WERREJ

 

Bla fruntieri [3-9]

 

L-EWWEL KAPITLU [10-56]

ID-DELLIJIET TA’ DINJA MAGĦLUQA

 

Ħolm li jiġi fix-xejn [10-12]

Tmiem għall-kuxjenza storika [13-14]

Mingħajr proġett għal kulħadd [15-17]

L-iskart dinji [18-21]

Drittijiet umani li mhumiex mifruxin biżżejjed ma’ kullimkien [22-24]

Kunflitt u biża’ [25-28]

Globalizzazzjoni u progress mingħajr rotta waħda [29-31]

Il-pandemiji u flaġelli oħra tal-istorja [32-36]

Mingħajr dinjità umana fuq il-fruntieri [37-41]

L-illużjoni tal-komunikazzjoni [42-43]

Aggressività bla mistħija ta’ xejn [44-46]

Tagħrif mingħajr għerf [47-50]

Sottomissjoni u stmerrija tagħna nfusna [51-53]

Tama [54-56]

 

IT-TIENI KAPITLU [57-87]

BARRANI FIT-TRIQ

 

L-isfond [57-62]

Il-mitluq [63-68]

Storja li tirrepeti ruħha [69-71]

Il-persunaġġi [72-76]

Nerġgħu nibdew mill-ġdid [77-79]

Il-proxxmu bla fruntieri [80-83]

Is-sejħa tal-barrani [84-87]

 

IT-TIELET KAPITLU [88-128]

NAĦSBU U NNISSLU DINJA MIFTUĦA

 

Lil hinn minna nfusna [88-90]

Il-valur waħdieni tal-imħabba [91-94]

Il-ftuħ ftit ftit għall-imħabba [95-96]

Soċjetajiet miftuħa li jintegraw lil kulħadd [97-98]

Għarfien żbaljat ta’ mħabba universali [99-100]

Immorru lil hemm minn dinja ta’ soċji [101-102]

Libertà, ugwaljanza u fraternità [103-105]

Imħabba universali li tippromovi l-persuni [106-111]

Nippromovu l-ġid morali [112-113]

Il-valur tas-solidarjetà [114-117]

Nipproponu mill-ġdid il-funzjoni soċjali tal-proprjetà [118-120]

Drittijiet bla fruntieri [121-123]

Drittijiet tal-popli [124-128]

 

IR-RABA’ KAPITLU [129-154]

QALB MIFTUĦA GĦAD-DINJA KOLLHA

 

Il-limiti tal-fruntieri [129-132]

Id-doni reċiproċi [133-136]

Il-qsim għammiel ma’ xulxin [137-138]

Gratwità li tilqa’ [139-141]

Lokali u universali [142]

It-togħma lokali [143-145]

Ix-xefaq universali [146-150]

Mir-reġjun tagħna [151-154]

 

IL-ĦAMES KAPITLU [155-198]

L-AĦJAR POLITIKA

 

Populiżmi u liberaliżmi [155]

Popolari jew populista [156-162]

Valuri u limiti tal-viżjonijiet liberali [163-169]

Il-poter internazzjonali [170-175]

Karità soċjali u politika [176]

Il-politika li għandna bżonn [177-179]

L-imħabba politika [180-182]

Imħabba effikaċi [183-185]

Il-ħidma tal-imħabba politika [186]

Is-sagrifiċċji tal-imħabba [187-189]

Imħabba li tintegra u tiġbor flimkien [190-192]

Iktar riżultati li jħallu l-frott [193-198]

 

IS-SITT KAPITLU [199-225]

DJALOGU U ĦBIBERIJA SOĊJALI

 

Id-djalogu soċjali lejn kultura ġdida [199-202]

Nibnu flimkien [203-205]

Bażi għal kunsens [206-210]

Il-kunsens u l-verità [211-214]

Kultura ġdida [215]

Il-laqgħa ssir kultura [216-217]

Il-gost li nagħrfu lill-ieħor [218-221]

Nerġgħu nsibu l-ħlewwa [222-225]

 

IS-SEBA’ KAPITLU [226-271]

TOROQ GĦAL LAQGĦA ĠDIDA

 

Nerġgħu nibdew mill-verità [226-227]

L-arkitettura u l-artiġjanat tal-paċi [228-232]

L-ewwel u qabel kollox maċ-ċkejknin [233-235]

Il-valur u t-tifsira tal-maħfra [236]

Il-kunflitt inevitabbli [237-240]

It-tilwim leġittimu u l-maħfra [241-243]

Ir-rebħa vera [244-245]

Il-memorja [246-249]

Naħfru mingħajr ma ninsew [250-254]

Il-gwerra u l-piena tal-mewt [255]

L-inġustizzja tal-gwerra [256-262]

Il-piena tal-mewt [263-271]

 

IT-TMIEN KAPITLU [272-285]

IR-RELIĠJONIJIET GĦAS-SERVIZZ TAL-FRATERNITÀ FID-DINJA

 

Il-bażi aħħarija [272-276]

L-identità Nisranija [277-280]

Reliġjon u vjolenza [281-284]

Sejħa [285]

 

Talba lill-Ħallieq

Talba Kristjana ekumenika

 


 

ITTRA ENĊIKLIKA

FRATELLI TUTTI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

DWAR IL-FRATERNITÀ U L-ĦBIBERIJA SOĊJALI

 

1. Fratelli tutti[1] kiteb San Franġisk ta’ Assisi meta indirizza lil ħutu kollha rġiel u nisa u pproponielhom għamla ta’ ħajja li għandha t-togħma tal-Evanġelju. Minn fost il-pariri tiegħu nixtieq insemmi wieħed, li bih jistieden għal imħabba li tmur lil hemm mill-fruntieri tal-ġografija u tal-ispazju. Hawn hu jsejjaħ hieni lil min iħobb lill-ieħor “meta dan ikun jinsab ’il bogħod, daqskemm meta kien qrib tiegħu”.[2] B’dawn il-ftit kelmiet sempliċi huwa fisser l-essenzjal ta’ fraternità miftuħa, li biha nistgħu nagħrfu, napprezzaw u nħobbu lil kull persuna lil hemm minn kemm tkun fiżikament qrib tagħna, lil hemm mill-post fid-dinja fejn twieldet jew fejn tgħix.

 

2. Dan il-Qaddis tal-imħabba fraterna, tas-sempliċità u tal-ferħ, li nebbaħni nikteb l-Enċiklika Laudato si’, mill-ġdid qanqalni biex niddedika din l-Enċiklika ġdida għall-fraternità u għall-ħbiberija soċjali. Fil-fatt San Franġisk, li kien iqis lix-xemx, il-baħar u r-riħ bħala ħutu, kien jaf li iżjed u iżjed kien imxierek ma’ dawk li kellhom l-istess ġisem bħal tiegħu. Kullimkien huwa żera’ l-paċi u mexa maġenb il-foqra, l-imwarrbin, il-morda, il-mormija, dawk tal-aħħar post.

 

Bla fruntieri

3. Hemm ġrajja mill-ħajja tiegħu li turina kemm qalbu ma kellhiex konfini, kemm kien kapaċi jaqbeż id-distanzi tal-oriġni, in-nazzjonalità, il-lewn tal-ġilda jew ir-reliġjon. Hija ż-żjara tiegħu lis-Sultan Malik-al-Kamil fl-Eġittu, żjara li talbet minnu sforz kbir minħabba fil-faqar tiegħu, fil-ftit riżorsi li kellu f’idejh, fid-distanza u fid-differenza tal-ilsien, il-kultura u t-twemmin. Dan il-vjaġġ, f’dak il-waqt storiku mmarkat mill-Kruċjati, wera fuq li wera l-kobor tal-imħabba li ried iħaddan, mixtieq li jgħannaq miegħu lil kulħadd. Il-fedeltà lejn Sidu kien isarrafha fl-imħabba għall-aħwa. Mingħajr ma warrab għall-ġenb id-diffikultajiet u l-perikli, San Franġisk mar jiltaqa’ mas-Sultan bl-istess imġiba li kien jitlob mid-dixxipli tiegħu: li, mingħajr ma jiċħdu l-identità tagħhom, meta jsibu ruħhom “fost is-saraċini u infidili oħrajn […], jaħarbu kull tilwim u diskussjonijiet fiergħa bejniethom, imma għandhom joqogħdu għal kull kreatura umana minħabba f’Alla”.[3] F’dak il-kuntest din kienet talba straordinarja. Jolqotna l-fatt li, tmien mitt sena ilu, Franġisku kien tal-fehma li kellhom jevitaw kull xejra ta’ vjolenza jew tilwim u anki li jgħixu “sottomissjoni” umli u fraterna, imqar lejn dawk li ma kinux tal-istess fidi tagħhom.

 

4. Hu ma kienx jagħmel gwerra djalettika billi jimponi duttrini, imma kien iwassal l-imħabba ta’ Alla. Kien fehem li “Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih” (1 Ġw 4:16). Hekk hu kien missier għammiel li ta l-ħajja lil ħolma ta’ soċjetà fraterna, għax “jista’ jsir tassew missier biss dak il-bniedem li jaċċetta li jersaq qrib tal-persuni l-oħra fl-istess moviment tagħhom, mhux biex iżommhom f’tiegħu, imma biex jgħinhom ikunu iżjed huma nfushom”.[4] F’dik id-dinja miżgħuda b’torrijiet tal-għassa u ħitan ta’ difiża, l-ibliet kienu għaddejjin minn gwerer imdemmija bejn familji setgħana, waqt li kienu qed iżidu joktru ż-żoni miżerabbli tal-periferiji esklużi. Hemm Franġisku laqa’ ġo qalbu s-sliem veru, ħassu meħlus minn kull xewqa ta’ ħakma fuq l-oħrajn, sar wieħed mill-ifqar fost il-fqar u fittex li jgħix f’armonija ma’ kulħadd. Lilu nafuha l-motivazzjoni wara dawn il-paġni.

 

5. Il-kwistjonijiet marbuta mal-fraternità u l-ħbiberija soċjali minn dejjem kienu fit-tħassib tiegħi. Fl-aħħar snin kemm-il darba u f’diversi postijiet irreferejt għalihom. Ridt niġbor f’din l-Enċiklika bosta minn dawn l-interventi u nqegħedhom f’qafas usa’ ta’ riflessjoni. Barra dan, jekk fit-tifsil tal-Laudato si’ sibt bħala għajn ta’ tnebbiħ lil ħija Bartilmew, il-Patrijarka Ortodoss li ppropona b’ċerta qawwa l-għożża tal-ħolqien, f’dan il-każ ħassejtni mħeġġeġ b’mod speċjali mill-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tayyeb, li miegħu ltqajt f’Abu Dhabi biex infakkru li Alla “ħalaq lill-bnedmin kollha ndaqs fid-drittijiet, fid-dmirijiet u fid-dinjità, u sejħilhom biex jgħixu bejniethom bħal aħwa”.[5] Dan ma kienx xi sempliċi att diplomatiku, imma riflessjoni mwettqa fid-djalogu u l-impenn li ħadna flimkien. Din l-Enċiklika tiġbor u tiżviluppa temi kbar esposti f’dak id-Dokument li ffirmajna ma’ xulxin. U hawn addottajt ukoll, bil-lingwaġġ tiegħi, għadd ta’ dokumenti u ittri li rċivejt minn tant persuni u gruppi mid-dinja kollha.

 

6. Il-paġni li ġejjin m’għandhom l-ebda pretensjoni li jiġbru t-tagħlim kollu fuq l-imħabba fraterna, imma jridu jieqfu fuq id-dimensjoni universali tagħha, fuq il-ftuħ tagħha għal kulħadd. Qed noffri din l-Enċiklika soċjali bħala kontribut umli għar-riflessjoni biex, quddiem id-diversi modi ta’ eliminazzjoni u twarrib tal-oħrajn fi żmienna, ikollna l-ħila li nirreaġixxu b’ħolma ġdida ta’ fraternità u ta’ ħbiberija soċjali li ma tillimitax ruħha għall-kliem biss. Imqar jekk ktibtha skont il-konvinzjonijiet Insara tiegħi, li jagħtuni l-ħajja u jsaħħuni, dan fittixt li nagħmlu b’mod li r-riflessjoni tinfetaħ għad-djalogu mal-persuni kollha ta’ rieda tajba.

 

7. Sewwasew jiena u nikteb din l-ittra, faqqgħet b’mod xejn mistenni l-pandemija tal-Covid-19, li kixfet iċ-ċertezzi foloz tagħna. Lil hemm mill-ħafna tweġibiet li taw id-diversi pajjiżi, ħareġ ċar in-nuqqas ta’ ħila tagħna li naġixxu flimkien. Minkejja x-xibka kbira ta’ konnettività, dehret frammentazzjoni li għamlithielna iżjed diffiċli li nsewwu l-problemi li jmissuna lkoll. Jekk hemm xi ħadd qed jaħseb li biżżejjed inħaddmu aħjar dak li konna nagħmlu diġà, jew li l-uniku messaġġ hu li rridu ntejbu s-sistemi u r-regoli li diġà kienu jeżistu, qed jiċħad ir-realtà.

 

8. Nixtieq ħafna li, f’dan iż-żmien li ngħatajna li ngħixu, waqt li nagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna umana, nistgħu nwelldu fost kulħadd xewqa dinjija għall-fraternità. Fost kulħadd: “Dan hu sigriet sabiħ biex nistgħu noħolmu u nagħmlu minn ħajjitna avventura sabiħa. Ħadd ma jista’ jaffronta l-ħajja b’mod iżolat […]. Hemm bżonn ta’ komunità li tweżinna, li tgħinna u li fiha ngħinu lil xulxin inħarsu ’l quddiem. Kemm hu importanti noħolmu flimkien! […] Waħidna nkunu nirriskjaw li jkollna l-illużjonijiet, għax nibda nara dak li ma hemmx; imma flimkien nistgħu nibnu l-ħolm”.[6] Noħolmu bħala umanità waħda, bħala vjaġġaturi mlibbsa bl-istess ġisem uman, bħala wlied ta’ din l-istess art li tilqagħna lkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda bl-għana tal-fidi tiegħu jew tal-konvinzjonijiet tiegħu, kull wieħed u waħda bil-leħen tiegħu, ilkoll aħwa!


 

L-EWWEL KAPITLU

ID-DELLIJIET TA’ DINJA MAGĦLUQA

 

9. Mingħajr ma nippretendi li nista’ nagħmel xi analiżi kompluta u lanqas li nħares lejn l-aspetti kollha tar-realtà li qed ngħixu, qiegħed biss nipproponi li nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq xi tendenzi tad-dinja ta’ żmienna li qed ixekklu l-iżvilupp tal-fraternità universali.

 

Ħolm li jiġi fix-xejn

10. Għal għexieren ta’ snin deher bħallikieku d-dinja kienet tgħallmitha l-lezzjoni minn tant gwerer u fallimenti, u kienet miexja bil-mod il-mod lejn bosta xorta ta’ integrazzjoni. Ngħidu aħna, żviluppat il-ħolma ta’ Ewropa magħquda, li għandha l-ħila tagħraf l-għeruq komuni tagħha u tifraħ bid-diversità li hemm fiha. Taħbat ma’ moħħna “l-konvinzjoni soda tal-Missirijiet fundaturi tal-Unjoni Ewropea, li xtaqu futur mibni fuq il-ħila li naħdmu flimkien biex nistgħu negħlbu l-firdiet u nħabirku għall-paċi u l-komunjoni bejn il-popli kollha tal-kontinent”.[7] Bl-istess mod issaħħet ix-xewqa għal integrazzjoni tal-kontinent tal-Amerika Latina u bdew isiru xi passi. F’pajjiżi u reġjuni oħra kien hemm tentattivi ta’ paċifikazzjoni u tqarrib li ħasdu l-frott u oħrajn li dehru promettenti.

 

11. Imma l-istorja qed turi sinjali li rġajna qbadna t-triq lura. Qed jitkebbsu kunflitti anakronistiċi li ħsibna li kienu ġew megħluba, qed jixirfu mill-ġdid nazzjonaliżmi magħluqa, ta’ swied il-qalb, mimlija rabja u vjolenza. F’bosta pajjiżi, l-idea li l-poplu u n-nazzjon jingħaqad, mgħaddsa f’diversi ideoloġiji, qed toħloq xejriet ġodda ta’ egoiżmu u qed jintilef is-sens soċjali, taħt il-maskra ta’ dik li suppost hi difiża tal-interessi nazzjonali. U dan ifakkarna li “kull ġenerazzjoni trid tagħmel tagħha t-taqbid u l-kisbiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha u tmexxihom lejn għanijiet aktar għolja. Hija l-mixja. Il-ġid, kif ukoll l-imħabba, il-ġustizzja u s-solidarjetà, mhumiex ħaġa li tintlaħaq darba għal dejjem; iridu jibqgħu jinkisbu kuljum. Mhux possibbli li nserrħu rasna b’dak li diġà ksibna fl-imgħoddi u nieqfu biex ingawduh b’tali mod li sitwazzjoni bħal din twassalna biex ma nagħrfux li ħafna minn ħutna għadhom isofru minn sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja li lilna lkoll jinterpellawna”.[8]

 

12. “Ninfetħu għad-dinja” hi espressjoni li llum l-ekonomija u d-dinja finanzjarja għamluha tagħhom. Tirreferi esklussivament għall-ftuħ għall-interessi barranin jew għal-libertà tal-poteri ekonomiċi li jinvestu, mingħajr rabtiet jew kumplikazzjonijiet, fil-pajjiżi kollha. Il-kunflitti lokali u l-indifferenza għall-ġid komuni jiġu strumentalizzati mill-ekonomija globali biex jimponu mudell kulturali wieħed. Din il-kultura tgħaqqad lid-dinja imma tifred il-persuni u n-nazzjonijiet, għax “is-soċjetà globalizzata tressaqna qrib xulxin, iżda ma tagħmilniex aħwa”.[9] Dejjem qed insibu ruħna iżjed waħidna f’din id-dinja tal-massa li tipprivileġġja l-interessi individwali u ddgħajjef id-dimensjoni komunitarja tal-ħajja. Pjuttost qed jogħlew is-swieq, fejn il-persuni jiżvolġu r-rwol ta’ konsumaturi u ta’ spettaturi. L-avvanz ta’ dan il-globaliżmu normalment jiffavorixxi l-identità ta’ min hu l-iktar b’saħħtu u kapaċi jipproteġi lilu nnifsu, imma tfittex kif ħa xxejjen l-identità tar-reġjuni l-iżjed dgħajfa u foqra, u tagħmilhom iżjed vulnerabbli u dipendenti. B’dan il-mod il-politika qed tiddgħajjef dejjem iżjed quddiem il-poteri ekonomiċi transnazzjonali li japplikaw il-prinċipju ta’ “divide et impera”.

 

Tmiem għall-kuxjenza storika

13. Għal din l-istess raġuni hemm min qed iħalli jintilef is-sens tal-istorja, u dan iġib miegħu iktar tmermir. Hemm għamla ta’ “dekostruzzjoniżmu” li jinħass qed jinfiltra l-kultura, fejn il-libertà umana tippretendi li tista’ tibni kollox mix-xejn. Jibqgħu fuq saqajhom biss il-bżonn tal-konsum bla limiti u l-enfasi fuq bosta xejriet ta’ individwaliżmu mingħajr kontenut. Kien f’dan il-kuntest li jien tajt dan il-parir liż-żgħażagħ: “Jekk persuna tagħmlilkom proposta u tgħidilkom tinjoraw l-istorja, ma tgħożżux l-esperjenza tal-anzjani, tistmerru dak kollu li għadda u tħarsu biss lejn il-futur li tkun qed toffrilkom, forsi dan mhuwiex mod faċli kif tiġbidkom bil-proposta tagħha biex iġġagħalkom tagħmlu biss dak li qed tgħidilkom hi? Dik il-persuna trid li intom tkunu battala, maqlugħa minn għeruqkom, suspettużi fuq kollox, biex tistgħu tafdaw biss fil-wegħdiet tagħha u toqogħdu għall-pjanijiet tagħha. Hekk jaħdmu l-ideoloġiji ta’ bosta lwien, li jeqirdu (jew iżarmaw) dak kollu li hu differenti u b’dan il-mod jistgħu jaħkmu bla ma jsibu xejn x’jeħodha kontrihom. Għal dan l-iskop għandhom bżonn ta’ żgħażagħ li jistmerru l-istorja, li jiċħdu l-għana spiritwali u uman li għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra, li jinjoraw dak kollu li ġie qabilhom”.[10]

 

14. Dawn huma l-għamliet ġodda ta’ kolonizzazzjoni kulturali. Ma ninsewx li “l-popli li jwarrbu t-tradizzjoni tagħhom u, fil-manija li jimitaw oħrajn, jew bi vjolenza imposta fuqhom, inkella b’negliġenza jew apatija li ma jinħafrux, jittolleraw li tinsterqilhom ruħhom, jitilfu, flimkien mal-fiżjonomija spiritwali tagħhom, anki l-konsistenza morali u, fl-aħħar, l-indipendenza ideoloġika, ekonomika u politika”.[11] Mod b’saħħtu kif jinġabu fix-xejn il-kuxjenza storika, il-ħsieb kritiku, l-impenn għall-ġustizzja u l-mixjiet ta’ integrazzjoni hu dak li nbattlu kollox mis-sens tiegħu jew nibdlu l-kelmiet il-kbar. Xi jfissru llum ċerti espressjonijiet bħad-demokrazija, il-libertà, il-ġustizzja, l-għaqda? Ġew immanipulati u mgħawġa biex jintużaw bħala strumenti ta’ ħakma, bħala titli battala mill-kontenut li jistgħu jservu biex jiġġustifikaw kull azzjoni.

 

Mingħajr proġett għal kulħadd

15. L-aħjar mod kif wieħed jiddomina u javvanza bla ħadd ma jżommu hu billi jiżra’ n-nuqqas ta’ tama u kontinwament irewwaħ il-qtigħ il-qalb, imqar jekk taħt il-maskra tad-difiża ta’ ċerti valuri. Illum f’ħafna pajjiżi qed jintuża l-mekkaniżmu politiku li wieħed ikebbes in-nar, joħloq iktar tensjoni u jippolarizza. B’ħafna modi nċaħħdu lill-oħrajn mid-dritt li jeżistu u li jaħsbu, u għal dan il-għan ninqdew bl-istrateġija li nwaqqgħuhom għaċ-ċajt, ninsinwaw suspetti fuqhom, niżolawhom. Ma nilqgħux il-parti tagħhom tal-verità, il-valuri tagħhom, u b’dan il-mod is-soċjetà tiftaqar u tirriduċi ruħha għall-prepotenza ta’ min hu l-iżjed b’saħħtu. Hekk il-politika ma tibqax diskussjoni sana fuq pjanijiet fit-tul għall-iżvilupp ta’ kulħadd u tal-ġid komuni, imma ssir biss riċetti ta’ marketing li ma jarawx ’il bogħod u li r-riżorsa l-aktar effikaċi jsibuha fil-qerda ta’ ħaddieħor. F’din il-logħba baxxa tal-iskwalifikazzjonijiet, id-dibattitu jiġi mmanipulat biex jinżamm fil-livell ta’ kontroversja u kuntrasti.

 

16. F’din il-ġlieda ta’ interessi li tpoġġina lkoll kontra xulxin, fejn li tirbaħ jiġi jfisser teqred, kif nistgħu nerfgħu rasna biex nagħrfu lil min hu qrib tagħna jew inkunu qrib ta’ min waqa’ fit-triq? Proġett b’għanijiet għoljin għall-iżvilupp tal-umanità kollha llum jinstema’ qisu kien xi ġennata. Qed joktru d-distanzi bejnietna, u l-mixja iebsa u ft-tul lejn dinja magħquda u iżjed ġusta qed terġa’ mill-ġdid tagħmel passi drastiċi lura.

 

17. Li nieħdu ħsieb tad-dinja ta’ madwarna li qed iżżommna ħajjin ifisser nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Imma għandna bżonn ninbnew f’“aħna” li ngħixu fid-Dar komuni. Lill-poteri ekonomiċi din l-għożża ma tinteressahomx, għax huma jfittxu dħul ta’ malajr. Spiss l-ilħna li jinstemgħu favur l-ambjent jiġu msikkta jew imwaqqgħa għaċ-ċajt, u minflok jiġu mżejna b’ħafna raġunamenti dawk li fil-verità huma biss interessi partikolari. F’din il-kultura li qed nipproduċu, battala, mixħuta għall-immedjat u nieqsa minn proġett komuni, “hu prevedibbli li, quddiem it-tixjin ta’ xi riżorsi, jinħoloq xenarju favorevoli għal gwerer ġodda, mistura taħt maskri ta’ pretensjonijiet nobbli li wieħed jikseb dak li kien tiegħu bi dritt”.[12]

 

L-iskart dinji

18. Ċerti partijiet tal-umanità donnu jiġu ssagrifikati biex jaqdu selezzjoni li tiffavorixxi settur tal-umanità li jistħoqqlu jgħix bla limitazzjonijiet. Fil-verità, “il-persuna m’għadniex inħossuha bħala valur primarju li għandna nirrispettawh u nieħdu ħsiebu, speċjalment jekk tkun fqira jew diżabbli, jekk ‘għad m’għandhiex użu’ – bħalma huma t-trabi fil-ġuf –, jew ‘ma tiswielna għal xejn aktar’ – bħalma huma l-anzjani. Sirna insensibbli għal kull għamla ta’ ħala, ibda minn dak tal-ikel, li hu fost l-aktar kundannabbli”.[13]

 

19. In-nuqqas ta’ wlied, li minħabba fih il-popolazzjoni qed tixjieħ, flimkien mal-abbandun tal-persuni anzjani għal solitudni kiefra, huma stqarrija impliċita li kollox jieqaf magħna, li jiswew biss l-interessi individwali tagħna. U hekk, “mhumiex biss l-ikel u l-ġid materjali li huma oġġetti tal-iskart, imma spiss l-istess bnedmin”.[14] Rajna xi ġralhom l-anzjani f’xi nħawi tad-dinja minħabba l-Coronavirus. Ma kellhomx imutu hekk. Imma fir-realtà xi ħaġa simili diġà kienet seħħet minħabba l-mewġiet ta’ sħana u f’ċirkustanzi oħra: mormija b’mod mill-aktar kiefer. M’aħniex nintebħu li meta nwarrbu lill-anzjani u nitilquhom bħal tagħbija fuq dahar oħrajn mingħajr ma jkollhom il-familja li sseħibhom b’għożża xierqa, hija l-istess familja li tkun qed tonqsilha xi ħaġa u tiftaqar. Barra minn hekk, dan jispiċċa jċaħħad liż-żgħażagħ mill-kuntatt meħtieġ mal-għeruq tagħhom u ma’ dak l-għerf li ż-żgħożija ma tistax tilħaq waħidha.

 

20. Dan l-iskart jidher b’ħafna modi, bħal fl-ossessjoni li nnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol, mingħajr m’aħna nintebħu bil-konsegwenzi gravi li dan iġib miegħu, għax il-qgħad li jirriżulta minnu għandu bħala effett dirett it-twessigħ tal-konfini tal-faqar.[15] Barra minn hekk, l-iskart qed jieħu xejriet tal-biża’ li konna naħsbu li negħlbu, bħar-razziżmu, li jistaħba u jerġa’ jitfaċċa dejjem mill-ġdid. L-espressjonijiet ta’ razziżmu jerġgħu jġagħluna nistħu għax qed juru li s-suppost progress tas-soċjetà mhuwiex daqshekk reali u mhux żgurat darba għal dejjem.

 

21. Hemm regoli ekonomiċi li rriżultaw effikaċi biex ikun hemm tkabbir, imma ma ġarax l-istess fil-każ tal-iżvilupp uman sħiħ.[16] Kiber il-ġid, imma mingħajr ugwaljanza, u allura qed jiġri li “qed jitwieldu għamliet ġodda ta’ faqar”.[17] Meta jingħad li d-dinja moderna xejnet il-faqar, il-kejl li jkun jintuża hu bi kriterji ta’ żminijiet oħra li ma tistax tqabbilhom mar-realtà tal-lum. Fil-fatt, fi żminijiet oħra, ngħidu aħna, li ma jkollokx aċċess għad-dawl elettriku ma kienx meqjus xi sinjal ta’ faqar u ma kienx raġuni ta’ xi skumdità kbira. Il-faqar tista’ tanalizzah u tifhmu dejjem fil-kuntest tal-possibbiltajiet reali ta’ mument storiku konkret.

 

Drittijiet umani li mhumiex mifruxin biżżejjed ma’ kullimkien

22. Ħafna drabi fil-fatt qed naraw li d-drittijiet umani mhumiex għal kulħadd indaqs. Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet “hu kundizzjoni preliminari għall-istess żvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiż. Meta d-dinjità tal-bniedem tiġi rrispettata u d-drittijiet tiegħu jiġu magħrufa u żgurati, iwarrdu wkoll il-kreattività u s-sens ta’ intrapriża, u l-personalità umana tista’ tifrex il-bosta inizjattivi tagħha b’riżq il-ġid komuni”.[18] Imma “jekk niflu b’reqqa s-soċjetajiet ta’ żmienna, niltaqgħu ma’ għadd ta’ kontradizzjonijiet li jġagħluna nistaqsu jekk hux tassew li d-dinjità ugwali tal-bnedmin kollha, imxandra solennement sebgħin sena ilu, hi magħrufa, irrispettata, imħarsa u mwettqa f’kull ċirkustanza. Fid-dinja llum għad għandna bosta xejriet ta’ inġustizzja, imkebbsa minn viżjonijiet antropoloġiċi dojoq u minn mudell ekonomiku msejjes fuq il-profitt, li ma joqgħodx lura milli jisfrutta, milli jarmi u saħansitra milli joqtol lill-bniedem. Waqt li parti mill-umanità qed tgħix geddumha fix-xgħir, parti oħra qed tara l-istess dinjità tagħha misruqa minnha, mistkerrha jew misħuqa u l-jeddijiet fundamentali tagħha injorati jew ivvjolati”.[19] X’jgħidilna dan dwar l-ugwaljanza tad-drittijiet mibnija fuq l-istess dinjità umana?

 

23. Bl-istess mod, l-organizzazzjoni tas-soċjetajiet fid-dinja kollha għadha mbiegħda milli tirrifletti b’mod ċar li n-nisa għandhom eżattament l-istess dinjità u drittijiet tal-irġiel. Bil-paroli jingħadu ċerti affarijiet, imma d-deċiżjonijiet u r-realtà jgħajtu messaġġ ieħor. Hu fatt li “doppjament foqra huma n-nisa li qed ibatu minn sitwazzjoni ta’ esklużjoni, trattament ħażin jew vjolenza, għax spiss isibu ruħhom fi ftit li xejn possibbiltajiet biex jiddefendu l-jeddijiet tagħhom”.[20]

 

24. Hekk ukoll qed naraw li, “minkejja li l-komunità internazzjonali għamlet bosta ftehim bl-għan li l-iskjavitù jispiċċa fil-forom kollha tiegħu u minkejja li daħħlet fis-seħħ strateġiji differenti biex tiġġieled lil dan il-fenomenu, xorta waħda llum, miljuni ta’ bnedmin – tfal, irġiel u nisa ta’ kull età – titteħdilhom il-libertà tagħhom u jkunu mġegħlin jgħixu f’kundizzjonijiet li jixbhu ħafna lil dawk tal-iskjavitù. […] Illum, bħal dari, fl-għeruq tal-iskjavitù hemm il-kunċett li l-persuna umana taċċetta l-possibbiltà li tittratta lill-persuna l-oħra bħala oġġett. […] Il-persuna umana maħluqa xbieha ta’ Alla, bil-forza, bl-ingann jew bil-kostrizzjoni fiżika jew psikoloġika, titteħdilha l-libertà, issir merċa u tispiċċa proprjetà ta’ xi ħadd: tiġi ttrattata bħala mezz u mhux bħala skop”. Ix-xbieki kriminali “jużaw b’ħila kbira l-mezzi moderni tal-informatika biex jistadu liż-żgħar u liż-żgħażagħ minn kull rokna tad-dinja”.[21] Dan it-tagħwiġ ikun bla limiti meta l-vittmi jkunu nisa, li mbagħad jiġu mġiegħla jagħmlu abort. Att kundannabbli li jasal saħansitra għall-ħtif ta’ persuni bl-għan li jiġu mibjugħa l-organi tagħhom. Dan kollu jagħmel mit-traffikar tal-persuni u għamliet oħra ta’ jasar problema dinjija, li titlob li l-umanità kollha teħodha b’ħafna serjetà, għax “bħalma l-organizzazzjonijiet kriminali jużaw xibka globali biex jilħqu l-għanijiet tagħhom, bl-istess mod il-ħidma biex dan il-fenomenu jkun megħlub titlob sforz komuni u daqstant ieħor globali min-naħa ta’ kull min fis-soċjetà għandu kontribut x’jagħti”.[22]

 

Kunflitt u biża’

25. Gwerer, attentati, persekuzzjonijiet għal motivi ta’ razza jew reliġjon, u tant abbużi kontra d-dinjità umana jiġu ġġudikati b’modi diversi skont jaqbilx jew le lil interessi partikulari, essenzjalment ekonomiċi. Dak li hu veru meta jaqbel lil xi ħadd li għandu s-setgħa, ma jibqax hekk meta mhuwiex fl-interess tiegħu. Dawn is-sitwazzjonijiet ta’ vjolenza qed ikomplu “jimmultiplikaw ruħhom f’ħafna reġjuni tad-dinja, tant li ħadu l-fattizzi ta’ dik li nistgħu nsejħulha ‘t-tielet gwerra dinjija miġġielda biċċa biċċa’”.[23]

 

26. Ma nistagħġbux b’dan, ladarba qed ninnutaw in-nuqqas ta’ opportunitajiet li jistgħu jlaqqgħuna flimkien, għax f’kull gwerra dak li jinqered hu “l-istess ideal ta’ fraternità, li huwa parti mill-vokazzjoni tal-familja tagħna l-bnedmin”, u għalhekk “kull sitwazzjoni fejn hemm theddid tneħħi l-fiduċja u tgħin biex din is-sitwazzjoni tibqa’ tirrepeti ruħha”.[24] Hekk, id-dinja tagħna tibqa’ għaddejja b’dikotomija bla sens, għax tippretendi li tista’ “tiggarantixxi l-istabbiltà u l-paċi fuq bażi ta’ sigurtà falza ddominata minn mentalità ta’ biża’ u sfiduċja”.[25]

 

27. Paradossalment, hemm biżgħat li ilhom ġejjin mill-antik u lanqas il-progress teknoloġiku ma seħħlu jegħleb; anzi, għarfu jinħbew u jissaħħu mill-ġdid taħt teknoloġiji ġodda. Illum ukoll, wara l-ħitan tal-belt il-qadima hemm l-abbiss, it-territorju ta’ dak li mhux magħruf, id-deżert. Dak li ġej minn hemm ma tistax tafdah, għax ma tafux, mhux wiċċ familjari, ma jagħmilx parti mir-raħal tagħna. Huwa t-territorju ta’ dak li hu “barbaru”, li minnu rridu nħarsu ruħna akkost ta’ kollox. B’konsegwenza, jinħolqu ħitan ġodda biex niddefendu ruħna bihom, hekk li ma għadhiex teżisti d-dinja imma teżisti biss id-dinja “tiegħi”, tant li ħafna ma jitqisux iżjed bħala bnedmin b’dinjità inaljenabbli u jsiru sempliċiment “dawk”. Terġa’ titfaċċa “t-tentazzjoni li nagħmlu kultura tal-ħitan, li ntellgħu l-ħitan, ħitan fil-qalb, ħitan fuq l-art biex ma nħallux isseħħ din il-laqgħa ma’ kulturi oħra, ma’ nies oħra. U min itella’ ħajt, min jibni ħajt, jispiċċa lsir wara l-ħitan li bena, mingħajr ebda xefaq. Għax jonqsu dan l-element tal-ieħor”.[26]

 

28. Is-solitudni, il-biżgħat u l-insigurtà ta’ tant persuni, li jħossuhom abbandunati mis-sistema, iwasslu biex tinħoloq art għammiela għall-mafjużi. Fil-fatt dawn jimponu ruħhom billi jippreżentaw lilhom infushom bħala “protetturi” tal-minsijin, spiss permezz ta’ bosta xejriet ta’ għajnuna, meta fil-verità jkunu qed ifittxu l-interessi kriminali tagħhom. Hemm pedagoġija tipikament mafjuża li, bi spirtu komunitarju qarrieq, toħloq rabtiet ta’ dipendenza u ta’ subordinazzjoni li minnhom qajla wieħed jinħeles.

 

Globalizzazzjoni u progress mingħajr rotta waħda

29. Flimkien mal-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tayyeb aħna ma nagħlqux għajnejna għall-iżviluppi pożittivi li seħħu fix-xjenza, fit-teknoloġija, fil-mediċina, fl-industrija u fil-kwalità tal-ħajja, fuq kollox fil-pajjiżi żviluppati. Madankollu, “nisħqu illi, pass pass ma’ dan il-progress storiku, kbir u apprezzat, għaddej taħsir tal-etika li qed jikkundizzjona l-aġir internazzjonali, u qed jiddgħajfu l-valuri spiritwali u s-sens ta’ responsabbiltà. Dan kollu qed jikkontribwixxi sabiex jinfirex sens ġeneralizzat ta’ frustrazzjoni, solitudni u disperazzjoni […]. Qed jitkebbsu fuklari ġodda ta’ tensjoni u qed jiġġemmgħu l-armi u l-munizzjon, f’sitwazzjoni dinjija ddominata mill-inċertezza, mid-delużjoni u mill-biża’ mill-futur u kkontrollata mill-interessi ekonomiċi li ma jħarsux ’il bogħod”. Qed naraw ukoll “il-kriżijiet politiċi kbar, l-inġustizzja u n-nuqqas ta’ tqassim ekwu tar-riżorsi naturali. […] Fil-konfront ta’ dawn il-kriżijiet li jġibu l-mewt bil-ġuħ ta’ miljuni ta’ tfal, li diġà huma skeletri umani – minħabba l-faqar u l-ġuħ – qed isaltan skiet internazzjonali inaċċettabbli”.[27] Quddiem dan ix-xenarju, imqar jekk inħossuna miġbuda mill-ħafna progress, m’aħniex naraw li hemm rotta tabilħaqq umana.

