Laikos

 

 

PELLEGRINI TAT-TAMA

IL-MOTTO U LOGO TAL-ĠUBLEW 2025

Il-Logo tal-Ġublew tas-sena 2025 juri erba’ figuri stilizzati li jirrapreżentaw l-umanità kollha mferrxa mal-erba’ rjieħat tad-dinja. Huma mħaddna flimkien, sinjal tas-solidarjetà u l-fraternità li għandhom jgħaqqdu l-popli flimkien.

Ta’ min jinnota kif l-ewwel figura biss hija mqabbda mas-salib li jissimbolizza l-fidi.  Imma anke jekk it-tlieta l-oħra mhummiex direttament iggranfati miegħu, madankollu permezz ta’ xulxin, il-bnedmin kollha, anke dawk ta’ twemmin differenti, jissieħbu f’tgħanniqa waħda, għax il-fidwa, miksuba minn Kristu fuq is-salib hija għalihom ukoll.  Hekk il-vjaġġ tal-pellegrin mhuwiex ġrajja personali ta’ individwu, iżda wieħed komunitarju bl-impronta ta’ dinamiżmu dejjem jikber li jdur dejjem aktar lejn is-Salib.

Lejn il-parti ta’ isfel tiegħu, is-Salib huwa mtawwal u jieħu l-forma ta’ ankra, simbolu ta’ tama li qatt ma tista’ tkun abbandunata għal kollox għax hija tant meħtieġa f’mumenti tal-akbar bżonn.

Il-mixja tal-erba’ figuri, tidher fuq mewġ imħarrek, kif spiss huwa wkoll il-pellegrinaġġ uman f’din il-ħajja. Ilkoll nafu kif il-bniedem, minħabba ċirkustanzi personali u l-ġrajjiet li jseħħu madwaru, mhux dejjem iterraq fuq ilmijiet kalmi.

Imma s-Salib stess, figura ta’ Kristu nnifsu, jitgħawweġ lejn l-umanità bħallikieku joħroġ jiltaqa’ magħha biex ma jħallihiex waħedha. Hekk huwa joffri ċ-ċertezza tal-preżenza tiegħu u s-sigurtà tat-tama tul il-pellegrinaġġ kollu tal-bniedem.

Huwa dan kollu, kemm is-solidarjetà umana u kemm il-preżenza ta’ Kristu, li jibdlu l-mixja tagħna f’din il-ħajja f’Pellegrinaġġ ta' Tama.