L-iffirmar tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Ġustifikazzjoni, f'isem il-Knisja Luterana, l-Isqof Dr Christian Krause (xellug) u f'isem il-Knisja Kattolika, il-Kardinal Edward Cassidy (lemin) 31 ta' Ottubru 1999.

 

 

Dikjarazzjoni Konġunta fuq id-Duttrina tal-Ġustifikazzjoni

Federazzjoni Luterana Dinjija u mill-Knisja Kattolika

31 ta’ Ottubru 1999

Kelmtejn Qabel

1. Id-Duttrina tal-Ġustifikazzjoni kellha importanza ċentrali fir-Riforma Luterana tas-seklu sittax. Kienet meqjusa bħala “l-ewwel artiklu fundamentali”[1] u fl-istess ħin id-duttrina li “treġi u tiġġudika id-duttrini nsara l-oħra kollha”.[2] Id-duttrina tal- Ġustifikazzjoni kienet miżmuma u mħarsa b’mod particulari fil-għamla li tatha r-Riforma u fil-valur li kellha kontra il-Knisja Kattolika Rumana u t-teoloġija ta’ dak iż-żmien. Min-naħa tagħha il Knisja Kattoloka kienet iżżomm u tħares duttrina ta’ ġustifikazzjoni li kellha karattru differenti. Mill-perspettiva tar-Riforma, il-ġustifikazzjoni kienet il-pern li fuqu kienu jduru il-kwistjonijiet l-oħra kollha. Miż-żewġ naħat, jigifieri mill-Konfessjonijiet Luterani [3] kif ukoll mill-Knisja Kattolika Rumana fil-Konċilju ta’ Trentu, ħarġu kundanni duttrinali. Dawn il-kundanni għadhom validi illum, hekk li għad għandhom jifirdu l-Knejjes.

 

2. Fit-tradizzjoni Luterana, id-duttrina tal-ġustifikazzjoni żammet il-pożizzjoni speċjali tagħha. Għaldaqstant, ukoll sa mill-bidu kellha post important fid-djalogu uffiċjali Luteran-Kattoliku Ruman.

 

3. Attenzjoni speċjali għandha tingħata lir-rapporti: “L-Evanġelu u l-Knisja” (1972) [4] u “Il-Knisja u l-Ġustifikazzjoni” (1994) [5] maħruġin mill-Kummissjoni Flimkien (Joint Commission) Luterana-Kattolika Rumana, Il-“Ġustifikazzjoni permezz tal-Fidi” (1983) [6] tal-Kummissjoni Kattolika-Luterana ta’ l-Istati Uniti, u l-istudju “Lehrverurteilungen – kirchentrennend?” (Il-Kundanni ta’ Żmien ir-Riforma għadhom jifirduna?” (1986) [7) tal-Grupp Ħaddiema Ekumeniku magħmul minn teoloġi Protestanti u Kattoliċi fil-Ġermanja. Xi wħud mir-rapporti ta’ dawn id-Djalogi ntlaqgħu uffiċjalment tajjeb mill-Knejjes. Eżempju important ta’ dan huwa kemm intlaqgħu tajjeb il-konklużjonijiet ta’ l-istudju tal-kundanni duttrinali tas-seklu 16. L-Għaqda tal-Knisja Evanġelika Luterana tal-Ġermanja flimkien ma’ knejjes protestanti oħra ħadu pożizzjoni fuq dan id-dokument u fl-1994 [8] laqgħuh bl-ogħla forma ekklesjali.

 

4. Fid-diskussjoni fuq id-duttrina tal-ġustifikiazzjoni, ir-rapporti kollha tad-djalogi kif ukoll ir-reazzjonijiet tagħhom juru livell għoli ta’ qbil fl-orjentament u ġudizzju komuni. Għaldaqstant wasal iż-żmien li neżaminaw x’għandna s’issa u niġbdu l-konklużjonijiet mir-riżultati li jtuna dawn id-djalogi fuq il-ġustifikazzjoni, sabiex il-knejjes tagħna jkunu mgħarrfin b’mod preċiż u konċiż dwar ir-riżultati totali ta’ dan id-djalogu u jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet obbligatorji.

 

5. Id-Dikjarazzjoni Flimkien (Joint Declaration) preżenti għandha dan il-għan: li turi li fuq il-bażi tad-djalogi, dawk li ffirmawhom, jiġifieri l-knejjes Luterani u tal-Knisja Kattolika Rumana [9] issa jistgħu jesprimu fehma komuni tal-ġustifikazzjoni tagħna bil-grazzja t’Alla permezz tal-fidi fi Kristu. Din id-Dikjarazzjoni ma tkoprix dak kollu li kull Knisja tgħallem dwar il-ġustifikazzjoni; iżda tfisser ftehim komuni dwar il-veritajiet bażiċi tad-duttrina tal-ġustifikazzjoni u turi li d-differenzi li baqgħu fit-tifsir tagħha mhumiex iżjed okkażjoni ta’ kundanni dottrinali.

 

6. Id-Dikjarazzjoni tagħna mhijiex xi preżentazzjoni ġdida w indipendenti fost ir-rapporti tad-djalogi u d-dokumenti li saru s’ issa, anqas u anqas m’hi xi dokument li joħdilhom posthom. Għall-kuntrarju, bħalma juri l-appendiċi tal-Fonti, tagħmel referenza kontinwa għalihom u għall-argumenti li jġibu.

 

7. Bħall-istess djalogi, din id-Dikjarazzjoni Flimkien (Joint Declaration) hija bażata fuq il-konvinżjoni li meta għelbu l-kontroversi u l-kundanni duttrinali tal-bidu, l-knejjes la jieħdu dawn il-kundanni qiesu xejn u anqas ma jiċħdu l-istorja tal-imgħoddi tagħhom. Għall-kuntrarju, din id-Dikjarazzjoni hija ffurmata mill-konvinzjoni li fl-istorja respettiva tagħhom il-knejjes waslu għall-intuwizzjonijiet ġodda. Saru żviluppi li mhux biss jagħmluha possibbli imma ukoll li jridu l-knejjes jeżaminaw il-kwistjonijiet u l-kundanni li jifirduhom u jħarsu lejhom f’dawl ġdid.

 

 

1. Il-Messaġġ Bibliku tal-Ġustifikazzjoni

8. Is-smieħ flimkien tal-kelma t’Alla fl-Iskrittura mexxiena biex ikollna intuwizzjonijiet ġodda. Flimkien nisimgħu il-Vanġelu li “Alla hekk ħabb id-dinja, li ta l-Iben il-waħdieni tiegħu biex kull minn jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw. 3:16). Din l-aħbar tajba hija mogħtija fl-Iskrittura b’modi diversi. Fit-Testment il-Qadim nisimgħu il-kelma t’Alla dwar id-dnub tal-bniedem (Salm 51:1-5; Dan 9:5+; Ekkl/Qo 8:9+; Eżra 9:6+) u d-disubbidjenza tal-bniedem (Ġen 3:1-19; Neh 9:16+, 26) kif ukoll il-“ġustizzja” t’Alla (Isaija 46:13; 51:5-8; 56:1 [ara 53:11]; ġer 9:24) u l-“ġudizzju” (Ekkl/Qo 12:14; Salm 9:5+; 76: 7-9).

 

9. Fit-Testment il-Ġdid insibu diversi trattati ta’ “ġustizzja” u “ġustifikazzjoni” fil-kitbiet ta’ Mattew (5:10; 6:33; 21:32), Ġwanni (16:8-11), Ebrew (5:3, 10:37+), u Ġakbu (2:14-26). [10]. Ukoll fl-Ittri ta’ Pawlu, d-don tas-salvazzjoni huwa deskritt b’modi diversi, u fost oħrajn insibu: “Għall-ħelsien Kristu ħelisna”(Gal 5:1-13; ara Rum 6:7), “għax kien Alla li ħabbeb id-dinja miegħu” (2Kor 5:18-21; ara Rum 5:11), “Wara li qlajna l-ġustifikazzjoni bil-fidi għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu” (Rum. 5:1), “ħlieqa ġdida” (2 Kor 5:17) “ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù” (Rum 6:11, 23), jew “, “imqaddsin fi Krisu Ġesu” (ara 1Kor 1:2; 1:30; 2Kor 1:1). Fost dawn id-deskrizzjonijiet, hija prominenti l-“ġustifikazzjoni” tal-bnedmin mill-grazzja t’Alla permezz tal-fidi (Rum 3:23-25). Din kellha prominenza partikulari fi żmien ir-Riforma.

