Laikos

Aktar dwar il-Ġublew 2025 ...

Verżjoni sħiħa ...

 

Verżjoni mqassra bla salmi ...

     Verżjoni sħiħa (a5)   ...

ĊELEBRAZZJONI TAL-KELMA

It-Twelid tal-Iben ta’ Alla u bidu tal-Ġublew 2025

Pellegrini tat-Tama

 

Fil-lejl li fih il-Knisja tfakkar it-twelid ta’ Ġesù, il-Kelma ta' Alla li sar bniedem biex ikun wieħed minna, din is-sena huwa wkoll il-lejl li fih qed tagħti bidu għas-Sena Mqaddsa, il-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama

Is-Salmi li hawn f’kull taqsima jistgħu jitħallew barra, skont it-tul ta’ ħin li jkun disponibbli għaċ-ċelebrazzjoni. Anke l-Innijiet tal-Milied, jistgħu jsiru biss skont kemm il-ħin ikun jippermetti.

 

DAĦLA

Kull sena f’dan il-lejl, il-Knisja tfakkarna fl-akbar ġrajja li qatt seħħet fl-umanità. Wara li disa’ xhur qabel, tfajla fqajra mir-raħal ta’ Nazaret kienet wieġbet “iva” għall-istedina ta’ Alla, wara sensiela ta’ ġrajjiet oħra li seħħew wara dakinhar u li tant drabi qrajna dwarhom fl-evanġelju, b’mod speċjali f’dak skont San Luqa, illum qegħdin nerġgħu nfakkru dan it-twelid waħdieni, minn Omm Verġni, twelid li kien imwiegħed minn Alla nnifsu sa mill-bidunett tal-ġrajja umana.

Illum ukoll, fil-belt ta’ Ruma, sewwasew fuq l-artal li taħtu hemm midfun Xmun Pietru, il-Prinċep tal-Appostli, l-istess suċċessur tiegħu, il-Papa Franġisku qed jagħti bidu għal grajja ta’importanza kbira, spiritwali, ekkleżjali u soċjali. Huwa l-bidu ta’ sena ta’ grazzja speċjali, ikkaratterizzata mill-maħfra tad-dnubiet u, b’mod partikulari, mill-indulġenza, li hija espressjoni sħiħa tal-ħniena ta’ Alla.

Bħalissa, il-Papa Franġisku, qed jiftaħ il-Bieb Imqaddes, u hekk jagħti bidu għall-Ġublew tas-Sena 2025, bit-tema “Pellegrini tat-Tama”. Minn meta l-Papa Bonifaċju VIII, fl-1300, waqqaf l-ewwel Sena Mqaddsa, il-Ġublew baqa’ jitfakkar l-ewwel kull mitt sena, imbagħad, fuq il-mudell bibliku – kull ħamsin, sakemm illum fi żmienna, il-Knisja tiċċelebrah kull ħamsa u għoxrin sena. Minkejja dan, il-papa jista’ wkoll isejjaħ Ġublew Straordinarju, għax ikun barra minn żmienu. Dan eżatt kif kien għamel il-Papa Franġisku fl-2015-2016, bil-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena.

Minħabba li huwa ċelebrazzjoni speċjali tal-miġja ta’ Kristu fostna, kull ġublew ikun imniedi uffiċjalment fil-Vatikan propju bħal-lum, il-lejl tal-Milied Imqaddes. Imbagħad, f’kull djoċesi oħra madwar id-dinja, iċ-ċelebrazzjoni tal-bidu ta’ din is-Sena Mqaddsa, ser issir mill-Isqof tal-post innifsu nhar il-Ħadd 29 ta’ Diċembru.