 

30. Fid-dinja tal-lum is-sentimenti ta’ appartenenza għall-istess umanità qed jiddgħajfu, waqt li l-ħolma li nibnu flimkien il-ġustizzja u l-paċi donnha utopija minn żminijiet oħra. Qed naraw kif ħakmitna indifferenza kif jaqbel lilna, kiesħa u globalizzata, bint diżillużjoni qawwija li tinħeba taħt il-qerq ta’ illużjoni: nemmnu li nifilħu għal kollox u ninsew li aħna lkoll qegħdin fuq l-istess dgħajsa. Dan il-qerq, li jixħet wara dahru l-valuri kbar tal-fraternità, iwassal “għal xi tip ta’ ċiniżmu. Din hija t-tentazzjoni li aħna għandna quddiemna, jekk aħna ser naqbdu din it-triq tad-diżillużjoni jew tad-delużjoni. […] L-iżolament u li tingħalaq fik innifsek jew fl-interessi proprji tiegħek, ma huma qatt it-triq biex terġa’ titnissel it-tama u jseħħ it-tiġdid, iżda dan jitwettaq bil-viċinanza, bil-kultura li tqarreb u tlaqqa’. L-iżolament le; il-viċinanza, iva. Il-kultura ta’ skontru le, kultura ta’ inkontru, iva”.[28]

 

31. F’din id-dinja li qed tiġri mingħajr rotta waħda, għandna atmosfera fejn “il-kilba għall-ġid personali qed tegħleb sew il-ħerqa għall-hena u l-ġid tal-familja tal-bnedmin, tant li tasal biex taħseb li tassew teżisti xiżma bejn l-individwu u l-komunità umana. […] Għax li tkun imġiegħel tgħix ħajja flimkien mal-oħrajn mhux l-istess bħal meta tapprezza r-rikkezza u s-sbuħija ta’ ħajja komuni, li tfittixha u tikkuraha”.[29] It-teknoloġija qed tagħmel progressi l-ħin kollu, imma “kemm kienet tkun ħaġa sabiħa kieku mat-tkabbir tal-innovazzjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi kellhom jikkorrispondu wkoll ugwaljanza u inklużjoni soċjali dejjem ikbar! Kemm kien ikun sabiħ kieku, waqt li niskopru pjaneti ġodda mbiegħda, niskopru mill-ġdid il-bżonnijiet ta’ ħuna u ta’ oħtna li jinsabu fl-orbita tiegħi!”.[30]

 

Il-pandemiji u flaġelli oħra tal-istorja

32. Traġedja globali bħalma hi l-pandemija tal-Covid-19 effettivament qajmet għal ċertu żmien l-għarfien li aħna komunità dinjija li qed tbaħħar fuq l-istess dgħajsa, fejn id-deni ta’ wieħed jagħmel ħsara li kulħadd. Ftakarna li ħadd ma jsalva waħdu, li nistgħu nsalvaw biss flimkien. Għalhekk jiena għidt li “t-tempesta tikxef il-vulnerabbiltà tagħna u dawk iċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra li bihom bnejna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet u l-prijoritajiet tagħna. […] Bit-tempesta, waqgħet il-maskra tal-isterjotipi li biha għattejna l-‘jien’ tagħna dejjem ħsiebu kif ħa jidher; u baqgħet mikxufa, għal darb’oħra, dik l-(imbierka) appartenenza komuni li ma nistgħux naħarbu minnha: l-appartenenza bħala aħwa ta’ xulxin”.[31]

 

33. Id-dinja kienet miexja ’l quddiem bla xejn xi jwaqqafha lejn ekonomija li, hija u tinqeda bil-progressi teknoloġiċi, ippruvat tnaqqas l-“ispejjeż umani”, u kien hemm min ippretenda li se jbellagħhielna li biżżejjed il-libertà tas-suq biex kollox ikun fiż-żgur. Imma d-daqqa ta’ ħarta mhux mistennija ta’ din il-pandemija bla kontroll obbligatna bilfors naħsbu fil-bnedmin, f’kulħadd, iżjed milli f’dak li ħa jgawdu xi wħud. Illum nistgħu ngħidu li konna “mtlejna b’ħolm ta’ maestożità u kobor u spiċċajna blajna d-distrazzjoni, l-għeluq u s-solitudni; ħxinna bil-konnessjonijiet u tlifna l-gost tal-fraternità. Fittixna r-riżultat mgħaġġel u fiċ-ċert u sibna ruħna mifnija min-nuqqas ta’ sabar u mill-ansjetà. Ilsiera tal-virtwali, tlifna l-gost u t-togħma tar-realtà”.[32] Fit-tbatija, l-inċertezza, il-biża’ u l-għarfien tal-limiti tagħna li l-pandemija tellgħet fil-wiċċ qed tidwi s-sejħa biex nerġgħu naħsbu x’għandhom ikunu l-istili tal-ħajja tagħna, ir-relazzjonijiet tagħna, l-organizzazzjoni tas-soċjetajiet tagħna u fuq kollox is-sens tal-ħajja tagħna.

 

34. Jekk kollox hu marbut ma’ xulxin, diffiċli naħsbu li dan id-diżastru dinji m’għandux rabta mal-mod ta’ kif aħna nġibu ruħna mar-realtà, bil-pretensjoni tagħna li aħna sidien assoluti ta’ ħajjitna u ta’ dak kollu li jeżisti. Ma rridx ngħid li dan hu xi għamla ta’ kastig divin. U lanqas ikun biżżejjed ngħidu li l-ħsara kkawżata lin-natura sa fl-aħħar qed titlob kont tal-abbużi tagħna. Hija l-istess realtà li qed tokrob u tirribella. Jiġini f’moħħi l-vers ċelebri mill-poeta Virġilju li jevoka l-ġrajjiet kiebja tal-bnedmin.[33]

 

35. Imma malajr ninsewhom il-lezzjonijiet tal-istorja, “mgħallma tal-ħajja”.[34] Malli tgħaddi l-kriżi sanitarja, l-agħar reazzjoni tkun dik li nerġgħu naqgħu iżjed minn qabel f’konsumiżmu frenetiku u f’għamliet ġodda ta’ awtoprotezzjoni egoistika. Jalla fl-aħħar ma jkunx hemm iżjed “l-oħrajn”, imma biss “aħna”. Jalla ma tkunx ġrajja oħra storika gravi bħal dawk ta’ qabilha li minnha ma konniex kapaċi nitgħallmu. Jalla ma ninsewx lill-anzjani li mietu minħabba nuqqas ta’ ventilaturi, li parzjalment hu effett ta’ sistemi tas-saħħa li sena wara l-oħra komplew jinħattu. Jalla tbatija hekk kbira ma tkunx ġiet għalxejn, imma nagħmlu qabża lejn mod ġdid ta’ kif ngħixu u niskopru darba għal dejjem li għandna bżonn u aħna midjuna lejn xulxin, biex l-umanità titwieled mill-ġdid bl-uċuħ kollha, id-dirgħajn kollha u l-ilħna kollha, lil hemm mill-fruntieri li ħloqna.

 

36. Jekk ma jirnexxilniex nirbħu lura s-sens maqsum ta’ passjoni għal komunità ta’ appartenenza u ta’ solidarjetà, li għaliha niddedikaw ħin, impenn u ġid, l-illużjoni globali li qed tqarraq bina għad tikkrolla u tagħmel ħafna ħsara u tħalli ħafna vittmi tad-dwejjaq u tal-vojt. Barra minn hekk, ma nistgħux nagħmluha tal-boloh u ninjoraw li “l-ossessjoni għal stil ta’ ħajja konsumista, fuq kollox meta ftit huma dawk li jifilħu għalih, tista’ ġġib biss vjolenza u qerda reċiproka”.[35] Dik li “ħa jsalva min jista’” ma ddumx ma tinbidel f’“kulħadd kontra kulħadd”, u din tkun ħaġa wisq agħar minn pandemija.

 

Mingħajr dinjità umana fuq il-fruntieri

37. Kemm xi reġimi politiċi populisti u kemm pożizzjonijiet ekonomiċi liberali jħambqu li rridu nevitaw akkost ta’ kollox il-wasla ta’ persuni migranti. Fl-istess waqt jargumentaw li rridu nillimitaw l-għajnuna lill-pajjiżi foqra, biex dawn imissu l-qiegħ u jiddeċiedu li jaddottaw miżuri ta’ awsterità. M’aħniex nintebħu li, wara dawn l-affermazzjonijiet astratti li diffiċli jitwettqu, hemm tant ħajjiet imfarrka. Ħafna qed jaħarbu mill-gwerra, mill-persekuzzjonijiet, mill-katastrofi naturali. Oħrajn, b’kull jedd, qed “ifittxu opportunitajiet għalihom infushom u għall-familja tagħhom. Joħolmu futur aħjar u jixtiequ joħolqu l-kundizzjonijiet biex dan iseħħ”.[36]

 

38. B’xorti ħażina, oħrajn iħossuhom “miġbudin mill-kultura tal-Punent, b’xewqat xi drabi irrealistiċi li jesponuhom għal delużjonijiet ibsin. Traffikanti bla skruplu, spiss marbuta mas-suq tad-droga u tal-armamenti, jisfruttaw id-dgħufija tal-migranti, li fi triqthom spiss iħabbtu wiċċhom mal-vjolenza, it-traffikar, l-abbuż psikoloġiku u anki fiżiku, u tbatijiet li bilkemm toħlomhom”.[37] Dawk li jemigraw “iduqu s-separazzjoni mill-kuntest tal-oriġni tagħhom u spiss anki mill-għeruq kulturali u reliġjużi. Din il-qasma tolqot anki lill-komunitajiet li minnhom ikunu ġejjin, li jitilfu l-elementi l-iktar enerġiċi u dinamiċi, u lill-familji, b’mod partikulari meta jemigra wieħed jew tnejn mill-ġenituri, u jħalli lill-ulied warajh fil-pajjiż tal-oriġni”.[38] Għalhekk, “irridu nisħqu mill-ġdid fuq id-dritt li wieħed ma jemigrax, jiġifieri li jkun f’qagħda li jista’ jibqa’ f’artu”.[39]

 

39. Iktar minn hekk, “f’xi pajjiżi fejn jaslu, il-fenomeni migratorji jqajmu sens ta’ allarm u biżgħat, spiss imrewħa u sfruttati għal fini politiċi. Hemm tinfirex mentalità ksenofobika, ta’ għeluq fina nfusna”.[40] Il-migranti jitqiesu li ma jistoqqilhomx biżżejjed li jieħdu sehem fil-ħajja soċjali bħal ħaddieħor, u ninsew li għandhom l-istess dinjità intrinsika ta’ kull persuna. Għalhekk, huma għandhom ikunu “protagonisti tal-istess fidwa tagħhom”.[41] Qatt ma jingħad li mhumiex bnedmin, imma fil-prattika, bid-deċiżjonijiet u l-mod kif nittrattawhom, nuru li qed inqisuhom ta’ valur iktar baxx, inqas importanti, inqas umani. Mhuwiex aċċettabbli li l-Insara jkollhom din il-mentalità u dawn l-atteġġjamenti, hekk li xi drabi jħallu ċerti preferenzi politiċi jirbħu fuq il-konvinzjonijiet qawwija tal-fidi tagħhom: id-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana lil hemm mill-oriġni, mill-kulur tal-ġilda jew mir-reliġjon, u l-liġi l-aktar għolja tal-imħabba tal-aħwa.

 

40. “Il-migrazzjonijiet se jkunu element li jsawwar il-futur tad-dinja”.[42] Imma llum qed jirriflettu li aħna “tlifna dak is-sens ta’ responsabbiltà fraterna, li fuqu tinbena kull soċjetà ċivili”.[43] L-Ewropa, ngħidu aħna, qed tirriskja serjament li taqbad din it-triq. Madankollu, “bl-għajnuna tal-patrimonju kuturali u reliġjuż kbir tagħha, għandha l-istrumenti meħtieġa biex tiddefendi ċ-ċentralità tal-persuna umana u biex issib l-ekwilibriju t-tajjeb bejn id-dmir doppju tal-moralità li tħares id-dirittijiet taċ-ċittadini tagħha u dak li tiggarantixxi l-assistenza u l-akkoljenza tal-migranti”.[44]

 

41. Jiena nifhem li quddiem il-persuni migranti xi wħud jiġuhom dubji jew iħossu ċertu biża’. Dan nifhmu bħala aspett tal-istint naturali ta’ awtodifiża. Imma huwa minnu wkoll li persuna u poplu huma għammiela biss jekk jafu jintegraw b’mod kreattiv fi ħdanhom il-ftuħ għall-oħrajn. Nistedinkom immorru lil hemm minn dawn l-ewwel reazzjonijiet, għax “il-problema hija meta dawn jikkundizzjonaw il-mod kif aħna naħsbu u naġixxu, sal-punt li jagħmluna intolleranti, magħluqin u forsi – mingħajr ma nintebħu – saħansitra razzisti. B’dan il-mod, il-biża’ jċaħħadna mix-xewqa u l-ħila li niltaqgħu mal-ieħor”.[45]

 

L-illużjoni tal-komunikazzjoni

42. Paradossalment, waqt li qed jiżdiedu atteġġjamenti magħluqa u intolleranti li jiżolaw lill-oħrajn, qed jiqsaru jew jgħibu d-distanzi sal-punt li qed jonqos id-dritt għall-intimità. Kollox isir bħal spettaklu li jista’ jiġi spijat, mgħasses, u l-ħajja tiġi esposta għal kontroll kontinwu. Fil-komunikazzjoni diġitali rridu nuru kollox u kull persuna ssir oġġett ta’ ħars li jgħarrex, ineżża’ u jikxef, spiss b’mod anonimu. Ir-rispett lejn l-ieħor jitmermer u hekk, fl-istess ħin li fih jiena nibdlu, ninjorah jew inżommu mbiegħed minni, bla mistħija ta’ xejn nista’ ninvadilu ħajtu bil-kbir.

 

43. Min-naħa l-oħra, il-movimenti diġitali ta’ mibegħda u qerda mhumiex – kif hemm min irid iġagħalna nemmnu – xi għamla tajba ta’ għajnuna reċiproka, imma sempliċi assoċjazzjonijiet kontra għadu. Pjuttost, “il-midja diġitali tista’ tesponik għar-riskju ta’ dipendenza, ta’ iżolament u ta’ telfien naqra naqra tal-kuntatt mar-realtà konkreta, u hekk ixxekkel l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet awtentiċi bejn il-persuni”.[46] Għandna bżonn ta’ ġesti fiżiċi, ta’ espressjonijiet tal-wiċċ, ta’ silenzji, ta’ lingwaġġ tal-ġisem, u saħansitra ta’ fwieħa, ta’ tregħid tal-idejn, ta’ tħammir tal-wiċċ, ta’ għaraq, għax dan kollu jitkellem u jagħmel parti mill-komunikazzjoni umana. Ir-relazzjonijiet diġitali, li jieħdu post it-taħbit tagħna biex inżommu f’saħħithom ħbiberija, reċiproċità stabbli u anki kunsens li jimmatura maż-żmien, għandhom biss dehra soċjevoli. Ma jibnux tassew l-“aħna”, imma normalment jaħbu u jkabbru l-istess individwaliżmu li jesprimi ruħu fil-ksenofobija u fl-istmerrija tad-dgħajfa. Il-konnessjoni diġitali mhix biżżejjed biex tibni pontijiet, m’għandhiex il-ħila li tgħaqqad lill-umanità.

 

Aggressività bla mistħija ta’ xejn

44. Proprju huma u jiddefendu l-iżolament konsumistiku u komdu tagħhom, il-persuni jagħżlu li jintrabtu l-ħin kollu u b’mod ossessiv. Hekk joktru iżjed xejriet ġodda ta’ aggressività, ta’ insulti, maltrattamenti, offiżi, daqqiet ta’ ħarta verbali li jaslu biex ifarrku l-persuna tal-ieħor, bi ħruxija li ma tistax teżisti fil-kuntatt ta’ bejn ġisem u ieħor għax kieku nispiċċaw neqirdu kollha lil xulxin. L-aggressività soċjali ssib fil-mowbajls u fil-kompjuters spazju biex tixtered li ma jeżistix ieħor bħalu.

 

45. Minħabba f’dan l-ideoloġiji tilfu kull sens ta’ modestja. Dak li sa ftit tas-snin ilu ma stajtx tgħidu fuq xi ħadd mingħajr ir-riskju li titlef ir-rispett tad-dinja kollha, illum tista’ tesprimih bl-aktar mod aħrax imqar dwar xi awtoritajiet politiċi u xorta tibqa’ bla kastig. Ma rridux ninsew li “fid-dinja diġitali hemm għaddejjin interessi ekonomiċi ġganteski, li kapaċi jwasslu għal forom ta’ kontroll sottili imma invażivi, joħolqu mekkaniżmi ta’ manipulazzjoni tal-kuxjenzi u tal-proċess demokratiku. Il-funzjonament ta’ ħafna pjattaformi spiss jispiċċa jiffavorixxi l-laqgħa bejn persuni li jaħsbuha bl-istess mod, u għalhekk ixekkel il-konfront bejn id-differenzi. Dawn iċ-ċrieki magħluqa jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni u aħbarijiet foloz, u jkebbsu l-preġudizzji u l-mibegħda”.[47]

 

46. Hemm bżonn nifhmu li l-fanatiżmi li jaslu biex jeqirdu lill-oħrajn għandhom bħala protagonisti tagħhom anki persuni reliġjużi, mhux b’inqas Insara, li “jistgħu jsibu ruħhom f’nofs xbieki ta’ vjolenza verbali permezz tal-internet u d-diversi oqsma jew spazji ta’ skambji diġitali. Saħansitra l-midja Kattolika tista’ taqbeż il-limiti, tippermetti x-xnigħat foloz u l-kalunnja, fejn donnhom jidhru esklużi kull etika u kull rispett għall-fama tajba tal-oħrajn”.[48] Meta nagħmlu hekk, x’kontribut inkunu qed nagħtu għall-fraternità li l-Missier tagħna lkoll jixtieq għalina?

 

Tagħrif mingħajr għerf

47. L-għerf veru jitlob li jkun hemm il-laqgħa mar-realtà. Imma llum kollox tista’ tipproduċih, taħbih, tibdlu. U hekk il-laqgħa diretta mal-limiti tar-realtà ssir ħaġa li ma rridux nissaportuha. B’konsegwenza, jidħol fis-seħħ mekkaniżmu ta’ “selezzjoni” u tinħoloq id-drawwa li minnufih nifred dak li jogħġobni minn dak li ma jogħġobnix, il-ħwejjeġ attraenti minn dawk li jdejquni. Bl-istess loġika nagħżlu l-persuni li magħhom niddeċiedu li naqsmu d-dinja. Hekk illum il-ġurnata l-persuni u s-sitwazzjonijiet li darbu s-sensibbiltà tagħna jew ma jogħġbuniex jiġu sempliċiment eliminati fix-xbieki virtwali, u allura nibnu ċirku virtwali li jiżolana mid-dinja li fiha ngħixu.

 

48. Li noqogħdu bilqiegħda u nagħtu widen għall-ieħor, ħaġa li hi karatteristika tal-laqgħa bejn il-bnedmin, hu mudell għal atteġġjament li jilqa’, ta’ min jegħleb in-narċisiżmu u jkun lest jilqa’ lill-ieħor, jagħtih attenzjoni, jagħmillu l-wisa’ fiċ-ċirku tiegħu. Madankollu, “id-dinja tal-lum fil-parti l-kbira hi dinja truxa […]. Xi drabi l-ħeffa tad-dinja moderna, il-ferneżija ma tħalliniex nisimgħu tajjeb dak li qed tgħid il-persuna l-oħra. U meta jkun wasal f’nofs id-diskors tiegħu, diġà ninterrompuh u rridu nweġbuh meta għadu ma waqafx jitkellem. Ma nistgħux nitilfu l-ħila tas-smigħ”. San Franġisk ta’ Assisi “ta widen għal leħen Alla, ta widen għal leħen il-fqir, ta widen għal leħen il-marid, ta widen għal leħen in-natura. U dan kollu bidlu wkoll fi stil ta’ ħajja. Nittama li ż-żerriegħa ta’ San Franġisk tikber f’tant qlub”.[49]

 

49. Meta jonqsu s-skiet u s-smigħ, u nibdlu kollox f’tektik u messaġġi mgħaġġla u bla sabar, inkunu qed nipperikolaw il-binja fundamentali ta’ komunikazzjoni umana għarfa. Noħolqu stil ġdid ta’ ħajja fejn nibnu dak li rridu li jkollna quddiemna, u nħallu barra dak kollu li ma nistgħux nikkontrollaw jew nafuh superfiċjalment u għal dak il-ħin biss. Din id-dinamika, b’loġika intrinsika tagħha, ma tagħtix lok għar-riflessjoni bil-kwiet li tista’ twassalna għal għerf komuni.

 

50. Nistgħu nfittxu flimkien il-verità fid-djalogu, fil-konverżazzjoni kalma jew fid-diskussjoni mqanqla. Hija mixja perseveranti, magħmula wkoll mis-skiet u mit-tbatija, kapaċi tiġbor fiha bis-sabar l-esperjenza wiesgħa tal-persuni u tal-popli. Il-ġmigħ invadenti ta’ informazzjoni li joħnoqna ma jissarrafx f’għerf ikbar. L-għerf ma tiffabbrikahx b’tiftix bla sabar fuq l-internet, u mhuwiex xi ġabra ta’ tagħrif li l-veraċità tiegħu mank hi żgurata. B’dan il-mod ma nkunux nimmaturaw fil-laqgħa tagħna mal-verità. Il-konverżazzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar iduru mal-aħħar tagħrif li waslilna, huma biss orizzontali u kumulattivi. Imma ma nkunux nagħtu attenzjoni fit-tul u profonda lill-qalba tal-ħajja, ma nkunux nagħrfu dak li hu essenzjali biex nagħtu tifsira lill-ħajja. Hekk, il-libertà ssir illużjoni li tinbiegħ lilna u li nifxluha mal-libertà li nagħmlu li rridu quddiem skrin. Il-problema hi li triq ta’ fraternità, lokali u universali, jistgħu jimxuha biss spirti ħielsa u miftuħa għal laqgħat veri.

 

Sottomissjoni u stmerrija tagħna nfusna

51. Xi pajjiżi b’saħħithom mill-perspettiva ekonomika jiġu ppreżentati bħala mudelli kulturali għall-pajjiżi ftit li xejn żviluppati, minflok dawn jirsistu biex kull wieħed jikber bl-istil li hu tiegħu, u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom li jiġġeddu ibda mill-valuri tal-kultura tagħhom. Din in-nostalġija superfiċjali u kiebja, li twassalhom biex jikkupjaw u jixtru flok joħolqu, tagħti lok għal stima nazzjonali baxxa ħafna tagħhom infushom. Fl-oqsma tal-ġid ta’ ħafna pajjiżi foqra, u xi drabi f’dawk li rnexxielhom jinqalgħu mill-faqar, nilmħu n-nuqqas ta’ ħila li jaċċettaw karatteristiċi u proċessi li huma tagħhom, u jaqgħu fi stmerrija tal-identità kulturali tagħhom, bħallikieku kienet hi l-kawża tal-ħażen kollu.

 

52. Li teqred l-istima li wieħed ikollu tiegħu nnifsu hu mod ħafif kif taħkem fuqu. Wara t-tendenzi li jimmiraw biex jomoġenizzaw id-dinja, joktru interessi ta’ poter li jgawdu huma mill-istima baxxa li wieħed ikollu tiegħu nnifsu, ladarba, permezz tal-midja u tax-xbieki soċjali, ifittxu kif joħolqu kultura ġdida għas-servizz ta’ dawk li għandhom aktar setgħa. Minn hawn ifittxu vantaġġ għalihom l-opportuniżmu tal-ispekulazzjoni finanzjarja u l-isfruttament, fejn il-foqra huma dejjem dawk li jmorru minn taħt. Min-naħa l-oħra, meta tiġi injorata l-kultura ta’ poplu, ħafna mexxejja politiċi ma jibqgħux kapaċi jippromovu proġett effikaċi li jista’ jitwettaq liberament u jitwieżen fiż-żmien.

 

53. Qed ninsew li “m’hemm ebda aljenazzjoni agħar minn dik li tħoss li m’għandekx għeruq, li int m’int ta’ ħadd. Art issir għammiela, poplu jagħti l-frott u jikseb il-ħila li jiġġenera l-futur, bil-qies biss li bih jagħti l-ħajja lill-appartenenza tal-membri tiegħu, bil-qies li bih joħloq rabtiet ta’ integrazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet u l-komunitajiet diversi li jiffurmawh; u wkoll bil-qies li bih ikisser l-ispirali li jtappnu s-sensi, li jbegħduna dejjem aktar minn xulxin”.[50]

 

Tama

54. Minkejja dawn id-dlamijiet ħoxnin, li ma nistgħux ninjorawhom, fil-paġni li jmiss nixtieq li nagħtu leħen lil tant toroq ta’ tama. Fil-fatt Alla jissokta jiżra’ fost il-bnedmin żerriegħa ta’ tajjeb. Il-pandemija ta’ dan l-aħħar għenitna nerġgħu niskopru u napprezzaw tant sieħba fil-vjaġġ li, fil-biża’, wieġbu billi taw ħajjithom stess. Konna kapaċi nagħrfu li l-ħajjiet tagħna huma minsuġa u mwieżna minn persuni ordinarji li, bla dubju, kitbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja li lkoll naqsmu ma’ xulxin: tobba, infermiera, spiżjara, ħaddiema fil-ħwienet tal-merċa, dawk responsabbli mit-tindif, persuni li joffru kura, burdnara, irġiel u nisa li jaħdmu biex ifornuna b’servizzi essenzjali u sigurtà, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi… dawn fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu.[51]

 

55. L-istedina tiegħi hi għat-tama, li “tkellimna dwar realtà li għandha għeruqha fil-profond tal-bniedem, indipendentement miċ-ċirkustanzi konkreti u mill-kundizzjonamenti storiċi li fihom jgħix. Tkellimna fuq għatx, fuq aspirazzjoni, fuq xewqa għall-milja, fuq ħajja realizzata, fuq li nkejlu lilna nfusna ma’ dak li hu kbir, ma’ dak li jimla l-qalb u jgħolli r-ruħ lejn ħwejjeġ kbar, bħall-verità, it-tjieba u l-ġmiel, il-ġustizzja u l-imħabba. […] It-tama hi qalbiena, taf tħares lil hemm mill-kumdità personali, iċ-ċertezzi u kompensazzjonijiet żgħar li jagħlqu x-xefaq, biex tinfetaħ għal ideali għoljin li jagħmlu l-ħajja iżjed sabiħa u dinjituża”.[52] Ejjew nimxu fit-tama.


 

IT-TIENI KAPITLU

BARRANI FIT-TRIQ

 

56. Dan kollu li semmejt fil-kapitlu ta’ qabel huwa iżjed minn deskrizzjoni kiesħa tar-realtà, għax “l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom”.[53] Bl-għan li nfittxu dawl qalb dak li qegħdin ngħixu, u qabel ma noffru xi linji ta’ azzjoni, nixtieq niddedika kapitlu lil parabbola li rrakkonta Ġesù elfejn sena ilu. Fil-fatt, imqar jekk din l-Ittra hi ddedikata lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, huma x’inhuma l-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom, il-parabbola tesprimi ruħha b’mod li lkoll kemm aħna nistgħu nħalluha tmissilna qalbna.

 

“Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: ‘Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?’. Qallu Ġesù: ‘Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?’. U dak wieġeb: ‘Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’. ‘Sewwa weġibt’, qallu Ġesù, ‘agħmel hekk u tgħix’. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: ‘U l-proxxmu tiegħi min hu?’. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: ‘Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”’. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?’. ‘Min ħenn għalih’, wieġbu dak. ‘Mur’, qallu Ġesù, ‘u agħmel hekk int ukoll’” (Lq 10:25-37).

 

L-isfond

57. Din il-parabbola hi minsuġa fuq sfond ta’ sekli sħaħ. Ftit wara r-rakkont tal-ħolqien tad-dinja u tal-bniedem, il-Bibbja tippreżenta l-isfida tar-relazzjonijiet bejnietna. Kajjin jelimina lil ħuh Abel, u tidwi l-mistoqsija ta’ Alla: “Fejn hu ħuk Abel?” (Ġen 4:9). It-tweġiba hija l-istess waħda li spiss nagħtu aħna: “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (ibid.). Bil-mistoqsija tiegħu Alla jpoġġi fid-diskussjoni kull għamla ta’ determiniżmu u fataliżmu li jippretendi li jista’ jiġġustifika l-indifferenza bħala l-unika tweġiba possibbli. Anzi, bil-maqlub, jagħtina l-ħila li noħolqu kultura differenti, li torjentana biex negħlbu t-tilwim u nieħdu ħsieb ta’ xulxin.

 

58. Il-ktieb ta’ Ġob jirrikorri għall-fatt li hu għandu l-istess Ħallieq bħala bażi li twieżen kull jedd komuni: “Min għamel lili fil-ġuf, ma għamilx ukoll lilu? Mhux l-istess wieħed sawwarna fi ħdan ommijietna?” (31:15). Ħafna sekli wara, San Irinew esprima ruħu b’mod differenti billi nqeda bix-xbieha tal-melodija: “Mela min iħobb il-verità m’għandux jitkaxkar mid-differenza ta’ kull ħoss u lanqas jistħajjel li wieħed hu l-awtur u l-ħallieq ta’ dan il-ħoss u l-ieħor hu l-awtur u l-ħallieq tal-ieħor […], imma għandu jaħseb li dan kollu għamlu wieħed waħdu”.[54]

 

59. Fit-tradizzjonijiet Lhud, l-amar li wieħed iħobb lill-ieħor u jieħu ħsiebu donnu kien jillimita ruħu għar-relazzjonijiet bejn il-membri tal-istess ġens. Il-preċett antik “ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Lev 19:18) normalment kien jirreferi għal nies mill-istess nazzjon. Madankollu, speċjalment fil-Ġudajiżmu li żviluppa barra mill-art ta’ Iżrael, il-konfini komplew jitwessgħu. Dehret l-istedina biex ma nagħmlux lill-oħrajn dak li ma rridux li jsir lilna (ara Tob 4:15). L-għaref Ħillel (seklu I qk) dwar hekk kien jgħid: “Din hija l-Liġi u l-Profeti. Il-bqija hu kollu kummentarju”.[55] Ix-xewqa li wieħed jimita l-atteġġjamenti divini wasslet biex tingħeleb dik it-tendenza li jillimita ruħu għal dawk l-iżjed fil-qrib tiegħu: “Il-ħniena tal-bniedem hi ma’ ġaru, imma l-ħniena tal-Mulej hi ma’ kull min hu ħaj” (Sir 18:13).

 

60. Fit-Testment il-Ġdid, il-preċett ta’ Ħillel sab espressjoni pożittiva: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti” (Mt 7:12). Din is-sejħa hi universali, tfittex li tħaddan lil kulħadd, sempliċiment għax huma bnedmin, għax l-Aktar Għoli, Missierna tas-Sema, “italla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin” (Mt 5:45). U għalhekk tesiġi: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36).

 

61. Hemm motivazzjoni biex inwessgħu qalbna hekk li ma tħalli barra lil ebda barrani, u nistgħu nsibuha diġà fl-eqdem testi tal-Bibbja. Ġejja mill-fatt li l-poplu Lhudi l-ħin kollu kien jiftakar li hu għex barrani fl-Eġittu:

 

“La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu” (Eż 22:20).

 

“Taħqarx il-barrani; int taf xi jħoss il-barrani, għax barrani int kont fl-art tal-Eġittu” (Eż 23:9).

 

“Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux. Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art tal-Eġittu” (Lev 19:33-34).

 

“Meta tiġbor l-għeneb mid-dwieli tiegħek, la tiġborx li jifdal warajk, imma ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu” (Dewt 24:21-22).

 

Fit-Testment il-Ġdid tidwi qawwija s-sejħa għall-imħabba tal-aħwa:

 

“Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’” (Gal 5:14).

 

“Min iħobb ’il ħuh, jgħammar fid-dawl, u fih ma hemm ebda tfixkil. Iżda min jobgħod ’il ħuh, jinsab fid-dlam” (1 Ġw 2:10-11).

 

“Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt” (1 Ġw 3:14).

 

“Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20).

 

62. Anki din il-proposta ta’ mħabba setgħet tinftiehem ħażin. Mhux ta’ b’xejn, quddiem it-tentazzjoni tal-ewwel komunitajiet Insara li jiffurmaw gruppi magħluqa u iżolati, San Pawl ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex juru mħabba bejniethom “u lejn kulħadd” (1 Tess 3:12); u fil-komunità ta’ Ġwanni kienu jitolbu biex jiġu milqugħa tajjeb “ħutna, imqar meta jkunu barranin” (3 Ġw 5). Dan il-kuntest jgħinna nifhmu l-valur tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb: l-imħabba ma jimpurtahiex jekk ħuha miġruħ hux ġej minn hemm jew minn hawn. Għax hi l-“imħabba li tqatta’ l-ktajjen li jiżolawna u jifirduna minn xulxin, u tibni pontijiet; imħabba li tippermettilna nibnu familja kbira li fiha lkoll nistgħu nħossuna d-dar […]. Imħabba mimlija ħniena u dinjità”.[56]

 

Il-mitluq

63. Ġesù jirrakkonta li kien hemm raġel midrub, mitluq fit-triq, għax kienu attakkawh. Għaddew bosta persuni minn maġenbu imma baqgħu sejrin, ma waqfux. Kienu persuni b’funzjonijiet importanti fis-soċjetà, li ma kellhomx f’qalbhom l-imħabba għall-ġid komuni. Ma kinux kapaċi jaħlu ftit tal-minuti biex jgħinu wieħed midrub jew tal-inqas biex ifittxu l-għajnuna. Wieħed waqaf, resaq qrib tiegħu, dewwielu l-ġrieħi b’idejh stess, ħallas minn butu u ħa ħsiebu. Fuq kollox tah ħaġa li f’din id-dinja mgħaġġla l-inqas li għandna: tah mill-ħin tiegħu. Żgur li hu kellu l-pjanijiet tiegħu kif ħa juża l-ġurnata skont il-bżonnijiet, l-impenji jew ix-xewqat tiegħu. Imma kien kapaċi jwarrab kollox għall-ġenb quddiem dak il-miġruħ, u bla ma jafu qiesu denn li jirċievi d-don tal-ħin tiegħu.

 

64. Ma’ min tidentifika ruħek? Din hi mistoqsija iebsa, diretta u deċiżiva. Int lil min minnhom tixbah? Jeħtieġ nagħrfu t-tentazzjoni li għandna madwarna li ma nagħtux kas tal-oħrajn, speċjalment tal-iżjed dgħajfa. Ejjew ngħiduha kif inhi, kbirna f’tant aspetti imma bqajna analfabeti f’li nsieħbu, nikkuraw u nwieżnu lill-iżjed dgħajfa tas-soċjetajiet żviluppati tagħna. Drajna ndawru wiċċna n-naħa l-oħra, ngħaddu minn maġenb dak li jkun, ninjoraw is-sitwazzjonijiet sakemm dawn ma jmissuniex fil-laħam il-ħaj.

 

65. Iħebbu għal persuna fit-triq, u ħafna jaħarbu bħallikieku ma raw xejn. Sikwit ikun hemm persuni li jtajru lil xi ħadd bil-karozza tagħhom u jaħarbu mill-post. Il-ħsieb tagħhom ikun biss li ma jkollhomx problemi, ma jimpurtahomx jekk hemm bniedem qed imut tort tagħhom. Imma dawn huma sinjali ta’ stil ta’ ħajja mifrux sew, li jidher b’diversi modi, forsi iżjed sottili. Barra dan, billi lkoll kemm aħna kkonċentrati ħafna fuq il-ħtiġijiet tagħna, meta naraw xi ħadd qed ibati, dan jagħtina fastidju, jiddisturbana, għax ma rridux naħlu ħin minħabba fil-problemi ta’ ħaddieħor. Dawn huma sintomi ta’ soċjetà marida, għax qed taspira li tibni lilha nfisha billi tagħti daharha lit-tbatija.

 

66. Aħjar ma naqgħux f’din il-miżerja. Ejjew inħarsu lejn ix-xempju tas-Samaritan it-tajjeb. Din hi silta li tistedinna nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-vokazzjoni tagħna ta’ ċittadini ta’ pajjiżna u tad-dinja kollha, bennejja ta’ rabta soċjali ġdida. Hi sejħa mill-ġdid u dejjem ġdida, imqar jekk hi miktuba bħala liġi fundamentali ta’ dak li aħna: li s-soċjetà tterraq lejn it-twettiq tal-ġid komuni u, ibda minn dan il-għan, tibni dejjem mill-ġdid l-ordni politiku u soċjali tagħha, it-tessut tar-relazzjonijiet tagħha, il-proġett uman tagħha. Bil-ġesti tiegħu s-Samaritan it-tajjeb wera li “l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna hi marbuta ma’ dik tal-oħrajn: il-ħajja mhijiex żmien li jgħaddi, imma żmien ta’ laqgħa”.[57]

 

67. Din il-parabbola hija ikona li ddawwalna, kapaċi turina l-għażla fundamentali li jeħtieġ nagħmlu biex nibnu mill-ġdid lil din id-dinja ta’ swied il-qalb. Quddiem tant tbatija, tant ġrieħi, it-triq waħdanija li minnha nistgħu ngħaddu biex noħorġu hi li nkunu bħas-Samaritan it-tajjeb. Kull għażla oħra twassal jew fuq in-naħa tal-briganti jew fuq dik ta’ dawk li jgħaddu mill-ġenb mingħajr ma tiġihom ħniena mill-uġigħ tal-bniedem miġruħ li hu mitluq fit-triq. Il-parabbola turina b’liema inizjattivi nistgħu nerġgħu nsawru komunità ta’ bnedmin li jagħmlu tagħhom id-dgħufija tal-oħrajn, li ma jħallux lil min jibni soċjetà ta’ esklużjoni, imma jsiru proxxmu għal ħaddieħor u jerġgħu jerfgħu fuq riġlejh u jirrijabilitaw il-bniedem li waqa’, biex il-ġid ikun tassew komuni. Fl-istess waqt, il-parabbola tiftħilna għajnejna għal ċerti atteġġjamenti ta’ persuni li jħarsu biss lejhom infushom u ma jerfgħux ir-responsabbiltà tal-esiġenzi li bilfors iġġib magħha r-realtà umana.