 

10. Pawlu jiddeskrivi l-Vanġelu bħala il-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni tal-bniedem li waqa’ taħt il-ħakma tad-dnub; jiddeskrivih bħala messaġġ li jipproklama li “fih tidher il-ġustizzja t’Alla minn fidi għall-fidi” (Rum 1:16f) u din tagħti “ġustifikazzjoni” (Rum 3:21-31). Jipproklama ’l Kristu bħala “l-ġustizzja tagħna” waqt li japplika għall-Mulej Rxoxt dak li Ġeremija jipproklama dwar Alla nnifsu (Ġer 23:6). Id-dimensjonijiet kollha tal-ħidma salvifika ta’ Kristu għandhom l-għeruq tagħhom fil-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu għax hu “l-Mulej li kien mogħti għall-mewt għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna” (Rum 4:25), għax il-bnedmin kollha dinbu u huma neqsin mill-glorja ta’ Alla, (Rum 3:23; ara Rum 1:18-3:20; 11:32: Gal 3:22). Fil-Galatin (3:6) u Rumani (4:3-9), Pawlu jifhem il-fidi t’Abraħam (Ġen 15:6) bħala fidi f’Alla li jiġġustifika lill-midneb (Rum 4:5) u jappella għat-Testment il-Qadim biex b’qawwa jafferma li din il-ġustizzja tkun mogħtija lil dawk kollha li, bħal Abraħam, jafdaw fil-wegħda t’Alla. “għax il-ġust jgħix bil-fidi” (Ħab 2:4; ara Gal 3:11; Rom 1:17). Fl-Ittri ta’ Pawlu, il-ġustizzja t’Alla hija wkoll il-qawwa t’Alla għal dawk li għandhom il-fidi (Rum 1:16f; 2Kor 5:21). Fi Kristu din il-ġustifikazzjoni jagħmilha tagħna (2Kor 5:21). Il-ġustifikazzoni issir tagħna permezz ta’ Kristu Ġesù li Alla qegħdu bħala sagrifiċċju ta’ espjazzjoni b’demmu, effettiv permezz tal-fidi (Rum 3:25; ara 3:21-28.) “Għax bil-grazzja intom salvati permezz tal-fidi, u dan mhuwiex għemil tagħkom; huwa d-don t’Alla – ma jiġix mill-opri (Efes 2:8f).

 

11. Il-ġustifikazzjoni hi l-maħfra tad-dnubiet (ara Rum 3:23-25; Atti 13:39; Luqa 18:14), hi ħelsien mill-qawwa ħakkiema tad-dnub u mewt (Rum 5:12-21) u mis-saħta tal-liġi (Gal 310-14). Hi aċċettazzjoni fil-komunjoni m’Alla: din diġà issir issa, iżda umbagħad tkun fil-milja tagħha fir-renju ġejjieni t’Alla (Rum 5:1f). Tgħaqqadna mal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu (Rum 6:5). Issir meta nirċievu l-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija u l-inkorporazzjoni f’ġisem wieħed (Rum 8:1f, 9:1f; 1Kor 12:12f). Dan kollu jiġi minn Alla biss, minħabba Kristu, bl-opra tal-grazzja, permezz tal-fidi fil-“vanġelu ta’ l-Iben t’Alla” (Rum 1:1-3).

 

12. Il-ġustifikati jgħixu bil-fidi li tiġi mill-Kelma ta’ Kristu (Rum 10:17) u hi attiva permezz ta’ l-imħabba (Gal 5:6), il-frott ta’ l-Ispirtu (Gal 5:22). Iżda billi l-ġustifikati huma attakkati minn-ġewwa u minn barra minn qawwiet u xewqat (Rum 8:35-39; Gal 5:16-21) u jaqgħu fid-dnub (1 Ġw 1:8, 10), għandhom jerggħu kostantement jisimgħu il-wegħdiet t’Alla, jistqarru dnubiethom (1 Ġw 1:9), jieħdu sehem fil-ġisem u d-demm ta’ Kristu, u jkunu mħeġġin biex jgħixu sewwa skont ir-rieda t’Alla. Dan hu l-għala l-Appostlu jgħid lill-ġustifikati: “Aħdmu s-salvazzjoni tagħkom bil-biza’ u t-trehid; għax hu Alla li jaħdem fikom ir-rieda u l-għemil skont ma jogħġob lilu (Fil 2:12+). Iżda l-aħbar tajba tibqa’: “m’hemm l-ebda kundanna għal dawk li huma f’ Ġesù Kristu” (Rum 8:1) u li fihom jgħix Kristu (Gal 2:20). “Il-ġustizzja ta’ Kristu ġiebet lill-bnedmin kollha il-ġustifikazzjoni li tagħti l-ħajja” (Rum 5:18).

2. Id-Duttrina tal-Ġustifikazzjoni bħala Problema Ekumenika

13. Interpretazzjonijiet u applikazzjonijiet kuntrarji tal-messaġġ bibliku tal-ġustifikazzjoni kienu l-kawza prinċipali tal-firda tal-Knisja Orjentali fis-seklu sittax, u dawn wasslu għall-kundanni duttrinali. Għaldaqstant biex negħlbu din il-firda hija fundamentali u indispensabbli li jkollna fehma komuni tal-ġustifikazzjoni. B’intuwizzjonijiet xierqa ta’ studji bibliċi reċenti u bl-għajnuna ta’ riċerki moderni tal-istorja tat-teoloġija u tad-dogma, d-djalogu ekumeniku ta’wara l-Konċilju Vatikan II wassal għall-konverġenza notevoli dwar il-ġustifikazzjoni. Hekk din id-Dikjarazzjoni Flimkien tista’ tifforma ftehim fuq il- veritajiet fundamentali tad-duttrina tal-ġustifikazzjoni. Fid-dawl ta’ dan il-ftehim, il-kundanni duttrinali korrispondenti tas-seklu sittax ma japplikawx għall-imsieħeb illum.

 

3. Il-Fehma Komuni tal-Ġustifikazzjoni

14. Il-Knejjes Luterani u l-Knisja Kattolika Rumana semgħu flimkien l-aħbar it-tajba pproklamata fl-Iskrittura. Dan is-smiegħ komuni u l-konversazzjonijiet teoloġiċi ta’ dawn l-aħħar snin, wassluna biex naqsmu flimkien kif nifhmu il-ġustifikazzjoni. Din tinkludi ftehim dwar il-veritajiet fundamentali; l-elaborazzjonijiet differenti f’dikjarazzjonijiet singoli huma kompatibbli ma’ dan il-ftehim.

 

15. Fil-fidi aħna flimkien konvinti li l-ġustifikazzjoni hi opra ta’ Alla wieħed u trijun. Il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja sabiex isalva l-midinbin. Il-bażi w l-presuppożizzjoni tal-ġustifikazzjoni hi l-inkarnazzjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Hekk, il-ġustifikazzjoni tfisser li Kristu nnifsu huwa l-ġustizzja tagħna li fiha aħna nieħdu sehem permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu skont ir-rieda tal-Missier. Flimkien nistqarru: Bil-grazzja biss, bil-fidi fl-opra salvifika ta’ Kristu u mhux b’xi mertu min naħa tagħna, aħna inkunu milqugħin minn Alla u nirċievu l-Ispirtu s-Santu li jġeddidilna qlubna, jiġi jgħix fina u jsejħilna biex inwettqu opri tajba. [11]

 

16. Il bnedmin kollha huma msejħin minn Alla għas-salvazzjoni fi Kristu. Permezz ta’ Kristu waħdu aħna ġustifikati meta nirċievu din is-salvazzjoni fil-fidi. Il-fidi stess hija don t’Alla permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li jaħdem, permezz tal-kelma u tas-sagrament, fil- komunità ta’ dawk li jemmnu u li fl-istess ħin imexxihom għal dak it-tiġdid ta’ ħajja li Alla jwassal għall-milja fil-ħajja eterna.

 

17. Naqsmu flimkien wkoll il-konvinzjoni li l-messaġġ tal-ġustifikazzjoni jmexxina b’mod speċjali lejn il-qalba tax-xhieda li jagħti t-Testment il-Ġdid għall-azzjoni salvifika t’ Alla fi Kristu; jgħidilna li bħala midinbin il-ħajja ġdida tagħna hija dovuta unikament għall-maħfra u l-ħniena kontinwa li Alla li jġedded kollox ; ħniena li aħna nistgħu nirċievu biss bħala don tal-fidi, iżda li bl-ebda mod ma nistgħu qatt nimmeritaw.

 

18. Għalhekk id-duttrina tal-ġustifikazzjoni, li tittratta u tfisser dan il-messaġġ, tifforma aktar minn sempliċi parti mid-duttrina Nisranija. Qegħda f’ relazzjoni essenzjali mal-veritajiet l-oħra kollha tal-Fidi, li aħna għandna nħarsu lejhom bħala internament relati ma’ xulxin. Dan hu kriterju indispensabbli li kontinwament li jdawwar d-duttrina u il-prassi kollha tal-knejjes tagħna lejn Kristu. Meta l-Luterani jisħqu li dan hu l-uniku tifsir ta’ dan il-kriterju, ma jiċħdux l-interrelazzjoni u t-tifsir tal-veritajiet l-oħra tal-fidi. Meta l-Kattoliċi jaraw lilhom infushom marbutin b’ ħafna kriteri, ma jiċħdux il-funzjoni speċjali tal-messaġġ tal-ġustifikazzjoni. Luterani u Kattoliċi jaqsmu bejniethom l-għan li jistqarru f’kull ħaġa lil Kristu. Fi Kristu biss għandha titqiegħed kull fiduċja għax hu l-uniku Medjatur (1Tim 2:5f) li permezz tiegħu Alla fl-Ispirtu s-Santu jagħti lilu nnifsu u jsawwab id-doni tiegħu li jġeddu kollox. [ara Fonti għas-sezzjoni 3].