Iċ-ċelebrazzjonijiet kollha li ser isiru matul din is-sena ta’ ġublew, bħal kull ċelebrazzjoni liturġika fi ħdan il-Knisja, huma mimlija simboliżmu. Huma sinjali, kif wara kollox huma s-Sagramenti nfushom.  Imma minkejja d-diversità tagħhom, huma kollha jindirizzawna lejl Kristu. Huwa fih li tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità. Huwa meta nkunu magħqudin miegħu li jista’ jkollna sehem mill-milja tiegħu. Hu li hu r-Ras. (ara Kolossin 2:9)

Ħa ningħaqdu issa, aħna wkoll, mal-Missier tagħna l-Papa Franġisku u mal-Knisja universali kollha, billi nħejju ruħna spitwalment, biex nhar il-Ħadd li ġej, flimkien mal-Arċisqof tagħna, nidħlu f’din is-sena ta’ grazzja speċjali.

 

(Innu tal-Milied)
 

† Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.  (1Samwel 3:9)

 

L-EWWEL TAQSIMA

Kristu huwa l-Verb jew il-Kelma tal-Missier

 Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

(Ġwanni 1:1-4, 14)

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma' Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma' Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih … U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Meditazzjoni

Kristu huwa l-Kelma tal-Missier. Hu l-Kelma mlissna minn Alla fil-bidu tal-ħolqien. Jum wara jum, kien lissen fl-eżisentza lill-ħolqien kollu, inkluż lill-bniedem.  Bil-Kelma tiegħu sar kollox mix-xejn; il-ħxejjex, l-annimali, il-bniedem, l-univers kollu.

Kull ma sar kellu l-ħajja fih, anke jiena u inti. Kull waħda u kull wieħed minna sar permezz tiegħu. Kristu huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kull eżistenza.  Huwa l-Alfa u l-Omega. Huwa ċ-ċentru ta’ ħajjitna, kemm bħala individwi, kif ukoll bħala Knisja, bħala soċjetà, u bħala umanità.

Nista’ jiena llum nistqarr tassew li naf l-eżistenza kollha tiegħi lil Ġesù Kristu? Nista’ onestament ngħid li ħajti hija ċċentarta fuqu? Li huwa l-bidu u t-tmiem tiegħi?

Fit-twelid ta’ Ġesù, Alla ried li l-Anġli tiegħu jkunu messaġgiera tal-paċi lir-rgħajja. Illum Huwa qed jistieden lilna biex inwasslu l-istess messaġġ lill-bnedmin kollha u naħdmu favur dik il-paċi vera li l-umanità tant għandha bżonn.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

(Salmi 33:1-6)

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

 

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b'għaxar kordi.

 

Għannulu għanja ġdida;
doqqulu bis-sengħa u b'leħen qawwi.

 

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.

 

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

 

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b'nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

 

Talb mill-Komunità

Il-Kelma ta’ Alla saret bniedem bħalna, tfajjel dgħajjef, imfittex għall-mewt sa minn twelidu. Huwa ġie fostna biex ikun għalina l-Kelma tat-Tama tal-Missier. Nitolbuh ħerqana u ngħidulu flimkien: Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.   

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Missier Qaddis, fil-bidu taż-żmien, inti bil-Kelma tiegħek, ħlaqt mix-xejn is-sema u l-art u kulma fihom. Għinna nitolbuk, biex aħna lkoll inħarsu u nirrispettaw dan il-ħolqien tiegħek, għaliex fih, aħna msejħa biex nilmħu lilek. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Missier Qaddis, bil-Kelma tiegħek inti ħlaqt lil bniedem, raġel u mara, u hekk għamilthom xbieha tiegħek u seħibthom miegħek fl-opra tal-ħolqien. Għinna nitolbuk, sabiex permezz tal-Kelma tiegħek, aħna nkomplu niskopru xbihatek fina nfusna, u nħarsuha. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Missier Qaddis, fl-imgħoddi, inti kellimt lil missirijietna ħafna drabi u b'ħafna manjieri permezz tal-profeti, sakemm fil-milja taż-żmien inti kellimtna permezz ta’ Ibnek stess. Għinna nitolbuk li aħna nkunu dejjem fidili għal din il-Kelma li tajtna. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Missier Qaddis, permezz tal-Anġli, inti wassalt il-kelma tiegħek lir-rgħajja ta’ Betlehem.  Għinna nitolbuk sabiex aħna wkoll insiru bħal anġli fost ħutna u biex bil-kliem ta’ kuraġġ u faraġ li nlissnu, inkunu strumenti tal-paċi tiegħek fid-dinja. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