 

68. Ir-rakkont, ħa ngħiduha ċara, ma jgħaddilniex xi tagħlim ta’ ideali astratti, lanqas jillimita ruħu għall-funzjonalità ta’ morali etika-soċjali. Jurina karatteristika essenzjali tal-bniedem, tant drabi minsija: aħna ġejna maħluqa għall-milja li tintlaħaq biss fl-imħabba. Mhuwiex possibbli li nagħżlu li ngħixu indifferenti quddiem it-tbatija; ma nistgħux inħallu li xi ħadd jibqa’ “fil-ġenb tal-ħajja”. Dan għandu jġagħalna niregħxu, sa ma ninżlu mis-serenità tagħna biex niċċappsu bit-tbatija tal-bniedem. Din hi dinjità.

 

Storja li tirrepeti ruħha

69. Ir-rakkont hu sempliċi u lineari, imma fih id-dinamika kollha tal-ġlieda interjuri li sseħħ fl-elaborazzjoni tal-identità tagħna, f’kull ħajja indirizzata fit-triq biex twettaq il-fraternità umana. La aħna mexjin fit-triq, żgur li llum jew għada ħa naħbtu mal-bniedem midrub. Illum, u dejjem iżjed, għandna persuni miġruħa. L-inklużjoni jew l-esklużjoni ta’ min qed ibati tul it-triq tiddefinixxi l-proġetti kollha ekonomiċi, politiċi, soċjali u reliġjużi. Kuljum insibu ruħna quddiem l-għażla li nkunu Samaritani tajba jew vjaġġaturi indifferenti li jgħaddu mill-bogħod. U jekk nifirxu ħarsitna fuq l-istorja sħiħa tagħna u lejn id-dinja kollha, ilkoll aħna jew konna xi darba bħal dawn il-persunaġġi: ilkoll għandna xi ħaġa minn tal-bniedem midrub, xi ħaġa minn tal-briganti, xi ħaġa minn ta’ dawk li jgħaddu mill-bogħod, u xi ħaġa minn tas-Samaritan it-tajjeb.

 

70. Interessanti kif id-differenzi bejn il-persunaġġi tar-rakkont jinbidlu għalkollox fil-konfront tal-manifestazzjoni tat-tbatija tal-bniedem li waqa’, safa umiljat. M’għadx hemm distinzjoni bejn dak li jgħix il-Lhudija u dak li jgħix is-Samarija, m’hemmx saċerdot u lanqas negozjant; sempliċiment hemm żewġ xorta ta’ persuni: dawk li jieħdu fuq spallejhom it-tbatija u dawk li jibqgħu għaddejjin mill-bogħod; dawk li jmilu u jagħrfu lill-bniedem li waqa’ u dawk li jdawru ħarsithom band’oħra u jħaffu l-pass. Fil-verità, il-ħafna maskri tagħna, it-tikketti tagħna u l-kostumi li taħthom nippruvaw ninħbew, kollha jaqgħu: hi s-siegħa tal-verità. Se mmilu biex immissu b’idejna u ndewwu l-ġrieħi tal-oħrajn? Se nitbaxxew biex nerfgħu fuq spallejna wieħed lill-ieħor? Din hi l-isfida tal-lum, li m’għandniex għax nibżgħu minnha. Fil-mumenti ta’ kriżi l-għażla tagħfas iktar u iktar fuqna: nistgħu ngħidu li, f’dan il-mument, kull min mhuwiex brigant u kull min ma jibqax għaddej mill-bogħod, jew hu midrub jew qed iġorr fuq spallejh lil xi ħadd midrub.

 

71. L-istorja tas-Samaritan it-tajjeb tirrepeti ruħha: dejjem qed jidher iżjed ċar li l-indifferenza soċjali u politika qed tagħmel minn ħafna mkejjen tad-dinja toroq imwarrba, fejn it-tilwim intern u internazzjonali u l-ħtif ta’ opportunitajiet qed iħallu tant emarġinati mixħuta fl-art mal-ġenb tat-triq. Fil-parabbola tiegħu Ġesù ma jippreżentax toroq oħra, bħal ngħidu aħna: x’kien jiġri minn dak ir-raġel bi ġrieħi gravi jew minn dak li għenu kieku l-mibegħda u l-għatx għall-vendetta kellhom isibu wisa’ fi qlubhom? Hu għandu fiduċja fl-aħjar parti tal-ispirtu uman u bil-parabbola jinkuraġġiha biex tagħżel l-imħabba, taqbeż għall-batut u tibni soċjetà li jixirqilha dan l-isem.

 

Il-persunaġġi

72. Il-parabbola tiftaħ bil-briganti. Il-punt tat-tluq li jagħżel Ġesù hu vjolenza li diġà twettqet. Ma jridniex nieqfu u noqogħdu nilmentaw fuq il-fatt, ma jixħitx il-ħarsa tagħna fuq il-briganti. Nafuhom. Rajnieh jittajjar fuq id-dinja s-sħab iswed tal-abbandun, tal-vjolenza mħaddma għall-interessi msejkna tal-poter, ir-regħba u l-firda. Il-mistoqsija tista’ tkun: se nħallu lill-persuna midruba fl-art biex kull wieħed u waħda minna jmur jiġri jistkenn hu mill-vjolenza jew biex niġru wara l-ħallelin li ħarbu? Dak il-miġruħ se jsir il-ġustifikazzjoni għall-firdiet li ma nistgħux insewwu bejnietna, tal-indifferenzi kiefra tagħna, tat-tilwim fi djarna?

 

73. Imbagħad il-parabbola ddawrilna ħarsitna b’mod ċar fuq dawk li jgħaddu u jibqgħu mexjin mill-bogħod. Din l-indifferenza perikoluża li nibqgħu mexjin bla ma nieqfu, innoċenti jew inqas innoċenti, frott tal-istmerrija jew ta’ distrazzjoni kerha, tagħmel mill-persunaġġi tal-qassis u tal-levita rifless xejn inqas ta’ swied il-qalb ta’ dik id-distanza li tiżolana mir-realtà. Hemm tant modi kif nistgħu nibqgħu għaddejjin mill-bogħod, u dawn jikkumplimentaw lil xulxin. Waħda hi li ningħalqu fina nfusna, ma jinteressaniex mill-oħrajn, nibqgħu indifferenti. Oħra hi li nħarsu biss ’il barra. Dwar dan il-mod kif nistgħu nibqgħu għaddejjin mill-bogħod, f’xi pajjiżi, jew f’ċerti setturi tagħhom, hemm stmerrija għall-foqra u għall-kultura tagħhom, u għamla ta’ ħajja ta’ dawk li jħarsu band’oħra, bħallikieku kien hemm xi proġett importat minn pajjiż ieħor li qed jipprova jeħdilhom posthom. Hekk nistgħu niġġustifikaw l-indifferenza ta’ xi wħud, għax dawk li setgħu jmissulhom qalbhom bil-karbiet tagħhom sempliċiment ma jeżistux. Huma barra mix-xefaq tal-interessi tagħhom.

 

74. F’dawk li jgħaddu mill-bogħod hemm dettall li ma nistgħux ma nagħtux kasu: kienu persuni reliġjużi. Iżjed minn hekk, kienu mogħtija għall-għoti tal-qima lil Alla: qassis u levita. Din ħaġa li ta’ min jinnotaha: tindika li l-fatt li wieħed jemmen f’Alla u jadurah mhuwiex garanzija li qed jgħix kif jogħġob lil Alla. Persuna ta’ fidi tista’ ma tkunx fidila lejn dak kollu li tesiġi l-istess fidi, u madankollu tista’ tħossha qrib ta’ Alla u iktar denja mill-oħrajn. Imma hemm modi kif ngħixu l-fidi tagħna li jgħinu l-qalb tagħna tinfetaħ għal ħutna, u din tkun il-garanzija ta’ ftuħ veru għal Alla. San Ġwann Griżostmu wasal biex jesprimi b’ċarezza kbira din l-isfida li għandhom quddiemhom l-Insara: “Trid tagħti ġieħ lill-Ġisem ta’ Kristu? Tistmellx l-għera tiegħu: tlibbsux hawn fil-knisja b’ħaririjiet u dehbijiet, u mbagħad tħallih ibati l-għera u l-ksieħ barra mill-knisja”.[58] Il-paradoss hu li, xi drabi, dawk li jgħidu li ma jemmnux jistgħu jgħixu r-rieda ta’ Alla aħjar minn dawk li jemmnu.

 

75. Il-“briganti tat-triq” soltu għandhom bħala alleati sigrieta tagħhom dawk li “jgħaddu mit-triq u jħarsu band’oħra”. Hekk jagħlaq iċ-ċirku bejn dawk li jużaw u jqarrqu bis-soċjetà biex jerdgħu li jistgħu minnha u dawk li jaħsbu li jistgħu jżommu s-safa fil-funzjoni kritika tagħhom, imma fl-istess waqt jgħixu minn fuq dahar dik is-sistema u r-riżorsi tagħha. Hemm ipokrezija kerha hemm fejn l-impunità tad-delitt, tal-użu tal-istituzzjonijiet għal interessi personali jew korporattivi, u ħażen ieħor li ma jirnexxilniex inneħħu, jingħaqdu ma’ mġiba li kontinwament tikkritika kollox, tiżra’ l-ħin kollu suspetti billi xxerred id-diffidenza u tifxel l-imħuħ. Mal-qerq tal-“kollox sejjer ħażin” tikkorrispondi l-“ħadd ma jista’ jirranġahom l-affarijiet”, “x’nista’ nagħmel jien?”. Hekk, jikbru d-diżillużjoni u n-nuqqas ta’ tama, u dan ma jħeġġiġx għal spirtu ta’ solidarjetà u ta’ ġenerożità. Li tixħet poplu fil-qtigħ il-qalb hu l-għeluq ta’ ċirku vizzjuż perfett: hekk taħdem id-dittatura inviżibbli tal-veri interessi moħbija, li ħatfu taħt difrejhom ir-riżorsi u l-ħiliet ta’ min kapaċi jkollu opinjoni u jaħseb b’moħħu.

 

76. Inħarsu fl-aħħar nett lejn ir-raġel midrub. Xi drabi nħossuna bħalu, midrubin serjament u mixħutin fl-art mal-ġenb tat-triq. Inħossuna wkoll abbandunati mill-istituzzjonijiet vojta u defiċjenti tagħna, jew li moħħhom biex jaqdu l-interessi tal-ftit, ta’ ġewwa u ta’ barra. Fil-fatt, “fis-soċjetà globalizzata, hemm mod eleganti kif inħarsu n-naħa l-oħra u li spiss jiġi pprattikat: taħt il-qoxra ta’ dak li hu politikament korrett jew ta’ xi moda ideoloġika, inħarsu lejn il-persuna li qed tbati mingħajr ma mmissuha, inperrċuha dirett fuq it-televiżjoni, nużaw ukoll diskors li minn barra jidher tolleranti u mimli rettorika”.[59]

 

Nerġgħu nibdew mill-ġdid

77. Kuljum għandna f’idejna opportunità ġdida, pass ġdid. Ma rridux noqogħdu nistennew kollox mingħand dawk li jmexxuna, tkun ħaġa infantili. Aħna ngawdu minn ċerta korresponsabbiltà li kapaċi ttellaq u toħloq proċessi u bidliet ġodda. Irridu nkunu parti attiva fir-riabilitazzjoni u fit-tweżin tas-soċjetajiet midruba. Illum għandna quddiemna okkażjonijiet kbar biex nesprimu li aħna aħwa, li aħna Samaritani tajba oħra li jieħdu fuqhom l-uġigħ tal-fallimenti, flok ikesksu l-mibegħda jew ir-rabja. Bħall-vjaġġatur tal-istorja tagħna li nzerta għaddej, biżżejjed ix-xewqa ħielsa, safja u sempliċi tagħna li nkunu poplu, li nkunu kostanti u ma nehdewx fit-tħabrik tagħna biex ninkludu, nintegraw, nerfgħu ’l fuq mill-ġdid lil min waqa’; imqar jekk tant drabi nsibu ruħna mgħaddsa u kkundannati li nirrepetu l-loġika tal-vjolenti, ta’ dawk li għandhom ambizzjonijiet biss għalihom infushom u jxerrdu l-konfużjoni u l-gideb. Jekk l-oħrajn iridu jibqgħu jaħsbu fil-politika u fl-ekonomija għal-logħbiet tagħhom tal-poter, aħna ħa nseddqu fostna dak li hu tajjeb u noffru s-servizz tagħna għall-ġid.

 

78. Nistgħu nibdew minn isfel u nimxu każ b’każ, nissieltu għal dak li hu l-iżjed konkret u lokali, sal-aħħar rokna ta’ pajjiżna u tad-dinja, bl-istess għożża li dak il-vjaġġatur mis-Samarija kellu għall kull ġerħa ta’ dak ir-raġel midrub. Infittxu lill-oħrajn u nagħmlu tagħna r-realtà li hemm tistenniena, bla ma nibżgħu mit-tbatija jew li ma nistgħu nagħmlu xejn, għax hemmhekk hemm il-ġid kollu li Alla żera’ fil-qalb tal-bniedem. Id-diffikultajiet li jidhru enormi huma l-opportunità biex aħna nikbru, u mhux l-iskuża għad-diqa mejta li tippreferi s-sottomissjoni. Imma dan ma nagħmluhx waħidna, individwalment. Is-Samaritan fittex lukandier li seta’ jieħu ħsieb ta’ dak ir-raġel, l-istess kif aħna msejħin nistiednu u niltaqgħu f’“aħna” li hu iżjed b’saħħtu mill-ġabra ta’ individwi żgħar; niftakru li “l-kollox hu wisq iktar mill-parti, u hu wkoll iktar mill-ġabra tal-partijiet flimkien”.[60] Ejjew ngħidu le għall-faqar u r-rabja tal-partikulariżmi sterili, tat-tilwim bla tmiem. Nieqfu naħbu t-tbatija tat-telfiet tagħna u nerfgħu r-responsabbiltà tad-delitti tagħna, tal-għażż tagħna u tal-gideb tagħna. Ir-rikonċiljazzjoni li tfejjaq tista’ terġa’ tqajjimna u tkeċċi kull biża’ li hemm fina u fl-oħrajn.

 

79. Is-Samaritan tat-triq telaq mingħajr ma qagħad jistenna rikonoxximenti jew ringrazzjamenti. L-għotja għall-qadi tal-oħrajn hi l-akbar sodisfazzjon quddiem Alla tiegħu u quddiem ħajtu, u għalhekk issir dover. Ilkoll għandna responsabbiltà quddiem dak il-midrub li huwa l-istess poplu u l-popli kollha tal-art. Nieħdu ħsieb tad-dgħufija ta’ kull raġel, ta’ kull mara, ta’ kull tifel u tifla u ta’ kull anzjan, b’dik l-imġiba solidali u attenta, l-imġiba ta’ qrubija li kellu s-Samaritan it-tajjeb.

 

Il-proxxmu bla fruntieri

80. Ġesù ppropona din il-parabbola biex iwieġeb għal mistoqsija: min hu l-proxxmu tiegħi? Il-kelma “proxxmu” fis-soċjetà ta’ żmien Ġesù kienet soltu tfisser min hu l-iżjed qrib. Kienu jifhmu li l-għajnuna kellek tagħtiha qabelxejn lil min hu mill-istess grupp tiegħek, mir-razza tiegħek. Samaritan, għal xi Lhud ta’ dak iż-żmien, kien meqjus persuna li tistmerrha, imniġġsa, u għalhekk ma kienx meqjus fost il-qraba li lilhom kien imissek tgħin. Il-Lhudi Ġesù jaqleb għalkollox ta’ taħt fuq din l-impostazzjoni: ma jsejħilniex biex nistaqsu min huma dawk qrib tagħna, imma biex insiru aħna qrib tagħhom, proxxmu għalihom.

 

81. Il-proposta hi dik li nkunu hemm għall-persuna fil-ħtieġa tal-għajnuna, mingħajr ma noqogħdu naraw jekk din tagħmilx parti miċ-ċirku ta’ appartenenza tagħna. F’dan il-każ, is-Samaritan kien dak li sar proxxmu għal-Lhudi midrub. Biex ikun qrib tiegħu u preżenti għalih, qasam il-fruntieri kulturali u storiċi kollha. Il-konklużjoni ta’ Ġesù hija talba: “Mur u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37). Jiġifieri, qed jisfidana biex inwarrbu għall-ġenb kull differenza u, quddiem it-tbatija, nersqu qrib ta’ kulħadd, ikun min ikun. Għalhekk, ma ngħidx iżjed li għandi l-“proxxmu” lil min ngħin, imma li nħossni msejjaħ insir jien proxxmu tal-oħrajn.

 

82. Il-problema hi li, espressament, Ġesù jisħaq fuq il-fatt li r-raġel midrub kien Lhudi – jgħix fil-Lhudija – waqt li dak li waqaf u għenu kien Samaritan – jgħix fis-Samarija –. Dan id-dettall għandu importanza kbira biex nistgħu nirriflettu fuq imħabba li tinfetaħ għal kulħadd. Is-Samaritani kienu jgħixu f’reġjun li kien imniġġes minn riti pagani, u għal-Lhud dan kien jagħmilhom imniġġsa wkoll, ta’ min jistkerrahhom, perikulużi. Fil-fatt, test antik Lhudi li jsemmi ġnus li jistħoqqilhom it-tkasbir jirriferi għas-Samarija u jgħid ukoll li “mhu ġens xejn” (Sir 50:25), u jżid li “l-poplu iblah [li] joqgħod f’Sikem” (v. 26).

 

83. Minn dan nifhmu għaliex waħda mara Samaritana, meta Ġesù talabha tagħtih jixrob, weġbitu b’qawwa: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” (Ġw 4:9). Dawk li kienu qed ifittxu fuqiex jixlu lil Ġesù, l-aktar ħaġa offensiva li sabu x’jgħidulu kienet li “għandek fik Xitan” u “int Samaritan” (Ġw 8:48). Għalhekk, din il-laqgħa ta’ ħniena bejn Samaritan u Lhudi hija provokazzjoni qawwija, li tgiddeb kull manipulazzjoni ideoloġika, biex nistgħu nwessgħu ċ-ċirku tagħna, u nagħtu lill-ħila tagħna li nħobbu dik id-dimensjoni universali, li kapaċi tegħleb il-preġudizzji kollha, il-ħitan storiċi jew kulturali kollha, l-interessi msejkna kollha tagħna.

 

Is-sejħa tal-barrani

84. Fl-aħħar nett, nixtieq infakkar li f’silta oħra tal-Evanġelju Ġesù jgħid: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35). Ġesù seta’ jgħid dawn il-kelmiet għax kellu qalbu miftuħa biex jagħmel tiegħu t-tbatijiet tal-oħrajn. San Pawl stedinna: “Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki” (Rum 12:15). Meta l-qalb tagħmel tagħha din l-imġiba, tkun kapaċi titwaħħad mal-ieħor mingħajr ma toqgħod tagħti kas fejn twieled u mnejn hu ġej. Tidħol f’din id-dinamika, u żgur mhux forsi wieħed jibda jħoss li l-oħrajn huma “nies ta’ daru” (ara Iż 58:7).

 

85. Għall-Insara, kliem Ġesù għandu wkoll dimensjoni oħra, traxxendentali. Jitlob minna li nagħrfu lil Kristu nnifsu f’kull wieħed u waħda minn ħutna mitluqa jew imwarrba (ara Mt 25:40,45). Fir-realtà, il-fidi timla l-għarfien tal-persuna l-oħra b’motivazzjonijiet li qatt ma kellna qabel, għax min jemmen jista’ jasal biex jagħraf li Alla jħobb lil kull bniedem bi mħabba bla qies u li “b’dan hu jlibbsu b’dinjità bla tarf”.[61] Ma’ dan irridu nżidu li aħna nemmnu li Kristu xerred demmu għal kulħadd, u għalhekk ħadd ma jitħalla barra mill-imħabba universali tiegħu. U jekk immorru għall-għajn oriġinali, li hi l-ħajja intima ta’ Alla, niltaqgħu ma’ komunità ta’ tliet Persuni, bidu u xempju perfett ta’ kull ħajja flimkien. It-teoloġija tkompli tagħnina grazzi għar-riflessjoni fuq din il-verità għolja.

 

86. Xi drabi jsewwidli qalbi l-fatt li, imqar jekk imżejna b’dawn il-motivazzjonijiet kollha, il-Knisja kellha tieħu tant żmien biex tikkundanna bil-qawwa l-iskjavitù u xejriet oħra ta’ vjolenza. Illum, bl-iżvilupp tal-ispiritwalità u tat-teoloġija, m’għandniex skużi. Madankollu, għad hemm dawk li jgħidu li jħossuhom imħeġġa jew tal-inqas awtorizzati mill-fidi tagħhom li jħaddnu diversi xejriet ta’ nazzjonaliżmu magħluq u vjolenti, atteġġjamenti ksenofobiċi, stmerrija u saħansitra maltrattamenti lejn dawk li huma differenti. Il-fidi, bl-umaniżmu li tnebbaħna bih, għandha żżomm ħaj sens kritiku quddiem dawn it-tendenzi u tgħinna nirreaġixxu malajr meta jibdew jgħollu rashom. Għalhekk hu importanti li l-katekeżi u l-predikazzjoni jinkludu b’mod iżjed dirett u ċar is-sens soċjali tal-ħajja, id-dimensjoni fraterna tal-ispiritwalità, il-konvinzjoni dwar id-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna u l-motivazzjonijiet biex inħobbu u nilqgħu lil kulħadd.


 

IT-TIELET KAPITLU

NAĦSBU U NNISSLU DINJA MIFTUĦA

 

87. Il-bniedem hu magħmul b’mod li ma jistax jirrealizza ruħu, ma jistax jiżviluppa u ma jistax isib il-milja tiegħu “ħlief billi sinċerament jagħmel don tiegħu nnifsu”.[62] U bl-istess mod ma jistax jasal biex jifhem għalkollox il-verità tiegħu nnifsu jekk mhux fil-laqgħa tiegħu mal-oħrajn: “Fil-verità ma nistax nikkomunika miegħi nnifsi jekk mhux skont kemm nikkomunika mal-ieħor”.[63] Dan jispjega għaliex ħadd ma jista’ jifhem il-valur tal-ħajja mingħajr uċuħ konkreti li lilhom jista’ jħobb. Hawn qiegħed is-sigriet tal-ħajja umana awtentika, għax “il-ħajja teżisti kull fejn hemm rabta, komunjoni, fraternità; u hija ħajja li tiżboq il-mewt dment li hi mibnija fuq relazzjonijiet veri u rabtiet ta’ fedeltà. Bil-maqlub, m’hemmx ħajja fejn hemm il-pretensjoni li bniedem huwa tiegħu nnifsu u jgħix għalih waħdu, qisu gżira: f’dawn l-atteġġjamenti toħroġ rebbieħa l-mewt”.[64]

 

Lil hinn minna nfusna

88. Mill-ġewwieni ta’ kull qalb, l-imħabba toħloq rabtiet u twessa’ l-ħajja meta tgħin lill-persuna toħroġ minna nfisha lejn l-oħrajn.[65] Aħna maħluqin għall-imħabba u f’kull wieħed u waħda minna hemm “speċi ta’ liġi ta’ ‘estasi’: noħorġu minna nfusna biex insibu fl-oħrajn mod kif aħna nikbru”.[66] Għalhekk “il-bniedem xi darba jrid jaqtagħha li joħroġ minnu nnifsu”.[67]

 

89. Min-naħa l-oħra, ma nistax nirriduċi ħajti għar-relazzjoni ma’ grupp ċkejken u lanqas għall-familja tiegħi, għax impossibbli nifhem lili nnifsi mingħajr nisġa usa’ ta’ relazzjonijiet: mhux biss dik tal-lum imma anki dik li ġiet qabli u li sawritni matul ħajti. Ir-relazzjoni tiegħi ma’ persuna li nistma ma tistax tinjora l-fatt li dik il-persuna ma tgħixx biss bir-relazzjoni li għandha miegħi, u lanqas jien ma ngħix biss bir-relazzjoni li għandi magħha. Ir-relazzjoni tagħna, jekk hi sana u awtentika, tiftaħna għall-oħrajn li jgħinuna nikbru u jagħnuna. Is-sens soċjali l-aktar għoli llum faċilment jinħonoq minn ħafna diskors fuqna nfusna ma’ ħaddieħor li minn barra jidher bħallikieku kien relazzjoni qawwija. Imma l-imħabba li hi awtentika, li tgħinna nikbru, u l-ogħla għamliet ta’ ħbiberija qegħdin fi qlub li jħallu lil min jagħmilhom sħaħ. Ir-rabta ta’ koppja u ta’ ħbiberija hi orjentata biex tiftaħ il-qalb għal min hemm madwarha, u tagħtina l-ħila li noħorġu minna nfusna biex nilqgħu lil kulħadd. Il-gruppi magħluqa u l-koppji ċċentrati biss fuqhom infushom, li jaraw lilhom infushom bħala “aħna” f’kuntrast mad-dinja kollha kemm hi, soltu huma xejriet idealizzati ta’ egoiżmu u ta’ protezzjoni tagħhom infushom biss.

 

90. Mhux ta’ b’xejn ħafna popli żgħar li rnexxielhom iżommu ħajjin f’żoni maqtugħin rawmu fihom ħila ġeneruża ta’ akkoljenza fil-konfront tal-pellegrini li jgħaddu minn hemm, u hekk taw sinjal eżemplari tad-dmir qaddis tal-ospitalità. Dan għexuh ukoll il-komunitajiet monastiċi Medjevali, kif naqraw fir-Regola ta’ San Benedittu. Imqar jekk kien jaf li hekk seta’ jtellef l-ordni u l-ħemda tal-monasteri, Benedittu kien jesiġi li l-foqra u l-pellegrini jiġu ttrattati “b’ħeġġa u attenzjoni liema bħalha”.[68] L-ospitalità hi mod konkret kif ma niċċaħħdux minn din l-isfida u minn dan id-don li hu l-laqgħa mal-umanità lil hemm mill-grupp tagħna. Dawk il-persuni għarfu li l-valuri kollha li setgħu jrawmu fosthom kellhom jiġu msieħba minn din il-ħila li jmorru lil hinn minnhom infushom fi ftuħ għall-oħrajn.

 

Il-valur waħdieni tal-imħabba

91. Il-persuni spiss jiżviluppaw xi atteġġjamenti li huma jippreżentawhom bħala valuri morali: il-qawwa, is-sobrjetà, l-istinkar u virtujiet oħra. Imma biex jorjentaw kif imiss l-għemejjel tal-bosta virtujiet morali, hemm bżonn iqisu wkoll kemm dawn fihom dinamiżmu ta’ ftuħ u ta’ għaqda lejn il-persuni l-oħra. Dan id-dinamiżmu hu l-imħabba li Alla jsawwab fina. Inkella, forsi jkollhom biss dehra ta’ virtù, imma ma jkunux kapaċi jibnu l-ħajja komuni. Għalhekk San Tumas ta’ Aquino – huwa u jikkwota lil Santu Wistin – qal li l-virtù tal-qies f’kull persuna li għandha jdejha magħluqa mhi virtù xejn.[69] San Bonaventura, bi kliem differenti, fisser li l-virtujiet l-oħra, mingħajr il-karità, fil-verità ma jkunux iwettqu l-kmandamenti “kif iridhom Alla”.[70]

 

92. Il-kobor spiritwali ta’ ħajja umana hu determinat mill-imħabba, għax fl-aħħar mill-aħħar “l-imħabba dwar it-tajjeb jew in-nuqqas tiegħu fil-ħajja umana ssir l-għażla għal deċiżjoni finali”.[71] Madankollu, hemm nies ta’ fidi li jaħsbu li l-kobor tagħhom qiegħed f’li jimponu l-ideoloġiji tagħhom fuq l-oħrajn, jew f’li jħarsu b’mod vjolenti l-verità, jew f’dimostrazzjonijiet kbar ta’ qawwa. Aħna kollha li nemmnu jeħtieġ nagħrfu dan: fl-ewwel post hemm l-imħabba, dik li qatt m’għandna npoġġu f’riskju hi l-imħabba, l-ikbar periklu hu li ma nħobbux (ara 1 Kor 13:1-13).

 

93. Huwa u jipprova jippreċiża fiex tikkonsisti l-esperjenza tal-imħabba, li Alla jagħmel possibbli bil-grazzja tiegħu, San Tumas ta’ Aquino fissirha bħala moviment li jixħet l-attenzjoni fuq il-persuna l-oħra għax “iqisha bħala ħaġa waħda miegħu nnifsu”.[72] L-attenzjoni affettiva li nagħtu lill-oħrajn tqanqal fina orjentament biex infittxu l-ġid tagħhom mingħajr ma nistennew xejn lura. Dan kollu jibda minn rispett, minn apprezzament, li bla dubju ta’ xejn hu dak li hemm wara l-kelma “karità”: il-bniedem maħbub hu għalija “għażiż”, jiġifieri nqisu ta’ valur kbir.[73] U “mill-imħabba li biha lil xi ħadd togħġbu persuna oħra jiġu l-ħwejjeġ li jagħtiha b’xejn”.[74]

 

94. Għalhekk l-imħabba titlob xi ħaġa iżjed minn serje ta’ għemejjel ta’ ġid. L-għemejjel joħorġu minn għaqda li tfittex dejjem iżjed lill-ieħor għax tqisu prezzjuż, denn, mogħġub u sabiħ, lil hemm mid-dehriet fiżiċi jew morali. L-imħabba lejn l-ieħor għal dak li hu jew hi twassalna biex infittxu l-aħjar ġid għall-ħajja tiegħu jew tagħha. Huwa biss b’dan il-mod ta’ kif nirrelataw ma’ xulxin li nistgħu nagħmlu possibbli ħbiberija soċjali li ma tħalli lil ħadd barra kif ukoll il-fraternità miftuħa għal kulħadd.

 

Il-ftuħ ftit ftit għall-imħabba

95. Fl-aħħar nett, l-imħabba tmexxina lejn il-komunjoni unversali. Ħadd ma jimmatura u lanqas jilħaq il-milja tiegħu nnifsu billi jiżola ruħu. Bl-istess dinamika tagħha, l-imħabba titlob ftuħ li jsir ftit ftit, ħila dejjem ikbar li nilqgħu lill-oħrajn, f’avventura li qatt ma tispiċċa u li twassal il-periferiji kollha lejn sens sħiħ ta’ appartenenza reċiproka. Ġesù qalilna: “Intom ilkoll aħwa” (Mt 23:8).

 

96. Dan il-bżonn li naqbżu l-istess limiti tagħna jgħodd ukoll għad-diversi reġjuni u d-diversi pajjiżi. Fil-fatt, “in-numru dejjem jikber ta’ interkonnessjonijiet u ta’ komunikazzjoni li jdawru l-pjaneta tagħna jagħmel aktar evidenti li nagħrfu l-unità u s-sehem tad-destin komuni bejn in-nazzjonijiet tad-dinja. Naraw li fid-dinamiżmi tal-istorja, għalkemm bid-diversità ta’ razez, ta’ soċjetajiet u ta’ kulturi, hemm miżrugħa l-vokazzjoni li tifforma komunità magħmula minn aħwa li jilqgħu lil xulxin u jieħdu ħsieb wieħed tal-ieħor”.[75]

 

Soċjetajiet miftuħa li jintegraw lil kulħadd

97. Hemm periferiji li jinsabu qrib tagħna, fiċ-ċentru ta’ belt, jew fil-familja tagħna. Hemm ukoll aspett tal-ftuħ universali tal-imħabba li mhuwiex ġeografiku imma eżistenzjali. Hija l-ħila li ta’ kuljum inwessa’ ċ-ċirku tiegħi, li nasal għand dawk li hekk ta’ malajr ma nħosshomx parti mid-dinja tal-interessi tiegħi, imqar jekk huma qrib tiegħi. Min-naħa l-oħra, kull wieħed u waħda minn ħutna li qed ibati, hu abbandunat jew injorat mis-soċjetà tagħna, hu barrani eżistenzjali, imqar jekk twieled fl-istess pajjiż. Jista’ jkun ċittadin bil-karti kollha f’posthom, imma jsib min iġagħlu jħossu barrani fl-istess artu. Ir-razziżmu hu virus li faċilment jidher taħt bosta wċuħ u flok jgħib, jinħeba, imma dejjem hemm qiegħed.

 

98. Nixtieq infakkar lil dawk l-“eżiljati moħbija” li huma ttrattati bħala barranin fis-soċjetà.[76] Tant persuni b’diżabbiltà “jħossuhom qed jgħixu bla ma huma ta’ mkien u bla ma jipparteċipaw”. Għad hemm ħafna affarijiet “li [qed iżommu] ċ-ċittadinanza sħiħa tagħhom”. L-għan mhuwiex biss li ngħinuhom, imma “s-sehem attiv tagħhom fil-komunità ċivili u ekkleżjali. Hi mixja esiġenti u anki iebsa, li tista’ tikkontribwixxi dejjem iżjed biex issawwar kuxjenzi li kapaċi jagħrfu f’kull wieħed u waħda persuna unika u irripetibbli”. Bl-istess mod naħseb fil-persuni anzjani “li, anki minħabba d-diżabbiltà tagħhom, xi kultant inħossuhom bħala piż”. Madankollu, kulħadd jista’ jagħti “kontribut uniku għall-ġid komuni permezz tal-istorja partikulari tiegħu jew taghha”. Ippermettuli nisħaq: irid “ikollkom il-kuraġġ li tagħtu vuċi lil dawk li huma diskriminati minħabba d-diżabbiltà tagħhom għax sfortunatament f’ċerti pajjiżi sal-lum mhumiex rikonoxxuti bħala persuni b’dinjità ndaqs”.[77]

 

Għarfien żbaljat ta’ mħabba universali

99. L-imħabba li tmur lil hemm mill-fruntieri għandha bħala bażi dik li aħna nsejħu “ħbiberija soċjali” f’kull belt u f’kull pajjiż. Meta hi ġenwina, din il-ħbiberija soċjali fi ħdan soċjetà hi kundizzjoni ta’ possibbiltà għal ftuħ universali veru. M’aħniex nitkellmu fuq l-universaliżmu falz ta’ min iħoss il-bżonn li jivvjaġġa l-ħin kollu għax ma jiflaħx għall-poplu tiegħu u ma jħobbux. Min iħares bi stmerrija lejn il-poplu tiegħu, ikun qed joħloq fis-soċjetà tiegħu kategoriji tal-ewwel u tat-tieni klassi, ta’ persuni b’dinjità u jeddijiet iktar jew inqas minn oħrajn. Hekk ikun qed jiċħad li hemm wisa’ għal kulħadd.

 

100. Lanqas qed nipproponi universaliżmu awtoritarju u astratt, iddettat jew ippjanifikat minn xi wħud u ppreżentat bħala taparsi ideal bl-għan li jagħmel lil kulħadd l-istess, jaħkem u jaħtaf. Hemm mudell ta’ globalizzazzjoni li hu “uniformità ta’ dimensjoni ewlenija u qed ifittex li jelimina d-differenzi kollha u t-tradizzjonijiet billi b’superfiċjalità jfittex l-unità. […] Jekk il-globalizzazzjoni tippretendi li kulħadd ikun ugwali, qisu fi sfera, din il-globalizzazzjoni teqred il-karatteristiċi personali ta’ kull persuna u ta’ kull poplu”.[78] Din il-ħolma universalistika falza tispiċċa biex iċċaħħad lid-dinja mill-firxa tal-ilwien tagħha, tal-ġmiel tagħha u żgur mhux forsi tal-umanità tagħha. Għax “il-futur mhuwiex ‘kulur wieħed’, imma, jekk ikollna l-kuraġġ, hu possibbli nħarsu lejh fil-firxa u fid-diversità tas-sehem li kull wieħed u waħda jista’ jagħti. Kemm għandha bżonn il-familja umana tagħna li titgħallem tgħix flimkien f’armonija u paċi mingħajr ma jkollna għalfejn inkunu kollha ugwali!”.[79]

 

Immorru lil hemm minn dinja ta’ soċji

101. Nerġgħu naqbdu issa l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, li għad fadlilha ħafna proposti x’toffrilna. Kien hemm bniedem midrub fit-triq. Il-persuni li baqgħu għaddejjin minn ħdejh ma ħasbux fuq is-sejħa li kienet ħierġa minn ġo qalbhom biex jersqu qrib ta’ ħaddieħor, imma fuq il-funzjoni tagħhom, fuq il-pożizzjoni soċjali li kellhom, fuq professjoni ta’ prestiġju fis-soċjetà. Ħassewhom importanti għas-soċjetà ta’ dak iż-żmien u dak li kien jagħfas fuqhom kien ir-rwol li riedu jiżvolġu. Il-bniedem midrub u mitluq mat-triq kien se jtellef dan il-proġett, kien interruzzjoni, u min-naħa tiegħu kien xi ħadd li anqas kellu ebda funzjoni. Ma kien “ħadd”, ma kien ġej minn ebda grupp li ta’ min jagħti kasu, ma kellu ebda rwol fil-binja tal-istorja. Sadanittant, is-Samaritan ta’ qalb tajba rreżista dawn il-klassifikazzjonijiet magħluqa, anki jekk hu stess kien barra minn dawn il-kategoriji u kien sempliċiment barrani mingħajr post tiegħu fis-soċjetà. Hekk, ħieles minn kull titlu u struttura, kien kapaċi jwaqqaf il-vjaġġ tiegħu, jibdel il-pjanijiet li kien għamel, ikun disponibbli u jinfetaħ għas-sorpriża tal-bniedem midrub li kien bżonnu.