 

4. Tifsira tal-Fehma Komuni tal-Ġustifikazzjoni

4.1 l-Impotenza Umana u d-Dnub f’Relazzjoni mal-Ġustifikazzjoni

19. Flimkien nistqarru li l-bnedmin kollha jiddependu kompletament mill- grazzja salvifika t’Alla għas-salvazzjoni tagħhom. Il-libertà li għandhom lejn il-bnedmin u l-ħwejjeġ l-oħra tad-dinja mhijiex libertà relata mas-salvazzjoni, għaliex bħala midinbin qegħdin taħt il-ġudizzju t’Alla u huma inkapaċi bil-qawwa tagħhom iduru lejn Alla biex ifittxu l-ħelsien, jimmeritaw il-ġustifikazzjoni tagħhom quddiem Alla, jew li jiksbu s-salvazzjoni bil-kapaċitajiet tagħhom. Il-ġustifikazzjoni ssir biss bil-grazzja t’Alla. Minħabba li l-Kattoliċi u l-Luterani jistqarru dan flimkien, nistgħu bil-verità kollha ngħidu:

 

20. Meta l-Kattoliċi jgħidu li l-bnedmin “jikkooperaw” fit-tħejjija u fl-aċċettazzjoni tal-ġustifikazzjoni billi jkunu jridu l-azzjoni ġustifikanti t’Alla, huma jaraw dan il-kunsens personali bħala hu nnifsu effett tal-grazzja u mhix xi azzjoni li ġejja mill-kapaċitajiet innati umani.

 

21. Skont it-tagħlim Luteran, il-bnedmin mhumiex kapaċi jikkooperaw għas-salvazzjoni tagħhom, għaliex bħala midinbin huma joħduha attivament kontra Alla u kontra l-azzjoni salvifika tiegħu. Il-Luterani ma jiċħdux li bniedem jista’ jirrofta l-ħidma tal-grazzja. Meta jagħmlu enfasi li l-bniedem jista’ biss jirċievi (b’mod biss passiv) il-ġustifikazzjoni, jifhmu li jeskludu kull possibiltà li l-bniedem jista’ jagħti xi kontribut għall-ġustifikazzjoni tiegħhu innifsu, iżda ma jiċħdux li l-fidili huma involuti personalment u kompletament fil-fidi tagħhom li hija kawżata mill-kelma t’Alla. [ara Fonti tal-4.1].

 

4.2 Ġustifikazzjoni bħala Maħfra tad-Dnubiet u li Tiġġustifika

22. Flimkien nistqarru li Alla jaħfer id-dnub permezz tal-grazzja u fl-istess ħin jeħles lill-bnedmin mis-setgħa lsira tad-dnub u jagħti d-don ta’ ħajja ġdida fi Kristu. Meta l-bnedmin jaslu bil-fidi biex jieħdu sehem fi Kristu, Alla ma jqiesx aktar id-dnub tagħhom u permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu jnissel fihom imħabba attiva. Dawn iż-żewġ aspetti ta’ l-imħabba ħanina t’Alla m’għandhomx ikunu mifrudin, għax il-bnedmin huma f’għaqda ma’ Kristu bil-fidi, Kristu li fil-persuna tiegħu hu il-ġustizzja tagħna (1Kor 1:30): iz-żewġ aspetti huma l-maħfra tad-dnub u l-prezenza salvifika t’ Alla innifsu. Minħabba li l-Kattoliċi u l-Luterani jistqarru dan flimkien, huwa minnu li nistgħu ngħidu:

 

23. Meta l-Luterani jagħmlu enfasi u jgħidu li l-ġustizzja ta’ Kristu hi l-ġustizzja tagħna, l-intenzjoni tagħhom hi qabel kollox li jinsistu li l-midneb hu mogħti l-ġustizzja quddiem Alla fi Kristu permezz tad-dikjarazzjoni ta’ maħfra, u li biss f’għaqda ma’ Kristu hija mġeddha il-ħajja tal-bniedem. Meta jinsistu li l-grazzja t’Alla hi mħabba li taħfer (“il-favur t’Alla” [12]), b’hekk ma jiċħdux it-tiġdid tal-ħajja tan-nisrani. Pjuttost jridu jesprimu li l-ġustifikazzjoni tibqa’ ħielsa mill-kooperazzjoni umana u li mhix dipendenti mill-effetti tat-tiġdid tal-ħajja li l-grazzja għandha fil-bniedem.

 

24. Meta l-kattoliċi jagħmlu enfasi fuq it-tiġdid tal-bniedem interjuri permezz tal-laqgħa tal-grazzja mogħtija lilu bħala don, [13], jixiequ jinsistu li l-grazzja li taħfer mogħtija minn Alla dejjem ġġib magħha don ta’ ħajja ġdida, li fl-Ispirtu s-Santu issir effettiva f’imħabba attiva. B’dana kollu ma jiċħdux li fil-ġustifikazzjoni d-don tal-grazzja t’Alla jibqa’ independent mill-kooperazzjoni umana. [ara Fonti għas-sezzjoni 4.2].

 

4.3 Ġustifikazzjoni bil-Fidi u permezz tal-Grazzja

25. Flimkien nistqarru li l-midneb huwa ġġustifikat permezz tal-fidi fl-azzjoni salvifika t’Alla fi Kristu. Din is-salvazzjoni hija mogħtija lilu mill-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija li hija il fundament tal-ħajja nisranija kollha. Il-bniedem, fil-fidi ġustifikanti, li tiġbor fiha it-tama f’Alla u l-imħabba lejh, jafda fil-wegħda ħanina t’ Alla. Din il-fidi hi attiva fl-imħabba u hekk in-nisrani ma jistax u m’għandux jibqa’ bla opri. B’danakollu kull ma fil-ġustifikat jiġi qabel jew wara id-don liberu tal-fidi la hu l-bazi tal-ġustifikazzjoni u anqas ma jimmeritaha.

 

26. Skont ma jifhmuha l-Luterani, Alla jiġġustifika l-midneb bil-fidi biss (sola fide). Bil-fidi, il-bniedem iqiegħed il-fiduċja tiegħu kollha fil-Ħallieq u Feddej tiegħu u hekk jgħix f’komunjoni miegħu. Alla nnifsu jqajjem il-fidi billi jagħti din il-fiduċja bil-kelma tiegħu ħallieqa. Minħabba li l-azzjoni t’Alla hija ħolqien ġdid, hekk jkollha effett fuq id-dimensjonijiet kollha tal-persuna u tmexiha għall-ħajja fit-tama u fl-imħabba. Fid-duttrina tal-“gustifikazzjoni bil-fidi biss” għandha ssir distinzjoni, iżda mhux separazzjoni, bejn il-ġustifikazzjoni nfisha u t-tiġdid ta’ kif wieħed jgħix li neċessarjament jiġi wara il-ġustifikazzjoni u li mingħajru il-fidi ma teżistix. B’hekk jidher il-bażi li minnha jiġi t-tiġdid, għaliex jiġi mill-imħabba t’ Alla mogħtija lill-bniedem fil-ġustifikazzjoni. Ġustifikazzjoni u tiġdid jingħaqdu fi Kristu, li huwa preżenti fil-fidi.

 

27. Il-Kattolici ukoll jifhmu li l-fidi hija fundamentali għall-ġustifikazzjoni. Għax mingħajr fidi, ebda ġustifikazzjoni ma tista’ ssir. Il-bnedmin huma ġġustifikati permezz tal-magħmudija bħala dawk li jisimgħu il-kelma u jemmnu fiha. Il-ġustifikazzjoni tal-midinbin hija maħfra tad-dnubiet u jsiru ġusti bil-grazzja ġustifikanti li tagħmilna ulied Alla. Fil-ġustifikazzjoni il-ġusti jirċievu mingħand Kristu il-fidi, it-tama u l-imħabba u b’hekk ikunu milqugħin f’komunjoni miegħu. [14] Din ir-relazzjoni ġdida personali m’Alla hija totalment bażata fuq il-ħniena t’Alla u tibqa’ kostantament dipendenti mill-opra salvifika u kreattiva ta’ Alla ħanin li jibqa’ fidil miegħu innifsu, u għalhekk wieħed jista’ jserraħ rasu fuqu. Hekk il-grazzja ġustifikanti qatt ma ssir possessjoni umana li għaliha wieħed jista’ jappella kontra Alla. Waqt li t-tagħlim kattoliku jagħmel enfasi fuq it-tiġdid tal-ħajja bil-grazzja ġustifikanti, dan it-tiġdid fil-fidi, tama u mħabba huwa dejjem dipendenti mill-grazzja profonda t’Alla u ma jikkontribwixxi xejn għall- ġustifikazzjoni li bih wieħed jista’ jiftaħar quddiem Alla (Rum 3:27). [ara Fonti ghas-sezzjoni 4.3].

 

4.4 Il-Ġustifikat bħala Midneb

28. Flimkien nistqarru li fil-magħmudija l-Ispirtu s-Santu jgħaqqad lill-bniedem ma’ Kristu, jiġġustifika u verament iġedded il-persuna. Iżda il-ġustifikati għandhom tul ħajjithom iħarsu konstantament lejn il-grazzja inkondizzjonata u ġustifikanti t’Alla. Huma kontinwament esposti għall-qawwa tad-dnub li jibqa’ jagħfas bl-attakki tiegħu (ara Rum 6:12-14), u mhumiex meħlusin mill-ġlieda tul il-ħajja kollha bil-kontradizzjonijiet kontra Alla li jiġu mix-xewqat egoistiċi tal-ewwel Adam (ara Gal 5:16; Rum 7:7-10). Il-ġustifikati għandhom ukoll ta’ kull jum jitolbu ’Alla għall-maħfra kif ngħidu fil-Missierna (Matt. 6:12; 1Ġw 1:90); huma kontinwament imsejħin għall-konverżjoni u penitenza, u kontinwament jkunu mogħtija l-maħfra.