O Alla Missier, fl-imħabba kbira tiegħek għalina uliedek, inti tajtna lil Ibnek mhux biss biex jwasslilna l-kelma tiegħek, imma biex huwa nnifsu jkun l-istess Kelma. Iftħilna qalbna nitolbuk biex nimxu ħajjitna kollha ma’ dak li għidtilna permezz tiegħu u permezz tal-Ispirtu s-Santu, li magħkom jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

(Innu tal-Milied)

  

 

IT-TIENI TAQSIMA

Kristu huwa d-Dawl

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  

(Ġenesi 1:1-5)

Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta' Alla. U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl!” U d-dawl sar. U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Meditazzjoni

Forsi nistħajjel li d-dawl li ħalaq Alla fl-ewwel jum tal-ħolqien kien dak tax-xemx. Imma jekk inkompli insegwi r-rakkont tal-Ġenesi, mill-ewwel nintebaħ li x-xemx, Alla ħalaqha fir-raba’ jum (ara Ġenesi 1:14-19) Mela dwar liema dawl, maħluq minn Alla fil-bidu nett tal-ħolqien, tkellem l-awtur sagru?

It-tweġiba jagħtihilna Kristu nnisfu, “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja."  (Ġwanni 8:12)  

Aktar qabel, fejn l-awtur bibliku kiteb dwar il-prekursur ta’ Ġesù, naqraw li Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja.”  (Ġwanni 1:8-9)

Imbagħad ikompli l-evanġelista, “Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.”  (Ġwanni 1:10-12)

Il-Kelma jew il-Verb li kollox sar bih, u d-Dawl li jsemmi l-istess awtur fl-istess kapitlu, huma referenza għall-istess persuna.  Huma l-istess Kristu nnifsu, il-Kelma ta’ Alla u d-Dawl tad-dinja.

Nista’ onestament ngħid li Kristu huwa l-uniku Dawl li lili jdawwalli ħajti?

 

Fit-twelid ta’ Ġesù, il-Maġi għarfu fid-dawl tal-kewkba, sinjal li jurihom it-triq għal għandu. Lesti llum niftħu għajnejna u qalbna għal tant sinjali li s-Sema kontinwament tagħtina biex juruna t-triq għal Kristu, id-Dawl veru tagħna.

Ftit mumenti ta’ skiet

 


 

 

(Salmi 27:1-4)

Il-Mulej hu d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża'?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer?

 

Meta jqumu għalija l-ħżiena,
biex jaħtfuni u jikluni,
dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi,
huma jitfixklu u jaqgħu.

 

Mqar jekk eżerċtu jqum għalija,
xejn ma tibża' qalbi;
mqar jekk gwerra tqum kontrija,
jiena nibqa' qalbi qawwija.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,
ħaġa waħda nfittex:
li ngħammar f'dar il-Mulej
tul il-jiem kollha ta' ħajti;
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.

 

Talb mill-Komunità

Kristu li huwa d-Dawl tal-Missier li ġie fostna biex idawwlilna ħajjitna. Imma spiss, aħna ħabbejna aktar id-dlam.  Ħa nitolbuh flimkien u ngħudulu: Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Sabiex il-Knisja tagħraf takkumpanja bid-dawl tal-Evanġelju lil kull min iħossu għaddej minn mumenti ta’ dlam. Nitolbu