 

102. X’reazzjoni jista’ jqanqal illum dan ir-rakkont, f’dinja fejn qed jidhru l-ħin kollu, u jiżdiedu, gruppi soċjali li jiggranfaw ma’ identità li tifridhom mill-oħrajn? Kif tista’ tmiss il-qalb ta’ dawk li ħsiebhom kif ħa jorganizzaw ruħhom b’mod li jżommu barra minn ġo nofshom kull preżenza barranija li tista’ tnaqqar minn din l-identità u minn din l-organizzazzjoni awtodifensiva u awtoreferenzjali? F’din l-iskema titħalla barra l-possibbiltà li nsiru proxxmu, u jkun possibbli nkunu proxxmu biss ta’ min jgħinna nsaħħu l-vantaġġi personali. Hekk il-kelma “proxxmu” titlef kull tifsira, u tikseb sens biss il-kelma “soċju”, dak li miegħu nassoċjaw ruħna għal interessi partikulari.[80]

 

Libertà, ugwaljanza u fraternità

103. Il-fraternità mhijiex biss il-frott ta’ kundizzjonijiet ta’ rispett għal-libertajiet individwali, u lanqas ta’ ċerta ugwaljanza rregolata. Imqar jekk dawn huma kundizzjonijiet li jagħmluha possibbli, mhumiex biżżejjed biex żgur iwasslu għaliha. Il-fraternità għandha xi ħaġa pożittiva x’toffri lil-libertà u lill-ugwaljanza. X’jiġri mingħajr il-fraternità mrawma b’għarfien veru, mingħajr rieda politika ta’ fraternità, imlaħħma f’edukazzjoni għall-valuri tal-fraternità, tad-djalogu, tal-iskoperta ta’ reċiproċità u ta’ kemm nistgħu nistagħnew minn xulxin? Jiġri li l-libertà tiftaqar, u hekk iktar tirriżulta f’kundizzjoni ta’ solitudni, ta’ awtonomija pura biex nagħżlu aħna għal min jew għal xiex nappartienu, jew biex nippossedu u ngawdu aħna. Dan bl-ebda mod ma jilħaq l-għana sħiħ tal-libertà, li hi orjentata fuq kollox lejn l-imħabba.

 

104. Lanqas l-ugwaljanza ma tinkiseb billi ngħidu b’mod astratt li “l-bnedmin kollha huma ndaqs”, għax hija r-riżultat ta’ fraternità mxettla b’għarfien u b’pedagoġija. Dawk li huma kapaċi biss biex ikunu soċji joħolqu dinjiet magħluqa. X’sens jista’ jkollha f’din l-iskema l-persuna li ma tappartieni għall-ebda ċirku ta’ soċji u tasal għandna bil-ħolma ta’ ħajja aħjar għaliha u għall-familja tagħha?

 

105. L-individwaliżmu ma jagħmilniex iktar ħielsa, iktar indaqs, iktar aħwa. Is-sempliċi ġabra tal-interessi individwali m’għandhiex il-ħila li toħloq dinja aħjar għall-bnedmin kollha. Lanqas tista’ tindukrana minn tant ħażen li qed isir dejjem iżjed globali. Għalhekk l-individwaliżmu radikali huwa l-agħar virus li rridu negħlbu. Iqarraq bina. Ibellagħhielna li kollox jikkonsisti f’li nerħu r-riedni ta’ ħajjitna f’idejn l-ambizzjonijiet tagħna, bħallikieku aktar ma jkollna ambizzjonijiet u ċertezzi individwali aktar nistgħu nsawru l-ġid komuni.

 

Imħabba universali li tippromovi l-persuni

106. Hemm għarfien bażiku, li essenzjali jkollna biex nistgħu nimxu lejn il-ħbiberija soċjali u l-fraternità universali: li nintebħu kemm jiswa l-bniedem, kemm tiswa persuna, dejjem u f’kull ċirkustanza. Jekk kull persuna tiswa daqshekk, irridu ngħidu b’mod ċar u sod li “s-sempliċi fatt li twieldu f’post li għandu inqas riżorsi jew inqas żvilupp, ma jiġġustifikax li xi wħud jgħixu b’inqas dinjità minn oħrajn”.[81] Dan hu prinċipju elementari tal-ħajja soċjali, li ta’ sikwit u b’ħafna modi jiġi injorat minn dawk li jaraw li ma jaqbilx mal-viżjoni tagħhom tad-dinja u ma jservix l-iskopijiet tagħhom.

 

107. Kull bniedem għandu jedd jgħix b’dinjità u jiżviluppa b’mod sħiħ, u l-ebda pajjiż ma jista’ jċaħħadlu dan id-dritt fundamentali. Kulħadd għandu dan id-dritt, imqar jekk ma jkunx wisq effiċjenti, imqar jew twieled jew kiber b’limitazzjonijiet; fil-fatt, dan ma jnaqqasx mid-dinjità immensa tiegħu bħala persuna umana, li mhix imsejsa fuq xi ċirkustanzi imma fuq il-valur ta’ dak li hu. Meta dan il-prinċipju elementari ma jiġix imħares, ma jibqax futur la għall-fraternità u lanqas għall-ħajja tal-umanità.

 

108. Hemm soċjetajiet li jilqgħu biss parti minn dan il-prinċipju. Jaċċettaw li għandu jkun hemm opportunitajiet għal kulħadd, imma jisħqu li, imqar jekk hu hekk, kollox jiddependi minn kull persuna individwali. Skont din il-perspettiva parzjali, ma jagħmilx sens li wieħed “jinvesti biex dawk li baqgħu lura, id-dgħajfa u dawk li mhumiex imżejnin b’tant talenti, jimxu ’l quddiem fil-ħajja”.[82] Li wieħed jinvesti b’riżq il-persuni dgħajfa jista’ ma jħallix qligħ, jista’ jwassal għal inqas effiċjenza. Dan jesiġi Stat preżenti u attiv, u istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jmorru lil hemm mil-libertà tal-mekkaniżmi li jagħmlu ċerti sistemi ekonomiċi, politiċi jew ideoloġiċi effiċjenti, għax tabilħaqq ikunu jorjentaw ruħhom qabelxejn lejn il-persuni u lejn il-ġid komuni.

 

109. Xi wħud jitwieldu f’familji b’kundizzjonijiet ekonomiċi tajba, jirċievu edukazzjoni tajba, jikbru mitmugħin tajjeb, jew b’mod naturali għandhom ħiliet notevoli. Dawn żgur mhux ħa jkollhom bżonn ta’ Stat attiv u kulma jeħtieġu hi biss il-libertà. Imma hu ċar li din l-istess regola ma tgħoddx għal persuna b’diżabbiltà, għal min twieled f’dar fqira, għal min kiber b’edukazzjoni ta’ kwalità baxxa u bi ftit jew xejn possibbiltajiet li jikkura kif imiss il-mard tiegħu. Jekk is-soċjetà ħa sserraħ riġlejha l-ewwel u qabel kollox fuq il-kriterji tal-libertà tas-suq u tal-effiċjenza, għal dawn ma hemmx post, u l-fraternità l-iżjed l-iżjed tkun biss espressjoni romantika.

 

110. Il-fatt hu li “s-sempliċi proklamazzjoni tal-libertà ekonomika, meta, imma, il-kundizzjonijiet reali ma jħallux aċċess veru għaliha min-naħa ta’ ħafna, u meta l-aċċess għax-xogħol hu limitat, issir diskors kontradittorju”.[83] Kelmiet bħal libertà, demokrazija jew fraternità jitbattlu mis-sens veru tagħhom. Għax, fir-realtà, “sakemm is-sistema ekonomika-soċjali tagħna tibqa’ tipproduċi vittma u jifdal imqar persuna waħda mormija, ma jistax ikollna l-festa tal-fraternità universali”.[84] Soċjetà umana u fraterna jirnexxilha tħabrek biex tiżgura b’mod effiċjenti u stabbli li kulħadd iħossu msieħeb fil-mixja ta’ ħajtu, mhux biss biex il-ħtiġijiet ewlenin tiegħu jkunu moqdija, imma biex jista’ joħroġ l-aħjar minnu nnifsu, imqar jekk ir-riżultat tiegħu ma jkunx l-aqwa, imqar jekk ikollu jimxi bil-mod, imqar jekk l-effiċjenza tiegħu ftit jew xejn tkun rilevanti.

 

111. Il-bniedem, bid-drittijiet inaljenabbli tiegħu, hu miftuħ b’mod naturali għal rabtiet ma’ oħrajn. Fl-istess għeruq tiegħu hemm is-sejħa biex joħroġ minnu nnifsu fil-laqgħa tiegħu mal-oħrajn. Għalhekk “jeħtieġ noqogħdu attenti biex ma naqgħu fl-ebda ekwivoku li jista’ jinħoloq jekk nifhmu ħażin il-kunċett tad-drittijiet umani u minħabba fl-abbuż paradossali tagħhom. Fil-fatt illum teżisti t-tendenza li nfittxu dejjem iktar id-drittijiet individwali tagħna – għandi t-tentazzjoni li ngħid individwalistiċi –, u taħtha din taħbi kunċett ta’ persuna umana maqlugħ minn kull kuntest soċjali u antropoloġiku, kważi bħal ‘monadu’ (monás), dejjem inqas sensibbli […]. Jekk id-dritt ta’ kull wieħed u waħda mhux armonikament ordnat lejn il-ġid ikbar, jispiċċa bla limiti ta’ xejn u għalhekk isir għajn ta’ kunflitti u vjolenza”.[85]

 

Nippromovu l-ġid morali

112. Ma nistgħux ma ngħidux li x-xewqa u t-tiftixa tal-ġid tal-oħrajn u tal-umanità kollha jitolbu minna wkoll li nħabirku għal maturazzjoni tal-persuni u tas-soċjetajiet fid-diversi valuri morali li jwasslu għal żvilupp uman sħiħ. Fit-Testment il-Ġdid, fost il-frott tal-Ispirtu s-Santu (Gal 5:22), tissemma waħda bit-terminu Grieg agathosyne. Tindika r-rabta ma’ dak li hu tajjeb, it-tiftix tal-ġid. Iżjed minn hekk, tfisser li wieħed jikseb dak li l-aktar jiswa, l-aħjar għall-oħrajn: il-maturazzjoni tagħhom, li huma jikbru f’ħajja b’saħħitha, it-taħriġ tal-valuri u mhux biss il-ġid materjali. Hemm espressjoni Latina tixxiebah: bene-volentia, jiġifieri l-atteġġjament ta’ min irid il-ġid tal-oħrajn. Hija xewqa qawwija għat-tajjeb, ġibda lejn dak kollu li hu tajjeb u mill-aqwa, li twassalna biex nimlew il-ħajja tal-oħrajn bi ħwejjeġ sbieħ, l-aktar għolja, li jedifikaw.

 

113. F’din il-linja, intenni b’għafsa ta’ qalb li “diġà ilna biżżejjed sejrin lura moralment, nilagħbu bl-etika, bit-tjieba, bil-fidi, bl-onestà, u issa wasal il-mument li nagħrfu li din is-superfiċjalità allegra ftit li xejn switilna. Dan it-tiġrif ta’ kull fundament tal-ħajja soċjali jispiċċa biex iġibna wieħed kontra l-ieħor, moħħna kif ħa naqbżu għall-interessi personali tagħna”.[86] Ejjew naħdmu għall-ġid ta’ xulxin, għalina nfusna u għall-bnedmin kollha, u hekk interrqu flimkien lejn maturazzjoni ġenwina u sħiħa. Kull soċjetà għandha bżonn tiżgura li l-valuri jiġu mgħoddija, għax jekk dan ma jseħħx, minflok ħa jgħaddu l-egoiżmu, il-vjolenza, il-korruzzjoni fid-diversi xejriet tagħha, l-indifferenza u, bla dubju, ħajja magħluqa għal kull traxxendenza u mqartsa fl-interessi individwali.

 

Il-valur tas-solidarjetà

114. Nixtieq inkompli nagħfas fuq is-solidarjetà, li “bħala virtù morali u mġiba soċjali, frott tal-konverżjoni pesonali, tesiġi impenn min-naħa ta’ bosta suġġetti, li għandhom responsabbiltà ta’ karattru edukattiv u formattiv. L-ewwel ħsieb tiegħi jmur lejn il-familji, imsejħin għal missjoni edukattiva primarja u essenzjali. Huma l-ewwel post li fih ngħixu u ngħaddu l-valuri tal-imħabba u tal-fraternità, tal-konvivenza u tal-qsim ma’ xulxin, tal-attenzjoni u tal-għożża tal-persuna l-oħra. Huma wkoll il-post ipprivileġġjat mnejn tgħaddi l-fidi, ibda minn dawk l-ewwel ġesti sempliċi ta’ devozzjoni li l-ommijiet jgħallmu lil uliedhom. F’dak li għandu x’jaqsam mal-edukaturi u dawk responsabbli mill-formazzjoni li, fl-iskola jew fid-diversi ċentri fejn jinġabru t-tfal u ż-żgħażagħ, għandhom id-dmir impenjattiv li jedukaw lit-tfal u liż-żgħażagħ, dawn huma msejħa jagħrfu li r-responsabbiltà tagħhom tolqot id-dimensjoni morali, spiritwali u soċjali tal-persuna. Il-valuri tal-libertà, tar-rispett reċiproku u tas-solidarjetà jistgħu jiġu trasmessi sa mill-età l-iżjed tenera. […] Anki l-operaturi kulturali u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għandhom responsabbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-formazzjoni, speċjalment fis-soċjetajiet ta’ żmienna, fejn l-aċċess għal għodda ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni dejjem hu iżjed mifrux”.[87]

 

115. F’dawn il-mumenti, fejn kollox jidher qed jitmermer u jitlef il-konsistenza tiegħu, nagħmlu tajjeb infittxu dak li hu sod[88] u li jiddependi minn kemm lesti nerfgħu r-responsabbiltà tad-dgħufija tal-oħrajn fit-tiftixa ta’ destin komuni. Is-solidarjetà tesprimi ruħha b’mod konkret fil-qadi, li jista’ jieħu diversi xejriet fil-mod kif aħna nagħmlu tagħna l-bżonnijiet tal-oħrajn. Il-qadi jfisser, “fil-parti l-kbira, tieħu ħsieb tad-dgħajjef. Naqdu jfisser nieħdu ħsieb ta’ dawk li huma dgħajfin fil-familji tagħna, fis-soċjetà tagħna, fil-poplu tagħna”. F’dan it-tħabrik kulħadd hu kapaċi li, “quddiem il-ħarsa konkreta ta’ dawk l-iżjed dgħajfa, [hu dejjem mistieden] iwarrab għall-ġenb il-ħtiġijiet tiegħu, l-istennijiet tiegħu, ix-xewqat tiegħu ta’ omnipotenza. […] Il-qadi dejjem iħares lejn il-wiċċ ta’ ħuk, imiss il-laħam ta’ ġismu, iħoss il-qrubija tiegħu u f’xi każi sa anki ‘jsofriha’, u jfittex li jgħolli ’l fuq lilu. Għalhekk il-qadi qatt mhu ideoloġija, għax ma jaqdix ’l-ideat, imma ’l-persuni”.[89]

 

116. Dawk li jinsab fl-aħħar post ġeneralment “iħaddmu dik is-solidarjetà tant speċjali li teżisti bejn dawk li jbatu, bejn il-foqra, u li ċ-ċiviltà tagħna donnha nsiet, jew tal-inqas tixtieq ħafna tinsa. Solidarjetà hi kelma li mhux dejjem tinżel tajjeb; jien ngħid li xi drabi bdilnieha f’kelma kerha, ma tistax tgħidha; imma hija kelma li tesprimi ħafna iżjed minn xi għemejjel ta’ ġenerożità ’l hawn u ’l hinn. Tfisser li wieħed jaħseb u jaġixxi f’termini ta’ komunità, tal-prijorità tal-ħajja ta’ kulħadd fuq il-kisba tal-ġid min-naħa ta’ xi wħud. Tfisser ukoll li jitqabad kontra l-kawżi strutturali tal-faqar, in-nuqqas ta’ ugwaljanza, in-nuqqas ta’ xogħol, tal-art u ta’ dar, iċ-ċħid tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol. Tfisser li jaffronta l-effetti qerrieda tal-Imperu tal-flus […]. Is-solidarjetà, mifhuma fl-iktar sens profond tagħha, hi mod kif niktbu l-istorja, u dan hu li jagħmlu l-movimenti popolari”.[90]

 

117. Meta nitkellmu fuq li għandna nieħdu ħsieb tad-dar komuni tagħna li hi l-pjaneta, nappellaw tal-inqas għal ftit kuxjenza universali u għal dak it-tħassib għall-għożża ta’ xulxin li forsi għad hemm fil-persuni. Fil-fatt, jekk xi ħadd għandu ilma żejjed biex ibigħ, u madankollu xorta jaħżnu għax jaħseb fl-oħrajn, dan jagħmlu għax laħaq livell morali li jippermettilu jmur lil hemm minnu nnifsu u mill-grupp li għalih jappartieni. Din hi ħaġa tassew umana! Dan l-istess atteġġjament għandna bżonn biex nagħrfu d-drittijiet ta’ kull persuna, anki jekk din twieldet lil hemm mill-fruntieri tagħna.

 

Nipproponu mill-ġdid il-funzjoni soċjali tal-proprjetà

118. Id-dinja teżisti għal kulħadd, għax aħna l-bnedmin ilkoll kemm aħna nitwieldu fuq din l-art bl-istess dinjità. Id-differenzi ta’ lewn tal-ġilda, reliġjon, ħiliet, post tal-oriġni, post fejn ngħixu u tant oħrajn ma jistgħux jiġu qabel jew ninqdew bihom biex jiġu ġġustifikati l-privileġġi ta’ xi wħud bi prezz qares għad-drittijiet ta’ kulħadd. B’konsegwenza ta’ dan, bħala komunitajiet aħna rridu niggarantixxu li kull persuna tgħix b’dinjità u jkollha l-opportunitajiet xierqa għall-iżvilupp sħiħ tagħha.

 

119. Fl-ewwel sekli tal-fidi Nisranija, bosta għorrief żviluppaw sens universali fir-riflessjoni tagħhom fuq id-destinazzjoni komuni tal-ġid maħluq.[91] Dan wassalhom biex jaħsbu li, jekk wieħed m’għandux il-meħtieġ biex jgħix b’dinjità, dan għaliex xi ħadd ieħor qed jeħodhulu. San Ġwann Griżostmu jiġbor dan il-ħsieb meta jgħid li “meta ma tagħtix lill-foqra sehem mill-ġid tiegħek tkun qed tisirqu mill-foqra, tkun qed iċċaħħadhom minn ħajjithom stess; u dak li għandna mhuwiex tagħna, imma tagħhom ukoll”.[92] Kif ukoll dawn il-kelmiet ta’ San Girgor il-Kbir: “Meta nagħtu xi ħaġa, tkun li tkun, lill-foqra, ma nkunux nagħtu xi ħaġa minn tagħna imma nkunu qed irroddulhom dak li hu tagħhom bi dritt”.[93]

 

120. Mill-ġdid nagħmel tiegħi u nipproponi lil kulħadd xi kelmiet ta’ San Ġwanni Pawlu II, li l-qawwa tagħhom forsi ma ġietx mifhuma kemm imiss: “Alla ta l-art lill-familji kollha tal-bnedmin, għall-għajxien tagħhom ilkoll mingħajr ma ħalla ’l ħadd barra jew ippreferixxa lil xi ħadd”.[94] F’din il-linja nfakkar li “t-tradizzjoni Nisranija qatt ma għarfet bħala assolut jew li ma jistax jintmess id-dritt tal-proprjetà privata, u saħqet fuq il-funzjoni soċjali ta’ kull għamla ta’ proprjetà privata”.[95] Il-prinċipju tal-użu komuni tal-ġid maħluq għal kulħadd hu “l-ewwel prinċipju tal-ordni morali soċjali kollu kemm hu”,[96] huwa jedd naturali, ġej mill-bidu u meqjus prijorità.[97] Id-drittijiet l-oħra kollha dwar il-ġid meħtieġ għat-twettiq sħiħ tal-persuni, anki dak tal-proprjetà privata u kull dritt ieħor, “mhux biss ma għandhomx ifixklu dik ir-regola, imma għandhom aktar iħaffuha”, kif stqarr San Pawlu VI.[98] Id-dritt għall-proprjetà privata jista’ jitqies biss bħala dritt naturali sekondarju u ġej mill-prinċipju tad-destinazzjoni universali tal-ġid maħluq, u dan għandu konsegwenzi konkreti ħafna, li għandhom jirriflettu fuq kif taħdem is-soċjetà. Imma spiss jiġri li d-drittijiet sekondarji jitqiegħdu ’l fuq minn dawk ta’ prijorità u li kienu hemm sa mill-bidu, u jneżżgħuhom mir-rilevanza prattika tagħhom.

 

Drittijiet bla fruntieri

121. Għalhekk ħadd ma jista’ jitħalla barra, minħabba fejn twieled, u wisq inqas minħabba l-privileġġi li għandhom oħrajn għax twieldu f’postijiet b’aktar opportunitajiet. Il-konfini u l-fruntieri tal-Istati ma jistgħux iżommu dan milli jseħħ. L-istess kif mhuwiex aċċettabbli li persuna jkollha inqas drittijiet għax hija mara, u inqas u inqas hu aċċettabbli li l-post tat-twelid jew ta’ residenza minnu nnifsu jiddetermina inqas opportunitajiet ta’ ħajja xierqa u ta’ żvilupp.

 

122. L-iżvilupp ma jridx ikun orjentat lejn il-ftit li dejjem iġemmgħu iżjed għalihom, imma għandu jiżgura “d-drittijiet personali, soċjali, ekonomiċi u politiċi ta’ kulħadd, u wkoll tal-popli u tan-nazzjonijiet”.[99] Id-dritt ta’ xi wħud għal-libertà tan-negozju jew tas-suq ma jistax jogħla iktar minn dawk tal-popli u tad-dinjità tal-foqra; u lanqas ’il fuq mir-rispett tal-ambjent, għax “min għandu parti minnu, dan biss biex jamministrah għall-ġid ta’ kulħadd”.[100]

 

123. L-attività tal-intraprendituri effettivament “hi vokazzjoni nobbli orjentata biex tipproduċi l-ġid u ttejjeb id-dinja għal kulħadd”.[101] Alla jseddaqna, jistenna minna li niżviluppaw il-ħiliet li hu tana, u hu mela l-univers b’ħafna potenzjalitajiet. Fil-pjanijiet tiegħu kull persuna hi msejħa biex tiżviluppa iktar,[102] u dan jiġbor fih ukoll it-twettiq tal-ħiliet ekonomiċi u teknoloġiċi biex joktru l-ġid u l-għana. Madankollu, ikun xi jkun, dawn il-ħiliet tal-intraprendituri, li huma don ta’ Alla, għandhom ikunu orjentati b’mod ċar lejn il-progress tal-persuni l-oħra u biex jingħeleb il-faqar, speċjalment bil-ħolqien ta’ opportunitajiet differenti ta’ xogħol. Dejjem, flimkien mad-dritt għall-proprjetà privata, jiġi qabel u bħala prijorità d-dritt tas-subordinazzjoni ta’ kull proprjetà għad-destinazzjoni universali tal-ġid tal-art u, għalhekk, id-dritt ta’ kulħadd li jużah.[103]

 

Drittijiet tal-popli

124. Iċ-ċertezza tad-destinazzjoni komuni tal-ġid tal-art illum titlob li dan jiġi applikat anki għall-pajjiżi, għat-territorji tagħhom u għar-riżorsi tagħhom. Jekk dan narawh mhux biss mill-għajnejn tal-leġittimità tal-proprjetà privata u tad-drittijiet taċ-ċittadini ta’ xi nazzjon wieħed, imma anki tal-prinċipju ewlieni tad-destinazzjoni komuni tal-ġid, allura nistgħu ngħidu li kull pajjiż huwa wkoll tal-barrani, ladarba l-ġid ta’ territorju m’għandux jiġi mċaħħad lil persuna fil-bżonn li ġejja minn post ieħor. Fil-fatt, kif għallmu l-Isqfijiet tal-Istati Uniti, hemm drittijiet fundamentali li “jiġu qabel kull soċjetà għax ġejjin mid-dinjità li biha kull persuna ġiet imlibbsa għax ħalaqha Alla”.[104]

 

125. Dan jitlob ukoll mod ieħor ta’ kif nifhmu r-relazzjonijiet u l-qsim bejn il-pajjiżi. Jekk kull persuna għandha dinjità inaljenabbli, jekk kull bniedem hu ħija u oħti, u jekk tassew id-dinja hi ta’ kulħadd, mhux tant importanti jekk kull persuna twelditx hawn jew tgħixx barra mill-konfini ta’ pajjiżna. In-nazzjon tiegħi wkoll għandu parti mir-responsabbiltà tal-iżvilupp ta’ dik il-persuna, anki jekk jista’ jwettaq din ir-responsabbiltà b’bosta modi: billi jilqagħha b’qalb miftuħa meta jaraha fil-bżonn, billi jippromoviha fl-istess art tiegħu, billi ma jisfruttax u lanqas ibattal minn riżorsi naturali pajjiżi sħaħ billi jiffavorixxi sistemi korrotti li jżommu popli sħaħ milli jiżviluppaw kif jixraq. Dan, li jgħodd għan-nazzjonijiet, japplika għad-diversi reġjuni ta’ kull pajjiż, li fosthom spiss nistgħu nilmħu nuqqasijiet kbar ta’ ugwaljanza. Imma n-nuqqas ta’ ħila li nagħrfu d-dinjità umana ndaqs xi drabi jwassal biex ir-reġjuni l-iżjed żviluppati ta’ ċerti pajjiżi jaħsbu kif ħa jeħilsu mis-“saborra” tar-reġjuni l-iżjed foqra ħalli hekk jgħollu iktar il-livell ta’ konsum tagħhom.

 

126. Qed nitkellmu fuq xibka ġdida fir-relazzjonijiet internazzjonali, għax ma nistgħux nsolvu l-problemi serji tad-dinja jekk nirraġunaw biss f’termini ta’ għajnuna reċiproka bejn individwi jew gruppi ċkejkna. Infakkru li “n-nuqqas ta’ ugwaljanza mhux biss jolqot lill-individwi, imma pajjiżi sħaħ, u jobbligana naħsbu f’etika tar-relazzjonijiet internazzjonali”.[105] U l-ġustizzja titlob li nagħrfu u nirrispettaw mhux biss id-drittijiet individwali, imma anki d-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-popli.[106] Dak li qed ngħidu jitlob li niżguraw id-“dritt fundamentali tal-popli għall-għajxien u għall-progress”,[107] li xi drabi qed jisfa mxekkel bil-kbir mill-pressjoni li ġejja mid-djun ta’ pajjiżi barranin. Il-ħlas tad-dejn f’ħafna każi mhux biss ma jgħinx fl-iżvilupp, imma jillimitah u jikkundizzjonah b’mod qawwi. Għalkemm għandna nħaddnu l-prinċipju li kull dejn li jinħoloq b’mod leġittimu għandu jinfeda, il-mod kif jitwettaq dan l-obbligu, li ħafna pajjiżi foqra għandhom mal-pajjiżi għonja, ma għandux iwassal biex jikkomprometti l-ħajja u t-tkabbir tagħhom.

 

127. Bla dubju, hemm bżonn ta’ loġika oħra. Jekk ma nagħmlux sforz biex nidħlu f’din il-loġika, il-kliem tiegħi jista’ jinstema’ biss fantasija. Imma jekk naċċettaw il-prinċipju kbir tad-drittijiet li joħorġu mill-uniku fatt tad-dinjità umana inaljenabbli, inkunu nistgħu nilqgħu l-isfida li noħolmu u naħsbu f’umanità oħra. Hu possibbli li nixtiequ pjaneta li tiżgura l-art, id-dar u x-xogħol għal kulħadd. Din hija l-vera triq tal-paċi, u mhux l-istrateġija bla sens u li tara biss sa mneħirha ta’ min jiżra’ l-biża’ u s-suspett fil-konfront ta’ theddid li ġej minn barra. Għax il-vera paċi u li ttul hija possibbli biss “jekk titħaddem etika globali ta’ solidarjetà u koperazzjoni bħala servizz għall-ġejjieni mfassal fuq l-interdipendenza u r-responsabbiltà komuni għall-familja umana kollha”.[108]


 

IR-RABA’ KAPITLU

QALB MIFTUĦA GĦAD-DINJA KOLLHA

 

128. L-istqarrija li bħala bnedmin aħna lkoll aħwa, jekk ma tibqax biss idea fl-arja imma titlaħħam u ssir konkreta, tqegħdilna quddiemna għadd ta’ sfidi li jċaqalquna minn postna, jobbligawna nadottaw perspettivi ġodda u niżviluppaw tweġibiet ġodda.

 

Il-limiti tal-fruntieri

129. Meta l-proxxmu hu persuna migranta, jiżdiedu sfidi kumplessi.[109] Ċertament, l-ideal ikun li nevitaw il-migrazzjonijiet mhux meħtieġa u għal dan il-għan it-triq hi li noħolqu fil-pajjiż mnejn ikun ġej il-possibbiltà konkreta li wieħed jgħix u jikber b’dinjità, biex hekk jista’ jsib hemm stess il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp sħiħ tiegħu jew tagħha. Imma, sakemm ma jkunx hemm progress serju f’din id-direzzjoni, hu dmir tagħna nirrispettaw il-jedd ta’ kull bniedem li jsib post fejn jista’ mhux biss jissodisfa l-ħtiġijiet ewlenin tiegħu u tal-familja tiegħu, imma wkoll jirrealizza ruħu b’mod sħiħ bħala persuna. L-isforzi tagħna fil-konfront tal-migranti li jaslu nistgħu niġbruhom f’erba’ verbi: nilqgħu, inħarsu, nippromovu u nintegraw. Fil-fatt, “mhux ħa jaqgħu mis-sema xi programmi ta’ għajnuna, imma huwa aħna li rridu nagħmlu flimkien mixja lejn dawn l-erba’ azzjonijiet, biex nibnu bliet u pajjiżi li, anki jekk jibqgħu jżommu l-identitajiet kulturali u reliġjużi tagħhom, ikunu miftuħa għad-differenzi u jagħrfu jivvalorizzawhom f’isem il-fraternità umana”.[110]

 

130. Din jitlob minna xi tweġibiet indispensabbli, fuq kollox fil-konfront ta’ dawk li qed jaħarbu minn kriżijiet umanitarji serji ħafna. Ngħidu aħna: inżidu u nissimplifikaw l-għoti ta’ viżas; nadottaw programmi ta’ għajnuna privata u komunitarja; niftħu kurituri umanitarji għar-rifuġjati l-iżjed vulnerabbli; noffru post xieraq u dekoruż fejn huma joqogħdu; niggarantixxu s-sigurtà personali u l-aċċess għas-servizzi essenzjali; niżguraw għajnuna xierqa mill-konsulati, id-dritt li wieħed iġorr dejjem fuqu d-dokumenti personali ta’ identità, l-aċċess imparzjali għall-ġustizzja, il-possibbiltà li jiftaħ kontijiet il-bank u l-garanzija li jkollu l-meħtieġ biex jgħix; nagħtuhom il-libertà tal-moviment u l-possibbiltà tax-xogħol; nipproteġu l-minorenni u niżguraw li jkollhom aċċess regolari għall-edukazzjoni; naraw li jkun hemm programmi ta’ kustodja temporanja u ta’ akkoljenza; niggarantixxu l-libertà reliġjuża; nippromovu l-inseriment soċjali tagħhom; niffavorixxu t-tlaqqigħ mill-ġdid ta’ familji flimkien u nħejju l-komunitajiet lokali għal proċessi ta’ integrazzjoni.[111]

 

131. Għal dawk li ilhom li waslu fostna u huma diġà parti mit-tessut soċjali, importanti napplikaw il-kunċett ta’ “ċittadinanza”, li “jitwaqqaf fuq l-ugwaljanza tad-drittijiet u tad-dmirijiet li għad-dell tagħhom kulħadd igawdi l-ġustizzja. Għalhekk hu meħtieġ impenn biex fis-soċjetajiet tagħna nistabbilixxu l-kunċett taċ-ċittadinanza sħiħa u niċħdu l-użu diskriminatorju tal-kelma minoranzi, li fiha ż-żerriegħa li dak li jkun iħossu iżolat u inferjuri; dan jiftaħ it-triq għal-ostilità u għan-nuqqas ta’ ftehim u jiddiskrimina għax lil xi ċittadini jisirqilhom il-kisbiet u d-drittijiet reliġjużi u ċivili”.[112]

 

132. Barra d-diversi azzjonijiet indispensabbli, l-Istati ma jistgħux jiżviluppaw waħidhom soluzzjonijiet xierqa, “għaliex il-konsegwenzi tal-għażliet inevitabbilment ikollhom effett fuq il-komunità internazzjonali kollha”. Għalhekk “it-tweġibiet ma jistgħux ma jkunux frott ta’ ħidma komuni”,[113] u jagħtu ħajja lil leġiżlazzjoni (governanza) globali għall-migrazzjonijiet kollha. Kull kif, hemm bżonn li “jsiru proġetti stabbli għaż-żmien medju u anki għat-tul, li jmorru ’l hinn minn sempliċi tweġiba għall-emerġenza. Minn naħa, dawn għandhom jgħinu effettivament l-integrazzjoni tal-migranti fil-pajjiżi li jilqgħuhom, u fl-istess waqt, jiffavorixxu l-iżvilupp fil-pajjiżi mnejn jiġu l-migranti, permezz ta’ politika solidali, li imma m’għandhomx jorbtu magħha strateġiji u prattiċi ideoloġiċi aljeni jew kuntrarji għall-kulturi tal-popli li jkollhom l-għan li jgħinu”.[114]

 

Id-doni reċiproċi

133. Il-wasla ta’ persuni differenti, li ġejjin minn kuntest ta’ ħajja u kultura differenti, tista’ tinbidel f’don, għax “dawk tal-migranti huma wkoll stejjer ta’ laqgħa bejn persuni u bejn kulturi: għall-komunitajiet u s-soċjetajiet li fihom jaslu huma opportunità biex jistagħnu u għall-iżvilupp uman sħiħ ta’ kulħadd”.[115] Għalhekk “nitlob b’mod partikulari liż-żgħażagħ biex ma jaqgħux fin-nasbiet ta’ dawk li jridu jpoġġuhom kontra żgħażagħ oħra li jaslu f’pajjiżhom, billi jpinġuhomlhom bħala suġġetti perikulużi u bħallikieku ma kellhomx huma wkoll l-istess dinjità inaljenabbli ta’ kull essri uman”.[116]

 

134. Min-naħa l-oħra, meta nilqgħu bil-qalb il-persuna li hi differenti minna, inkomplu nħalluha tibqa’ tkun dak li hi, waqt li nagħtuha l-possibbiltà ta’ żvilupp ġdid. Id-diversi kulturi, li pproduċew l-għana tagħhom mal-medda tas-sekli, għandhom jiġu ppreservati biex id-dinja ma tiftaqarx. U dan mingħajr ma nibqgħu lura milli nħeġġuhom joħorġu minnhom infushom xi ħaġa ġdida fil-laqgħa tagħhom ma’ realtajiet oħra. Ma nistgħux ninjoraw ir-riskju li nispiċċaw vittmi ta’ sklerożi kulturali. Hu għalhekk li “għandna bżonn nikkomunikaw, li niskopru r-rikkezza ta’ xulxin, li nivvalorizzaw dak li jgħaqqadna u li nħarsu lejn id-differenzi bħala opportunità ta’ tkabbir bir-rispett lejn kulħadd. Hu meħtieġ djalogu bil-paċenzja u l-fiduċja b’mod li l-persuni, il-familji u l-komunitajiet ikunu jistgħu jittrażmettu l-valuri tal-kulturi tagħhom u jilqgħu t-tajjeb li jkun ġej mill-espressjonijiet tal-oħrajn”.[117]

 

135. Nerġa’ naqbad xi eżempji li semmejt ftit ilu: il-kultura tal-Latini hi “ferment ta’ valuri u possibbiltajiet li tista’ tagħmel tant ġid lill-Istati Uniti […]. Immigrazzjoni qawwija fl-aħħar dejjem timmarka u tibdel il-kultura ta’ post. […] Fl-Arġentina, l-immigrazzjoni qawwija Taljana ħalliet marka fuq il-kultura tas-soċjetà, u fl-istil kulturali ta’ Buenos Aires wieħed jinnotaha ħafna l-preżenza ta’ madwar mitejn elf Lhudi. L-immigranti, jekk ngħinuhom jintegraw, huma barka, għana u don ġdid li lis-soċjetà jistednuha tikber”.[118]

 

136. B’ħarsa usa’, flimkien mal-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tayyeb fakkarna li “r-relazzjoni bejn l-Orjent u l-Punent hi ħtieġa indiskutibbli, li la tista’ tinbidel u lanqas tkun injorata, sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jistagħnu minn xulxin biċ-ċiviltà ta’ xulxin permezz ta’ skambju u djalogu bejn il-kulturi. Fiċ-ċiviltà tal-Orjent, il-Punent jista’ jsib ir-rimedji għal xi mard spiritwali u reliġjuż tiegħu ħtija tad-dominazzjoni tal-materjaliżmu. U l-Orjent jista’ jsib fiċ-ċiviltà tal-Punent bosta elementi li jgħinuh jinħeles mid-dgħufija, mill-firda, mill-kunflitt u mit-taħsir xjentifiku, tekniku u kulturali. Importanti li tingħata attenzjoni lid-differenzi reliġjużi, kulturali u storiċi li jiffurmaw parti essenzjali mill-formazzjoni tal-personalità, tal-kultura u taċ-ċiviltà Orjentali; u huwa importanti li jissaħħu d-drittijiet umani ġenerali u komuni, bħala kontribut biex tkun iggarantita ħajja dinjituża għall-bnedmin kollha tal-Orjent u tal-Oċċident, billi jkun evitat l-użu tal-politika taż-żewġ miżuri”.[119]

 

Il-qsim għammiel ma’ xulxin

137. L-għajnuna tal-pajjiżi bejniethom żgur li minnha se jibbenefika kulħadd. Pajjiż li jagħmel progress billi jibqa’ jibni fuq is-saff kulturali oriġinali tiegħu huwa teżor għall-umanità kollha. Għandna bżonn inkabbru l-għarfien li llum, jew ħa nsalvaw flimkien jew mhu ħa jsalva ħadd. Il-faqar, id-dekadenza, it-tbatijiet ta’ żona tal-art huma bħal ħamrija siekta li fiha hemm ibaqbqu problemi li fl-aħħar mill-aħħar se jmissu lill-pjaneta kollha. Jekk tħassibna l-estinzjoni ta’ ċerti speċi, aktar għandu jitturmentana l-ħsieb li kullimkien hemm persuni u popli li mhumiex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u l-ġmiel tagħhom minħabba fil-faqar jew f’limiti oħra strutturali. Għax dan jispiċċa biex ifaqqarna lkoll.