 

29. Il-Luterani jifhmu il-qagħda tan-nisrani li jkun “fl-istess ħin ġustifikat u midneb”. Il-fidili huma totalment ġustifikati għax Alla jaħfrilhom dnubiethom permess tal-Kelma u Sagrament u jagħtihom il-ġustifikazzjoni fi Kristu li huma jagħmlu tagħhom fil-fidi. Fi Kristu huma jsiru ġusti quddiem Alla. Iżda meta jħarsu lejhom infushom permezz tal-liġi, jagħrfu li huma baqgħu ukoll totalment midinbin. Id-dnub għadu jgħix fihom (1 Ġw 1:8; Rum 7:17, 20), għax huma ripetutament iduru lejn l-allat foloz u ma jħobbux ’l Alla b’dik l-imħabba indiviżibbli li Alla jrid minnhom bħala l-Ħallieq tagħhom (Dewt 6:5; Matt 22:36 pr.). Din il-kontradizzjoni kontra Alla hija fiha nfisha tabilħaqq dnub. B’danakollu, il-qawwa lsira tad-dnub hija mkissra minħabba l-mertu ta’ Kristu. M’għadhiex dnub li “jaħkem” lin-nisrani għax hija stess hi maħkuma minn Kristu li miegħu l-ġustifikati huma magħqudin fil-fidi. Għalhekk f’din il-ħajja, l-Insara jistgħu in parti jgħixu ħajja ġusta. Minkejja d-dnub, il-nisrani m’għadux mifrud minn Alla, għaliex fil-ritorn ta’ kuljum għall-magħmudija, il-bniedem li reġa’ twieled mill-ġdid bil-magħmudija u l-Ispirtu s-Santu għandu d-dnub tiegħu maħfur. Hekk, dan id-dnub ma jġibx iżjed id-dannazzjoni u l-mewt eterna. [15] Meta l-Luterani jgħidu li l-bnedmin ġustifikati huma wkoll midinbin u li l-oppożizzjoni tagħhom lejn Alla hija dnub tabilħaqq, ma jiċħdux li minkejja dan, mhumiex maqtigħin minn Alla u li dan id-dnub huwa dnub “maħkum”. F’dawn l-istqarrijiet, huma jaqblu mal-Kattoliċi minkejja d-differenza ta’ kif jifhmu d-dnub fil-ġustifikati.

 

30. Il-Kattoliċi jemmnu li l-grazzja ta’ Ġesù Kristu mogħtija fil-magħmudija tneħħi kulma hu dnub “f’sens proprju” u li “jistħoqqlu d-dannazzjoni” (Rum 8:1). [16] Iżda tibqa’ fil-bniedem il-ġibda (konkupixxenza) li ġejja mid-dnub u li tiġbed lejn id-dnub. Billi, skont il-konvinzjoni Kattolika, id-dnubiet umani dejjem jinvolvu element personali u billi din il-ġibda m’għandhiex dan l-element, il-Kattoliċi ma jarawx din il-ġibda bħala dnub f’sens awtentiku. B’daqshekk ma jiċħdux li din il-ġibda ma tikkorrespondix mal-pjan oriġinali t’Alla għall-umanità u li oġgettivament hija f’kontradizzjoni għal Alla u li tibqa’ l-għadu tal- bniedem fil-ġlieda tul ħajtu kollha. Waqt li huma rikonoxxenti għal dan il-ħelsien minn Kristu, ma japprezzawx biżżejjed il-fatt li din il-ġibda kontra Alla ma jistħoqilhiex il-kastig tal-mewt eterna [17] u li ma tifridx il-bniedem ġustifikat minn Alla. Iżda meta individwi, għax iridu huma, jinfirdu minn Alla, biex jerġgħu lura ma jkunx biżżejjed li jħarsu l-kmandamenti, imma jkollhom jirċievu il-maħfra u l-paċi fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni permezz tal-kelma tal-maħfra mogħtija lilhom in virtù tal-opra ta’ rikonċiljazzjoni t’Alla fi Kristu. [ara Fonti għall-sezzjoni 4.4]

 

4.5 Il-Liġi u I-Vanġelu

31. Flimkien nistqarru li l-bnedmin huma ġustifikati bil-fidi fil-vanġelu “barra mill-opri li titlob il-liġi” (Rum 3:28). Kristu wettaq sa l-aħħar il-liġi, u bil-mewt u l-qawmien tiegħu rebaħha bħala triq għas-salvazzjoni. Ukoll nistqarru li l-Kmandamenti t’Alla jibqgħu siewja għall-ġustifikati u li Kristu bit-tagħlim u l-eżempju tiegħu esprima ir-rieda t’Alla li hija l-qies ta’ l-imġieba wkoll tal-ġustifikati.

 

32. Il-Luterani jgħidu li d-distinzjoni u l-ordni korrett tal-liġi u l-vanġelu huma essenzjali biex wieħed jifhem il-ġustifikazzjoni. Fit-teoloġija, il-liġi tintuża biex timponi u takkuża. Tul ħajjithom, il-bnedmin kollha, wkoll l-Insara, fil-fatt li huma midinbin, qegħdin taħt din l-akkuza li tikxfilhom id-dnub tagħhom sabiex, bil-fidi fil-vanġelu, huma jduru għalkollox lejn il-ħniena t’Alla fi Kristu, li hu biss jista’ jiġġustifikhom.

 

33. Minħabba li l-liġi bħala triq għas-salvazzjoni ġiet inmwettqa u mirbuħa permezz tal-vanġelu, il-Kattoliċi jistgħu jgħidu li Kristu mhuwiex leġislatur skont Mosè. Meta l-Kattoliċi jagħmlu enfasi li l-ġusti għandhom iħarsu il-kmandamenti t’Alla, b’daqshekk ma jiċħdux li permezz ta’ Ġesù Kristu, Alla fil-ħniena Tiegħu wiegħed lil uliedu l-grazzja tal-ħajja eterna. [18] [ara Fonti għas-sezzjoni 4.5].

 

4.6 Assigurazzjni tas-Salvazzjoni

34. Flimkien nistqarru li l-fidili jistgħu jistrieħu fuq il-ħniena u l-wegħdi t’Alla. Minkejja d-dgħjufija tagħhom u l-ħafna theddid għall-fidi tagħhom, huma jistgħu bis-saħħa tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu jistrieħu fuq il-wegħda effikaċi tal-grazzja t’Alla fil-Kelma u fis-Sagrament, u hekk ikunu sguri minn din il-grazzja.

 

35. Din kienet enfasiżżata b’mod partikulari mir-Riformisti: waqt it-tentazzjoni, il-fidili m’għandhomx iħarsu lejnhom infushom imma biss lejn Kristu u jafdaw lilu biss. Bil-fiduċja fil-wegħda t’Alla huma jkunu sġuri mis-salvazzjoni tagħhom, iżda qatt ma jkunu sguri jekk iħarsu lejhom infushom.

 

36. Il-Kattoliċi jistgħu jaqsmu mar-Riformisti t-tħassib li jibbazaw il-fidi fuq ir-realtà oġġettiva tal-wegħda ta’ Kristu, li ma jħarsux lejn l-esperjenza proprja, u li jafdaw biss il-kelma tal-maħfra minn Kristu (ara Matt 169; 18:18). Mal-Konċilju Vatikan II, il-Kattoliċi jgħidu: li jkollok il-fidi tfisser li tagħti lilek innifsek kollok kemm int lil Alla , [19] li jeħlisna mid-dlamm tad-dnub u mewt u jqajjimna għall-ħajja eterna.[20] F’dan is-sens, wieħed ma jistax jemmen f’Alla u fl-istess ħin jikkunsidra li l-wegħda divina mhix ta’ min jafdaha. Ħadd ma jista’ jiddubita mill-ħniena t’Alla u mill-mertu ta’ Kristu. B’dana kollu kull bniedem meta jħares lejn id-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet tiegħu jista’ jitħasseb dwar is-salvazzjoni tiegħu. Iżda waqt li jagħraf il-waqgħat tiegħu, il-fidil jista’ b’dana kollu jkun sgur li Alla jrid is-salvazzjoni tiegħu [ara Fonti ghas-sezz. 4.6].

4.7 L-Opri Tajba tal-Ġustifikati

37. Flimkien nistqarru li l-opri tajba - il-ħajja nisranija li wieħed jgħix fil-fidi, tama u mħabba - jimxu wara l-ġustifikazzjoni u huma frott tagħha. Meta il-ġustifikati jgħixu fi Kristu u jaġixxu fil-grazzja li jirċievu, jagħmlu dak li fi kliem il-Bibbja jissejjaħ frott tajjeb. Billi l-insara jissieltu kontra d-dnub tul ħajjithom kollha, dak li jiġi wara l-ġustifikazzjoni hu għalihom ukoll dmir li għandhom iwettqu. Hekk, kemm Ġesù kif ukoll l-Iskrittura appostolika iwiddbu lill-Insara biex iwettqu opri ta’ mħabba.