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Sabiex bid-dawl tal-Kristu, il-Knisja tkun xhud għall mexxejja kollha tal-ġnus, ħalli huma jagħrfu jużaw ir-riżorsi ta' pajjiżhom għall-paċi u mhux għall-qerda li ġġib magħha l-gwerra. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Sabiex b’ħarsitna kontinwament fuq Kristu Ġesù, li huwa d-Dawl tagħna, nkunu aħna wkoll strumenti li ndawwlu tant dlamijiet li qed jaħkmu l-umanità ta’ żmienna, mhux bid-dawl tagħna, imma b’dak li nirċievu mill-Imgħallem tagħna. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Sabiex kif il-kewkba kienet għall-Maġi dawl li uriethom it-triq għal għand il-Messija, hekk ukoll aħna naslu li fil-ħolqien ta’ madwarna nilmħu dawl li jurina wiċċ il-Ħallieq. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Missier Tajjeb, għinna biex qatt ma ndawru ħarsitna minn fuq Ibnek, li tajtulna biex ikun id-dawl li jurina wiċċek. Nitolbu dan permezz tal-Ispirtu s-Santu li miegħek jgħix u jsaltan għal dejjem ta' dejjem. Ammen.

 

(Innu tal-Milied)
 

IT-TIELET TAQSIMA

Kristu huwa l-Bieb

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann.  

(Ġwanni 10:9-10)

Dakinhar qalilhom Ġesù, “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.”

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Meditazzjoni

Wieħed mis-simboli l-aktar prominenti matul kull Ġublew huwa l-Bieb Imqaddes, jew kif nafuh ukoll, il-Porta Santa. Huwa bieb li normalment jinżamm magħluq, u jinfetaħ biss matul is-snin ta’ ġublew.

Il-Bieb Imqaddes huwa xbieha ta’ Kristu. Kien Ġesù stess li qal, “Jiena l-Bieb”. Imma bħal kull sinjal ieħor, anke l-Bieb tal-Ġublew, huwa limitat fis-simboliżmu tiegħu.  Il-Porta Santa, tinfetaħ biss matul il-ġublew, imma l-Bieb tagħna li huwa Kristu, huwa dejjem miftuħ beraħ għal kull min irid jidħol jew joħroġ. 

Il-Bieb tal-Ġublew, qiegħed biss Ruma u f’xi bażiliċi jew santwarji oħra, imma Kristu jinsab kullimkien. Għalhekk, kull bieb li jwassalni għand Kristu, huwa għalija Bieb Imqaddes. Jekk nilmaħ lil Kristu fil-persuna tal-ġâr tiegħi, tal-marid, tal-fqir u l-batut, tal-ħabsi, tar-refuġjat, allura l-bieb ta’ darhom huwa wkoll għalija, bieb imqaddes.

Imbagħad, għal dawk li lanqas bieb ma’ għandhom, għax m’għandhomx kenn ta’ saqaf fejn jgħixu, allura għalihom u għalija, il-bieb imqaddes jista’ jsir il-bieb ta’ dari stess.  Meta nilqa’ lilhom, inkun qed nilqa’ lil Kristu nnifsu.

Ħa nidħlu lkoll minn dan il-Bieb Imqaddes li huwa Kristu għaliex huwa stess wegħedna, “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.  (Mattew 11:28)

 

Fost tant personaġġi li llum inpoġġu fil-presepji u f’xeni oħra tal-Milied, wieħed li forsi qatt ma jidher huwa sid l-istalla tal-annimali, li mill-ftit li kellu offra kenn lill-Familja Mqaddsa.  Illum ukoll, fostna hawn min, li bil-moħbi u bla daqq ta’ trombi jgħin mill-aħjar li jista’ lil persuni u lill-familji li tant għandhom bżonn. Hemm xi mod, kif jiena wkoll nibda nagħmel l-istess?

 

Ftit mumenti ta’ skiet

 

(Salmi 118:19-27)

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja;
ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.
Dan hu bieb il-Mulej;
il-ġusti jidħlu minnu.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni
u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.

 

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f'għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!
Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!
Mbierek minn ġej f'isem il-Mulej!

 

Inberkukom minn dar il-Mulej.
Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna.
Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom sa ħdejn l-artal.