 

138. Jekk din dejjem kienet ħaġa ċerta, illum hija iżjed minn qatt qabel minħabba r-realtà ta’ dinja hekk marbuta ma’ xulxin frott il-globalizzazzjoni. Għandna bżonn ta’ ordinament ġuridiku, politiku u ekonomiku dinji li “jkattar u jagħti direzzjoni lill-koperazzjoni internazzjonali b’riżq l-iżvilupp tal-popli kollha fis-solidarjetà”.[120] Dan fl-aħħar mill-aħħar tgawdi minnu l-pjaneta kollha, għax “l-għajnuna għall-iżvilupp tal-pajjiżi l-foqra” titlob li “jinħoloq il-ġid għal kulħadd”.[121] Mil-lenti tal-iżvilupp sħiħ, dan jitlob li jingħata “lin-nazzjonijiet foqra leħen effettiv fid-deċiżjonijiet komuni li jittieħdu”[122] u li nħabriku biex “ninċentivaw l-aċċess tal-pajjiżi mmarkati mill-faqar u n-nuqqas ta’ żvilupp għas-suq internazzjonali”.[123]

 

Gratwità li tilqa’

139. Madankollu, ma rridx nirriduċi din l-impostazzjoni għal xi għamla ta’ utilitarjaniżmu. Teżisti l-gratwità. Hija l-ħila li nagħmlu ċerti affarijiet għas-sempliċi fatt li minnhom infushom huma tajbin, mingħajr ma nippretendu li minnhom niksbu xi riżultat għalina, mingħajr ma noqogħdu nistennew minnufih xi ħaġa lura minnhom. Hekk nistgħu nilqgħu lill-barrani, anki jekk bħalissa mhux qed iġib miegħu xi benefiċċju li nistgħu mmissuh b’idejna. U safrattant hawn pajjiżi li jippretendu li jistgħu jilqgħu biss lix-xjenzati u l-investituri.

 

140. Min ma jgħixx il-gratwità fraterna jagħmel minn ħajtu kummerċ li jaqta’ n-nifs, dejjem ikejjel x’se jagħti u x’se jirċievi floku. Imma Alla jagħti b’xejn, tant li jgħin ukoll lil dawk li mhumiex fidili, u “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin” (Mt 5:45). Għalhekk Ġesù jirrakkomanda: “Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi” (Mt 6:3-4). Il-ħajja b’xejn irċivejnieha, ma ħallasniex għaliha. Għalhekk ilkoll nistgħu nagħtu mingħajr ma nistennew xi ħaġa lura, nagħmlu l-ġid mingħajr ma nippretendu daqshekk ieħor mill-persuna li ngħinu. Dan hu li qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10:8).

 

141. Il-vera kwalità tad-diversi pajjiżi tad-dinja titkejjel skont kemm għandhom ħila jaħsbu mhux biss bħala pajjiż, imma anki bħala familja umana, u dan jidher speċjalment fiż-żminijiet ibsin. In-nazzjonaliżmi magħluqa bla dubju ta’ xejn juru dan in-nuqqas ta’ ħila ta’ gratwità, il-persważjoni żbaljata li nistgħu niżviluppaw maġenb ir-rovina ta’ ħaddieħor u li meta ningħalqu għall-oħrajn se nħossuna iktar fiż-żgur. L-immigrant inħarsu lejh bħala użurpatur li mhu qed joffri xejn. Hekk, naslu biex naħsbu b’mod inġenwu li l-foqra huma perikolużi u bla siwi u li s-setgħanin huma benefatturi ġenerużi. Jista’ jkollha futur biss dik il-kultura soċjali u politika li tifhem x’inhi l-akkoljenza b’xejn.

 

Lokali u universali

142. Ta’ min ifakkar li “bejn il-globalizzazzjoni u l-lokalizzazzjoni hemm tensjoni. Jeħtieġ nagħtu attenzjoni lid-dimensjoni globali biex ma naqgħux fil-medjokrità li ġġib magħha l-ħajja ta’ kuljum. Fl-istess waqt, ma rridux ninsew dak li hu lokali, li jżommna saqajna mal-art. It-tnejn magħqudin flimkien ma jħalluna bl-ebda mod naqgħu f’xi wieħed minn dawn iż-żewġ estremi: l-ewwel, li ċ-ċittadini jkollhom jgħixu f’universaliżmu astratt u globalizzanti, […]; it-tieni, li jsiru mużew tal-folklor ta’ eremiti li moħħhom imwaħħal mal-post tagħhom, ikkundannati li jirripetu dejjem l-istess ħwejjeġ, bla ħila li jħallu jisfidahom dak li hu differenti u li japprezzaw il-ġmiel li Alla jxerred lil hemm mill-konfini tagħhom”.[124] Hemm bżonn naraw l-affarijiet b’mod globali, u dan jeħlisna mill-moħħ magħluq ta’ min hu dejjem imsakkar id-dar. Meta d-dar ma tibqax familja, imma ssir ħajt magħluq, ċella, il-globali jeħlisna għax hu bħall-kawża finali li tiġbidna lejn is-sħiħ. Fl-istess waqt, irridu nagħmlu tagħna wkoll b’rispett id-dimensjoni lokali, għax din fiha xi ħaġa li l-globali m’għandux: hi l-ħmira, li tagħni, tniedi mixjiet ta’ sussidjarjetà. Għalhekk, il-fraternità universali u l-ħbiberija soċjali fi ħdan kull soċjetà huma żewġt itruf li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin u huma essenzjali flimkien. Jekk nifirduhom inkunu ngħawġu r-realtà u noħolqu polarizzazzjoni li ħsara tagħmel.

 

It-togħma lokali

143. Is-soluzzjoni mhijiex xi ftuħ li jiċħad l-istess teżor tiegħu. Kif ma hemmx djalogu mal-oħrajn mingħajr identità personali, hekk ma hemmx ftuħ bejn il-popli jekk dan ma jibdiex mill-imħabba għall-art, għall-poplu, għall-karatteristiċi kulturali tagħna. Ma nistax niltaqa’ mal-ieħor jekk m’għandix art taħti li fuqha jiena sod u fiha huma mniżżla għeruqi, għax huwa fuq dik il-bażi li jien nista’ nilqa’ d-don tal-ieħor u noffrilu xi ħaġa li hi awtentika. Huwa possibbli nilqa’ lil min hu differenti u nagħraf is-sehem oriġinali li jista’ joffri jekk l-ewwel nett jiena marbut fis-sod mal-poplu tiegħi u l-kultura tiegħu. Kull wieħed iħobb u jgħożż b’responsabbiltà speċjali l-art tiegħu u jaħseb fil-ġid ta’ pajjiżu, l-istess kif kull wieħed għandu jħobb u jgħożż id-dar tiegħu biex ma tiġġarrafx, għax din mhix ħaġa li ħa jagħmluhielu l-ġirien. L-istess ġid tad-dinja jitlob li kull wieħed iħares u jħobb l-art tiegħu. U bil-maqlub, il-konsegwenzi tad-diżastru ta’ pajjiż iħallu effetti fuq il-pjaneta kollha. Dan jinbena fuq it-tifsira pożittiva tad-dritt għall-proprjetà: inħares u nikkultiva xi ħaġa li għandi, b’mod li tista’ tkun ta’ sehem għall-ġid ta’ kulħadd.

 

144. Barra minn hekk, din hi kundizzjoni għal qsim bejn xulxin li jkun tajjeb u minnu nistagħnew ilkoll. L-esperjenza li ngħixu f’ċertu post u f’ċerta kultura hija l-bażi li tagħtina l-ħila nifhmu aspetti tar-realtà, li dawk li m’għandhomx din l-esperjenza qajla jkunu kapaċi jifhmu. L-universali m’għandux ikun il-ħakma omoġenja, uniformi u standardizzata ta’ xi għamla kulturali li togħla fuq l-oħrajn, u li fl-aħħar tispiċċa titlef l-ilwien tal-priżma u tispiċċa ħaġa li ddejqek. Hija t-tentazzjoni li nsibu fir-rakkont antik tat-torri ta’ Babel: il-bini ta’ torri m’ogħla s-sema ma kienx jesprimi l-għaqda bejn id-diversi popli li kapaċi jikkomunikaw skont id-diversità tagħhom. Bil-maqlub, kien tentattiv qarrieq, li nibet mis-suppervja u mill-ambizzjoni umana, biex joħloq għaqda differenti minn dik li ried Alla fil-pjan providenzjali tiegħu għall-ġnus kollha (ara Ġen 11:1-9).

 

145. Hemm ftuħ falz għall-universali, li ġej mis-superfiċjalità vojta ta’ min m’għandux il-ħila li jidħol fil-fond nett ta’ art twelidu, jew ta’ min iġorr miegħu ċerta rabja li ma fiqitx lejn il-poplu tiegħu stess. Hu x’inhu, “jeħtieġ dejjem inwessgħu ħarsitna biex nagħrfu ġid wisq akbar li jkun ta’ benefiċċju għalina lkoll. Imma dan jeħtieġ nagħmluh bla ma naħarbu, bla ma ninqatgħu mill-għeruq tagħna. Hemm bżonn inniżżlu għeruqna sew fl-art fertili u fl-istorja tal-post fejn ngħixu, li hu don ta’ Alla. Għandna naħdmu fiċ-ċokon, f’dak li hu qrib tagħna, imma dejjem bi prospettiva wisq usa’. […] Minn naħa, l-isfera globali mhix ħa xxejjen lill-bniedem, imma min-naħa l-oħra, lanqas il-preferenza għall-parti mhi ħa tagħmlu sterili”;[125] hija l-priżma, fejn, waqt li kull wieħed hu rrispettat fil-valur tiegħu, “il-kollox hu wisq iktar mill-parti, u hu wkoll iktar mill-ġabra tal-partijiet flimkien”.[126]

 

Ix-xefaq universali

146. Jeżistu narċisiżmi ffukati fuq il-lokali li ma jesprimux imħabba f’saħħitha lejn il-poplu u l-kultura ta’ dak li jkun. Jaħbu spirtu magħluq li, minħabba ċerta insigurtà u ċertu biża’ mill-ieħor, jippreferi jtella’ ħitan ta’ difiża biex jippreserva lilu nnifsu. Imma ma nistgħux inkunu lokali b’mod tajjeb mingħajr ftuħ sinċier u kordjali għall-universali, mingħajr ma nħallu jċaqlaqna dak li qed iseħħ band’oħra, mingħajr ma nħallu jagħnuna kulturi oħra u mingħajr ma nuru solidarjetà mat-traġedji ta’ popli oħra. Dan l-aġir jissakkar b’mod ossessiv bejn ftit ideat, drawwiet u ċertezzi, u mhux kapaċi jammira tant possibbiltajiet u ġmiel li d-dinja sħiħa għandha x’toffri, hu nieqes minn solidarjetà awtentika u ġeneruża. Hekk, il-ħajja lokali ma tibqax tassew lesta li tirċievi, ma tħallix iżjed lill-ieħor jagħmilha sħiħa; għalhekk, tillimita ruħha fil-possibbiltajiet ta’ żvilupp tagħha, issir statika u timrad. Għax, fir-realtà, kull kultura b’saħħitha hi min-natura tagħha miftuħa u lesta li tilqa’, l-istess kif “kultura bla valuri universali mhijiex vera kultura”.[127]

 

147. Naraw kif persuna, inqas ma għandha moħħha u qalbha miftuħa, inqas tista’ tinterpreta r-realtà qrib tagħha li fiha hi mgħaddsa. Mingħajr ir-relazzjoni u l-konfront ma’ min hu differenti, diffiċli jkollna għarfien ċar u sħiħ tagħna nfusna u tal-art tagħna, għax il-kulturi l-oħra mhumiex għedewwa li minnhom hemm bżonn inħarsu ruħna, imma huma riflessi differenti tal-għana bla tarf tal-ħajja umana. Meta nħarsu lejna nfusna minn għajnejn ħaddieħor, dawk ta’ min hu differenti, kull wieħed minna jista’ jagħraf aħjar il-partikularità tal-persuna tiegħu u tal-kultura tiegħu: l-għana, il-possibbiltajiet u l-limiti. L-esperjenza li titwettaq f’post trid tiżviluppa “f’kuntrast” u “f’sintonija” mal-esperjenzi ta’ oħrajn li jgħixu f’kuntesti kulturali differenti.[128]

 

148. F’realtà, sens ta’ ftuħ tajjeb qatt ma jidħol f’kuntrast mal-identità. Fil-fatt, hija u tistagħna b’elementi li ġejjin minn postijiet differenti, kultura ħajja ma ssirx kopja jew sempliċiment ripetizzjoni tagħhom, imma tintegra fiha l-ġdid skont il-modi tagħha. Dan iwassal għat-twelid ta’ sintesi ġdida li fl-aħħar mill-aħħar igawdi minnha kulħadd, għax il-kultura li fiha jseħħu dawn il-kontributi mbagħad tirriżulta iktar għanja. Kien għalhekk li jiena sejjaħt lill-popli indiġeni biex jieħdu ħsieb tal-għeruq tagħhom u l-kulturi tagħhom li wirtu minn missirijiethom, imma ridt nippreċiża li ma kinitx “l-intenzjoni tiegħi nipproponi indiġeniżmu kompletament magħluq, maqlugħ mill-istorja, statiku, li bl-ebda mod ma jaf jitħallat”, għax “l-identità kulturali tagħna nistgħu ninżlu iktar fil-fond tagħha u nagħnuha iżjed fid-djalogu ma’ realtajiet differenti, u l-aħjar mod kif inżommuha sħiħa mhuwiex iżolament li iżjed ifaqqar”.[129] Id-dinja tikber u timtela bi ġmiel ġdid grazzi għal sintesi wara l-oħra li tipproduċi ruħha qalb kulturi miftuħa, lil hemm minn kull impożizzjoni kulturali.

 

149. Biex naslu għal relazzjoni f’saħħitha bejn l-imħabba għal art twelidna u l-parteċipazzjoni kordjali fl-umanità kollha, hemm bżonn infakkru li s-soċjetà dinjija mhijiex ir-riżultat ta’ ġabra tad-diversi pajjiżi flimkien, imma pjuttost hi l-istess komunjoni li teżisti bejniethom, hija l-inklużjoni reċiproka, ir-rispett minn qabel lejn kull grupp partikulari li jista’ jitfaċċa. F’din in-nisġa tal-komunjoni universali kull grupp ta’ bnedmin huwa integrat u hemm isib il-ġmiel tiegħu. Għalhekk, kull persuna li titwieled f’kuntest partikulari taf li hi tagħmel parti minn familja ikbar, li mingħajrha ma jkunx possibbli jkollha għarfien sħiħ tagħha nfisha.

 

150. Din il-viżjoni, bla dubju, titlob li aħna naċċettaw bil-ferħ li ebda poplu, ebda kultura jew persuna ma tista’ tikseb kollox waħidha. L-oħrajn huma bilfors meħtieġa għall-bini ta’ ħajja sħiħa. L-għarfien tal-limiti jew tal-parzjalità, mhux talli mhumiex theddida, imma jsiru l-muftieħ li bih noħolmu u nsawru proġett komuni. Għax “il-bniedem hu l-essri limitat li m’għandux limiti”.[130]

 

Mir-reġjun tagħna

151. Grazzi għall-qsim bejn ir-reġjuni, li minnu l-pajjiżi l-iżjed dgħajfa jinfetħu għad-dinja sħiħa, hu possibbli li l-universalità ma xxejjinx il-partikularità. Ftuħ tajjeb u awtentiku għad-dinja jitlob il-ħila li ninfetħu għal min hu qrib tagħna, f’familja ta’ nazzjonijiet. L-integrazzjoni kulturali, ekonomika u politika mal-popli ta’ madwarna għandha tkun imsieħba minn proċess edukattiv li jippromovi l-valur tal-imħabba għal min hu qrib tagħna, l-ewwel taħriġ indispensabbli biex naslu għal integrazzjoni universali b’saħħitha.

 

152. F’xi nħawi popolari n-nies għadha tgħix spirtu ħaj bejn il-ġirien, fejn kulħadd iħoss minn jeddu d-dmir li jsieħeb u jgħin lil min hu qrib tiegħu. F’dawn il-postijiet li għadhom iżommu ħajja dawn il-valuri komunitarji, huma jgħixu r-relazzjonijiet ta’ qrubija b’karatteristiċi ta’ gratwità, solidarjetà u reċiproċità, ibda mis-sens ta’ “aħna” tal-post.[131] Wieħed jawgura li dan jista’ jingħax anki bejn pajjiżi ġirien, bil-ħila li jibnu qrubija kordjali bejn il-popli tagħhom. Imma l-viżjonijiet individwalistiċi jittraduċu ruħhom fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi. Ir-riskju li ngħixu ħajjitna nipproteġu ruħna minn xulxin, naraw lill-oħrajn bħala konkorrenti jew għedewwa perikolużi, jgħaddi wkoll għar-relazzjoni mal-popli tar-reġjun. Forsi ġejna edukati f’dan il-biża’ u f’din il-klima ta’ suspett.

 

153. Hemm pajjiżi b’saħħithom u intrapriżi kbar li japprofittaw minn dan l-iżolament u jippreferu jittrattaw ma’ kull pajjiż għalih waħdu. Bil-maqlub, għall-pajjiżi żgħar jew foqra tinfetaħ il-possibbiltà li jilħqu ftehim reġjonali ma’ dawk tal-qrib, li jippermettilhom li jittrattaw bħala blokka waħda u jevitaw li jsiru biċċiet żgħar mogħtija l-ġenb u dipendenti fuq il-potenzi l-kbar. Illum ebda Stat nazzjonali iżolat ma jista’ jiżgura l-ġid komuni tal-popolazzjoni tiegħu.


 

IL-ĦAMES KAPITLU

L-AĦJAR POLITIKA

 

154. Biex il-komunità dinjija tista’ tiżviluppa, u tkun kapaċi tasal għall-fraternità billi l-popli u n-nazzjonijiet jgħixu l-ħbiberija soċjali bejniethom, hi meħtieġa l-aħjar politika, imqiegħda għas-servizz tal-veru ġid komuni. Imma b’xorti ħażina l-politika llum sikwit tieħu xejriet li jxekklu l-mixja lejn dinja differenti.

 

Populiżmi u liberaliżmi

155. L-istmerrija għad-dgħajfa tista’ tinħeba taħt xejriet populistiċi, li jużawhom demagoġikament għall-fini tagħhom, jew f’għamliet liberali għall-qadi tal-interessi ekonomiċi tal-qawwija. Fiż-żewġ każi hemm id-diffikultà biex wieħed jaħseb f’dinja miftuħa fejn hemm post għal kulħadd, li tiġbor fiha l-iżjed dgħajfa u tirrispetta d-diversi kulturi.

 

Popolari jew populista

156. Fl-aħħar snin l-espressjoni “populiżmu” jew “populista” invadiet il-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-lingwaġġ b’mod ġenerali. Hekk qed titlef il-valur li jista’ jkollha u ssir waħda miż-żewġ opposti ta’ soċjetà maqsuma. Dan wasal sal-punt li hemm min jippretendi li jista’ jikklassifika l-persuni, il-gruppi, is-soċjetajiet u l-gvernijiet kollha billi jaqsamhom fi tnejn: “populisti” jew “mhux populisti”. Illum il-ġurnata m’għadux possibbli li wieħed jesprimi ruħu fuq xi tema jew oħra mingħajr ma jsib min jipprova jikklassifikah f’wieħed minn dawn iż-żewġ opposti, jew biex jiskreditah inġustament jew biex jgħollih ’il fuq b’mod esaġerat.

 

157. Il-pretensjoni li l-populiżmu jkun in-nuċċali li bih naqraw ir-realtà soċjali għandha punt ieħor dgħajjef: il-fatt li tinjora l-leġittimità tal-kunċett ta’ x’inhu poplu. It-tentattiv li nneħħu din il-kategorija mil-lingwaġġ jista’ jwassal biex neqirdu l-istess kelma “demokrazija” (“tmexxija ta’ poplu”). Minkejja dan, biex naffermaw li s-soċjetà hi iżjed mis-sempliċi ġabra tal-individwi flimkien, hemm bżonn tat-terminu “poplu”. Ir-realtà hi li hemm fenomeni soċjali li jistrutturaw il-maġġoranzi, hemm megatendenzi u aspirazzjonijiet komunitarji; iktar minn hekk, nistgħu naħsbu f’għanijiet komuni, lil hemm mid-differenzi, biex flimkien inwettqu proġett li lkoll għandna parti minnu; fl-aħħar nett, diffiċli ħafna nippjanaw xi ħaġa kbira u li sservi fit-tul jekk l-ewwel ma narawx li ssir ħolma ta’ kulħadd flimkien. Dan kollu jsib espressjoni fin-nom “poplu” u fl-aġġettiv “popolari”. Jekk dawn inħalluhom barra – flimkien ma’ kritika soda tad-demagoġija – inkunu nċedu aspett fundamentali tar-realtà soċjali.

 

158. Fil-fatt qed nifhmu ħażin. “Poplu mhux kategorija loġika, lanqas kategorija mistika, jekk nifhmuha fis-sens li dak kollu li jagħmel il-poplu huwa tajjeb, jew fis-sens li l-poplu huwa kategorija li għandha minn tal-anġli. U le! Dik hija kategorija tal-ħrejjef […] Meta trid tfisser x’inhu poplu uża kategoriji loġiċi għax trid tfisser x’inhu: għandek bżonnhom, daż-żgur. Imma tfisser hekk is-sens ta’ appartenenza għal poplu. Il-kelma poplu għandha xi ħaġa iżjed li ma tistax tiġi mfissra b’mod loġiku. Li tkun parti mill-poplu jfisser tagħmel parti minn identità komuni magħmula minn rabtiet soċjali u kulturali. U din mhijiex xi ħaġa awtomatika, anzi: hija proċess li jieħu ż-żmien, iebes… lejn proġett komuni”.[132]

 

159. Hemm mexxejja popolari li kapaċi jinterpretaw kif iħossu poplu, id-dinamika kulturali tiegħu u t-tendenzi kbar ta’ soċjetà. Is-servizz li jagħtu, fl-għaqda u l-gwida tal-poplu, jista’ jkun il-bażi għal proġett fit-tul ta’ bidla u maturazzjoni, li jimplika wkoll il-ħila li wieħed iċedi postu għal oħrajn fit-tiftixa tal-ġid komuni. Imma dan jispiċċa f’populiżmu li ma jagħmilx ġid meta jinbidel fil-ħila li xi ħadd jiġbed lejh il-kunsens bl-għan li jistrumentalizza politikament il-kultura tal-poplu, taħt xi sinjal ideoloġiku jew ieħor, għas-servizz tal-proġett personali tiegħu u biex jibqa’ mwaħħal mas-siġġu tal-poter. Drabi oħra jara kif ħa jiġma’ iktar popolarità billi jrewwaħ l-inklinazzjonijiet l-aktar baxxi u egoistiċi ta’ xi setturi tal-popolazzjoni. Dan iktar jaggrava meta, kemm jekk f’bixriet kbar u kemm jekk sottili, jiddobba bl-istituzzjonijiet u l-liġi nfisha.

 

160. Il-gruppi populisti magħluqin jgħawġu l-kelma “poplu”, għax fir-realtà dak li jitkellmu fuqu mhuwiex tassew poplu. Fil-fatt, il-kategorija ta’ “poplu” hi miftuħa. Poplu ħaj, dinamiku u b’futur quddiemu hu dak li jibqa’ konstantement miftuħ għal sinteżi ġdida billi jagħmel tiegħu dak li hu differenti. Dan ma jagħmlux billi jiċħad lilu nnifsu, imma pjuttost bid-dispożizzjoni li jiċċaqlaq u jiddiskuti lilu nnifsu, jitwessa’, jistagħna mill-kontribut tal-oħrajn, u hekk jista’ jikber.

 

161. Espressjoni oħra żbaljata ta’ awtorità popolari hija t-tiftixa tal-interess immedjat. Inwieġbu għall-esiġenzi popolari bl-għan li niggarantixxu għalina l-voti u l-appoġġ, imma mingħajr ma nimxu ’l quddiem f’impenn sħiħ u kostanti li joffri lill-persuni r-riżorsi għall-iżvilupp tagħhom, biex jistgħu jwieżnu l-ħajja bl-isforzi u l-kreattività tagħhom. F’dan is-sens sħaqt b’mod ċar li “m’iniex nipproponi xi populiżmu irresponsabbli”.[133] Minn naħa, biex negħlbu n-nuqqas ta’ ugwaljanza hemm bżonn niżviluppaw l-ekonomija, billi naħdmu sabiex joħroġ frott mill-potenzjalitajiet ta’ kull reġjun u hekk niżguraw ugwaljanza sostenibbli.[134] Min-naħa l-oħra, “il-proġetti ta’ għajnuna, li jwieġbu għal kull urġenza li tinqala’, għandhom jitqiesu biss bħala tweġibiet proviżorji”.[135]

 

162. It-tema l-kbira hi x-xogħol. Dak li hu tassew popolari – għax jippromovi l-ġid tal-poplu – hu li niżguraw lil kulħadd il-possibbiltà li jwarrad iż-żerriegħa li Alla qiegħed f’kull wieħed u waħda minna, il-ħiliet, l-inizjattiva, il-punti b’saħħithom. Din hi l-aħjar għajnuna lil wieħed fqir, l-aħjar triq għal ħajja dinjituża. Għalhekk nisħaq fuq il-fatt li “l-għajnuna lill-foqra bil-flus għandha tkun dejjem rimedju proviżorju biex naffaċċjaw ċerti emerġenzi. L-għan veru għandu dejjem ikun li ngħinuhom ikollhom ħajja dinjituża permezz tax-xogħol”.[136] Jinbidlu kemm jinbidlu s-sistemi ta’ produzzjoni, il-politika ma tistax twarrab l-għan tagħha li tara li l-organizzazzjoni ta’ soċjetà tiżgura lil kull persuna mod kif tista’ tagħti sehemha bil-ħiliet li għandha u l-impenn tagħha. Fil-fatt, “m’hemmx faqar ikbar minn dak li jċaħħad mix-xogħol u mid-dinjità tax-xogħol”.[137] F’soċjetà tassew avvanzata, ix-xogħol huwa dimensjoni essenzjali tal-ħajja soċjali, għax mhux biss huwa mod kif wieħed jaqla’ x’jiekol, imma anki mezz biex jikber personalment, biex jidħol f’relazzjonijiet tajba, biex jesprimi ruħu, biex jaqsam doni ma’ ħaddieħor, biex iħossu korresponsabbli fit-titjib tad-dinja u, bla dubju ta’ xejn, biex jgħix bħala parti minn poplu.

 

Valuri u limiti tal-viżjonijiet liberali

163. Il-kategorija ta’ poplu, li intrinsika għaliha hi l-valutazzjoni pożittiva tar-rabtiet komunitarji u kulturali, spiss hi rrifjutata mill-viżjonijiet liberali individwalistiċi, fejn is-soċjetà hi meqjusa bħala sempliċi ġabra ta’ interessi li jikkoeżistu. Dawn jitkellmu fuq rispett għal-libertà, imma mingħajr l-għeruq ta’ narrattiva komuni. F’ċerti kuntesti, spiss tisma’ l-akkuża ta’ populiżmu kontra dawk kollha li jiddefendu l-jeddijiet tal-iżjed dgħajfa fis-soċjetà. Għal dawn il-viżjonijiet, il-kategorija ta’ poplu hi bħal xi ħaġa li fir-realtà ma teżistix. Madankollu, hawn tinħoloq polarizzazzjoni li mhix meħtieġa, għax la dik ta’ poplu u lanqas dik ta’ proxxmu mhuma kategoriji purament astratti jew romantiċi hekk li għandhom jiġu mwarrba jew mistkerrha l-organizzazzjoni soċjali, ix-xjenza u l-istituzzjonijiet ċivili.[138]

 

164. L-imħabba tgħaqqad flimkien iż-żewġ dimensjonijiet – dik astratta u dik istituzzjonali – ladarba timplika mixja effikaċi ta’ trasformazzjoni tal-istorja li għandha tinkorpora fiha kollox: l-istituzzjonijiet, il-liġi, it-teknoloġija, l-esperjenza, il-kontribut professjonali, l-analiżi xjentifika, il-proċeduri amministrattivi, u l-bqija. Għax “fil-verità m’hemmx ħajja privata jekk mhix imħarsa minn ordni pubbliku; is-sħana tad-dar ma fihiex intimità jekk mhix imqiegħda taħt il-ħarsien tal-liġi, ta’ stat ta’ trankwillità msejjes fuq il-liġi u fuq il-forza u bil-kundizzjoni ta’ mqar l-iċken ġid żgurat mit-tqassim tax-xogħol, mill-iskambji kummerċjali, mill-ġustizzja soċjali u miċ-ċittadinanza politika”.[139]

 

165. L-imħabba vera hi kapaċi tinkludi dan kollu fl-għotja tagħha, u jekk tesprimi ruħha fil-laqgħa bejn persuna u oħra, hi kapaċi wkoll tilħaq lill-aħwa mbiegħda u saħansitra dawk imwarrbin, permezz tad-diversi riżorsi li l-istituzzjonijiet ta’ soċjetà organizzata, ħielsa u kreattiva kapaċi joħolqu. Fil-każ speċifiku, anki s-Samaritan it-tajjeb kellu bżonn li jsib lukanda biex seta’ jsolvi dak li hu waħdu f’dak il-ħin ma setax jiżgura. L-imħabba tal-proxxmu hi realista u ma twarrab xejn mill-meħtieġ għal trasformazzjoni tal-istorja orjentata lejn il-ġid tal-iktar foqra. Minn naħa, xi drabi nsibu ideoloġiji xellugin jew duttrini soċjali mgħaqqda ma’ drawwiet individwalistiċi jew proċeduri ineffikaċi li jaslu biss għand il-ftit. Fl-istess ħin, il-parti l-kbira tal-imwarrbin jibqgħu jittamaw fir-rieda tajba ta’ xi wħud. Dan jurina kemm hemm bżonn inkattru spiritwalità tal-fraternità imma fl-istess ħin organizzazzjoni dinjija iżjed effiċjenti, biex ngħinu ħa jissolvew il-problemi urġenti tal-imwarrbin li qed ibatu u jmutu fil-pajjiżi foqra. Dan min-naħa tiegħu jfisser li ma hemmx biss triq waħda possibbli, metodoloġija waħda aċċettabbli, riċetta ekonomika waħda li tista’ tiġi applikata l-istess għal kulħadd, u jippresupponi li anki x-xjenza l-iżjed rigoruża tista’ tipproponi toroq differenti.

 

166. Dan kollu jista’ jkollu ftit li xejn konsistenza, jekk nitilfu l-ħila li nagħrfu l-ħtieġa ta’ bidla fil-qlub tal-bnedmin, fid-drawwiet u fl-istili ta’ ħajja. Dan hu li jiġri meta l-propaganda politika, il-midja u dawk li jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika jibqgħu jkebbsu kultura individwalistika u inġenwa quddiem l-interessi ekonomiċi bla regoli u l-organizzazzjoni tas-soċjetajiet għas-servizz ta’ dawk li diġà għandhom wisq poter. Għalhekk, il-kritika tiegħi għall-mudell teknokratiku ma tfissirx li nistgħu nħossuna fiż-żgur jekk nikkontrollaw biss l-eċċessi tiegħu, għax l-agħar periklu mhux qiegħed fl-affarijiet, fir-realtajiet materjali, fl-organizzazzjonijiet, imma fil-mod kif il-persuni jinqdew bihom. Il-kwistjoni vera hi d-dgħufija umana, it-tendenza kostanti tagħna l-bnedmin għall-egoiżmu, li tagħmel parti minn dik li t-tradizzjoni Nisranija ssejjaħ “konkupixxenza”: il-ġibda tal-bniedem li jingħalaq fl-immanenza tal-jien tiegħu, tal-grupp tiegħu, tal-interessi fqajrin tiegħu. Din il-konkupixxenza mhijiex xi difett ta’ żminijietna. Ilha teżisti minn kemm il-bniedem ilu bniedem u sempliċiment tinbidel, tieħu suriet differenti matul is-sekli, tinqeda bl-istrumenti li l-mument storiku jpoġġilha quddiemha. Imma bl-għajnuna ta’ Alla hu possibbli li naħtfulha r-riedni minn taħt idejha.

 

167. L-impenn edukattiv, l-iżvilupp tad-drawwiet ta’ solidarjetà, il-ħila li naħsbu fil-ħajja tal-bniedem b’mod iżjed integrali, il-profondità spiritwali huma realtajiet meħtieġa biex nistgħu nagħtu kwalità lir-relazzjonijiet umani, hekk li tkun l-istess soċjetà li tirreaġixxi quddiem l-inġustizzji tagħha, quddiem l-anomaliji, quddiem l-abbuż tal-poter ekonomiku, teknoloġiku, politiku u medjatiku. Hemm viżjonijiet liberali li jinjoraw dan l-aspett tad-dgħufija umana u jistħajlu dinja li twieġeb għal xi ordni partikulari li minnu nnifsu kapaċi jiżgura l-futur u s-soluzzjoni tal-problemi kollha.

 

168. Is-suq waħdu mhux sa jsolvi kollox, imqar jekk xi kultant iridu jbellgħulna din id-domma ta’ fidi neoliberali. Hu ħsieb fqir wisq, ripetittiv, li jipproponi dejjem l-istess riċetti quddiem kull sfida li tinqala’. In-neoliberaliżmu jirriċikla lilu nnifsu hekk kif inhu, billi jirrikorri għat-teorija maġika ta’ dak li “jfur żejjed” jew “iqattar” – mingħajr ma jsemmiha – bħala l-unika soluzzjoni għall-problemi soċjali. Ma nintebħux li dak li naħsbu li ħa jfur żejjed mhux se jsolvi n-nuqqas ta’ ugwaljanza, li hu għajn ta’ xejriet ġodda ta’ vjolenza li jheddu t-tessut soċjali. Minn naħa hi indispensabbli politika ekonomika attiva, orjentata biex “nippromovu ekonomija favur id-diversifikazzjoni produttiva u l-kreattività intraprenditorjali”,[140] biex nistgħu nkattru l-postijiet tax-xogħol flok innaqqsuhom. L-ispekulazzjoni finanzjarja bil-gwadann irħis bħala skop fundamentali ħa tibqa’ tagħmel straġi. Min-naħa l-oħra, “mingħajr forom interni ta’ solidarjetà u fiduċja reċiproka, is-suq ma jistax iwettaq bis-sħiħ il-funzjoni ekonomika tiegħu. U llum hi din il-fiduċja li ma għadhiex teżisti”.[141] L-għan tal-istorja ma kienx dan, u r-riċetti dommatiċi tat-teorija ekonomika dominanti wrew li ma humiex infallibbli. Id-dgħufija tas-sistemi dinjija quddiem il-pandemija wriet li mhux kollox jissolva bis-suq ħieles u li, barra mill nġeddu politika b’saħħitha li mhix sottomessa għall-finanzi, “jeħtieġ nerġgħu nqiegħdu d-dinjità umana fiċ-ċentru u fuq dak il-pilastru jinbnew l-istrutturi soċjali l-oħra li għandna bżonn”.[142]

 

169. F’ċerti viżjonijiet tal-ekonomija li huma magħluqa u dejqa fil-ħsieb tagħhom, donnu ma hemmx post, ngħidu aħna, għall-movimenti popolari li jiġbru fihom nies qiegħda, ħaddiema tal-prekarjat jew informali, u tant oħrajn li jsibuha bi tqila biex jidħlu fil-kanali diġà stabbiliti. Fir-realtà, dawn jagħtu ħajja lil bosta xejriet ta’ ekonomija popolari u ta’ produzzjoni komunitarja. Hemm bżonn naħsbu kif tinħoloq parteċipazzjoni soċjali, politika u ekonomika b’mod “li jinkludu l-movimenti popolari u jsaħħu l-istrutturi tal-gvern lokali, nazzjonali u internazzjonali b’dik il-qawwa ta’ enerġija morali li tinbet mill-inklużjoni ta’ dawk li huma mwarrba fil-bini tad-destin komuni”; fl-istess waqt, tajjeb nagħmlu mezz li “dawn il-movimenti, dawn l-esperjenzi ta’ solidarjetà li jikbru minn isfel, minn taħt il-ħamrija tal-pjaneta, jitħalltu iktar ma’ xulxin, ikunu iżjed ikkordinati, jiltaqgħu”.[143] Imma dan irid iseħħ mingħajr ma jittradixxu l-istil karatteristiku tagħhom, għax huma “dawk li jiżirgħu l-bidla, li jippromovu proċess li fih jixxierku miljuni ta’ azzjonijiet żgħar u kbar b’mod kreattiv, bħal f’poeżija”.[144] F’dan is-sens huma “poeti soċjali”, li bil-mod tagħhom jaħdmu, jipproponu, jippromovu u jeħilsu. Grazzi għalihom hu possibbli żvilupp uman sħiħ, li jitlob minna li negħlbu “dik l-idea tal-politika soċjali maħsuba bħala politika għall-foqra, imma qatt mal-foqra, qatt tal-foqra u wisq inqas inserita fi proġett li jxierek flimkien il-popli”.[145] Imqar jekk jagħtu fastidju, imqar jekk xi “ħassieba” ma jafux kif jaqbdu jikklassifikawhom, hemm bżonn il-kuraġġ li nagħrfu li mingħajrhom “id-demokrazija tinħela, issir ħaġa tal-isem, formalità, titlef ir-rappreżentanza tagħha, ma tibqax saqajha mal-art għax tħalli barra l-poplu fit-taqbida tiegħu ta’ kuljum għad-dinjità, għall-bini tal-istess destin tiegħu”.[146]

 

Il-poter internazzjonali

170. Ippermettuli ntenni li “l-kriżi finanzjarja tal-2007-2008 tatna l-okkażjoni niżviluppaw ekonomija ġdida iżjed attenta għall-prinċipji etiċi, u regolamentazzjoni ġdida tal-attività finanzjarja spekulattiva u tal-għana virtwali. Imma ma kien hemm l-ebda reazzjoni biex jerġgħu jiġu kkunsidrati l-kriterji skaduti li għadhom jiggvernaw id-dinja”.[147] Anzi, donnu l-istrateġiji effettivi li ġew żviluppati wara fid-dinja kienu orjentati lejn individwaliżmu ikbar, inqas integrazzjoni, iktar libertà għal dawk li tassew għandhom il-poter f’idejhom, li dejjem isibu l-mod kif joħorġu bla tebgħa jew girfa.