 

38. Skont il-fehma Kattolika, l-opri tajba, li huma possibbli bil-grazzja u bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, jikkontribwixxu għat-tkabbir fil-grazzja sabiex il-ġustifikazzjoni li tiġi minn Alla tkun miżmuma sħiħa u l-komunjoni ma’ Kristu issir aktar profonda. Meta l-Kattoliċi jasserixxu l-karattru “meritorju” tal-opri tajba, jgħidu li skont ix-xhieda biblika hemm imwiegħed premju fil-ġenna għal dawn l-opri. L-intenzjoni tagħhom hi li jagħmlu enfasi fuq ir-responsabbiltà ta’ dawk il-persuni għal dawn l-opri, u mhux biex jikkontestaw il-karattru ta’ dawk l-opri bħala rigali, u anqas u anqas biex jiċħdu li l-ġustifikazzjoni dejjem tibqa’ d-don tal-grazzja li ma jistħoqqilniex.

 

39. Il-Luterani jżommu ukoll l-idea li l-grazzja tista’ tkun preservata u li nistgħu nikbru fil-grazzja u l-fidi. Jagħmlu enfasi li l-ġustizzja bħala laqgħa minn Alla u sehem fil-ġustizzja ta’ Kristu hi dejjem kompleta. Fl-istess ħin, jgħidu li l-effetti tagħha fil-ħajja nisranija jistgħu jikbru. B’danakollu meta jħarsu lejn l-opri tajba ta’ l-Insara bħala frott u sinjali tal-ġustifikazzjoni u mhux bħal “merti” proprji, jifhmu ukoll il-ħajja eterna skont it-Testment il-Ġdid bħala “premju” mhux mistħoqq f’sens tat-twettiq tal-wegħda t’Alla lill-fidil. [ara Fonti għas-sessjoni 4.7].

 

5. It-Tifsira u l-Ambitu tal-Ftehim li Ntlaħaq

40. Meta wieħed jifhem id-duttrina tal-ġustifikazzjoni kif qegħda f’din id-Dikjarazzjoni jara li hemm ftehim bejn il-Luterani u l-Kattoliċi fuq il-veritajiet fundamentali tad-duttrina tal-ġustifikazzjoni. Fid-dawl ta’ dan il-ftehim id-differenzi li fadal dwar il-lingwa, l-elaborazzjoni teoloġika u l-enfasi fuq kif wieħed jifhem il-ġustifikazzjni fil- paragrafi 18 sa 39 huma aċċettabbli. Għalhekk it-tifsiriet Luterani u Kattoliċi tal-ġustifikazzjoni huma fid-differenzi tagħhom miftuħin għal xulxin u ma jkissrux il-ftehim dwar il-veritajiet fundamentali.

 

41. Hekk, il-kundanni dottrinali tas-seklu 16, dawk li għandhom x’jaqsmu mad-duttrina ta-ġustifikazzjoni, jidhru f’dawl ġdid. It-tagħlim tal-Knejjes Luterani kif inhu ppreżentat f’din id-Dikjarazzjoni ma jaqax taħt il-kundanni tal-Konċilju ta’ Trentu. Il-kundanni fil-Konfessjonijiet Luterani ma japplikawx għat-tagħlim li l-Knisja Kattolika Rumana ppreżentat f’din id-Dikjarazzjoni.

 

42. B’danakollu xejn m’għandu jnaqqas s-serjetà tal-kundanni dwar id-duttrina tal-ġustifikazzjoni. Xi uħud minnhom ma kenux sempliċement bla skop. Jibqgħu għalina bħala “twissijiet salutari” u għandna nagħtu każ tagħhom fit-tagħlim u l-ħidma tagħna.

 

43. Il-ftehim fuq il-veritajiet fundamentali tad-duttrina tal- ġustifikazzjoni għandu effett fuq il-ħajja u t-tagħlim tal-Knejjes tagħna. Hawn hi l-prova. Dwar dan għad hemm kwistjonijiet ta’ importanza varja li jiħtieġu aktar tifsir. Fost oħrajn hemm il-Knisja, kif ukoll l-ekkleżjoloġija, l-awtorità ekkleżjali, l-għaqda tal-knejjes, il-ministeri, s- sagramenti, u r-relazzjoni bejn il-ġustifikazzjoni u l-etika soċjali. Aħna persważi li l-ftehim li lħaqna joffri bażi soda għal din il-kjarifika. Il-knejjes Luterani u l-Knisja Kattolika Rumana jkomplu jħabirku flimkien biex jidħlu aktar fil-fond fil-fehma komuni tal-ġustifikazzjoni u jagħmluha tnissel frott fil-ħajja u t-tagħlim tal-knejjes.

 

Nirringrazzjaw lill-Mulej għal dan il-pass deċisiv ’l quddiem li għamilna fit-triq biex negħelbu l-firda fil-Knisja. Nitolbu l-Ispirtu s-Santu biex imexxina aktar lejn l-għaqda viżibbli li hija r-rieda ta’ Kristu.

APPENDIĊI

 

Fonti għad-Dikjarazzjoni Flimkien fuq id-Duttrina tal-Ġustifikazzjoni

 

Fit-taqsimiet 3 u 4 tad-“Dikjarazzjoni Flimkien” hemm referenzi għall-formulazjonijiet minn djalogi differenti Luterani-Kattoliċi. Huma dawn id-dokumenti li ġejjin:

 

“Kollox taħt Kristu Wieħed,” Dikjarazzjoni fuq il-Konfessjoni ta’ Augsburg mill-Kummissjoni Flimkien Kattolika Rumana/Luterana, 1980, fit: ‘Tkabbir fil-Ftehim’, ed. Harding Meyer u Lukas Vischer, New York/Ramsey, Geneva, 1984, 241-247.

 

Denzinger-Schönmetzer, Enchiridion symbolorum … it-32 sal 36 ed. (u wara: DS)

 

Denzinger-Hünermann, Enchiridion symbolorum… mis-37 ed. (u wara DH).

 

Evalwazzjoni tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija ta’ l-Istudju Lehrverurteilungen-kirchentrennend?, Vatikan, 1992, dokument mhux ippublikat (u wara: PCPCU).

 

Ġustifikazzjoni bil-fidi, Luterani u Kattoliċi fi Djalogu VII, Minneapolis, 1985 (u wara: USA).

 

‘Position Paper’ tal-Kumitat Flimkien tal-Għaqda tal-Knisja Luterana Evanġelika tal-Ġermanja u l-Kumitat Nazzjonali FML Ġermaniż dwar id-Dokument “Il-Kundanni ta’ Żmien ir-Riforma, Għadhom Jifirdu?” fil-Lehrverurteilungen im Gesprāch, Gōttingen, 1993 (u wara: VELKD).

 

“il-Kundanni ta’ Żmien ir-Riforma, Għadhom Jifirdu?” ed. Karl Lehmann u Wolfhart Pannenberg, Minneapolis, 1990 (u wara: LV:E)

 

Għat-3: Il-fehma komuni tal-Ġustifikazzjoni (paragr 17 u 18) LV:E 68f; VELKD 95)

 

- “ …tip ta’ ġustifikazzjoni konċentrata fuq il-fidi u maħsuba f’sens ġuridiku hi ta’ importanza deċisiva f’Pawlu u, f’ċertu sens, fil- Bibbja fit-totalità tagħha, ukoll jekk tabilħaqq mhix l-unika idea użata fil-Bibbja jew f’Pawlu biex jirrappreżentaw l-opra salvifika t’Alla (USA, no 146).

 

- “Il-Kattoliċi kif ukoll il-Luterani jistgħu jagħrfu il-ħtieġa li jżaminaw il-prattika, l-istrutturi u t-teoloġiji tal-knisja f’ kemm jgħinu jew ifixklu ‘ l-proklamazzjoni tal-wegħdi liberi u tal-ħniena t’Alla fi Kristu Ġesù, li wieħed jista’ jirċevi biss permezz tal-fidi’ (para. 28)” (USA, no. 153).

 

Dwar “l-affirmazzjoni fundamentali” (USA, no 157; ara 4) jingħad li:

 

- “Din l-affirmazzjoni, bħad-duttrina tar-Riforma fuq il-ġustifikazzjoni bil-fidi biss, tagħtina kriterju biex niġġudikaw il-prattiki, l-istrutturi u t-tradizzjonijiet kollha tal-knisja preċiżament għaliex hija f’analoġija ma’ “Kristu waħdu” (solus Christus). Fl-aħħar mill-aħħar fih biss għandu jkollna l-fiduċja bħala l-uniku medjatur li permezz tiegħu Alla, fl-Ispirtu s-Santu, isawwab id-doni tiegħu ta’ salvazzjoni. Dawk li ħadu sehem f’dan id-djalogu jaffermaw li t-tagħlim, il-prattiċi u r-riti nsara kollha għandhom jiġu ezerċitati b’mod tali li jippromwovu “l-ubbidjenza fil-fidi” (Rum 1:15) fl-azzjoni salvifika t’Alla f’Ġesù Kristu waħdu per mezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, għas-salvazzjoni tal-fidili u għat-tifħir u unur tal-Missier fis-smewwiet (USA. No 160).

