Generali tal-Missal Ruman, n. 24.

[57] Frangisku, Ittra. Ap. Desiderio desideravi (29 ta’ Gunju 2022), n. 51: L’Osservatore Romano, 30 ta’ Gunju 2022, 11.

[58] Ibid., n. 16: L’Osservatore Romano, 30 ta’ Gunju 2022, 9.

[59] Ibid., n. 64: L’Osservatore Romano, 30 ta’ Gunju 2022, 12.