 

171. Nixtieq nisħaq fuq il-fatt li, “li nagħtu lil kull wieħed dak li hu tiegħu, skont id-definizzjoni klassika tal-ġustizzja, ifisser li l-ebda individwu jew grupp ta’ bnedmin ma jista’ jqis ruħu omnipotenti, awtorizzat biex iżeblaħ id-dinjità jew id-drittijiet tal-persuni singoli l-oħra jew tal-gruppi soċjali. It-tqassim effettiv tal-poter – politiku, ekonomiku, militari, teknoloġiku, u l-bqija – bejn pluralità ta’ suġġetti u l-ħolqien ta’ sistema ġuridika ta’ regolamentazzjoni ta’ drittijiet u interessi, iwettaq il-limitazzjoni tal-poter. Madankollu, illum il-panorama dinjija tippreżentalna ħafna drittijiet foloz, u – fl-istess waqt – oqsma wiesgħa bla ebda protezzjoni, vittmi pjuttost ta’ tħaddim ħażin tal-poter”.[148]

 

172. Is-seklu wieħed u għoxrin “qed jara l-Istati nazzjonali jitilfu kull saħħa li kellhom, fuq kollox għax id-dimensjoni ekonomika-finanzjarja, b’karattru transnazzjonali, tfittex li taħtaf hi l-kontroll minn taħt idejn il-politika. F’dan il-kuntest, hu indispensabbli l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet internazzjonali iktar b’saħħithom u organizzati b’mod effikaċi, b’awtoritajiet imwaqqfa b’mod imparzjali bi ftehim bejn il-gvernijiet nazzjonali u li għandhom is-saħħa jissanzjonaw”.[149] Meta nitkellmu fuq il-possibbiltà ta’ xi għamla ta’ awtorità dinjija rregolata mil-liġi,[150] mhux bilfors irridu naħsbu f’awtorità personali. Madankollu, jeħtieġ tal-inqas naraw kif nistgħu nwelldu organizzazzjonijiet dinjija iżjed effikaċi, mogħnija bl-awtorità li tiżgura l-ġid komuni dinji, it-tneħħija tal-ġuħ u tal-miżerja, u l-ħarsien żgur tad-drittijiet fundamentali umani.

 

173. F’din il-perspettiva, infakkar li hi meħtieġa riforma “tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, kif ukoll tal-istituzzjonijiet ekonomiċi u l-finanza internazzjonali, biex il-kunċett ta’ familja ta’ nazzjonijiet jinħass tabilħaqq”.[151] Bla dubju dan jitlob limiti ġuridiċi preċiżi, biex nevitaw li jkun hemm xi awtorità mlaħħqa biss minn xi pajjiżi u, fl-istess waqt, ma nħallux li jkun hemm impożizzjonijiet kulturali jew jitnaqqsu l-libertajiet essenzjali tan-nazzjonijiet l-aktar dgħajfa minħabba fid-differenzi ideoloġiċi. Fil-fatt, “dik internazzjonali hija komunità ġuridika msejsa fuq is-sovranità ta’ kull Stat membru, mingħajr rabtiet ta’ subordinazzjoni li jċaħħdulha jew jillimitawlha l-indipendenza”.[152] Imma “xogħol il-Ġnus Magħquda, skont l-istess prinċipji fil-Preambolu u l-ewwel artikli tal-Karta kostituzzjonali tagħha, nistgħu nħarsu lejh bħala l-iżvilupp u l-promozzjoni tas-sovranità tal-liġi, fl-għarfien li l-ġustizzja hi rekwiżit indispensabbli biex wieħed jista’ jwettaq l-ideal tal-fraternità universali. […] Jeħtieġ niżguraw id-dominju waħdieni tal-liġi u nirrikorru kontinwament għall-innegozjar, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ, kif proposti mill-Karta tal-Ġnus Magħquda, tabilħaqq norma ġuridika fundamentali”.[153] Irridu nevitaw li din l-Organizzazzjoni tiġi mneżżgħa mill-jeddijiet leġittimi tagħha, għax il-problemi tagħha u n-nuqqasijiet tagħha jistgħu jiġu affrontati u solvuti flimkien.

 

174. Hemm bżonn ta’ kuraġġ u ġenerożità biex liberament nistgħu nistabbilixxu għanijiet partikulari komuni u niżguraw li fid-dinja kollha jitwettqu ċerti normi essenzjali. Biex dan ikun tabilħaqq ta’ siwi, irridu nwieżnu “l-esiġenza li nirrispettaw l-impenji li ħadna (pacta sunt servanda)”,[154] biex nevitaw “it-tentazzjoni li nirrikorru iżjed għad-dritt tal-forza milli għall-forza tad-dritt”.[155] Dan jitlob minna li nsaħħu “l-istrumenti normattivi għas-soluzzjoni paċifika tal-kontroversji […] b’mod li nseddqu l-importanza u l-użu obbligatorju tagħhom”.[156] Fost dawn l-istrumenti normattivi hemm fuq quddiem il-ftehim multilaterali bejn l-Istati, għax dan jiggarantixxi b’mod aħjar mill-ftehim bilaterali l-għożża ta’ ġid komuni tassew universali u l-ħarsien tal-Istati l-iżjed dgħajfa.

 

175. Għall-grazzja ta’ Alla tant għaqdiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jgħinu biex jagħmlu tajjeb għad-dgħufijiet tal-Komunità internazzjonali, għan-nuqqas ta’ kordinament tagħha f’sitwazzjonijiet kumplessi, għan-nuqqas ta’ attenzjoni tagħha għad-drittijiet fundamentali umani u għal sitwazzjonijiet kritiċi ħafna ta’ xi gruppi. Hekk jikseb espressjoni konkreta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni u l-azzjoni tal-komunitajiet u organizzazzjonijiet f’livelli inqas, li jintegraw b’mod kumplimentari l-azzjoni tal-Istat. Ħafna drabi dawn iwettqu sforzi ta’ min ifaħħarhom għax jaħsbu fil-ġid komuni u wħud mill-membri tagħhom jaslu biex iwettqu ġesti tassew erojċi, li juru liema ġmiel għadha kapaċi tasal għalih l-umanità tagħna.

 

Karità soċjali u politika

176. Għal ħafna l-politika llum saret kelma kerha, u ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-fatt li wara dan spiss hemm l-iżbalji, il-korruzzjoni, l-ineffiċjenza ta’ xi politiċi. Ma’ dan inżidu l-istrateġiji li jimmiraw biex idgħajfuha, biex flokha jqiegħdu l-ekonomija jew biex jaħkmuha b’xi ideoloġija. Minkejja dan kollu, tista’ d-dinja tiffunzjona mingħajr politika? Tista’ ssib triq effikaċi lejn il-fraternità universali u l-paċi soċjali mingħajr politika tajba?[157]

 

Il-politika li għandna bżonn

177. Ippermettuli nisħaq mill-ġdid li “l-politika m’għandhiex toqgħod għal dak li tiddettalha l-ekonomija u din lanqas għandha tħalli lilha nfisha tkun iddettata mill-paradigma effiċjentista tat-teknokrazija”.[158] Imqar jekk għandna nirrifjutaw l-użu ħażin tal-poter, il-korruzzjoni, in-nuqqas ta’ rispett għal-liġijiet u l-ineffiċjenza, “ma tistax tiġġustifika ekonomija bla politika, li mbagħad ma tkunx kapaċi xxettel loġika oħra li tista’ tirregola d-diversi aspetti tal-kriżi attwali”.[159] Anzi, “għandna bżonn ta’ politika li taħseb b’viżjoni wiesgħa, u li ġġib ’il quddiem viżjoni integrali ġdida, li tinkludi fi djalogu interdixxiplinari d-diversi aspetti tal-kriżi”.[160] Qed nifhem “politika b’saħħitha, li kapaċi ġġib riforma fl-istituzzjonijiet, tikkordinahom u tagħnihom bi prattika tajba, u li tippermetti li jingħelbu l-pressjonijiet u d-dewmien vizzjuż”.[161] Dan ma nistgħux nitolbuh mill-ekonomija, lanqas nistgħu naċċettaw li din tieħu f’idejha l-poter reali tal-Istat.

 

178. Quddiem tant xejriet ta’ politika żbaljata li jaraw biss l-interess immedjat, infakkar li “l-kobor tal-politika jidher meta, f’mumenti diffiċli, wieħed jaġixxi skont prinċipji għoljin u jaħseb fil-ġid komuni fit-tul. Il-poter politiku jbati sew biex jilqa’ dan id-dmir fi proġett ta’ nazzjon”[162] u iżjed u iżjed fi proġett komuni għall-umanità tal-lum u ta’ għada. Naħsbu f’dawk li għad jiġu warajna mhux għax dan ħa jservina għal fini elettorali, imma għax hu dak li tesiġi ġustizzja awtentika, għax, kif għallmu l-Isqfijiet tal-Portugall, l-art hi “self li kull ġenerazzjoni tirċievi u trid tgħaddi lill-ġenerazzjoni ta’ warajha”.[163]

 

179. Is-soċjetà dinjija għandha nuqqasijiet strutturali kbar li ma jissolvewx b’xi tiswija jew soluzzjonijiet ta’ malajr u sempliċiment okkażjonali. Hemm ħwejjeġ li għandhom jinbidlu billi wieħed iġib fis-seħħ impostazzjoni għalkollox ġdida u bidliet importanti. Politika b’saħħitha biss tista’ tiggwidana, billi tinvolvi d-diversi setturi u l-oqsma tal-għerf l-aktar varji. Hekk, b’ekonomija integrata fi proġett politiku, soċjali, kulturali u popolari li jfittex il-ġid komuni nistgħu “niftħu t-triq għal opportunitajiet differenti, li ma jfissrux li ħa nwaqqfu l-kreattività umana u l-ħolma tal-bniedem għall-progress, imma pjuttost li ħa nagħtu direzzjoni ġdida lil din l-enerġija”.[164]

 

L-imħabba politika

180. Li nagħrfu li f’kull bniedem hemm ħuna jew oħtna u nfittxu ħbiberja soċjali li tinkludi lil kulħadd mhumiex sempliċiment utopiji. Jesiġu minna d-deċiżjoni u l-ħila li nsibu t-toroq effikaċi li jiżguraw il-possibbiltà vera tagħhom. Kull impenn f’din id-direzzjoni jsir taħriġ għoli tal-karità. Għax wieħed waħdu jista’ jgħin persuna fil-bżonn, imma meta jingħaqad ma’ oħrajn biex jagħti ħajja lil proċessi soċjali ta’ fraternità u ta’ ġustizzja għal kulħadd, dan jidħol fil-“qasam tal-iktar imħabba wiesgħa, tal-imħabba politika”.[165] Ifisser li nimxu lejn ordni soċjali u politiku li r-ruħ tiegħu hija l-karità soċjali.[166] Għal darb’oħra nagħmel stedina biex nivvalutaw mill-ġdid il-politika, li “hi vokazzjoni l-aktar għolja, hi waħda mix-xejriet l-aktar prezzjużi ta’ mħabba, għax tfittex il-ġid komuni”.[167]

 

181. L-impenji kollha li joħorġu mid-duttrina soċjali tal-Knisja “jiġu mill-karità, li skont it-tagħlim ta’ Ġesù, hija l-ġabra tal-Liġi kollha (ara Mt 22:36-40)”.[168] Dan jitlob li nagħrfu li “l-imħabba, mimlija b’ġesti żgħar ta’ għożża reċiproka, hi wkoll ċivili u politika, u tidher fl-għemejjel kollha li jfittxu jibnu dinja aħjar”.[169] Għal din ir-raġuni, l-imħabba tesprimi ruħha mhux biss f’relazzjonijiet intimi u bejn il-qraba, imma anki fir-“relazzjonijiet il-kbar: ir-relazzjonijiet soċjali, ekonomiċi, politiċi”.[170]

 

182. Din il-karità politika titlob l-ewwel li nkunu xettilna sens soċjali li jegħleb kull mentalità individwalistika: “Il-karità soċjali tridna nħobbu l-ġid komuni u nfittxu b’mod effettiv il-ġid tal-persuni kollha, meqjusa mhux biss individwalment, imma anki fid-dimensjoni soċjali li tgħaqqadhom flimkien”.[171] Kull wieħed u waħda hu persuna sħiħa meta jagħmel parti minn poplu, u fl-istess waqt m’hemmx tassew poplu mingħajr ir-rispett lejn il-wiċċ ta’ kull persuna. Poplu u persuna huma termini korrelattivi. Madankollu, illum qed nippretendu li nistgħu nirriduċu l-persuni għal individwi, li faċilment jistgħu jiġu maħkuma minn poteri li jimmiraw lejn interessi illeċiti. Il-politika t-tajba tfittex toroq kif tibni komunitajiet fid-diversi livelli tal-ħajja soċjali, fejn tista’ terġa’ ssib bilanċ u torjenta l-globalizzazzjoni biex tevita l-effetti tagħha li jxejnu l-għaqda.

 

Imħabba effikaċi

183. Jekk nibdew mill-“imħabba soċjali”[172] nistgħu nimxu ’l quddiem lejn ċiviltà tal-imħabba li għaliha lkoll nistgħu nħossuna msejħin. L-imħabba, bid-dinamiżmu universali tagħha, tista’ tibni dinja ġdida,[173] għax dan mhux xi sentiment vojt, imma l-aħjar mod kif nilħqu toroq effikaċi ta’ żvilupp għal kulħadd. L-imħabba soċjali hija “qawwa li kapaċi tqanqal toroq ġodda biex naffrontaw il-problemi tad-dinja tal-lum u biex inġeddu mill-qiegħ u minn ġewwa strutturi, organizzazzjonijiet soċjali, ordinamenti ġuridiċi”.[174]

 

184. L-imħabba hi fil-qalba ta’ kull ħajja soċjali b’saħħitha u miftuħa. Madankollu, illum “malajr toħroġ l-irrilevanza tagħha tal-interpretazzjoni u t-tmexxija tar-responsabbiltajiet morali”.[175] Hija ħafna iktar minn sentimentaliżmu suġġettiv, jekk hi msieħba mill-impenn għall-verità, biex ma ssirx faċilment “suġġetta għall-emozzjonijiet u l-opinjonijiet li jitbiddlu tal­bnedmin”.[176] Ir-rabta tagħha mal-verità tiffavorixxi sewwasew fl-imħabba l-universaliżmu tagħha u hekk tħarisha milli “tidħol f’ambitu dejjaq u privat ta’ relazzjonijiet”.[177] Inkella tibqa’ “ma tidħolx fil-proġetti u l-proċessi ta’ bini u żvilupp uman ta’ xeħta universali, fid-djalogu bejn l-għarfien u l-ħidmiet”.[178] Mingħajr il-verità, l-emozzjoni titbattal minn kontenuti relazzjonali u soċjali. Għalhekk il-ftuħ għall-verità jħares lill-imħabba minn fidi falza “li ċċaħħadha min-nifs uman u universali”.[179]

 

185. L-imħabba għandha bżonn tad-dawl tal-verità li aħna l-ħin kollu nfittxu u “dan id-dawl hu, fl-istess ħin, dak tar-raġuni u dak tal-fidi”,[180] mingħajr ebda relattiviżmi. Dan jimplika wkoll l-iżvilupp tax-xjenzi u s-sehem insostitwibbli tagħhom biex jinstabu toroq konkreti u iżjed żguri ħalli jintlaħqu r-riżultati ttamati. Fil-fatt, meta fin-nofs hemm il-ġid tal-oħrajn, mhumiex biżżejjed l-intenzjonijiet tajba, imma hemm bżonn naraw kif ħa niksbu effettivament dak li huma u n-nazzjonijiet tagħhom għandhom bżonn biex dawn jitwettqu.

 

Il-ħidma tal-imħabba politika

186. Hemm l-hekk imsejħa mħabba “mqanqla”, jiġifieri l-għemejjel li jiġu direttament mill-virtù tal-imħabba, indirizzati lejn persuni u lejn popli. Imbagħad hemm imħabba “ordnata”: dawk l-għemejjel ta’ mħabba li jqanqluna biex noħolqu istituzzjonijiet iżjed tajba, ordinamenti iżjed ġusti, strutturi iżjed solidali.[181] Minn hawn joħroġ li “att ta’ karità daqstant ieħor indispensabbli hu t-tħabrik bl-għan li jorganizza u jistruttura s-soċjetà b’mod li l-proxxmu ma jsibx ruħu fil-miżerja”.[182] Hi karità li toqgħod qrib ta’ persuna li qed tbati, u hu karità wkoll dak kollu li tagħmel, anki mingħajr ma jkollok kuntatt dirett ma’ dik il-persuna, biex tibdel il-kundizzjonijiet soċjali li qed jikkawżaw it-tbatija tagħha. Jekk xi ħadd jgħin anzjan jaqsam xmara – u din hi karità mill-aqwa –, il-politiku jibnilu pont, u anki din hi karità. Jekk xi ħadd jgħin lil ieħor billi jagħtih x’jiekol, il-politiku joħloq għalih post tax-xogħol, u hekk ikun iħarreġ għamla l-aktar għolja ta’ karità li tagħmel l-azzjoni politika tiegħu waħda tassew nobbli.

 

Is-sagrifiċċji tal-imħabba

187. Din il-karità, li hi l-qalba tal-ispirtu tal-politika, hi dejjem imħabba preferenzjali għall-foqra, li tinsab wara kull azzjoni li ssir għall-ġid tagħhom.[183] B’ħarsa biss li x-xefaq tagħha hu mibdul mill-imħabba, li twasslu biex jagħraf id-dinjità tal-persuna l-oħra, il-foqra huma rikonoxxuti u apprezzati fid-dinjità immensa tagħhom, irrispettati fl-istil proprju tagħhom u fil-kultura tagħhom, u għalhekk tassew integrati fis-soċjetà. Din il-ħarsa hija l-qalba tal-ispirtu awtentiku tal-politika. Ibda minn hemm, it-toroq li jinfetħu huma differenti minn dawk ta’ pragmatiżmu bla ruħ. Ngħidu aħna, “ma nistgħux naffrontaw l-iskandlu tal-faqar billi nippromovu strateġiji ristrettivi li jittrankwilizzaw biss jew jibdlu l-foqra f’essri addomestikati u inoffensivi. X’għafsa ta’ qalba tara li, wara dawn it-taparsi opri altruwistiċi, wieħed ikun jirriduċi lill-ieħor għall-passività”.[184] Dak li hemm bżonn hu li jkun hemm diversi kanali ta’ espressjoni u ta’ parteċipazzjoni soċjali. L-edukazzjoni hi hemm għas-servizz ta’ din il-mixja, biex kull bniedem jista’ jsawwar hu stess id-destin tiegħu. Hawn jidher il-valur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li ma tistax tifirdu mill-prinċipju tas-solidarjetà.

 

188. Minn hawn toħroġ l-urġenza li nsibu soluzzjoni għal dak kollu li jeħodha kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-politiċi huma msejħa jieħdu “ħsieb tad-dgħufija, id-dgħufija tal-popli u tal-persuni. Li tieħu ħsieb tad-dgħufija jitlob qawwa u ħlewwa, jitlob li tissieltu u tagħtu l-frott, anki jekk il-mudell li qed taħdmu fih hu funzjonalista u privatista, wieħed li jista’ jwassal biss għall-‘kultura tal-iskart’. […] Ifisser terfgħu r-responsabbiltà tal-preżent, hemm fejn il-bniedem hu l-aktar imwarrab u qed ibati, biex tagħrfu tidilkuh bid-dinjità li jistħoqqlu”.[185] Hekk bla dubju nkunu nagħtu ħajja lil ħidma intensa, għax “kollox għandna nagħmlu biex inħarsu l-qagħda u d-dinjità tal-persuna umana”.[186] Il-politiku hu wieħed li jwettaq, li jibni fuq għanijiet għoljin, b’ħarsa wiesgħa, realistika u prattika, anki lil hemm mill-istess pajjiżu. L-akbar tħassib ta’ politiku ma għandux ikun dak ikkawżat minn tnaqqis tan-numri ta’ votanti fl-aħħar stħarriġ, imma għaliex għadha ma nstabitx soluzzjoni effettiva għall-“fenomenu tal-esklużjoni soċjali u ekonomiku, bil-konsegwenzi koroh tiegħu bħalma huma t-traffikar ta’ bnedmin, il-kummerċ tal-organi u tessuti umani, l-abbuż sesswali tat-tfal, ix-xogħol sfurzat, inkluża l-prostituzzjoni, it-traffikar tad-drogi u l-armi, it-terroriżmu u l-krimini internazzjonali organizzat. Huma hekk kbar dawn is-sitwazzjonijiet u l-għadd ta’ ħajjiet innoċenti milquta, li għandna nevitaw kull tentazzjoni li naqgħu fin-nominaliżmu deklamatorju li jipprova jsikket il-kuxjenzi. Jeħtieġ naraw li l-istituzzjonijiet tagħna jkunu tabilħaqq effikaċi fil-ġlieda kontra dawn il-flaġelli kollha”.[187] Dan nagħmluh billi b’għaqal ninqdew bir-riżorsi kbar tal-iżvilupp teknoloġiku.

 

189. Għadna mbegħdin qatigħ minn globalizzazzjoni tad-drittijiet umani l-iżjed essenzjali. Għalhekk il-politika dinjija ma tistax ma tpoġġix illum qabel għada fost l-għanijiet ewlenin u essenzjali tagħha dak li b’mod effettiv teqred il-ġuħ. Fil-fatt, “meta l-ispekulazzjoni finanzjarja tikkundizzjona l-prezz tal-ikel u tqisu bħallikieku kien bħal kull merċa oħra, miljuni ta’ persuni jbatu u jmutu bil-ġuħ. Min-naħa l-oħra jintremew tunnellati ta’ ikel. Dan hu tassew skandlu. Il-ġuħ hu att kriminali, l-ikel hu dritt inaljenabbli”.[188] Ħafna drabi, waqt li aħna nintilfu f’diskussjonijiet ta’ ħafna kliem jew ideoloġiji, qed inħallu li llum ukoll ikun hemm minn ħutna li jmutu bil-ġuħ u bil-għatx, mingħajr saqaf fuq rashom jew mingħajr aċċess għall-kura ta’ saħħithom. Flimkien ma’ dawn il-ħtiġijiet elementari mhux imwieġba, it-traffikar tal-persuni hu ħaġa oħra tal-mistħija għall-umanità li l-politika internazzjonali ma tistax tibqa’ tħalli għaddejja, lil hemm mid-diskorsi u mill-intenzjonijiet tajba kollha. Dan hu l-minimu indispensabbli.

 

Imħabba li tintegra u tiġbor flimkien

190. Il-karità politika tidher ukoll f’qalb miftuħa għal kulħadd. Speċjalment min għandu r-responsabbiltà li jiggverna, hu msejjaħ għal sagrifiċċji li jagħmlu possibbli l-laqgħa, u jfittex il-ftehim tal-inqas fuq ċerti temi. Jaf jisma’ kif jaħsibha l-ieħor biex kulħadd ikollu l-ispazju tiegħu. B’ċaħdiet u sabar, min jiggverna jista’ jgħin fil-ħolqien ta’ dik il-priżma sabiħa fejn kulħadd isib postu. F’dan il-qasam, it-trattattivi ta’ bixra ekonomika ma jaħdmux. Hu xi ħaġa iżjed minn hekk, hu qsim ta’ offerti għall-ġid komuni. Tidher utopija inġenwa din, imma ma nistgħux ma nżommux quddiemna dan l-għan l-aktar għoli.

 

191. Aħna u naraw kif kull xorta ta’ intolleranza fundamentalista qed tagħmel ħsara kbira lir-relazzjonijiet bejn persuni, gruppi u popli, ħa nħabirku biex ngħixu u ngħallmu l-valur tar-rispett, l-imħabba li taf tilqa’ kull differenza, il-prijorità tad-dinjità ta’ kull persuna fuq kull idea, sentiment, prassi u saħansitra dnubiet tagħha. Waqt li fis-soċjetà tagħna qed jixterdu l-fanatiżmi, l-ideat magħluqa u l-frammentazzjoni soċjali u kulturali, politiku tajjeb imidd hu l-ewwel pass biex jidwu mill-ġdid il-diversi ilħna. Huwa minnu li d-differenzi jġibu kunflitti, imma l-uniformità taqta’ n-nifs u biha nispiċċaw nibilgħu lil xulxin kulturalment. Ejjew ma nirrassenjawx ruħna li ngħixu magħluqa f’biċċa biss mir-realtà.

 

192. F’dan il-kuntest, nixtieq infakkar li, flimkien mal-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tayyeb, tlabna “lil min isawwar il-politika internazzjonali u l-ekonomija dinjija, biex ikun hemm impenn serju ħalli tinfirex il-kultura tat-tolleranza, tal-konvivenza u tal-paċi; biex bla tnikkir ta’ xejn isiru interventi biex jieqaf it-tixrid tad-demm innoċenti”.[189] U meta politika partikulari tiżra’ l-mibegħda u l-biża’ lejn nazzjonijiet oħra f’isem il-ġid ta’ dak il-pajjiż, għandna għax ninkwetaw, u rridu nirreaġixxu fil-ħin biex indawru r-rotta llum qabel għada.

 

Iktar riżultati li jħallu l-frott

193. Waqt li jkompli b’din il-ħidma bla waqfien, kull politiku xorta waħda jibqa’ bniedem. Hu msejjaħ jgħix l-imħabba fir-relazzjonijiet tiegħu ta’ kuljum. Hu persuna, u għandu bżonn jintebaħ li “d-dinja moderna, bl-istess perfezzjoni teknika tagħha, tipprova dejjem iżjed tirrazzjonalizza s-sodisfazzjon tax-xewqat umani, ikklassifikati u maqsuma bejn diversi servizzi. Dejjem inqas qed issejjaħ lill-bniedem bl-isem proprju tiegħu, dejjem inqas se tittratta bħala persuna lil dan l-essri uniku fid-dinja, li għandu l-qalb tiegħu, it-tbatijiet tiegħu, il-problemi tiegħu, il-ferħ tiegħu u l-familja tiegħu. Trid taf bil-mard tiegħu biss biex tikkurah, bin-nuqqas ta’ flus tiegħu biss biex tfornilu, bil-bżonn tiegħu ta’ dar biss biex tagħtih fejn joqgħod, bix-xewqa tiegħu għal żvog u distrazzjonijiet biss biex torganizzahomlu”. Imma, “li tħobb l-iktar insinifikanti fost il-bnedmin bħala ħuk, bħallikieku fid-dinja ma kien hemm ħadd iżjed ħliefu, dan mhuwiex telf ta’ żmien”.[190]

 

194. Anki fil-politika hemm wisa’ biex inħobbu bil-ħlewwa. “X’inhi l-ħlewwa? Hi l-imħabba li toqrob u tista’ tmissha b’idejk. Hija ċaqliqa li titlaq mill-qalb u tasal fl-għajnejn, fil-widnejn, fid-dirgħajn. […] Il-ħlewwa hi t-triq li mxew il-bnedmin l-iżjed qalbiena u qawwija”.[191] Qalb l-attività politika kollha, “l-iżgħar, l-aktar dgħajfa, l-aktar foqra għandhom imissulna qalbna: għandhom ‘dritt’ li jirbħulna ruħna u qalbna. Iva, huma ħutna u għandna nħobbuhom u nittrattawhom bħala tali”.[192]

 

195. Dan jgħinna nagħrfu li mhux dejjem hemm bżonn niksbu riżultati kbar, li xi drabi lanqas ikunu possibbli. Fl-attività politika hemm bżonn niftakru li “lil hemm minn kull dehra, kull persuna hi immensament qaddisa u timmerita l-imħabba u l-attenzjoni tagħna. Għalhekk, jekk jirnexxili ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti. Kemm hi ħaġa sabiħa li nkunu l-poplu fidil ta’ Alla. U naslu għall-milja meta nfarrku l-ħitan u nħallu qalbna timtela b’uċuħ u b’ismijiet!”.[193] L-għanijiet kbar li noħolmu fl-istrateġiji li nagħmlu, nistgħu naslu għal parti biss minnhom. Lil hemm minn dan, min iħobb u ma baqax iħares lejn il-politika bħala sempliċi tiftixa tal-poter, “għandu ċ-ċertezza li xejn mill-ħidmiet li jwettaq bi mħabba mhu sa jintilef, xejn mhu sa jintilef mit-tħassib ġenwin tiegħu għall-oħrajn, xejn mhu ħa jintilef mill-għemejjel ta’ mħabba tiegħu lejn Alla, xejn mhu ħa jintilef mill-ħidma ġeneruża, xejn mhu ħa jintilef mis-sabar li mhux nieqes mill-uġigħ. Dan kollu jdur mad-dinja tagħna bħala qawwa li tagħti l-ħajja”.[194]

 

196. Mill-banda l-oħra, hi ħaġa nobbli u għolja li nkunu kapaċi ntellqu proċessi li l-frott tagħhom se jinġabar minn oħrajn, bit-tama tagħna tistrieħ fuq il-qawwa moħbija tat-tajjeb li nkunu żrajna. Il-politika tajba mal-imħabba tgħaqqad it-tama, il-fiduċja fil-ħażniet ta’ tjieba li hemm fil-qalb tan-nies, u dan minkejja kollox. Għalhekk, “il-ħajja politika awtentika, li tissejjes fuq id-dritt u fuq id-djalogu leali bejn is-suġġetti, tiġġedded bil-konvinzjoni li kull mara, kull raġel u kull ġenerazzjoni għandhom fihom wegħda li tista’ tikxef enerġiji ġodda relazzjonali, intellettwali, kulturali u spiritwali”.[195]

 

197. Meta nħarsu lejha b’dan il-mod, il-politika hi iżjed nobbli mid-dehra, mill-marketing, mill-bosta xejriet ta’ spin medjatiku. Dan kollu ma jiżrax ħlief firda, mibegħda u xettiċiżmu deżolanti li mhux kapaċi jfittex proġett komuni. Meta naħsbu fil-futur, kull tant u tant il-mistoqsijiet tagħna għandhom ikunu: “Għal liema skop? Lejn fejn qed nimmira tassew?”. Għax, wara xi snin, meta nirriflettu fuq il-passat tagħna, il-mistoqsija mhux ħa tkun: “Kemm nies ċapċpuli, kemm ivvutawli, kemm kellhom idea tajba tiegħi?”. Il-mistoqsijiet, forsi jweġġgħu wkoll, se jkunu: “Kemm imħabba poġġejt fix-xogħol tiegħi? Fiex għent lill-poplu jimxi ’l quddiem? X’marka ħallejt fuq il-ħajja tas-soċjetà? Liema rabtiet veri bnejt? X’qawwa pożittiva ħallejt toħroġ? Kemm żrajt paċi soċjali? Xi pproduċejt fil-post li bih ġejt fdat?”.


 

IS-SITT KAPITLU

DJALOGU U ĦBIBERIJA SOĊJALI

 

198. Nersqu qrib tal-oħrajn, nisimgħu lil xulxin, inħarsu lejn xulxin, insiru nafu lil xulxin, nipprovaw nifhmu lil xulxin, infittxu punti ta’ kuntatt, dan kollu jinġabar fil-verb “niddjalogaw”. Biex niltaqgħu u ngħinu lil xulxin għandna bżonn niddjalogaw. M’hemmx għalfejn ngħid għal xiex iservi d-djalogu. Biżżejjed naħsbu kif kienet tkun id-dinja mingħajr id-djalogu mimli sabar ta’ tant persuni ġenerużi li żammew familji u komunitajiet sħaħ magħquda. Id-djalogu perseveranti u qalbieni ma jagħmilx aħbarijiet daqskemm jagħmlu t-tilwim u l-ġlied, imma jgħin b’mod diskret lid-dinja biex tgħix aħjar, ħafna iżjed milli qatt nistgħu nintebħu.

 

Id-djalogu soċjali lejn kultura ġdida

199. Xi wħud jippruvaw jaħarbu mir-realtà u jistkennu f’dinjiet privati, u oħrajn jaffrontawha bi vjolenza qerrieda, imma “bejn l-indifferenza egoistika u l-protesta vjolenti hemm għażla li hi dejjem possibbli: id-djalogu. Id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, id-djalogu fil-poplu, il-kapaċità li nagħtu u nirċievu, li nibqgħu miftuħin għall-verità. Pajjiż jikber meta r-rikkezzi kulturali tiegħu jiddjalogaw bejniethom b’mod kostruttiv: il-kultura popolari, il-kultura universitarja, il-kultura żagħżugħa, il-kultura artistika, il-kultura teknoloġika, il-kultura ekonomika u l-kultura tal-familja, u l-kultura tal-midja”.[196]

 

200. Spiss nifxlu d-djalogu ma’ xi ħaġa differenti ħafna: qsim marradi ta’ opinjonijiet fix-xbieki soċjali, ħafna drabi orjentat minn tagħrif medjatiku li mhux dejjem tista’ toqgħod fuqu. Huma biss monologi li jimxu biswit xulxin, li forsi jimponu ruħhom fuq l-attenzjoni ta’ ħaddieħor minħabba fit-ton għoli u aggressiv tagħhom. Imma l-monologi ma jimpenjaw lil ħadd, hekk li l-kontenuti tagħhom mhux darba u tnejn ikunu opportunistiċi u kontradittorji.

 

201. Il-fatti u s-sejħat tal-midja li jixterdu u jidwu b’mod hekk qawwi, fir-realtà spiss jifgaw il-possibbiltajiet ta’ djalogu, għax bl-iskuża tal-iżbalji ta’ ħaddieħor, kulħadd jibqa’ jżomm mhux mimsus u ma jrid ibiddel xejn mill-ideat, l-interessi u l-għażliet tiegħu. Tispikka d-drawwa li wieħed iwaqqa’ minnufih għaċ-ċajt lill-avversarju tiegħu, joffendih u jumiljah, flok jaffronta djalogu miftuħ u bir-rispett, fejn wieħed ifittex li jilħaq sintesi li kapaċi tmur lil hemm. L-agħar ħaġa hi li dan il-lingwaġġ, li spiss insibu fil-kuntest medjatiku ta’ kampanja politika, tant xtered li beda jużah kulħadd kuljum. Id-dibattitu ħafna drabi hu mmanipulat minn interessi partikulari li għandhom saħħa ikbar u jfittxu b’mod diżonest li jdawru l-opinjoni pubblika lejhom. M’iniex nirriferi biss għall-gvern tal-ġurnata, għax dan il-poter ta’ manipulazzjoni jista’ jkun ekonomiku, politiku, medjatiku, reliġjuż u ta’ kull xorta oħra. Xi drabi jiġi ġġustifikat jew skużat meta d-dinamika tiegħu tikkorrispondi għall-interessi ekonomiċi jew ideoloġiċi ta’ min ikun, imma llum jew għada wieħed jispiċċa jerġa’ jdur kontra dawn l-istess interessi.

 

202. In-nuqqas ta’ djalogu jġib miegħu l-fatt li ħadd, sew jekk f’qasam sew jekk f’ieħor, mhu se jħabbel moħħu bil-ġid komuni, imma biss kif ħa jgawdi mill-vantaġġi li jġib miegħu l-poter, jew, l-iktar l-iktar, li jimponi l-mod ta’ kif jaħsibha hu. U hekk il-kollokji jirriduċu ruħhom għal sempliċi trattattivi biex kull wieħed jista’ jikkapparra l-poter kollu u l-aqwa vantaġġi possibbli, mingħajr ma nfittxu flimkien dak li jista’ jwassal għall-ġid komuni. L-eroj tal-futur se jkunu dawk li jagħrfu jkissru din il-loġika żbaljata u jaqtgħuha li jwieżnu bir-rispett kelma mimlija verità, lil hemm mill-interessi personali. Nittamaw li dawn l-eroj qegħdin jixirfu fis-skiet mill-qalba tas-soċjetà tagħna.

 

Nibnu flimkien

203. Id-djalogu soċjali awtentiku jitlob minna l-ħila li nirrispettaw kif jaħsibha l-ieħor, u naċċettaw il-possibbiltà li għandu konvinzjonijiet jew interessi leġittimi. Ibda mill-identità tiegħu, l-ieħor għandu xi ħaġa x’jagħti u nixtiequ li jinżel iktar fil-fond u jesponi l-pożizzjoni tiegħu biex id-dibattitu pubbliku jkun isħaħ. Huwa minnu li meta persuna jew grupp hu koerenti ma’ kif jaħsibha, iżomm sħiħ ma’ ċerti valuri u konvinzjonijiet tiegħu, u jiżviluppa ħsieb, dan b’xi mod jew ieħor se jkun ta’ ġid għas-soċjetà. Imma dan effettivament iseħħ biss skont kemm dan l-iżvilupp jitwettaq fid-djalogu u fi ftuħ għall-oħrajn. Fil-fatt, “fi spirtu veru ta’ djalogu nkabbru fina l-ħila li nifhmu t-tifsira ta’ dak li l-ieħor jgħid u jagħmel, imqar jekk dan ma nistgħux nagħmluh konvinzjoni tagħna. Hekk isir possibbli li nkunu sinċieri, ma naħbux dak li nemmnu fih, mingħajr qatt nieqfu niddjalogaw, infittxu punti ta’ kuntatt, u fuq kollox naħdmu u nħabirku flimkien”.[197] Id-diskussjoni pubblika, jekk tassew tagħti spazju lil kulħadd u ma timmanipulax jew taħbi l-informazzjoni, hija stimolu kontinwu li jgħinna nilħqu aħjar il-verità, jew tal-inqas nesprimuha aħjar. Ma tħallix lid-diversi oqsma joqogħdu komdi u awtosuffiċjenti fil-mod tagħhom ta’ kif jaraw l-affarijiet u fl-interessi limitati tagħhom. Nemmnu li “d-differenzi huma kreattivi, joħolqu tensjoni, u fit-tiswija ta’ tensjoni hemm il-progress tal-umanità”.[198]

 

204. Illum teżisti l-konvinzjoni li, barra l-iżviluppi xjentifiċi speċjalizzati, hemm bżonn tal-komunikazzjoni bejn id-dixxiplini, ladarba r-realtà hi waħda, imma nistgħu naslu għaliha minn diversi perspettivi u b’metodoloġiji differenti. Ma rridux ninsew ir-riskju li progress xjentifiku jitqies l-uniku mod possibbli kif wieħed jifhem aspett tal-ħajja, tas-soċjetà u tad-dinja. Imma, dak ir-riċerkatur li jimxi b’suċċess fl-analiżi tiegħu u hu anki lest jagħraf dimensjonijiet oħra tar-realtà li qed jistħarreġ, grazzi għall-ħidma ta’ xjenzi oħra u għerf ieħor, ikun jinfetaħ biex jagħraf ir-realtà b’mod iktar sħiħ.