 

- Għalhekk, id-duttrina tal-ġustifikazzjoni, u fuq kollox il-bażi biblika tagħha, dejjem tibqa’ jkollha funzjoni speċifika fil-knisja: dik li żżomm ħajja fil-kuxjenza tal-insara l-fehma li aħna l-bnedmin ngħixu unikament mill-imħabba miserikordjuża t’Alla, u li aħna nistgħu naċċettaw biss li din l-imħabba tissabbaw fuqna, imma li bl-ebda mod ma nistgħu, anqas taħt xi forma limitata, nimmeritawha, u anqas ma nistgħu norbtuha ma xi pre- jew post- kondizzjonijiet li jiddependu minna. Hekk il-“ġustifikazzjoni” dejjem issir l-kriterju biex wieħed jagħraf jekk xi interpretazzjoni partikulari tar-relazzjoni tagħna m’Alla tistax tissejjaħ ‘nisranija’ jew le. Fl-istess ħin, issir kriterju ta’ paragun għall-knisja biex teżamina kostantement jekk il-proklamazzjoni u l-prattika tagħha jaqblux ma’ dak li ġie mogħti lilha mill-Mulej (LV:E 69).

 

- Il-fatt li sar ftehim li d-duttrina tal-ġustifikazzjoni hija sinjifikattiva mhux biss bħala waħda mill-ġabriet ta’ tagħlim tal-knejjes tagħna fil-materja tal-fidi, iżda wkoll bħala kriterju ta’ paragon biex id-duttrina u l-prattika kollha tal-knejjes tagħna jkunu eżaminati, huwa, min-naħa tal-Luterani, progress fundamentali fid-djalogu ekumeniku mal-knejjes tagħna, hekk fundamentali li ma jista’ qatt ikun enfasiżżat biżżejjed. (VELKD 95, 20-26; ara 157.)

 

- Għall-Luterani u għall-Kattoliċi, d-duttrina tal-ġustifikazzjoni għandha post differenti fil-ġerarkija ta’ veritajiet, iżda iż-żewġ naħat jaqblu li d-duttrina tal-ġustifikazzjoni għandha funzjoni speċifika fil-fatt li hija “il-kriterju ta’paragun biex f’kull żmien teżamina jekk xi interpetazzjoni partikulari tar-relazzjoni tagħna m’Alla għandhiex titqies bħala ‘nisranija’ jew le. Fl-istess ħin issir il-kriterju ta’ paragun għall-knisja biex f’kull zmien teżamina jekk il-proklamazzjoni u l-prattika tagħha jikkorrisponduix ma’ dak li ġie mogħti lilha mill-Mulej”. Iżda l-importanza kriterjoloġika tad-duttrina tal-ġustifikazzjoni għas-sagramentoloġija, ekklesjoloġija u l-etika għad trid ikollha studju aktar fil-fond”PCPCU 96).

 

Għall-4.1: L-Inkapaċità tal-Bniedem u d-Dnub quddiem il-Ġustifikazzjoni, nn. 19-21; ara fuq kollox Lehrverurteilungen, 48+, 53; Stellungnahme, 77-81; 52+

- “Dawk li huma maħkuma mid-dnub ma jistgħu jagħmlu xejn biex tkun tistħoqqilhom il-ġustifikazzjoni, li hi don gratwit tal-grazzja t’Alla. Ukoll l-ewwel sinjali tal-ġustifikazzjoni, per eżempju is-sogħba, it-talb għall-grazzja u x-xewqa tal-maħfra, għandhom ikunu l-opra t’Alla fina” (USA, nu. 156.3).

- “Iż-żewġ naħat jagħmluha ċara li … wieħed ma jistgħax jiċħad li l-bniedem jinvolvi lilu nnifsu … B’danakollu tweġiba tal-bniedem mhijiex “opra”. It-tweġiba nfisha tal-fidi tiġi mill-Kelma tal-wegħda li tasal għand il-bniedem minn barra minnu. Jista’ jkun hemm ‘kooperazzjoni fis-sens biss li fil-fidi l-qalb tal-bniedem hija involuta meta tmissha l-Kelma u tqajjem fiha l-fidi” (LV:E 46f).

 

- “Il-kanoni 4, 5, 6 u 9 tal-Konċilju ta’ Trentu juru differenza dottrinali sinifikattiva dwar il-ġustifikazzjoni biss jekk id-dottrina luterana b’tant enfasi tibbaża r-relazzjoni bejn Alla u l-ħlejjaq umani fil-ġustifikazzjoni fuq il ‘monenerġiżmu’ divin jew fuq l-azzjoni esklusiva t’Alla li fil-ġustifikazzjoni teskludi l-funzjoni essenzjali tal-bniedem li jaċċetta liberament il-grazzja t’Alla. Din l-aċċettazzjoni libera hija, hi stess, don t’Alla (PCPCU 22).

 

- Meta l-Luterani jagħmlu enfasi stretta fuq il-passività tal-bnedmin fil-ġustifikazzjoni qatt ma fehmu li jiċħdu l-partiċipazzjoni personali sħiħa fit-twemmin, imma biss li jeskludu kull kooperazzjoni fl-att ta’ nm l-istess ġustifikazzjoni. Il-ġustifikazzjoni hija opra ta’ Kristu waħdu, opra biss tal-grazzja.

 

Għall- 4.2: Il-Ġustifikazzjoni bħala Maħfra tad-Dnubiet u Azzjoni li tagħmilna Ġusti, (parag. 22-24)(USA, n. 98-101; LV:E 47+ VELKD 84+; ara wkoll il-kwotazzjonijiet għall- 4.3)

 

- “Bil-ġustifikazzjoni aħna nkunu dikjarati kif ukoll magħmula ġusti. Għalhekk il-ġustifikazzjoni mhijiex xi fizzjoni legali. Fil-ġustifikazzjoni Alla jwettaq dak li jwiegħed: jaħfer id-dnubiet u jagħmilna tabilħaqq ġusti” (USA, nu. 156, 5).

 

- “It-teoloġija tar-Riforma ma tittraskurax dak li tenfasiżża d-duttrina kattolika jiġifieri l-karattru li joħloq u jġedded ta’ l-imħabba t’Alla; anqas ma żżomm … l-impotenza t’Alla lejn id-dnub li fil-ġustifikazzjoni hu ‘sempliċement’ maħfur fil-ġustifikazzjoni mingħajr ma titneħħilu l-qawwa li għandu li jifred il-midneb minn Alla” (LV:E 49).

 

- “Id-duttrina luterana qatt ma fehmet ‘il-qligħ tal-ġustifikazzjoni’ minn Kristu m’għandux konsegwenzi fil-ħajja tal-fidili, għaliex il-kelma ta’ Kristu twettaq dak li twiegħed. Għaldaqstant, id-duttrina luterana tifhem il-grazzja bħala favur mogħti minn Alla, imma xejn inqas bħala qawwa effikaċi, ‘għax fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet hemm ukoll ħajja u salvazzjoni’ ” (VELKD 86, 15-23).

 

- “It-teoloġija kattolika ma tittraskurax dak li t-teoloġija evanġelika tenfasiżża jiġifieri: l-karattru personali tal-grazzja u r-rabta tiegħu mal-Kelma; anqas ma żżomm il-grazzja bħala xi ħaġa li l-bniedem għandu oġġettivament għad-dispożizzjoni tiegħu, għalkemm hi mogħtija lilu bħala possessjoni” (LV:E 49).

 

Għall- 4.3: Il- Ġustifikazzjoni bil-Fidi u permezz tal-Grazzja (para 25-27) (USA, n. 105+; LV:E 49-53; VELKD 87-90)

 

- “Jekk nittraduċu minn lingwa għall-oħra, naraw li d-diskors tar-Riformaturi fuq il-ġustifikazzjoni bil-fidi jikkorrespondi għad-diskors tal-Kattoliċi fuq il-ġustifikazzjoni permezz tal-grazzja, fil-waqt li dak li d-duttrina tar-riforma tesprimi bil-kelma ‘fidi’ jikkorrespondi fis-sustanza għal dak li d-duttrina kattolika tifhem (skont 1Kor. 13:13) bil-grupp tripliku ta’ ‘fidi, tama u mħabba’ ” (LVE 52).

 

- “Nagħmlu enfasi li l-fidi fis-sens tal-ewwel kmandament dejjem tfisser imħabba t’Alla u tama fih, u tesprimi ruħa fl-imħabba ta’ għajrna”(VELKD 89, 8-11).

 

- “Il-Kattoliċi jgħallmu, bħalma jgħallmu ukoll il-Luterani, li mhemm xejn li jiġi qabel id-don liberu tal-fidi li jimmerita il-ġustifikazzjoni; u li d-doni salvifiki kollha t’Alla jiġu permezz ta’ Kristu waħdu” (USA, n. 105).