 

Talb mill-Komunità

Bid-dnub ta' kull wieħed u kull waħda minna, aħna tlaqna minn dar il-Missier u sabbatna f'wiċċna stess il-bieb li ħriġna minnu. Imma Ħuna l-kbir, Kristu Ġesù, infetaħ huwa stess għalina bħala Bieb Qaddis, biex minnu nistgħu  nidħlu lura minn fejn konna tlaqna. Ħa nitolbuh flimkien u ngħidulu: Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Sabiex bl-eżempju ħazin tagħna, ma nkunu qatt aħna stess dawk li nagħalqu għal ħutna l-bieb għad-dar tal-Missier, kif darba kien ried jagħmel l-iben il-kbir tal-parabbola meta ħuh iż-żgħir irritorna lura. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Sabiex nifhmu li l-bieb tassew tagħna li huwa Kristu, mhux qiegħed hemm biex isakkarna ʼl gewwa minnu, imma jinsab dejjem miftuħ beraħ, kontinwament jistedinna, saħansitra biex noħorgu nfittxu lil dawk fost ħutna li tilfu triqthom lura. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Sabiex it-tlellix li joffrulna bibien oħra, ma jxekkilna qatt fl-għażliet li nagħmlu tul il-mixja tal-ħajja tagħna. Nitolbu. 

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Sabiex hekk kif sid l-istalla ta’ Betlehem offra mill-faqar tiegħu kenn lill-Familja Mqaddsa, ħa noffru, aħna wkoll, kenn lil dawk li jfixxuh f’pajjiżna u ma nagħlqulhomx il-bieb f’wiċċhom kif kien għamel sid il-lukanda f’wiċċ Marija u Ġużeppi. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Missier Ħanin, fl-imħabba kbira tiegħek għalina, inti bgħattilna lil Ibnek bħala l-Bieb tassew, sabiex kull min jagħzel lilu, jista’ jidħol u joħroġ u jsib il-mergħa. Kompli għatina nitolbok l-Ispirtu Qaddis tiegħek biex jgħinna fl-għażliet li nagħmlu. Ammen.

 

(Innu tal-Milied)
 

IR-RABA’ TAQSIMA

Kristu huwa t-Triq

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann.

(Ġwanni 14:1-7)

Darba, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f'Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta' Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa' niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.”

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa 'l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh.”

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Meditazzjoni

Sa mit-Testment il-Qadim, kull ġublew kien dejjem marbut ukoll ma’ pellegrinaġġ fiżiku. Anke fl-istorja tal-Knisja, matul il-ġublew bosta jmorru pellegrinaġġ lejn xi knisja ġubilari jew xi lok imqaddes ieħor. Il-Ġublew tas-Sena 2025, għandu t-tema tal-pellegrinaġġ imsemmija bħala parti integrali tal-motto magħżul mill-Papa Franġisku, Pellegrini tat-Tama.

Madankollu rridu nkomplu nżommu f’moħħna u f’qalbna, li la Kristu huwa t-Triq, allura l-pellegrinaġġ tassew mhuwiex xi mixja fiżika jew mawra lejn xi lok ta’ qima, imma nkunu tassew pellegrini tat-tama, jekk il-mixja tal-ħajja tagħna, nimxuha permezz tiegħu, u miegħu u fih. 

Il-pellegrinaġġ tat-tama veru, ma jsirx biss matul is-sena tal-ġublew, imma tul ħajjitna kollha.  Il-pellegrinaġġ tat-tama veru ma’ nistgħux nagħmluh aħna l-insara waħedna, imma mal-umanità kollha.  Kristu huwa t-Triq għalina lkoll.

Għaliex huwa t-Triq, allura Kristu huwa wkoll l-ewwel Pellegrin tat-Tama tagħna. Meta aħna, l-istess bħall-iben iż-żgħir tal-parabbola, tlaqna mid-dar tal-Missier u minħabba d-dnub tagħna komplejna nitbiegħdu minnu u tlifna triqitna lura,  kien Kristu, ħuna l-kbir, li bil-maqlub ta’ dak li kien għamel l-iben il-kbir fl-istess parabbola ta’ Ġesù, ħalla dar Missieru, ġie fostna, sar wieħed minna, biex lilna jurina triqitna lura.

Qal lill-Appostli, u lilna, “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa' niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.”

