Laikos

 

IL-BIEB IMQADDES TAL-ĠUBLEW

Il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes huwa rit magħruf u emozjonanti li jimmarka l-bidu tal-Ġublew. L-ewwel data ċerta li nafu biha ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tmur lura għas-sena1500 meta l-Papa Alessandru VI fetaħ il-Bieb Imqaddes tal-bażilika ta’ San Pietru.

 

Bibien Imqaddsa f’Ruma

F’Ruma hemm erba’ bażiliċi papali li għandhom Bieb Imqaddes. Dawn huma l-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, dik ta’ San Giovanni fil-Lateran, il-bażilika ta’ San Paolo fuori le mura u dik ta’ Santa Maria Maggiore. Dawn il-Bibien  Imqaddsa jkunu miftuħa biss matul is-sena tal-ġublew fil-waqt li fis-snin l-oħra, dawk mhux ġubilari, jinżammu mhux biss magħluqa, imma wkoll imbarrati bil-ġebel.

 

Iċ-Ċerimonja tal-ftuħ tal-Bieb Imqaddes

Fil-passat il-Papa kien jagħti daqqa ta’ martell fuq il-ġebel li jimbarra l-bieb, imbagħad il-ħaddiema kienu jkomplu jwaqqgħu l-kumplament. Imma biex ikun evitat kull periklu, il-Papa Ġwanni Pawlu II ddeċieda li jibdel ir-rit b’mod li l-ġebel li jimbarra l-bieb jitneħħa minn qabel, imbaghad waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-Papa jimbotta l-bibien bħala ġest simboliku

Dan il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes matul il-Ġublew jissimbolizza l-passaġġ li kull Nisrani jrid jagħmel mid-dnub għall-grazzja.

 

Il-Bibien Imqaddsa oħra fid-dinja

Fid-dinja hemm Bibien Mqaddsa oħra mogħtija mill-Papa li permezz tagħhom huwa possibbli li min jgħaddi minnhom, u jkun issodisfa l-kundizzjonijiet oħra, jikseb l-Indulġenza tal-Ġublew. Fost dawn il-bibien hemm dak tal-katidral ta’ Santiago de Compostela, tal-bażilika ta’ Santa Maria di Collemaggio fl’Aquila, il-bażilika-katidral ta’ Notre-Dame de Québec, il-katidral ta’ Atri u dak fi New Delhi.

Waqt il-Ġublew Straordinarju tal-2015, il-Papa Franġisku ta li l-ftuħ tal-Bieb Imqaddes isir ukoll fil-knejjes katidrali tal-Knejjes lokali u ħalla f’idejn kull djoċesi li tagħżel Bibien Imqaddsa f’postijiet oħra.