 

- Ir-Riformaturi jifhmu l-fidi bħala maħfra u komunjoni ma’ Kristu mwettqa mill-istess kelma tal-wegħda. Din hi l-bażi għall-kewn ġdid li permezz tiegħu il-ġisem jkun mejjet għad-dnub u l-bniedem ġdid ikollu l-ħajja fi Kristu (sola fide per Christum). Iżda wkoll jekk din il-fidi neċessarjament tagħmel il-bniedem ġdid, in-nisrani jibni l-fiduċja tiegħu mhux fuq il-ħajja ġdida tiegħu, iżda unikament fuq il-wegħda ħanina t’Alla. L-aċċettazzjoni fil-fidi ta’ din il-wegħda hija biżżejjed, jekk ‘il-fidi’ tinftihem bħala “fiduċja fil-wegħda’ (fides promissionis)” (LVE:E 59).

 

- Ara Il-Konċilju ta’ Trento, Sessjoni 6 Kap. 7: “Għalhekk, fl-istess ġustifikazzjoni, flimkien mal-maħfra tad-dnubiet, il-bniedem jirċievi permezz ta’ Ġesù Kristu li miegħu hu mlaqqam, id-doni nfużi kollha: il-fidi, it-tama u l-karità” (DH 1530).

 

- Skont l-interpretazzjoni Protestanta, il-fidi li hi mqabbda bla kondizzjoni mal-wegħda t’Alla fil-Kelma u Sagrament hija biżżejjed għall-ġustifikazzjoni quddiem Alla, u hekk it-tiġdid tal-bniedem, li mingħajru mhemmx fidi, ma jġib minnu nnifsu ebda kontribut għall-ġustifikazzjoni (LV:E 52).

 

- Aħna bħala Luterani nżommu d-distinzjoni bejn ġurisdizzjoni u santifikazzjoni, bejn fidi u opri, iżda din ma timplikax separazzjoni (VELKD 89, 6-8).

 

- “Id-duttrina kattolika taqbel mal-pożizzjoni Protestanta li skontha it-tiġdid tal-bniedem ma jġib ebda “kontribut” għall-ġustifikazzjoni, u anqas u anqas kontribut li għalih il-bniedem jista’ jappella quddiem Alla. B’danakollu d-duttrina kattolika tħoss id-dmir li tenfasiżża it-tiġdid tal-bniedem permezz tal-grazzja ġustifikanti b’mod li jagħraf il-qawwa riġeneratriċi t’Alla; għalkemm dan it-tiġdid fil-fidi, tama u mħabba mhuwiex ħaġ’ oħra ħlief tweġiba għall-grazzja profonda t’Alla” (LV:E 52+)

 

- “Id-duttrina kattolika mhijix aktar f’kuntrast magħna fl-enfasi li tagħmel li

 

- l-grazja hija personali u marbuta mal-Kelma;

 

- it-tiġdid mhu ċertament xejn ħlief tweġiba mqanqla mill-istess kelma t’Alla;

 

- it-tiġdid tal-bniedem ma jagħti ebda kontribut għall-ġusifikazzjoni u ċertament ebda kontribut li għalih il-bniedem jista’ jagħmel appell quddiem Alla (VELKD 89, 12-21).

 

Għall-4.4: Il-Ġustifikat bħala Midneb (paragr. 28-30)(USA, n. 102+; LVE 44+; VLKD 81+)

 

- “Għalkemm ġusti u qaddisin, (il-ġustifikati) xi kull tant jaqgħu fid-dnubiet tal-ħajja ta’ kull jum.

 

- Barra minn hekk, l-azzjoni ta’ l-Ispirtu ma teħlisx lill-fidili mill-ġlieda tul il-ħajjithom kollha kontra il-ġibdiet tad-dnub. Il-konkupixxenza u l-effetti l-oħra tad-dnub oriġinali u personali jibqgħu, skont id-duttrina kattolika, fil-ġustifikati, u għalhekk dawn għandhom ta’ kull jum jitolbu l-maħfra minn għand Alla” (USA, n. 102).

 

- Id-duttrina kattolika u dik tar-riforma jaqblu li d-dnub oriġinali kif ukoll il-konkupixxenza li tibqa’, huma kontra Alla …oġġett tal-ġlieda tul il-ħajja kollha kontra d-dnub; … huma jaqblu u jaffermaw li wara l-magħmudija il-konkupixxenza ma tifridx aktar il-bniedem minn Alla, jiġifieri fi kliem il-Konċilju Tridentin, mhemmx aktar “dnub f’sens veru u proprju”; wadt li fi kliem il-luterani, jibqa’ “peccatum regnatum” (dnub kontrollat) (LVE:E 46).

 

- “Il-kwistjoni issa hi dwar kif nistgħu nitkellmu fuq id-dnub fil-ġustifikati bla ma nnaqsu r-realtà tas-salvazzjoni. Waqt li l-luterani jesprimu din it-tensjoni bl-espressjoni “dnub kontrollat” (peccatum regnatum) li jippresupponi d-duttrina tan-nisrani bħala ‘ġust u midneb fl-istess ħin’ (simul iustus et pecator), il-kattoliċi rumani jaħsbu li r-realtà tas-salvazzjoni tista’ tkun mħarsa biss billi jiċħdu il-karattru peccaminuż. Dwar din il-kwistjoni iż-żewġ partijiet resqu lejn xulxin b’mod konsiderevoli fid-dokument Lehrverurteilungen fejn il-konkupixxenza li tibqa’ fil-ġustifikat tissejjaħ “kontradizzjoni għal Alla” u hekk tikkwalifika bħala dnub” (VELKD 82, 29-39).

 

 Għall-4.5: Il-Liġi u l-Vanġelu (parag. 31-33)

 

- Skont It-tagħlim Pawlin, din il-materja tikkonċerna l-liġi Lhudija bħala mezz għas-salvazzjoni. Il-liġi kienet mitmuma u mirbuħa minn Kristu. Għandna nifhmu din id-dikjarazzjoni u l-konsegwenzi tagħha fuq din il-bażi.

 

- B’referenza għall-kanoni 19+ tal-Konċilju ta’ Trentu, il- VELKD (89, 28-36) jgħid hekk:

 

“L-għaxar kmandamenti, ċertament, japplikaw għall-Insara kif jingħad f’ħafna postijiet fil-kitbiet Konfessjonali… Jekk il-Kanone 20 jenfasiżża li l-bniedem .. għandu josserva il-kmandamenti t’Alla, dan il-Kanone ma jolqotniex; imma jekk dan l-istess Kanon 20 jafferma li l-fidi għandha qawwa salvifika bil-kondizzjoni li l-bniedem josserva l-kmandamenti, allura jolqotna. Dak li jafferma dan il-kanone dwar il-kmandamenti tal-knisja ma joħloqx problema jekk dawn il-kmandamenti huma biss espressjonijiet tal-kmandamenti t’Alla; fil-kaz kuntrarju jkun hemm problema.”

 

- L-aħħar paragrafu fil-fatt jirreferi għall- 4.3, iżda jenfasiżża “l-funzjoni tal-liġi li tikkundanna”, u dan hu mportanti għall-mod kif jaħsbuha l-luterani.

 

 Għall- 4.6: Assikurazzjoni tas-Salvazzjoni (parag. 34-36) (LV:E 53-56; VELKD 90+)

- “Il-kwistjoni hi: Kif jistgħu u kif għandhom il-bnedmin jgħixu quddiem Alla minkejja d-dgħjufija tagħhom, u b’dik id-dgħjufija?” LV:E 53).

 

- “Il-bażi u l-punt minn fejn jitilqgħu [ir-Riformisti huma] d-dipendenza u s-suffiċjenza tal-wegħda t’Alla, u l-qawwa tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu; id-dgħjufija umana li tinvolvi t-theddida għall-fidi u għas-salvazzjoni” (LV:E 56)

- Il-Konċilju ta’ Trentu ukoll jenfasiżża li “jeħtieġ li nemmnu li d-dnubiet ma jinħafrux u anqas qatt ma kienu jinħafru, ħlief liberament mill-ħniena divina minħabba Kristu; jeħtieġ ukoll li ma niddubitawx mill-ħniena t’Alla, mill-mertu ta’ Kristu u mill-qawwa u l-effikacja tas-sagramenti. Hu possibbli li xi ħadd waqt li jħares lejh innifsu, lejn id-dgħjufija tiegħu u lejn in-nuqqas ta’ dispożizzjoni, ikun ansjuż u beżgħan dwar l-istat tiegħu ta’ grazzja (Konċilju ta’ Trentu, sessjoni 6, kap 9, DH 1534).

 

- Luteru u s-segwaċi tiegħu jagħmlu pass ’l quddiem ieħor. Huma jinsistu li aħna mhux biss għandna nissoportu l-inċertezza, imma ukoll li ma għandniex inħarsu lejha, iżda nieħdu bis-serjetà, prattikament u personalment, l-effikaċja oġġettiva ta’ l-assoluzzjoni li tingħata fis-sagrament tal-penitenza u li tiġi “minn barra” (extra nos). ..Billi Ġesù qal ‘Dak li tħoll int fuq l-art ikun maħlul fis-sema’ (Matt 16:19), il-fidil ikun isejjaħ lil Kristu giddieb ... jekk ma jafdax b’fermezza tal-blat l-assikurazzjoni tal-maħfra minn Alla li tingħata fl-assoluzzjoni .. Din il-fiduċja tista’ soġġettivament ma tkunx sgura - l-assikurazzjoni tal-maħfra mhijiex sigurtà (securitas) ta’ maħfra; iżda din m’għandhiex tkun, biex ngħidu hekk, problema oħra; il-fidil mgħandux iħares lejha iżda għandu biss jħares lejn il-kelma ta’ maħfra ta’ Kristu” (LV:E 53+).