 

205. F’din id-dinja globalizzata “l-midja jistgħu jgħinu biex aħna nħossuna aktar qrib xulxin; biex inħossu sens imġedded tal-għaqda bħala familja umana li timbotta għas-solidarjetà u l-impenn serju lejn ħajja aktar dinjituża. […] Jistgħu jgħinuna f’dan, partikolarment illum, meta x-xibka tal-komunikazzjoni umana laħqet żviluppi li ma jitwemmnux. Partikolarment l-internet jista’ joffri possibbiltajiet akbar ta’ laqgħa u solidarjetà bejn kulħadd. Din hi ħaġa tajba u rigal mingħand Alla”.[199] Imma rridu nivverifikaw kontinwament li l-għamliet ta’ komunikazzjoni fi żmienna jorjentawna effettivament lejn il-laqgħa ġeneruża, lejn it-tiftix sinċier tal-verità sħiħa, lejn il-qadi, lejn il-qrubija lejn il-foqra, lejn it-tħabrik biex nibnu l-ġid komuni. Fl-istess waqt, kif urewna l-Isqfijiet tal-Awstralja, “ma nistgħux naċċettaw dinja diġitali ħsiebha biex tisfrutta d-dgħufija tagħna u toħroġ l-agħar li hemm fin-nies”.[200]

 

Bażi għal kunsens

206. Ir-relattiviżmu mhuwiex is-soluzzjoni. Taħt il-velu ta’ taparsi tolleranza, jispiċċa biex jiffavorixxi l-fatt li l-valuri morali jiġu interpretati mis-setgħanin skont x’jaqblilhom f’dak il-mument. Jekk “m’hemmx veritajiet oġġettivi u lanqas prinċipji stabbli, lil hemm mis-sodisfazzjon tax-xewqat tagħna u tal-ħtiġijiet immedjati, […] ma nistgħux inserrħu iżjed fuq il-programmi politiċi u s-saħħa tal-liġi jew naħsbu li huma biżżejjed. […] Meta hi l-kultura li ssir korrotta u ma tibqa’ tagħraf ebda verità oġġettiva jew prinċipji universalment validi, il-liġijiet jinftiehmu biss bħala impożizzjonijiet arbitrarji jew bħala xkiel li għandna naħarbuh”.[201]

 

207. Possibli nkunu attenti għall-verità, jew qed infittxu l-verità li twieġeb għar-realtà l-iżjed profonda tagħna? X’inhija l-liġi mingħajr il-konvinzjoni, milħuqa f’mixja twila ta’ riflessjoni u ta’ għerf, li kull bniedem hu qaddis u invjolabbli? Biex soċjetà jista’ jkollha futur, hemm bżonn li tkun trawmet f’rispett qawwi lejn il-verità tad-dinjità umana, li għaliha nbaxxu rasna. Allura ma noqtlux lil xi ħadd mhux biss biex nevitaw l-istmerrija tas-soċjetà u l-piż tal-liġi, imma b’konvinzjoni. Hija verità fundamentali li nagħrfuha bir-raġuni u nilqgħuha bil-kuxjenza. Soċjetà hija nobbli u rispettabbli anki għaliex trawwem fi ħdanha t-tiftixa tal-verità u għax torbot qalbha mal-veritajiet fundamentali.

 

208. Hemm bżonn nitħarrġu biex nikxfu l-maskri tad-diversi manipulazzjonijiet, tagħwiġ u ħabi tal-verità fl-oqsma pubbliċi u privati. Dik li aħna nsejħu “verità” mhijiex biss il-komunikazzjoni ta’ fatti magħmula mill-ġurnaliżmu. Hi qabelxejn it-tiftixa tal-pedamenti l-iżjed sodi li jinsabu fil-bażi tal-għażliet u l-liġijiet tagħna. Dan jitlob minna li naċċettaw li l-intelliġenza umana tista’ tmur lil hemm mill-konvenjenzi tal-mument u tilqa’ xi veritajiet li ma jinbidlux, li kienu verità qabilna u hekk se jibqgħu dejjem. Hija u tistħarreġ lin-natura umana, ir-raġuni tiskopri valuri li huma universali, għax ġejjin minnha.

 

209. Imma ma jistax forsi jiġri li d-drittijiet fundamentali umani, li tant huma meqjusa sagrosanti llum, jiġu miċħuda mis-setgħana tal-mument, wara li jkunu kisbu l-“kunsens” ta’ popolazzjoni rieqda u mbeżżgħa? U lanqas sempliċi kunsens bejn id-diversi popoli, daqstant ieħor manipulabbli, ma jkun biżżejjed biex jiqfilhom. Diġà għandna biżżejjed provi tal-ġid kollu li kapaċi jwettqu, imma, fl-istess waqt, irridu nagħrfu kemm aħna stess kapaċi neqirdu. L-individwaliżmu indifferenti u bla ħniena li fih waqajna mhuwiex forsi wkoll frott tat-telqa tagħna li nfittxu l-ogħla valuri, li jmorru lil hemm mill-bżonnijiet tal-mument? Mar-relattiviżmu jiżdied ir-riskju li min hu b’saħħtu jew l-iżjed kapaċi jirnexxilu jimponi verità falza. Imma, “għan-normi li jipprojbixxu dak li hu ħażin fih innifsu la hemm privileġġi u lanqas eċċezzjonijiet: tkunx sid id-dinja jew ‘l-iktar imsejken’ fuq l-art ma hemmx differenza, ilkoll indaqs fejn jidħol dak li titlob il-moralità”.[202]

 

210. Dak li qed jiġrilna llum, li qed ikaxkarna lejn loġika perversa u battala, hu li l-etika u l-politika nbelgħu fil-fiżika. M’għadhomx jeżistu t-tajjeb u l-ħażin fihom infushom, imma biss kalkolu ta’ vantaġġi u żvantaġġi. Iċ-ċaqliq tar-raġuni morali jġib miegħu bħala konsegwenza li l-liġi m’għadhiex tista’ tirreferi għal kunċett fundamentali ta’ ġustizzja, imma pjuttost issir mera tal-ideat tal-mument. U hawn jiġi t-tmermir ta’ dawn il-valuri: nibdew “nillivellaw fil-baxx” permezz ta’ kunsens superfiċjali u li jidħol f’ħafna kompromessi. Hekk, żgur li tittrijonfa l-loġika ta’ min hu l-aktar b’saħħtu.

 

Il-kunsens u l-verità

211. F’soċjetà pluralista, id-djalogu huwa l-aħjar triq biex naslu li nagħrfu dak li għandu dejjem jiġi affermat u rrispettat, u li jmur lil hemm minn kunsens okkażjonali. Qed nitkellmu fuq djalogu li jrid jiġi mogħni u mdawwal minn raġunijiet, minn argumenti razzjonali, minn firxa ta’ perspettivi, mis-sehem tad-diversi oqsma tal-għerf u fehmiet, u li ma jeskludix il-konvinzjoni li nistgħu naslu għal xi veritajiet fundamentali li dejjem għandna nħaddnu. Meta naċċettaw li hemm xi valuri permanenti, imqar jekk mhux dejjem faċli nagħrfuhom, inkunu nżommu fis-sod l-etika soċjali. Anki meta nkunu għarafniehom u ħaddanniehom grazzi għad-djalogu u l-kunsens, naraw li dawn il-valuri bażiċi jmorru lil hemm minn kull kunsens, nagħrfu fihom valuri li jittraxxendu l-kuntesti tagħna u mhuma qatt negozjabbli. Jista’ jikber l-għarfien tagħna tat-tifsira tagħhom u tal-importanza tagħhom – u f’dan is-sens il-kunsens huwa realtà dinamika – imma fihom infushom huma apprezzati bħala stabbli minħabba s-sinifikat intrinsiku tagħhom.

 

212. Jekk hemm ħaġa li tibqa’ dejjem tgħodd għat-tħaddim tajjeb tas-soċjetà, dan mhux forsi għax warajha hemm verità li tibqa’, li l-intelliġenza tista’ tifhem? Fl-istess realtà li aħna bnedmin u soċjetà, fin-natura intima ta’ dan, hemm serje ta’ strutturi bażiċi li jwieżnu l-iżvilupp u l-għajxien tagħna. Minn hemm joħorġu esiġenzi speċifiċi li nistgħu niskopruhom grazzi għad-djalogu, imqar jekk mhumiex mibnija mill-kunsens fis-sens strett tal-kelma. Il-fatt li ċerti normi huma indispensabbli għall-istess ħajja soċjali hu sinjal estern li huma xi ħaġa intrinsikament tajba. Konsegwentement, ma hemmx għalfejn nikkonfrontaw bejniethom il-konvenjenza soċjali, il-kunsens u r-realtà ta’ verità oġġettiva. It-tlieta li huma jistgħu jingħaqdu flimkien f’armonija meta, permezz tad-djalogu, il-persuni jkollhom il-kuraġġ li jinżlu fil-fond ta’ kwistjoni.

 

213. Jekk f’kull sitwazzjoni għandna nirrispettaw id-dinjità tal-oħrajn, dan għaliex aħna la nivvintaw u lanqas nissupponu aħna din id-dinjità, imma effettivament hemm fihom valur ogħla mill-ħwejjeġ materjali u miċ-ċirkustanzi, li jitlob li jiġu ttrattati b’mod ieħor. Li kull bniedem għandu dinjità inaljenabbli hija verità li tikkorrispondi man-natura umana lil hemm minn kull bidla kulturali. Għalhekk il-bniedem għandu l-istess dinjità invjolabbli f’kull epoka tal-istorja u ħadd ma jista’ jħossu awtorizzat miċ-ċirkustanzi jiċħad din il-konvinzjoni jew jaġixxi mod ieħor. L-intelliġenza għalhekk tista’ tgħarbel fir-realtà tal-affarijiet, permezz tar-riflessjoni, l-esperjenza u d-djalogu, biex tagħraf f’dik ir-realtà li tittraxxendiha l-bażi ta’ ċerti esiġenzi morali universali.

 

214. Għall-anjostiċi, dan il-fundament jista’ jidher biżżejjed biex jagħti validità universali soda u stabbli lill-prinċipji etiċi bażilari u li mhumiex negozjabbli, biex hekk ma jħallux jerġgħu jseħħu katastrofijiet ġodda. Għal dawk li jemmnu, in-natura umana, għajn ta’ prinċipji etiċi, ġiet maħluqa minn Alla, li, fl-aħħar mill-aħħar, jagħti bażi soda lil dawn il-prinċipji.[203] Dan ma joħloqx xi riġidità etika u lanqas jiftaħ it-triq għall-impożizzjoni ta’ xi sistema morali, għax il-prinċipji morali fundamentali u universalment validi jistgħu jagħtu lok għal bosta normi prattiċi. Għalhekk jibqa’ dejjem lok għad-djalogu.

 

Kultura ġdida

215. “Il-ħajja hija l-arti tal-laqgħa, anki jekk fil-ħajja hemm ħafna nuqqas ta’ qbil”.[204] Mhux darba u tnejn sejjaħt biex inseddqu kultura tal-laqgħa, li tmur lil hemm mid-djalettiċi li jqegħduna kontra xulxin. Huwa stil ta’ ħajja li jipprova jsawwar dik il-priżma ta’ ħafna wċuħ, ħafna naħat, imma li lkoll jagħmlu flimkien unità li hi għanja fl-isfumaturi tagħha, għax “is-sħiħ hu aqwa mill-parti”.[205] Il-priżma tirrappreżenta soċjetà fejn id-differenzi joqogħdu ma’ xulxin u jintegraw lil xulxin, biex hekk jistagħnew u jiddawlu minn xulxin, imqar jekk dan ifisser ukoll diskussjonijiet u riservi. Fil-fatt, minn kulħadd nistgħu nitgħallmu xi ħaġa, ħadd mhu bla siwi, ħadd mhu hemm għalxejn. Dan jimplika li ninkludu l-periferiji. Min jgħix fihom għandu ħarsa oħra, jara aspetti tar-realtà li ma jidhrux miċ-ċentri ta’ poter fejn jittieħdu l-aktar deċiżjonijiet determinanti.

 

Il-laqgħa ssir kultura

216. Il-kelma “kultura” tindika xi ħaġa li daħlet fil-qalba tal-poplu, fil-konvinzjonijiet l-aktar qawwija tiegħu u fl-istil ta’ ħajtu. Jekk nitkellmu fuq “kultura” fil-poplu, dan hu iżjed minn idea jew minn kunċett astratt. Tiġbor fiha x-xewqat, il-ħeġġa u bla dubju ta’ xejn mod ta’ ħajja li jikkaratterizza dak il-grupp ta’ bnedmin. Għalhekk, meta nitkellmu fuq “kultura tal-laqgħa” jfisser li bħala poplu aħna mimlija bil-ħerqa li niltaqgħu, li nfittxu punti ta’ kuntatt, nibnu pontijiet, infasslu xi ħaġa li tinvolvi lil kulħadd. Din saret xewqa u stil ta’ ħajja. Is-suġġett ta’ din il-kultura huwa l-poplu, u mhux xi settur tas-soċjetà li jimmira biex iżomm il-paċi fil-bqija tal-poplu b’mezzi professjonali u medjatiċi.

 

217. Il-paċi soċjali hi ħawtiela, xogħol tas-sengħa. Bi ftit għaqal u riżorsi jkun eħfef li żżomm taħt kontroll il-libertajiet u d-differenzi. Imma din il-paċi tkun waħda tal-qoxra u dgħajfa, mhux frott kultura tal-laqgħa li tweżinha. Li nintegraw ir-realtajiet differenti hi ħaġa wisq itqal u tieħu ż-żmien, imma hija l-garanzija ta’ paċi vera u soda. Dan ma jinkisibx billi jingħaqdu flimkien biss il-puri, għax “saħansitra l-persuni li jistgħu jiġu kkritikati għall-iżbalji tagħhom għandhom xi ħaġa x’jagħtu li m’għandhiex tintilef”.[206] U lanqas jikkonsisti f’paċi li titwieled billi nsikktu l-karbiet soċjali jew nevitaw li jagħmlu ħafna storbju, għax dan mhuwiex “kunsens madwar mejda jew għal paċi ta’ ħajja qasira li tikkuntenta biss il-minoranza”.[207] Dak li jiswa hu li nibdew proċess ta’ laqgħa, proċessi li jistgħu jibnu poplu li jaf jiġbor flimkien id-differenzi. Ejjew narmaw lil uliedna bl-armi tad-djalogu! Ngħallmuhom il-battalja t-tajba tal-laqgħa!

 

Il-gost li nagħrfu lill-ieħor

218. Dan jitlob minna l-ħila li lill-ieħor nagħrfulu d-dritt li jkunu hu nnifsu u jkun differenti. Ibda minn dan l-għarfien li jsir kultura, ikun possibbli nagħtu l-ħajja lil patt soċjali. Mingħajr dan l-għarfien jitfaċċaw modi sottili li bihom inġagħlu lill-ieħor jitlef kull sinifikat, isir irrilevanti, u s-soċjetà ma tibqa’ tara ebda valur fih. Wara ċ-ċaħda ta’ ċerti għamliet viżibbli ta’ vjolenza, spiss tinħeba vjolenza oħra iżjed qarrieqa: dik ta’ dawk li jżebilħu dak li hu differenti, fuq kollox meta l-karbiet tiegħu b’xi mod jagħmlu ħsara lill-interessi tagħhom.

 

219. Meta parti mis-soċjetà tippretendi li tista’ tgawdi minn kulma toffri d-dinja, bħallikieku l-foqra ma kinux jeżistu, dan f’ċertu punt ikollu l-konsegwenzi tiegħu. Jekk ninjoraw il-ħajja u d-drittijiet tal-oħrajn, illum jew għada dan sa jipprovoka xi xorta ta’ vjolenza, ħafna drabi mhux mistennija. Il-ħolmiet tal-libertà, tal-ugwaljanza u tal-fraternità jistgħu jibqgħu fuq il-livell ta’ sempliċi formalitajiet, għax fir-realtà ma jkunux hemm għal kulħadd. Għalhekk, m’aħniex nitkellmu biss fuq li nfittxu nlaqqgħu lil dawk li għandhom f’idejhom bosta għamliet differenti ta’ poter ekonomiku, politiku jew akkademiku. Laqgħa soċjali vera tqiegħed fi djalogu veru dawk l-għamliet kbar ta’ kultura li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-popolazzjoni. Spiss il-proposti tajbin l-oqsma l-iżjed foqra ma jagħmluhomx tagħhom, għax jiġu ppreżentati taħt libsa kulturali li mhix tagħhom u li magħha ma jistgħux jidentifikaw ruħhom. Konsegwentement, patt soċjali realistiku u inklużiv għandu jkun ukoll “patt kulturali”, li jirrispetta u jassumi d-diversi viżjonijiet tad-dinja, il-kulturi u l-istili ta’ ħajja li jeżistu flimkien fis-soċjetà.

 

220. Ngħidu aħna, il-popli indiġeni mhumiex kontra l-progress, anki jekk għandhom idea differenti ta’ progress, ħafna drabi iżjed umanistika minn dik tal-kultura moderna tal-popli żviluppati. Mhijiex kultura orjentata għall-vantaġġ ta’ dawk li għandhom is-setgħa, ta’ dawk li jħossuhom fil-bżonn li joħolqu speċi ta’ ġenna tal-art. L-intolleranza u l-istmerrija lejn il-kulturi popolari indiġeni hi għamla vera ta’ vjolenza, ta’ dawk l-“etiċisti” bla tjieba li jgħadduha jiġġudikaw lill-oħrajn. Imma l-ebda bidla awtentika, profonda u stabbli ma tista’ ssir jekk ma titwettaqx fid-diversi kulturi, l-ewwel u qabel kollox tal-foqra. Patt kulturali jitlob li ma nibqgħux nifhmu l-identità ta’ post b’mod monolitiku, u jesiġi minna li nirrispettaw id-differenzi billi noffrulhom toroq ta’ promozzjoni u ta’ integrazzjoni soċjali.

 

221. Dan il-patt jitlob minna wkoll li nilqgħu l-possibbiltà li nċedu xi ħaġa għall-ġid komuni. Ħadd ma jista’ jkollu l-verità kollha f’idejh, lanqas jissodisfa x-xewqat kollha tiegħu, għax din il-pretensjoni twassal biex wieħed ikun irid jeqred lill-ieħor billi jiċħadlu drittijietu. It-tiftix ta’ tolleranza falza għandu jċedi postu lir-realiżmu tad-djalogu, ta’ min jemmen li għandu jkun fidil għall-prinċipji tiegħu, imma jagħraf li anki l-ieħor għandu d-dritt li jipprova jkun fidil għal tiegħu. Huwa l-għarfien veru tal-ieħor, li l-imħabba biss tagħmel possibbli u li jfisser nidħlu fiż-żarbun tal-ieħor biex niskopru x’hemm awtentiku, jew tal-inqas li nistgħu nifhmu, fost il-motivazzjonijiet u l-interessi tiegħu.

 

Nerġgħu nsibu l-ħlewwa

222. L-individwaliżmu konsumista jagħti lok għal ħafna abbużi. L-oħrajn isiru sempliċi xkiel għat-trankwillità tal-pjaċir tiegħi. Għalhekk nispiċċaw nittrattawhom bħala xi ħaġa li tagħtina fastidju u tikber l-aggressività. Dan aktar jitqawwa u jasal għal livelli frustranti fil-perjodi ta’ kriżi, f’sitwazzjonijiet katastrofiċi, f’mumenti ibsin, meta joħroġ iktar l-ispirtu ta’ “ħa jsalva min jista’”. Madankollu, għadu possibbli nagħżlu li nħaddmu l-ħlewwa. Hemm persuni li dan jagħmluh u jiddu bħal kwiekeb f’nofs tant dalma.

 

223. San Pawl semma wieħed mill-frott tal-Ispirtu s-Santu bil-kelma Griega chrestótes (Gal 5:22), li tesprimi stat tar-ruħ li mhuwiex qares, goff, iebes, imma twajjeb, ħelu, li jwieżen u jfarraġ. Il-persuna li għandha din il-kwalità tgħin lill-oħrajn biex ħajjithom tkun iżjed sopportabbli, fuq kollox meta jġorru t-toqol tal-problemi, tal-bżonnijiet u tal-biżgħat tagħhom. Hu mod kif nittrattaw lill-oħrajn li jidher taħt diversi xejriet: bħala ġentilezza fl-għemil, bħala attenzjoni biex ma nweġġgħux la bil-kliem u lanqas bil-ġesti, bħala tentattiv biex intaffu l-piż tal-oħrajn. Ifisser li wieħed “ilissen kelmiet ta’ inkuraġġiment, li jfarrġu, li jqawwu, li jikkunslaw, li jħeġġu”, flok “kelmiet li jumiljaw, li jnikktu, li jdejqu, li jmaqdru”.[208]

 

224. Il-ħlewwa teħlisna mill-kefrija li xi drabi tindiehes fir-relazzjonijiet umani, mill-ansjetà li ma tħalliniex naħsbu fl-oħrajn, mill-urġenza distratta li tinsa li anki l-oħrajn għandhom dritt ikunu ferħana. Illum qajla għadek issib min għandu ħin u enerġija biex jieqaf ftit ħalli jittratta tajjeb lill-oħrajn, biex jgħid “jekk jogħġbok”, “skużani”, “grazzi”. Imma kull tant u tant jinqala’ xi miraklu ta’ persuna ġentili, li twarrab għall-ġenb l-inkwiet tagħha u l-bżonnijiet urġenti tagħha biex tagħti attenzjoni, biex tirregala tbissima, biex tlissen kelma ta’ tħeġġiġ, biex tagħmel possibbli spazju ta’ smigħ qalb tant indifferenza. Dan l-isforz, jekk ngħixuh kuljum, għandu l-ħila joħloq dik il-konvivenza tajba li tegħleb in-nuqqas ta’ ftehim u tħarisna mill-kunflitti. Il-prattika tal-ħlewwa mhix xi dettall sekondarju u lanqas imġiba superfiċjali jew tal-puliti. Bl-istima u r-rispett li titlob, meta ssir kultura f’soċjetà, tibdel qatigħ l-istil ta’ ħajja, ir-relazzjonijiet soċjali, il-mod ta’ kif niddibattu u nħabbtu l-ideat tagħna ma’ xulxin. Tħaffef it-tiftix ta’ ftehim bejnietna u tiftaħ toroq hemm fejn l-aġir goff iġarraf il-pontijiet kollha.


 

IS-SEBA’ KAPITLU

TOROQ GĦAL LAQGĦA ĠDIDA

 

225. F’ħafna mkejjen tad-dinja huma meħtieġa mixjiet ta’ paċi li jwasslu għall-fejqan tal-ġrieħi, hemm bżonn ta’ bennejja tal-paċi li lesti jniedu proċessi ta’ fejqan u ta’ laqgħa mġedda b’ħila u qlubija.

 

Nerġgħu nibdew mill-verità

226. Laqgħa ġdida ma tfissirx li nerġgħu lura għal żmien qabel il-kunflitti. Iż-żmien lil kulħadd jibdel. It-tbatija u l-ġlied bidluna. Barra minn hekk, m’għadx hemm lok għal diplomaziji battala, għal pretensjonijiet, diskorsi doppji, ħabi, manjieri tajba li jostru r-realtà. Dawk li kellhom xi jgħidu bil-kliem issa hemm bżonn li jiddjalogaw billi jfittxu l-verità, ċara u tonda. Għandhom bżonn jitgħallmu jħaddmu memorja penitenzjali, li biha kapaċi jerfgħu r-responsabbiltà tal-imgħoddi biex jeħilsu lill-futur mid-delużjonijiet, il-konfużjonijiet u l-pjanijiet tagħhom. Mill-verità storika tal-fatti biss jista’ jinbet l-isforz perseveranti u fit-tul li nifhmu lil xulxin u nfittxu sintesi ġdida għall-ġid ta’ kulħadd. Ir-realtà hi li “l-paċi hija għalhekk impenn dejjiem. Hija biċċa xogħol li titlob tfittxija b’sabar għall-verità u għall-ġustizzja, li tonora l-memorja tal-vittmi u li pass pass tiftaħ il-bieb għal tama komuni, b’saħħitha iktar mill-vendetta”.[209] Kif stqarru l-Isqfijiet tal-Kongo dwar kunflitt li jirripeti ruħu, “il-ftehim tal-paċi fuq il-karta qatt mhu ħa jkun biżżejjed. Hemm bżonn immorru iktar ’il bogħod minn hekk, u ndaħħlu l-esiġenza tal-verità dwar mnejn bdiet din il-kriżi li qed tirrepeti ruħha. Il-poplu għandu l-jedd ikun jaf x’ġara”.[210]

 

227. Fil-fatt, “il-verità hija sieħba li ma tistax tinfired mill-ġustizzja u mill-ħniena. It-tlieta huma ħaġa waħda, huma bżonnjużi biex tinbena l-paċi u, min-naħa l-oħra, kull waħda minnhom iżżomm lill-oħrajn milli jinbidlu. […] Fil-fatt, il-verità m’għandhiex twassal għall-vendetta, imma aktar għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra. Il-verità hi meta tkellem familji mkissrin fuq it-tbatija minħabba li l-ġenituri tagħhom ma nstabux. Il-verità hi meta nistqarru x’sar mill-minorenni mħaddma mill-operaturi tal-vjolenza. Hija verità li nagħrfu t-tbatija tan-nisa li huma vittmi tal-vjolenza u tal-abbużi. […] Kull vjolenza mwettqa kontra l-bniedem hija ġerħa fil-laħam tal-umanità; kull mewt vjolenti rridu ‘nqisuha’ bħala persuna. […] Il-vjolenza ġġib il-vjolenza, il-mibegħda ġġib mibegħda oħra, u l-mewt iġġib mewt oħra. Għandna nkissru din il-katina li tidher li ma nistgħux neħilsu minnha”.[211]

 

L-arkitettura u l-artiġjanat tal-paċi

228. Il-mixja lejn il-paċi ma titlobx minna li nagħmlu soċjetà omeġenja, imma żgur tħallina naħdmu flimkien. Tista’ xxierek lil bosta fit-tiftix flimkien li minnu kulħadd igawdi. Quddiem għan speċifiku li lkoll inħaddnu, nistgħu noffru diversi proposti tekniċi, diversi esperjenzi, u naħdmu għall-ġid komuni. Hemm bżonn infittxu li nidentifikaw tajjeb il-problemi li soċjetà tgħaddi minnhom biex naċċettaw li jeżistu diversi modi kif inħarsu lejn id-diffikultajiet u nsolvuhom. Il-mixja lejn konvivenza aħjar titlob dejjem li nagħrfu x’inhuma l-possibbiltajiet li l-ieħor jaf iġib miegħu perspettiva leġittima – tal-inqas f’parti minnha –, xi ħaġa li tista’ tgħinna niżnu l-affarijiet mill-ġdid, anki meta forsi jkun żbalja jew aġixxa ħażin. Fil-fatt, “qatt m’għandna naraw lill-oħrajn biss fid-dawl ta’ dak li setgħu qalu jew għamlu, imma rridu nżommu f’moħħna l-wegħda li jġorru ġo fihom”,[212] wegħda li dejjem tħalli miftuħ xaqq ta’ tama.

 

229. Kif għallmuna l-Isqfijiet tal-Afrika ta’ Isfel, ir-rikonċiljazzjoni vera tintlaħaq b’mod proattiv, “billi nsawru soċjetà ġdida msejsa fuq il-qadi tal-oħrajn, iktar milli fuq ix-xewqa li naħkmu; soċjetà msejsa fuq il-qsim ta’ dak li għandna mal-oħrajn, iżjed milli fuq il-ġlieda egoistika ta’ kull wieħed u waħda għall-akbar għana possibbli; soċjetà fejn il-valur li noqogħdu flimkien bħala essri umani hu bla dubju ta’ xejn aktar importanti minn kull grupp ċkejken, sew jekk tkun il-familja, in-nazzjon, l-etniċità jew il-kultura”.[213] L-Isqfijiet tal-Korea ta’ Isfel urewna kif paċi awtentika “tista’ tinkiseb biss meta nitqabdu għall-ġustizzja bid-djalogu, billi nfittxu r-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp ta’ xulxin”.[214]

 

230. It-tħabrik iebes biex negħlbu dak li jifridna mingħajr ma nitilfu l-identità ta’ kull wieħed u waħda jitlob li fina lkoll jibqa’ jħeġġeġ sens fundamentali ta’ appartenenza. Fil-fatt, “is-soċjetà tagħna tkun rebbieħa meta kull persuna, kull grupp soċjali jkun iħossu verament id-dar. Fil-familja, il-ġenituri, in-nanniet, it-tfal iħossu ruħhom ‘ta’ ġewwa’; ħadd mhu eskluż. Jekk membru jsib ruħu f’diffikultà, anki kbira, anki jekk ikun ġab il-gwaj b’idejh stess, l-oħrajn jgħinuh, jagħtuh is-sapport; it-tbatija tiegħu ssir ta’ kulħadd […] Fil-familja kulħadd jagħti sehmu fil-proġett komuni, ilkoll jaħdmu favur il-ġid komuni mingħajr ma jxejnu lill-individwu; bil-maqlub, isostnuh u jmexxuh ’il quddiem. Jitlewmu, imma hemm xi ħaġa li ma tiċċaqlaqx: ir-rabta familjari. It-tilwim fil-familja, wara, spiss jinbidel f’rikonċiljazzjoni. Il-ferħ u d-dwejjaq ta’ kull membru jsiru ta’ kulħadd. Dan hu l-mod kif tkun verament il-familja! Kemm ikun sabiħ jekk jirnexxilna naraw lill-avversarju politiku jew il-ġar tagħna bl-istess għajnejn li bihom inħarsu lejn it-tfal, il-mara, ir-raġel, il-missirijiet, l-ommijiet! Aħna nħobbu lis-soċjetà tagħna, jew din tibqa’ xi ħaġa bogħod minna, li m’għandniex x’naqsmu magħha, li lilna ma tolqotniex, li għalina mhix impenn?”.[215]

 

231. Ħafna drabi hemm bżonn kbir li ninnegozjaw u hekk niżviluppaw mixjiet konkreti lejn il-paċi. Madankollu, il-proċessi effettivi ta’ paċi fit-tul huma qabelxejn bidliet artiġjanali maħduma mill-popli, fejn kull persuna tista’ tkun ħmira effikaċi bl-istil tal-ħajja tagħha ta’ kuljum. Il-bidliet il-kbar ma jinbnewx minn wara skrivanija jew fl-istudju. Għalhekk, “kull persuna għandha rwol fundamentali, fi proġett kreattiv wieħed, biex tikteb paġna ġdida ta’ storja, paġna mimlija tama, mimlija paċi, mimlija rikonċiljazzjoni”.[216] Hemm “arkitettura” tal-paċi, li fiha jintervienu d-diversi istituzzjonijiet tas-soċjetà, kull waħda skont il-kompetenza tagħha, imma hemm ukoll “artiġjanat” tal-paċi li fih ilkoll aħna involuti. Ibda mid-diversi proċessi ta’ paċi li jiżviluppaw f’diversi mkejjen tad-dinja, “tgħallimna li dawn it-toroq ta’ paċifikazzjoni, ta’ primat tar-raġuni fuq il-vendetta, ta’ armonija delikata bejn il-politika u d-dritt, ma jistgħux isolvu l-mixjiet tal-persuni. Mhux biżżejjed li jitfasslu kwadri normattivi u ftehim istituzzjonali bejn gruppi politiċi jew ekonomiċi ta’ rieda tajba. […] Barra minn hekk, dejjem hi ħaġa prezzjuża li ninserixxu fil-proċessi tagħna ta’ paċi l-esperjenza tal-oqsma li, f’ħafna okkażjonijiet, ma baqgħux jidhru, biex tkun sewwasew il-komunità li tlewwen il-proċessi ta’ memorja kollettiva”.[217]

 

232. Ma hemmx punt finali fil-bini tal-paċi soċjali ta’ pajjiż, għax din hi “ħidma bla tmiem u teħtieġ l-impenn ta’ kulħadd. Ħidma li titlob li ma nnaqqsux l-isforzi biex nibnu l-għaqda fost in-nazzjon u, minkejja l-ostakli, id-differenzi u l-viżjonijiet differenti dwar kif tista’ tinkiseb il-konvivenza paċifika, nippersistu fit-taqbida biex niffavorixxu l-kultura tal-laqgħa, li titlob minna li fiċ-ċentru ta’ kull azzjoni politika, soċjali u ekonomika, inqiegħdu l-persuna umana, id-dinjità bla qies tagħha u r-rispett lejn il-ġid komuni. Jalla dan l-impenn iwarrab minna kull tentazzjoni ta’ vendetta u t-tfittxija biss tal-interessi personali fl-iqsar żmien possibbli”.[218] Il-manifestazzjonijiet pubbliċi vjolenti, minn naħa u mill-oħra, ma jgħinuniex insibu toroq li minnhom nistgħu noħorġu. Fuq kollox għax, kif osservaw tant tajjeb l-Isqfijiet tal-Kolombja, meta ninkuraġġixxu “mobilitazzjonijiet taċ-ċittadini, mhux dejjem huma ċari l-oriġni tagħhom u fejn iridu jwasslu, ikun hemm xi xejriet ta’ manipulazzjoni politika, kif ukoll jieħdu r-riedni f’idejhom ċerti interessi partikolari”.[219]

 

L-ewwel u qabel kollox maċ-ċkejknin

233. Il-promozzjoni tal-ħbiberija soċjali titlob mhux biss li jerġgħu jersqu lejn xulxin gruppi soċjali li kienu tbiegħdu minn xulxin minħabba xi perjodu storiku ta’ kunflitti, imma anki t-tiftix ta’ laqgħa mġedda mal-aktar setturi foqra u vulnerabbli. Il-paċi “mhix sempliċiment in-nuqqas ta’ gwerra, imma l-impenn bla heda – fuq kollox minn dawk li jinsabu fil-pożizzjonijiet tal-akbar responsabbiltà – li jingħata għarfien u tkun iggarantita konkretement ir-rikostruzzjoni tad-dinjità, li spiss tintesa jew tkun injorata, min-naħa ta’ ħutna sabiex huma jħossuhom protagonisti tad-destin tan-nazzjon tagħhom”.[220]

 

234. Spiss dawk tal-aħħar post fis-soċjetà ġew offiżi b’ġeneralizzazzjonijiet inġusti. Kull darba li l-iżjed foqra u l-imwarrbin jirreaġixxu b’atteġġjamenti li jidhru antisoċjali, importanti nifhmu li f’ħafna każi dawn ir-reazzjonijiet jiddependu minn storja ta’ stmerrija u ta’ nuqqas ta’ inklużjoni soċjali. Kif għallmuna l-Isqfijiet tal-Amerika Latina, “il-qrubija li tagħmilna ħbieb biss tista’ tgħinna napprezzaw bil-kbir il-valuri tal-foqra tal-lum, ix-xewqat leġittimi tagħhom u l-mod speċifiku tagħhom kif jgħixu l-fidi. L-għażla favur il-foqra għandha twassalna għall-ħbiberija mal-foqra”.[221]

 

235. Dawk li jippretendu li jġibu l-paċi f’soċjetà m’għandhomx jinsew li n-nuqqas ta’ ugwaljanza u ta’ żvilupp uman sħiħ ma jħallix il-paċi tinħoloq. Fil-fatt, “mingħajr ugwaljanza ta’ opportunitajiet, id-diversi forom ta’ ġlied u ta’ gwerra jsibu art fertili li llum jew għada ġġib splużjoni. Meta s-soċjetà – lokali, nazzjonali jew dinjija – twarrab parti minnha fil-periferija, għalxejn ikun hemm programmi politiċi, forzi tal-ordni jew ta’ intelligence li jippruvaw jiżguraw it-trankwillità fit-tul”.[222] Jekk irridu nerġgħu nibdew mill-ġdid, dan jeħtieġ nagħmluh dejjem miċ-ċkejknin.

 

Il-valur u t-tifsira tal-maħfra

236. Xi wħud jippreferu ma jitkellmux dwar rikonċiljazzjoni, għax iżommu li l-kunflitt, il-vjolenza u l-qasmiet jagħmlu parti mill-mod normali kif taħdem soċjetà. Huwa fatt li f’kull grupp uman hemm ġlied ta’ poter ftit jew wisq sottili bejn diversi oqsma. Oħrajn iżommu li jekk tammetti l-maħfra tkun qed iċċedi l-ispazju tiegħek biex ikunu oħrajn li jieħdu s-sitwazzjoni f’idejhom. Għalhekk dawn iħaddnu li aħjar ikun hemm din il-logħba tal-poter li biha jinżamm bilanċ tal-forzi bejn id-diversi gruppi. Oħrajn jemmnu li r-rikonċiljazzjoni hija ħaġa tad-dgħajfin, li mhumiex kapaċi għad-djalogu u għalhekk jagħżlu li jaħarbu l-problemi billi jaħbu l-inġustizzji: mhumiex kapaċi jaffrontaw il-problemi, u għalhekk jippreferu paċi tal-qoxra.

 

Il-kunflitt inevitabbli

237. Il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni huma temi ta’ importanza kbira fil-Kristjaneżmu u, b’modi differenti, f’reliġjonijiet oħra wkoll. Ir-riskju jinsab f’li ma nifhmux kif għandu jkun il-konvinzjonijiet ta’ min jemmen u nippreżentawhom b’mod li jispiċċaw irewħu l-fataliżmu, it-telqa jew l-inġustizzja, jew, mill-banda l-oħra, l-intolleranza u l-vjolenza.