 

Fiċ-ċentru tal-ġrajja tal-Milied, nilmħu l-Familja ta’ Nazaret. Elfejn sena ta’ kristjaneżmu ssawru fuq il-ġrajja ta’ dik il-familja.  Anke l-Ġublew innifsu li mal-Knisja kollha ser nibdew niċċelbraw, huwa tifkira solenni ta’ kull ma għexet dakinhar dik il-familja.  Anke fil-bidu nett tal-istorja umana, Alla sawwar ġrajjiet il-bniedem fuq familja ta’ raġel u mara u uliedhom.

Illum, jiena qatt ħsibt li Alla għandu pjanijiet kbar ta’ mħabba anke għall-familja tiegħi?  Lest li minn issa stess nafdalu familti f’idejh?

Ftit mumenti ta’ skiet

 

(Salmi 23:1-6)
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

 

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni.Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.

 

Mqar jekk nimxi f'wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni.

 

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta' ħajti.
U ngħammar f'dar il-Mulej
sakemm indum ħaj!

 

Talb mill-Komunità

Kristu Ġesù mhux biss huwa l-Kelma li tiggwida ħajjitna, mhux biss huwa d-Dawl li jdawwlilna mixjietna, mhux biss huwa l-Bieb li minnu rridu nidħlu lura fid-dar ta’ Missierna, imma huwa wkoll għalina, it-Triq li fiha rridu nimxu.  Ejjew flimkien, nitolbuh u ngħidulu: Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Nitolbu għall-mexxejja tal-Knisja, biex bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu jkomplu jmexxuna dejjem fit-Triq tas-Salvazzjoni, li hu Kristu Ġesù nnifsu. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Nitolbu għall-mexxejja tal-Ġnus sabiex ilkoll jagħrfu li t-Triq vera għall-umanità hija dik tal-paċi, kif ħabbru l-Anġli fil-lejl tal-Milied lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Nitolbu.

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Nitolbu għall-familji tagħna sabiex hekk kif Ġesù twieled u għix fil-familja ta’ Nazaret, hekk aħna wkoll nagħrfu li l-familja kienet sa mill-bidu nett it-triq tal-għaqda vera għall-bnedmin kollha. Nitolbu

R/. Kristu Ġesù, kun int għalina t-Tama tagħna.

 

Missier Qaddis, Marija u Ġużeppi, imxew minn Nazaret sa Betlehem biex jagħtu lil Binhom bħala t-tama tal-bniedem. Għinna nitolbuk, sabiex inwieġbu għas-sejħa li inti qed tagħmlilna llum permezz tal-Knisja, ħalli bħalhom, insiru aħna wkoll Pellegrini tat-Tama, mhux biss għalina nfusna, imma għall-umanità kollha.

Nitolbu dan permezz ta’ Ibnek u Ħuna, Kristu Sidna li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

(Innu tal-Milied)
 

GĦELUQ

Kristu huwa l-Kelma tal-Missier.

Kristu huwa d-Dawl li jurina t-triq.

Kristu huwa l-Bieb li minnu rridu ngħaddu.

Kristu huwa t-Triq li fih, u miegħu, u bih, irridu nimxu.

Kristu huwa l-ewwel Pellegrin tat-Tama tagħna.

Kristu huwa l-Ġublew tat-Tama tagħna.

 

Dan huwa l-programm tal-Ġublew għalina. Madankollu dan mhux biss għal matul din is-Sena Mqaddsa li qed tibda llum, imma għal matul ħajjitna kollha.

 

Ejjew lkoll flimkien, fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, ningħaqdu ma’ Ommna Marija, f’innu ta’ tifħir lil Alla u magħha nroddulu ħajr tal-ħwejjeġ kbar li għamel magħna permezz ta’ Ibnu Kristu Sidna u permezz tal-Ispirtu s-Santu.

 

 

Magnificat

(Luqa 1:46-55)

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.

 

Huwa xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

 

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Huwa wera l-qawwa ta’ driegħu,

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

 

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,

u għolla ċ-ċkejknin.

 

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.

 

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

 

– bħalma wiegħed lil missirijietna –

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem, ta’ dejjem. Ammen.