 

- “Illum il-Kattoliċi jistgħu japprezzaw l-isforzi tar-Riformatur biex jibbaża l-fidi fuq ir-realtà oġġettiva tal-wegħda ta’ Kristu, ‘kull ma tħoll fuq l-art …’ u jġagħal lill-fidili jikkonċentraw fuq il-kelma speċifika ta’ l-assoluzzjoni mid-dnubiet. … Ma nistgħux nikkundannaw il-ħsieb oriġinali ta’ Luteru li jgħallem in-nies ma jħarsux lejn l-esperjenza tagħhom u li jistrieħu biss fuq Kristu u fuq il-kelma tiegħu ta’ maħfra” (PCPCU 25).

 

- Kundanna reċiproka dwar kif nifhmu l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni “illum tagħtina inqas raġuni għall-oġġezzjoni reċiproka – speċjalment jekk nieħdu bħala bażi l-kunċett ta’ fidi mġedded biblikament. Għax bniedem jista’ tabilhaqq jitlef jew jiċħad il-fidi, l-impenn tiegħu innifsu lil Alla u l-wegħda tiegħu. Iżda ma jistax f‘dan is-sens jemmen u fl-istess ħin ma jafdax fil-kelma t’Alla. F’dan is-sens huwa minnu wkoll illum li, fi kliem Luteru, il-fidi hi tabilħaqq assigurazzjoni tas-salvazzjoni” (LV:E 56).

 

- “Dwar il-kunċett tal-fidi skont il-Konċilju Vatikan II, ara il-Kostituzzjoni Dommatika fuq ir-Rivelazzjoni Divina, n. 5: “ ‘L-ubbidjenza tal-fidi’… għandha tingħata lil Alla li jirrivela, ubbidjenza li biha il-bniedem jerħi lilu nnifsu kollu kemm hu liberament lil Alla, billi joffri s-sottomissjoni totali ta’ l-intellett u tar-rieda tiegħu lil Alla li jirrevela,’ u li liberament jaċċetta l-veritajiet rivelati minnu.”

 

- “Id-distinzjoni luterana bejn iċ-ċertitudni (certitude) tal-fidi li tħares biss lejn Kristu u s-sigurtà (securitas) li hi bażata fuq il-bniedem, ma kinetx trattata fil LV b’mod ċar biżżejjed. Il-kwistjoni jekk nisrani jemminx għal kollox u kompletament ma tqumx fil-fehma luterana, billi l-fidi qatt ma tirrifletti fuqha nfisha iżda tiddependi minn Alla, li jsawwab il-grazzja tiegħu permezz tal-kelma u sagrament, u għalhekk minn barra (extra nos)”(VELKD 92, 2-9).

 

Għall- 4.7: L-Opri Tajba tal-Ġustifikati (parag. 37-39) (LV:E 66+, VELKD 90+)

- “Iżda il-Konċilju jeskludi l-possibiltà li wieħed jista’ jaqla’ (earns) l-grazzja – jiġifieri, l-ġustifikazzjoni – (kan. 2; DS 1552). Jibbaża l-qligħ jew il-mertu tal-ħajja eterna fuq l-istess don tal-grazzja permezz li l-bniedem ikun membru fi Kristu (kan. 32: DS 1582). L-opri tajba huma ‘merti’ bħala don. Għalkemm ir-Riformaturi jattakkkaw ‘il-fiduċja bla Alla’ fl-opri proprji, il-Konċilju jeskludi espliċitament kull kunċett ta’ pretensjoni jew ta’ xi sigurtà falza (kan 16: DS 1548+) Jidher ċar… li l-Konċilju jrid jingħaqad ma’ Agostinu li introduċa il-kunċett ta’ mertu sabiex jasserixxi r-risponsabiltà tal-bnedmin minkejja il-karattru ta’ don ta’ l-opri tajba” (LV:E 66).

 

- Jekk nifhmu l-kelma “kawza” fil-Kan 24 f’mod aktar personali, kif inhi fil-kap. 16 tad-Digriet fuq il-ġustifikazzjoni fejn l-idea ta’ komunjoni ma’ Kristu hi fundamentali, nkunu nistgħu niddiskrivu d-duttrina kattolika fuq il-mertu bħalma jsir fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu ta’ 4.7: tkabbir fil-grazzja, perseveranza fil-ġustifikazzjoni mogħtija minn Alla u komunjoni aktar profonda ma’ Kristu.

 

- “Ħafna kontrapożizzjonijiet jistgħu jkunu superati jekk it-terminu ekwivoku ‘mertu’ jkun sempliċement konsiderat u analizzat f’relazzjoni mal-veru sens tat-terminu bibliku ‘ħlas’ jew premju” (LV:E 67).

 

- “il-kitbiet konfessjonali luterani jagħmlu enfasi li l-bniedem ġustifikat huwa responsabbli li ma jitlifx il-grazzja li rċieva u li jkompli jgħix fiha . Hekk, il- kitbiet konfessjonali jistgħu jitkellmu fuq il-preservazzjoni tal-grazzja u t-tkabbir fiha. Jekk nifhmu l-ġustizzja f’Kanone 24 fis-sens li taffettwa lill-bnedmin, ma tolqotniex. Iżda jekk nifhmu l-‘ġustizzja’ fil-Kanone 24 b’referenza għall-aċċettazzjoni tan-nisrani minn Alla, allura tolqotna; għax din il-ġustizzja hija dejjem perfetta; f’paragun magħha l-opri ta’l-insara huma sempliċement ‘frott’ u ‘sinjali’ ”(VELKD 94,2-14).

 

- “Dwar il-Kanone 26, nirriferixu għall- Apoloġija li tiddeskrivi l-ħajja eterna bħala premju: ‘Aħna nikkonċedu li l-ħajja eternal hija premju għaliex hi xi ħaga li tista’ tkun tagħna – mhux minħabba l-merti tagħna imma minħabba l-wegħda’ ” (VELKD 94, 20-24).

 

__________________________________________________________________

 

[1] L-Artikli Smalcald, II,1; “Book of Concord”, 292.

[2] “Rector et judex super omnia genera documentorum” Edizzjoni Weimar tax-xogħol ta’ Luteru (WA, 39,I,205.

[3] Ta’ min jinnota li fost il-kitbiet konfessjonali li jorbtuhom xi Knejjes Luterani jinkludu biss il-Konfessjoni ta’ Augsburg u l-Katekiżnu Ċkejken. Dawn il-kitbiet m’għandhomx kundanni dwar il-ġustifikazzjoni f’relazzjoni mal-Knisja Kattolika Rumana.

[4] Ir-Rapport tal-Kummissjoni Mħallta għall-Istudju bejn il-Luterani u l-Kattoliċi Rumani ippublikat fil-“Growth in Agreement” (New York; Geneva, 1984), pp. 168-189.

[5] Publikat mill-Federazzjoni Luterana Dinjija (Geneva, 1994).

[6] Luterani u Kattoliċi fi Djalogu (Minneapolis, 1985).

[7] Minneapolis, 1990.

[8] “Gemeinsame Stellungnahme der Arnoldshainer Konferenz, der Vereinigten Kirche und des Deutschen Nationalkomitees des Lutherischen Welbundes zum Dokument ‘Lehrverurteilungen-kirchentrennend?’,” Ökumenische Rundschau 44 (1995): 99-102; ara ukoll il-‘position papers’ bħala bażi tar-resoluzzjoni, fil- Lehrverurteilungen im Gespräch, Die ersten offiziellen Stellungnahmen aus den evangelischen Kirchen in Deutschland (G QUOTE  

[9] Il-kelma “knisja” f’din id-Dikjarazzjoni hi użata biex tirrifletti dak li jaħsbu fuqhom infushom il-knejjes li ħadu sehem, bla ma rridu insolvu l-probklemi ekklesjoloġiċi kollha konnessi ma’ din il-kelma.

[10] ara: il-“Malta Report” parag. 26-30; Ġustifikazzjoni bil-Fidi, parag. 122-147. Għat-talba tal-US dialogu fuq il-ġustifikazzjoni, t-testi tat-Testment il-Ġdid mhux Pawlini kienu ttrattati fil-Ġustizzja fit-Testment il-Gdid minn John Reuman, bi tweġiba minn Joseph A. Fitzmyer u Jerome Quinn (Philadeplhia; New York: 1982), pp 124-180. Ir-riżultati ta’dan l-istudju kienu miġburin fil-qosor f’rapport tad-dialogu Ġustifikazzjoni bil-Fidi, parag. 139-142.

[11] “Kulħadd taħt Kristu Wieħed” parag. 14, f’ Tkabbir fil-Qbil, 241-247.

[12] ara: WA 8: 106; Edizzjoni Amerikana 32:227.

[13] ara: DS 1528

[14] ara: DS 1530.

[15] ara: Apoloġija II: 38-45; Book of Concord, 105+.

[16] ara: DS 1515

[17] ara: DS 1515

[18] ara: DS 1545

[19] ara: DV 5

[20] ara: DV 5

[21] Kundanni ta’ Żmien ir-Riforma, 27.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Anton Azzopardi SJ