Laikos

 

IL-BIEB IMQADDES JISSIMBOLIZZA LIL KRISTU

Il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes huwa rit magħruf u emozjonanti li jimmarka l-bidu tal-Ġublew. L-ewwel data ċerta li nafu biha ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tmur lura għas-sena1500 meta l-Papa Alessandru VI fetaħ il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru.  Huwa Bieb li jkun miftuħ biss matul is-sena tal-ġublew fil-waqt li fis-snin l-oħra, dawk mhux ġubilari, jinżamm mhux biss magħluq, imma wkoll imbarrati bil-ġebel.

Fil-passat il-Papa kien jagħti daqqa ta’ martell fuq il-ġebel li jimbarra l-bieb, imbagħad il-ħaddiema kienu jkomplu jwaqqgħu l-kumplament. Imma biex ikun evitat kull periklu, il-Papa Ġwanni Pawlu II ddeċieda li jibdel ir-rit b’mod li l-ġebel li jimbarra l-bieb jitneħħa minn qabel, imbaghad waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-Papa jimbotta l-bibien bħala ġest simboliku

 

Is-Simboliżmu tal-Bieb Imqaddes

Il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes matul il-Ġublew jissimbolizza l-passaġġ li kull Nisrani jrid jagħmel mid-dnub għall-grazzja.  Imma bla dubju ta' xejn, għalina l-Insara, il-Bieb Imqaddes jirrapreżenta lil Kristu.  Ifakkarna fi kliem Ġesù nnifsu, li naqrawh fl-Evanġelju skont San Ġwann, "Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien." (10:7).  Kristu huwa l-uniku bieb tagħna, imma għax Kristu huwa wieħed, dan ma jfissirx li l-Bieb Imqaddes għandu jkunu wieħed, dak biss tal-Bażilika ta' San Pietru ġewwa l-Vatikan. Tant hu hekk li f'Ruma stess jinfetħu Bibien Imqaddsa f'bażiliċi oħra; dik ta’ San Giovanni fil-Lateran, il-bażilika ta’ San Paolo fuori le mura u dik ta’ Santa Maria Maggiore.

 

Il-Bibien Imqaddsa oħra fid-dinja

Barra minn hekk, fid-dinja hemm Bibien Mqaddsa oħra mogħtija mill-Papa li permezz tagħhom huwa possibbli li min jgħaddi minnhom, u jkun issodisfa l-kundizzjonijiet oħra, jikseb l-Indulġenza tal-Ġublew. Fost dawn il-bibien hemm dak tal-katidral ta’ Santiago de Compostela, tal-bażilika ta’ Santa Maria di Collemaggio fl-Aquila, il-bażilika-katidral ta’ Notre-Dame fi Québec, il-katidral ta’ Atri u dak fi New Delhi.

Imbagħad ukoll, kif niftakru aħna stess, fil-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena fl-2015-2016, il-Papa Franġisku ta l-possibiltà, forsi wkoll ħeġġeġ, li l-ftuħ tal-Bieb Imqaddes isir ukoll fil-knejjes u katidrali tal-Knejjes lokali u ħalla f’idejn kull djoċesi li tagħżel Bibien Imqaddsa f’postijiet oħra.

 

Kristu huwa wieħed

Huwa minnu li l-Bieb Imqaddes huwa xbieha ta' Kristu, imma bħal kull xbieha oħra għandu l-limitazzjonijiet tiegħu fil-konfront tar-realtà li jirrapreżenta.  Kristu huwa wieħed, imma dan ma jfissirx li għandu jkun hemm Bieb Imqaddes wieħed biss ghaliex waqt li l-preżenza tal-bieb ta' bażilika jew katidral hija limitata f'post wieħed partikolari, imma Kristu huwa preżenti f'kull komunità, saħansitra anke kif qal hu stess kull fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f'ismu [Mt:18:20].

Ma nistgħux inxekklu l-grazzji li Alla jrid iqassam lill-poplu kollu u nillimitawhom biss għal dawk li ser ikollhom l-opportunità li jmorru Ruma.  Hemm tant u tant persuni li għal raġunijiet diversi qatt mhu ser ikollhom l-iċken possibiltà li jivjaġġaw.  Matul l-aħħar Ġublew straordinarju, meta l-Papa Franġisku żar id-detenuti tal-Ħabs Regina Coeli awguralhom li t-talb u x-xewqa li jersqu lejn il-Missier jgħinuhom ħalli kull darba li jaqsmu l-għatba taċ-ċella tagħhom, dan ikun ifisser għalihom il-passaġġ mill-Bieb Imqaddes. Għax il-ħniena ta’ Alla kapaċi tbiddel il-qlub, u kapaċi wkoll tittrasforma l-vireg tal-għeluq f’esperjenza ta’ libertà.

 

Jalla li bħala Knisja nkunu kapaċi noħolmu u noffru modi biex iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-2025, Pellegrini tat-Tama, tasal lil kulħadd, saħansitra lil dawk li ma jistgħu qatt iħallu l-bieb ta' darhom jew saħansitra ta' kamrithom.

 

Minn Joe Farrugia