 

238. Ġesù Kristu qatt ma stieden lil ħadd biex ikebbes il-vjolenza jew l-intolleranza. Huwa stess kien jikkundanna fil-miftuħ l-użu tal-forza minn min jimponi ruħu fuq l-oħrajn: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk” (Mt 20:25-26). Min-naħa l-oħra, l-Evanġelju jitlobna naħfru “sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:22) u jagħti l-eżempju tal-qaddej li ma weriex ħniena, li ġie maħfur imma mbagħad hu ma kienx kapaċi jaħfer lill-oħrajn (ara Mt 18:23-25).

 

239. Jekk naqraw siltiet oħra tat-Testment il-Ġdid, nistgħu ninnuntaw li fil-fatt l-ewwel komunitajiet, mgħaddsa f’dinja pagana miżgħuda bil-korruzzjoni u t-tagħwiġ, kien jħaddnu sens ta’ sabar, tollerenza, komprensjoni. Xi siltiet huma ċari ħafna f’dan: jistednuna nieħdu lill-għedewwa tagħna bil-ħlewwa (ara 2 Tim 2:25). Jirrakkomandaw “biex ma jkasbru ’l ħadd, jaħarbu t-tilwim, ikunu umli, jimxu bil-ħlewwa ma’ kulħadd. Għax aħna wkoll konna darba bla moħħ” (Tit 3:2-3). Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jistqarr li d-dixxipli, ippersegwitati minn xi awtoritajiet, “kienu miġjuba mill-poplu kollu” (ara 2:47; 4:21,33; 5:13).

 

240. Madankollu, meta nirriflettu fuq il-maħfra, fuq il-paċi u fuq il-ftehim soċjali, insibu ruħna quddiem espressjoni ta’ Kristu li tgħaġġibna: “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm żewġha; u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu” (Mt 10:34-36). Din importanti nqegħduha fil-kuntest tal-kapitlu li fih tinsab. Hemmhekk hu ċar li t-tema ttrattata hi dik tal-fedeltà għall-għażla li wieħed ikun għamel, bla mistħija, imqar jekk din iġġib il-kuntrarju, u anki jekk il-persuni għeżież għalih jeħduha kontra din l-għażla. Għalhekk, dawn il-kelmiet mhumiex qed jistednuna biex infittxu t-tilwim, imma sempliċiment biex inġarrbu l-kunflitt inevitabbli, biex ir-rispett uman ma jwassalniex biex nonqsu mill-fedeltà bl-iskuża li jeħtieġ nirrispettaw il-paċi familjari jew soċjali. San Ġwanni Pawlu II stqarr li l-Knisja “ma tridx tikkundanna kull xorta ta’ kunflitti soċjali. Il-Knisja taf sewwa li tul il-ġrajja tad-dinja bilfors ikun hemm kunflitti ta’ interessi bejn il-ħafna gruppi soċjali differenti, u għalhekk quddiem dawn il-kunflitti l-Insara, b’mod onest u deċiżiv, spiss iridu jiddeċiedu x’se tkun il-qagħda tagħhom”.[223]

 

It-tilwim leġittimu u l-maħfra

241. Il-maħfra li qed nipproponu mhix ta’ min jiċħad id-drittijiet tiegħu quddiem bniedem b’saħħtu li hu korrott, kriminal jew xi ħadd li jrid ikasbar id-dinjità tagħna. Aħna msejħin inħobbu lil kulħadd, bla eċċezzjonijiet, imma li nħobbu lil xi ħadd li jgħakkisna ma jfissirx li nħalluh ikompli jagħmel dan; u lanqas li nagħtuh x’jifhem li dak li qed jagħmel hu aċċettabbli. Bil-maqlub, il-mod tajjeb kif inħobbuh hu billi nfittxu b’diversi modi li nwaqqfuh milli jkompli jgħakkes lil ħaddieħor, u nneħħulu dik is-setgħa li ma jafx juża u li qed tgħarraq l-umanità tiegħu. Naħfru ma jfissirx inħallu lil min ikompli jżeblaħ id-dinjità tiegħu u ta’ ħaddieħor, jew inħallu xi ħadd kriminali jkompli jagħmel il-ħażin. Min iġarrab inġustizzja għandu jiddefendi bil-qawwa kollha d-drittijiet tiegħu u tal-familja tiegħu, proprju għax għandu jħares id-dinjità li ngħatatlu, dinjità maħbuba minn Alla. Jekk delinkwent għamel id-deni lili jew lil xi ħadd għażiż għalija, xejn ma għandu jżommni milli nitlob ġustizzja u li nħabrek biex dik il-persuna – jew kull persuna oħra – ma tagħmillix ħsara mill-ġdid u lanqas tagħmel l-istess ma’ oħrajn. Għandi nagħmlu dan, u l-maħfra mhux biss ma tneħħix din il-ħtieġa, imma titlobha.

 

242. L-importanti hu li dan ma nagħmluhx biex inkabbru r-rabja li tagħmel ħsara lir-ruħ tal-persuna u lir-ruħ tal-poplu tagħna, u lanqas minħabba xi bżonn żbaljat li neqirdu lill-ieħor billi niftħulha kontrih b’serje twila ta’ vendetti. Ħadd ma jista’ jsib il-paċi f’qalbu u lanqas jirrikonċilja ruħu mal-ħajja b’dan il-mod. Il-verità hi li “l-ebda familja, l-ebda grupp ta’ qraba, l-ebda grupp etniku u wisq inqas pajjiż ma għandu futur, jekk il-mutur li jgħaqqadhom flimkien, jiġborhom u jkopri d-differenzi hu l-vendetta u l-mibegħda. Ma nistgħux niftiehmu u ningħaqdu flimkien biex nivvendikaw ruħna, biex lil min kien vjolenti nagħmlulu l-istess ħaġa li hu għamel lilna, biex nippjanaw okkażjonijiet ta’ vendetta taħt forom apparentement legali”.[224] Għax hekk ma nkunux niggwadanjaw xejn u fl-aħħar mill-aħħar nitilfu kollox.

 

243. Bla dubju, “mhux xogħol faċli tegħleb wirt ta’ inġustizzji, ostilità u diffidenza li ħalla warajh il-kunflitt. Dan jista’ jitwettaq biss jekk il-ħażin ikun megħlub mis-sewwa (ara Rum 12:21), u jekk ikunu kkultivati dawk il-virtujiet li jiffavorixxu r-rikonċiljazzjoni, is-solidarjetà u l-paċi”.[225] B’dan il-mod, “lil min iħalliha tikber fih, it-tjieba tagħtih kuxjenza trankwilla, ferħ profond imqar qalb id-diffikultajiet u n-nuqqas ta’ ftehim. Saħansitra quddiem l-offiżi li ġġarrab, it-tjieba mhix dgħufija, imma qawwa vera, kapaċi tieqaf lill-vendetta”.[226] Hemm bżonn nagħrfu f’ħajjitna li “dak il-ġudizzju iebes li nġorr f’qalbi kontra ħija jew oħti, dik il-ġerħa mhix imfejqa, dak id-deni mhux maħfur, dik il-korla li iktar ħsara se tagħmilli, hija biċċa żgħira minn gwerra li qed inġorr ġo fija, hija art tikwi ġol-qalb, li ta’ min jitfiha li ma tmurx issir vampa nar”.[227]

 

Ir-rebħa vera

244. Meta l-kunflitti ma jiġux solvuti imma moħbija jew midfuna fil-passat, ikun hemm silenzji li jistgħu jfissru kompliċità fi żbalji u dnubiet serji. Mill-banda l-oħra, ir-rikonċiljazzjoni vera ma tevitax il-kunflitt, imma tinkiseb fil-kunflitt, u tegħlbu permezz tad-djalogu u t-trattattiva trasparenti, sinċiera u paċenzjuża. Il-ġlieda bejn diversi oqsma, “meta tastjeni mill-għemejjel ta’ kunflitt u mill-mibegħda lejn xulxin, tinbidel ftit ftit f’diskussjoni onesta, imsejsa fuq it-tiftix tal-ġustizzja”.[228]

 

245. Iktar minn darba pproponejt “prinċipju li hu indispensabbli biex nistgħu nibnu l-ħbiberija soċjali: l-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt. […] Ma jfissirx li nirrikorru għas-sinkretiżmu, lanqas għal realtà fejn wieħed jinxtorob fl-ieħor, imma għall-qbil dwar pjan ogħla li jiġbor fih il-potenzjalitajiet prezzjużi tal-polaritajiet li huma f’kuntrast ma’ xulxin”.[229] Nafu tajjeb li “kull darba illi, bħala persuni u bħala komunità, nitgħallmu nimmiraw aktar ’il fuq minna nfusna u mill-interessi partikolari tagħna, il-ftehim u l-impenn reċiproku jinbidlu […] f’ambjent ħaj fejn il-kunflitti, it-tensjonijiet u l-opposti tal-imgħoddi, jistgħu jaslu għall-għaqda ta’ bosta forom li ġġib ħajja ġdida”.[230]

 

Il-memorja

246. Minn min bata ħafna b’mod inġust u kiefer ma għandniex nitolbu speċi ta’ “maħfra soċjali”. Ir-rikonċiljazzjoni hi fatt personali, u ħadd ma jista’ jimponiha fuq il-ġabra flimkien ta’ soċjetà, lanqas hu marbut jippromoviha. Fil-qasam strettament personali, b’deċiżjoni ħielsa u ġeneruża, xi ħadd jista’ jirrifjuta li jesiġi kastig (ara Mt 5:44-46), imqar jekk is-soċjetà u l-ġustizzja tagħha leġittimament jitolbuh. Madankollu mhuwiex possibbli niddekretaw “rikonċiljazzjoni ġenerali”, u nippretendu li nistgħu nagħlqu l-ġrieħi b’xi digriet jew li ngħattu l-inġustizzji b’xi mant li jnessi kollox. Min għandu l-jedd li jaħfer f’isem l-oħrajn? Jikkommovina li naraw il-ħila ta’ maħfra li għandhom ċerti persuni li għarfu jmorru lil hemm mill-ħsara li saritilhom, imma hi wkoll ħaġa umana li nifhmu lil dawk li dan ma jistgħux jagħmluh. Hu x’inhu, dak li m’għandna nipproponu qatt hu li ninsew.

 

247. Ix-Shoah ma għandux jintesa. Huwa “simbolu ta’ fejn tista’ tasal il-krudeltà tal-bniedem meta, immexxi minn ideoloġiji foloz, jinsa d-dinjità fundamentali ta’ kull persuna, li għandha dritt għar-rispett assolut, tkun ta’ liema poplu jew reliġjon tkun”.[231] Jien u nfakkru, ma nistax ma ntennix din it-talba: “Ftakar fina fil-ħniena tiegħek. Agħtina l-grazzja li nistħu minn dak li, bħala bnedmin, kellna l-ħila nagħmlu, li nistħu minn din l-ogħla idolatrija, għax maqdarna u qridna l-ġisem tagħna, dik li int għaġint mit-tajn, dak li int ħjejt bin-nifs tiegħek tal-ħajja. Qatt iżjed, Mulej, qatt iżjed!”.[232]

 

248. Ma jintesewx il-bumbardamenti atomiċi fuq Hiroshima u Nagasaki. Għal darb’oħra “niftakar hawn fil-vittmi kollha u nbaxxi rasi b’rispett quddiem il-qawwa u d-dinjità ta’ dawk li, għalkemm ħarġu ħajjin minn dawk l-ewwel mumenti, ġarrbu f’ġisimhom għal ħafna snin l-eqqel tbatijiet u, f’moħħhom, il-mikrobi tal-mewt li komplew jixorbu l-enerġija li tagħtihom il-ħajja. […] Ma nistgħux inħallu lill-ġenerazzjonijiet attwali u ġodda jitilfu l-memorja ta’ dak li ġara, dik il-memorja li hi garanzija u stimolu biex nibnu futur iktar ġust u fratern”.[233] U lanqas għandhom jintesew il-persekuzzjonijiet, it-traffikar ta’ lsiera u l-massakri etniċi li seħħu u qed iseħħu f’diversi pajjiżi, u tant fatti storiċi oħra li jġagħluna niregħxu li aħna bnedmin. Għandna niftakruhom dejjem, dejjem mill-ġdid, bla ma negħjew u bla ma nilluppjaw ruħna.

 

249. Illum faċli naqgħu fit-tentazzjoni li naqilbu l-paġna u ngħidu li issa għadda ħafna żmien u li hemm bżonn inħarsu ’l quddiem. F’ġieħ Alla, ma jkun qatt! Bla memorja ma nimxu qatt ’il quddiem, ma nistgħux nikbru mingħajr memorja sħiħa u mdawla. Għandna bżonn inżommu mkebbsa “l-fjamma tal-kuxjenza kollettiva, u nagħtu xhieda lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna tal-orrur ta’ dak li ġara”, li “żżomm ħajja l-memorja tal-vittmi, sabiex il-kuxjenza umana tissaħħaħ dejjem iktar quddiem kull kilba għall-poter u għall-qerda”.[234] Dan jeħtiġuh il-vittmi nfushom – persuni, gruppi soċjali jew nazzjonijiet – biex ma jċedux għal-loġika li tasal biex tiġġustifika r-ritaljazzjoni u kull vjolenza f’isem il-ħsara kbira li jkunu ġarrbu. Għalhekk, m’iniex nirriferi biss għall-memorja tal-orruri, imma anki għat-tifkira ta’ dawk kollha li, f’kuntest avvelenat u korrott, kellhom il-ħila jirkupraw id-dinjità u b’ġesti żgħar jew kbar għażlu s-solidarjetà, il-maħfra, il-fraternità. Jiswielna ta’ ġid kbir jekk nagħmlu memorja tat-tajjeb.

 

Naħfru mingħajr ma ninsew

250. Taħfer ma jfissirx tinsa. Pjuttost ngħidu li meta hemm xi ħaġa li bl-ebda mod ma tista’ tiġi miċħuda, irrelattivizzata jew moħbija, xorta waħda nistgħu naħfru. Meta hemm xi ħaġa li qatt m’għandha tiġi ttollerata, iġġustifikata jew skużata, xorta waħda nistgħu naħfru. Meta hemm xi ħaġa li għall-ebda raġuni m’għandna nippermettu lilna nfusna li ninsew, xorta waħda nistgħu naħfru. Il-maħfra ħielsa u sinċiera hija kobor li jirrifletti kemm hi bla tarf il-maħfra divina. Jekk il-maħfra hi b’xejn, allura nistgħu naħfru mqar lil min isibha bi tqila li jindem u m’għandux ħila jitlob maħfra.

 

251. Dawk li tabilħaqq jaħfru ma jinsewx, imma ma jħallux taħkimhom dik l-istess qawwa qerrieda li għamlitilhom id-deni. Huma jkissru ċ-ċirku vizzjuż, iwaqqfu l-avvanz tal-qawwiet tal-qerda. Jaqtgħuha li ma jkomplux jinjettaw fis-soċjetà l-enerġija tal-vendetta, li llum jew għada tispiċċa terġa’ taqa’ mill-ġdid fuqhom stess. Fil-fatt, il-vendetta qatt ma xxebba’ tassew in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-vittmi. Hemm atti kriminali hekk koroh u kiefra, illi għal xejn mhu ħa jiswa li ġġiegħel ibati lil min għamilhom biex tħoss li ssewwa d-delitt; u la jkun biżżejjed toqtol il-kriminal, u lanqas se ssib xi torturi ekwiparabbli għal dak li setgħet batiet il-vittma. Il-vendetta ma ssolvi xejn.

 

252. Lanqas qed nitkellmu fuq impunità. Imma l-ġustizzja nfittxuha b’mod xieraq biss għall-imħabba tal-ġustizzja nfisha, b’rispett lejn il-vittmi, biex nipprevenu atti kriminali ġodda u biex inħarsu l-ġid komuni, mhux bħala pretensjoni ta’ żvog tar-rabja tagħna. Il-maħfra hija sewwasew dik li biha nistgħu nfittxu l-ġustizzja mingħajr ma naqgħu la fiċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta u lanqas fl-inġustizzja li ninsew.

 

253. Meta jkun hemm inġustizzji miż-żewġ naħat, wieħed għandu jagħraf b’mod ċar li jista’ jkun li ma kellhomx it-tnejn l-istess gravità jew ma tistax tqabbilhom ma’ xulxin. Il-vjolenza li ssir min-naħa tal-istrutturi u tal-poter tal-Istat mhijiex fuq l-istess livell tal-vjolenza ta’ gruppi partikulari. Hu x’inhu, ma nistgħux nippretendu li nfakkru biss it-tbatijiet inġusti ta’ waħda biss mill-partijiet. Kif għallmu l-Isqfijiet tal-Kroazja, “aħna għandna nagħtu l-istess rispett lil kull vittma innoċenti. Ma jistgħux isiru distinzjonijiet etniċi, konfessjonali, nazzjonali jew politiċi”.[235]

 

254. Nitlob lil Alla “jħejji l-qlub tagħna għal-laqgħa ma’ ħutna, lil hemm mid-differenzi tal-ideat, l-ilsien, il-kultura, ir-reliġjon; biex jidlek l-essri kollu tagħna biż-żejt tal-ħniena tiegħu li jfejjaq il-ġrieħi tal-iżbalji, tan-nuqqas ta’ ftehim, tal-kontroversji; il-grazzja li jibgħatna b’umiltà u tjieba tul il-mogħdijiet impenjattivi imma għammiela tat-tiftixa għall-paċi”.[236]

 

Il-gwerra u l-piena tal-mewt

255. Hemm żewġ sitwazzjonijiet estremi li jistgħu jaslu biex jippreżentaw ruħhom bħala soluzzjonijiet f’ċirkustanzi partikularment drammatiċi, mingħajr ma nintebħu li huma tweġibiet foloz, li ma jsolvux il-problemi li jippretendu li jegħlbu u li żgur ma jagħmlu xejn ħlief iżidu fatturi ġodda ta’ qerda fit-tessut tas-soċjetà nazzjonali u dinjija. Dawn huma l-gwerra u l-piena tal-mewt.

 

L-inġustizzja tal-gwerra

256. “Il-qerq fil-qalb ta’ min ifassal il-ħsara, u l-hena f’dawk li jfittxu l-ġid” (Prov 12:20). Madankollu, hemm min ifittex soluzzjonijiet fil-gwerra, li spiss “tissaħħaħ permezz tat-tagħwiġ fir-relazzjonijiet, tal-ambizzjonijiet għall-eġemonija, tal-abbużi tal-poter, tal-biża’ mill-ieħor u tad-differenza li tinħass bħala ostaklu”.[237] Il-gwerra mhijiex xi fantażma tal-passat, imma saret theddida kontinwa. Id-dinja dejjem qed tħabbat wiċċha ma’ iżjed diffikultajiet fil-mixja iebsa tal-paċi li kienet qabdet u li kienet bdiet tagħti xi frott.

 

257. Billi qed jinħolqu mill-ġdid il-kundizzjonijiet għal gwerer ġodda, infakkar li “l-gwerra ċċaħħad lill-bniedem minn kull dritt u hi aggressjoni traġika fuq l-ambjent. Jekk irridu żvilupp uman awtentiku għal kulħadd, jeħtieġ nimxu bla ma negħjew fl-impenn li nevitaw il-gwerra bejn il-pajjiżi u bejn il-ġnus. Għal dan il-għan, jeħtieġ niżguraw id-dominju waħdieni tal-liġi u nirrikorru kontinwament għall-innegozjar, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ, kif proposti mill-Karta tal-Ġnus Magħquda, tabilħaqq norma ġuridika fundamentali”.[238] Nixtieq infakkar li l-75 sena tal-Ġnus Magħquda u l-esperjenza tal-ewwel għoxrin sena ta’ dan il-millennju juru li l-applikazzjoni sħiħa tan-normi internazzjonali hi tassew effikaċi, u li n-nuqqas ta’ twettiq tagħhom ħsara jġib. Il-Karta tal-Ġnus Magħquda, meta tiġi rrispettata u applikata b’mod trasparenti u sinċier, hija punt ta’ riferiment obbligatorju ta’ ġustizzja u għodda ta’ paċi. Imma dan jesiġi li nikxfu l-maskra ta’ intenzjonijiet illeġittimi u li ma nqegħdux l-interessi partikulari ta’ pajjiż jew ta’ grupp qabel il-ġid komuni dinji. Jekk ir-regola tiġi meqjusa strument li għalih nirrikorru meta hi favurina u li naħarbuh meta mhix, inkunu nagħtu lok għal qawwiet bla kontroll li jagħmlu ħsara gravi lis-soċjetajiet tagħna, lill-aktar dgħajfa, lill-fraternità, l-ambjent u l-ġid kulturali, b’telfiet għall-komunità globali li ma nerġgħux niksbu lura.

 

258. Huwa b’dan il-mod li faċilment nagħżlu l-gwerra u nġibu kull xorta ta’ skużi li minn barra jidhru umanitarji, difensivi jew preventivi, waqt li nirrikorru wkoll għall-manipulazzjoni tal-informazzjoni. Fil-fatt, fl-aħħar għexieren ta’ snin il-gwerer kollha ppretendew li kellhom xi “ġustifikazzjoni”. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jitkellem fuq il-possibbiltà ta’ difiża leġittima permezz tal-qawwa militari, bil-presuppost li jintwera li hemm xi “kundizzjonijiet iebsa biex id-deċiżjoni tkun moralment leġittima”.[239] Madankollu faċilment naqgħu f’interpretazzjoni wisq laxka tal-possibbiltà ta’ dan id-dritt. U hekk irridu niġġustifikaw b’mod ħażin anki attakki “preventivi” jew azzjonijiet ta’ gwerra li diffiċilment ma jġibux magħhom “ħsarat, deni u diżordni iktar serji mid-deni li jrid jiġi mwarrab”.[240] Il-kwistjoni hi li, ibda mill-iżvilupp tal-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi, u tal-possibbiltajiet enormi u dejjem jiżdiedu offruti mit-teknoloġiji ġodda, il-gwerra ngħatalha poter qerriedi u bla kontroll, li jolqot ħafna ċivili innoċenti. Fil-verità, “qatt il-bniedem ma kellu daqshekk saħħa fuqu nnifsu u m’hemm xejn li jiżgurana li sa jużaha għall-ġid”.[241] Għalhekk ma nistgħux nibqgħu naħsbu fil-gwerra bħala soluzzjoni, ladarba r-riskji aktarx dejjem sa jkunu ikbar mis-siwi li wieħed jipotetizza li jaf ikollha. Quddiem din ir-realtà, illum diffiċli ħafna nibqgħu nħaddnu l-kriterji razzjonali li waslu għalihom fi żminijiet oħra biex tkellmu fuq il-possibbiltà ta’ “gwerra ġusta”. Qatt iżjed il-gwerra![242]

 

259. Importanti nżidu li, bl-iżvilupp tal-globalizzazzjoni, dik li tista’ tidher bħala soluzzjoni immedjata jew prattika għal raġuni partikulari, tagħti lok għal katina ta’ fatturi vjolenti ħafna drabi klandestini li tispiċċa biex tolqot il-pjaneta kollha u tiftaħ it-triq għal gwerer ġodda u agħar fil-futur. Fid-dinja tagħna issa mhux biss għandna “biċċiet” ta’ gwerra f’pajjiż jew ieħor, imma qed ngħixu “gwerra dinjija miġġielda f’biċċiet”, għax ix-xorti tal-pajjiżi huma marbuta qatigħ bejniethom fix-xenarju dinji.

 

260. Kif qal San Ġwanni XXIII, “hu impossibbli taħseb kif qatt gwerra atomika tista’ tintuża bħala strument ta’ ġustizzja”.[243] Dan stqarru f’perjodu ta’ tensjoni internazzjonali qawwija, u hekk ta leħen lix-xewqa kbira għall-paċi li kienet qed tixtered fiż-żminijiet tal-Gwerra l-Bierda. Saħħaħ il-konvinzjoni li r-raġunijiet tal-paċi huma iktar b’saħħithom minn kull kalkolu ta’ interessi partikulari u minn kull fiduċja mqiegħda fl-użu tal-armi. Imma ma nħatfux għalkollox l-okkażjonijiet offruti mit-tmiem tal-Gwerra l-Bierda, u dan ġara minħabba n-nuqqas ta’ viżjoni tal-futur jew ta’ għarfien min-naħa ta’ kulħadd dwar id-destin komuni tagħna. Minflok, ħafna ċedew għat-tiftix ta’ interessi partikulari mingħajr ma ħassewhom responsabbli għall-ġid komuni universali. U hekk reġgħet infetħet mill-ġdid it-triq tal-fantażma qarrieqa tal-gwerra.

 

261. Kull gwerra tħalli lid-dinja agħar minn kif sabitha. Il-gwerra hi falliment tal-politika u tal-umanità, ċediment tal-mistħija, telfa quddiem is-setgħat tal-ħażen. Ejjew ma neħlux f’diskussjonijiet teoriċi, imma mmissu l-ġrieħi, il-laħam ta’ min iġarrab il-ħsara. Indawru ħarsitna lejn tant ċivili mmassakrati bħala “ħsara kollaterali”. Nistaqsu lill-vittmi. Niftħu għajnejna għar-refuġjati, għal dawk li ġarrbu r-radjazzjonijiet atomiċi jew l-attakki kimiċi, għan-nisa li tilfu lil uliedhom, għat-tfal b’ġisimhom imbiċċer jew imċaħħda mit-tfulija tagħhom. Ejjew inqisu l-verità ta’ dawn il-vittmi ta’ vjolenza, inħarsu lejn ir-realtà bl-għajnejn tagħhom u nisimgħu r-rakkonti tagħhom b’qalb miftuħa. Hekk nistgħu nagħrfu l-abbiss tal-ħażen fil-qalba tal-gwerra u ma jdejjaqniex il-fatt li jkun hemm min iżommna b’inġenwi għax għażilna t-triq tal-paċi.

 

262. Lanqas in-normi mhuma biżżejjed, meta naħsbu li s-soluzzjoni għall-problemi tal-lum tikkonsisti f’li naqtgħu qalb ħaddieħor bil-biża’, billi nhedduhom bl-użu tal-armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi. Fil-fatt, “jekk inqisu t-theddid prinċipali għall-paċi u s-sigurtà bid-dimensjonijiet varji tagħhom f’din id-dinja multipolari tas-seklu wieħed u għoxrin, bħalma huma, ngħidu aħna, it-terroriżmu, il-kunflitti skwilibrati, is-sigurtà informatika, il-problemi ambjentali, il-faqar, jitfaċċaw mhux ftit dubji dwar kemm mhix adegwata d-deterrenza nukleari biex tagħti tweġiba effikaċi għal dawn l-isfidi. Dawn il-preokkupazzjonijiet isiru aktar konkreti meta nqisu l-konsegwenzi umanitarji u ambjentali katastrofiċi li jiġu bl-użu ta’ bombi nukleari, b’effetti qerrieda bla diskriminazzjoni u bla kontroll fiż-żmien u fl-ispazju. […] Irridu wkoll nistaqsu lilna nfusna kemm hu sostenibbli ekwilibriju mibni fuq il-biża’, meta fil-fatt dan ixaqleb lejn żieda fil-biża’ u jdgħajjef bil-kbir ir-relazzjonijiet tal-fiduċja bejn il-popli. Il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali ma jistgħux jitfasslu fuq sens falz ta’ sigurtà, fuq it-theddida tal-qerda reċiproka jew tad-distruzzjoni totali, fuq sempliċi manteniment ta’ ekwilibriju ta’ poter. […] F’dan il-kuntest, l-għan aħħari tal-eliminazzjoni totali tal-armi nukleari jsir mhux biss sfida imma wkoll dmir morali u umanitarju assolut. […] L-interdipendenza u l-globalizzazzjoni li qed jiżdiedu jifssru li, hi liema hi t-tweġiba li nagħtu għat-theddida tal-armi nukleari, din għandha tkun kollettiva u maqbula, mibnija fuq il-fiduċja reċiproka. Din tal-aħħar tista’ tinbena biss permezz tad-djalogu li jkun orjentat bis-sinċerità lejn il-ġid komuni u mhux lejn it-tħaris ta’ interessi moħbija jew partikolari”.[244] U bil-flus li jintefqu fl-armi u fi spejjeż oħra militari nistgħu nwaqqfu Fond dinji[245] biex neqirdu darba għal dejjem il-ġuħ u għall-iżvilupp tal-pajjiżi l-iżjed foqra, biex hekk min jgħix fihom ma jkollux għax idur għal soluzzjonijiet vjolenti jew qarrieqa u ma jiġix imġiegħel jitlaq pajjiżu biex ifittex ħajja iżjed dinjituża.

 

Il-piena tal-mewt

263. Hemm mod ieħor kif neliminaw lill-ieħor, din id-darba mhux immirat lejn il-pajjiżi imma lejn il-persuni. Hu l-piena tal-mewt. San Ġwanni Pawlu II ddikjara b’mod ċar u sod li din mhix f’lokha fuq il-livell morali u m’għadhiex meħtieġa fuq il-livell penali.[246] Ma nistgħux nerġgħu lura minn din il-pożizzjoni. Illum nisħqu b’mod ċar li “l-piena tal-mewt mhix aċċettabbli”[247] u l-Knisja tħabrek b’determinazjzoni biex tipproponi li din tiġi mneħħija mid-dinja kollha.[248]

 

264. It-Testment il-Ġdid, waqt li jitlob lill-individwi biex ma jagħmlux ġustizzja b’idejhom (ara Rum 12:17,19), jagħraf il-ħtieġa li l-awtoritajiet jimponu pieni fuq dawk li jagħmlu l-ħażin (ara Rum 13:4; 1 Piet 2:14). Fil-fatt, “il-ħajja komuni, mibnija madwar komunitajiet organizzati, għandha bżonn ta’ regoli ta’ konvivenza li l-vjolazzjoni libera tagħhom titlob tweġiba xierqa”.[249] Dan jitlob li l-awtorità pubblika leġittima tista’ u għandha “timponi pieni proprozjonati għall-gravità tad-delitti”[250] u li tiggarantixxi lill-poter ġudizzjarju “l-indipendenza meħtieġa fil-qasam tal-liġi”.[251]

 

265. Sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, xi wħud urew li kienu b’mod ċar kontra l-piena kapitali. Ngħidu aħna, Lattanzju kien jisħaq li “m’għandha ssir ebda għażla: li toqtol bniedem dejjem hu att kriminali”.[252] Il-Papa Nikola I jeżorta: “Fittxu li teħilsu mill-piena tal-mewt mhux biss lil kull innoċenti, imma anki lill-ħatja kollha”.[253] Fl-okkażjoni tal-ġudizzju kontra xi qattiela li kienu assassinaw lil xi saċerdoti, Santu Wistin talab lill-imħallef biex ma jneħħix il-ħajja tal-assassini, u dan iġġustifikah hekk: “Mhux għax b’dan irridu li titneħħa lil individwi xellerati l-libertà li jwettqu delitti, imma nixtiequ li għal dan il-għan ikun biżżejjed li, waqt li jitħallew ħajjin u mingħajr ma jitqattgħalhom xejn minn ġisimhom, huma u jiġu mħaddma l-liġijiet stretti, jitwarrbu mill-korla miġnuna tagħhom u jitwasslu mill-ġdid għal ħajja twajba u kwieta, jew li, imbiegħda mill-għemejjel ħżiena tagħhom, jitħaddmu f’xi xogħol ta’ siwi. Din ukoll hi kundanna, imma min ma jifhimx li hi iktar ta’ ġid milli tortura, ladarba l-ħruxija qalila ma tħallietx tagħmel li trid u ngħatat id-duwa għall-indiema? […] Ħudha kontra l-ħażen imma b’mod li ma tinsiex l-umanità; tiżvogax il-pjaċir tal-vendetta kontra l-attroċità tal-midinbin, imma fittex il-ħniena biex tfejqilhom il-ġrieħi”.[254]

 

266. Il-biżgħat u l-korla faċli jwasslu biex wieħed jifhem il-kastig b’mod vendikattiv, jekk mhux ukoll kiefer, flok iqisu bħala parti minn proċess ta’ fejqan u ta’ inseriment mill-ġdid fis-soċjetà. Illum, “kemm minn ċerti oqsma tal-politika u kemm min-naħa ta’ xi mezzi ta’ komunikazzjoni, xi drabi hemm min jinċita għall-vjolenza u għall-vendetta, pubblika u privata, mhux biss kontra min hu responsabbli li għamel xi delitt, imma anki kontra dawk li fuqhom jaqa’ s-suspett, fundat jew le, li kisru l-liġi. […] Hemm it-tendenza li jinħolqu apposta l-għedewwa: figuri sterjotipati, li fihom jiġbru l-karatteristiċi kollha li s-soċjetà tara jew tinterpreta bħala theddida. Il-mekkaniżmi li jsawru dawn ix-xbihat huma l-istess li ppermettew it-tixrid tal-ideat razzisti fiż-żmien tagħhom”.[255] Dan għamel partikularment riskjuża d-drawwa dejjem iżjed preżenti f’xi pajjiżi li jiġu mixħuta nies il-ħabs f’detenzjoni preventiva, arresti mingħajr ġudizzju fil-qorti, u speċjalment il-piena tal-mewt.

 

267. Nixtieq nisħaq li “impossibbli nimmaġinaw li llum l-Istati ma jistgħux jinqdew b’mezz ieħor li mhuwiex il-piena kapitali biex jiddefendu mill-aggressur inġust il-ħajja ta’ persuni oħra”. Gravi b’mod partikulari huma l-hekk imsejħa eżekuzzjonijiet mingħajr proċess ġudizzjarju jew proċess legali, li “huma qtil premeditat imwettaq minn xi Stati u mill-aġenti tagħhom, li spiss iġibuhom jidhru qishom kienu xi ġlieda ma’ nies delinkwenti jew jippreżentawhom bħala konsegwenzi mhux mixtieqa tal-użu raġonevoli, meħtieġ u proporzjonat tal-forza biex tiġi applikata l-liġi”.[256]

 

268. “L-argumenti kontra l-piena tal-mewt huma ħafna u magħrufa sew. Il-Knisja fiż-żmien opportun elenkat xi wħud, bħalma hi l-possibbiltà li jkun hemm żball ta’ ġudizzju, u l-użu li jagħmlu minn din il-piena r-reġimi totalitarji u dittatorjali, li jinqdew biha bħala strument ta’ soppressjoni tad-dissidenza politika jew ta’ persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u kulturali, kollha vittmi li għal-liġijiet rispettivi tagħhom huma ‘delinkwenti’. Għalhekk l-Insara u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba huma msejħa llum biex jitħabtu mhux biss għat-tneħħija tal-piena tal-mewt, legali jew illegali, u fix-xejriet kollha tagħha, imma anki biex itejbu l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet, fir-rispett lejn id-dinjità umana tal-persuni mċaħħda mil-libertà. U dan, jiena norbtu mas-sentenza ta’ għomor sħiħ il-ħabs. […] Il-kundanna ta’ għomor sħiħ il-ħabs hija piena tal-mewt moħbija”.[257]

 

269. Infakkru li “lanqas qattiel ma jitlef id-dinjità personali tiegħu u Alla stess jiggarantiha”.[258] Ir-rifjut qawwi tal-piena tal-mewt jixhed sa liema punt nistgħu nagħrfu d-dinjità inaljenabbli ta’ kull bniedem u nammettu li għandu postu f’din id-dinja. Għax, jekk ma niċħadx dan fil-każ tal-agħar fost il-kriminali, allura ma jien se niċħdu lil ħadd, se nagħti lil kulħadd il-possibbiltà li jaqsam miegħi din il-pjaneta minkejja dak li jista’ jifridna.

 

270. Lill-Insara li jiddubitaw u jħossuhom ittentati jċedu għal kull xorta ta’ vjolenza, nistedinhom jiftakru fit-tħabbira tal-ktieb ta’ Iżaija: “Jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet” (2:4). Għalina din il-profezija titlaħħam f’Ġesù Kristu, li lil dixxiplu ħerqan għall-vjolenza qallu bi kliem sod: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered” (Mt 26:52). Kien eku ta’ dik it-twissija antika: “U jien nitlob kont ta’ demmkom, li hu ħajjitkom, nitolbu mingħand kull bhima, mingħand kull bniedem; mingħand kull wieħed nitħallas tal-ħajja ta’ bniedem ieħor bħalu. Kull min ixerred demm ta’ bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu” (Ġen 9:5-6). Din ir-reazzjoni ta’ Ġesù, li ħarġet spontanjament minn qalbu, tegħleb id-distanza tas-sekli u tasal għandna llum bħala twissija kontinwa.


 

IT-TMIEN KAPITLU

IR-RELIĠJONIJIET GĦAS-SERVIZZ TAL-FRATERNITÀ FID-DINJA

 

271. Id-diversi reliġjonijiet, ibda mill-għarfien tal-valur ta’ kull persuna umana bħala ħlejqa msejħa biex tkun iben jew bint ta’ Alla, joffru sehem prezzjuż għall-bini tal-fraternità u għall-ħarsien tal-ġustizzja fis-soċjetà. Id-djalogu bejn persuni ta’ reliġjonijiet differenti ma jsirx biss bid-diplomazija, il-kortesija jew it-tolleranza. Kif għallmu l-Isqfijiet tal-Indja, “l-għan tad-djalogu hu li nistabbilixxu ħbiberija, paċi, armonija u naqsmu flimkien valuri u esperjenzi morali u spiritwali fi spirtu ta’ verità u ta’ mħabba”.[259]

 

Il-bażi aħħarija

272. Bħala nies ta’ fidi aħna nemmnu li, mingħajr qalb miftuħa għall-Missier ta’ kulħadd, ma jistax ikun hemm raġunijiet sodi u stabbli għall-istedina għall-fraternità. Aħna konvinti li “hu biss b’dan l-għarfien ta’ wlied li huma ltiema li nistgħu ngħixu fis-sliem bejnietna”.[260] Għax “ir-raġuni, waħedha, tista’ ġġib l-ugwaljanza bejn il-bnedmin u twaqqaf konvivenza ċivika bejniethom, iżda ma jseħħilhiex tibni l-fraternità”.[261]

 

273. F’din il-perspettiva, nixtieq infakkar f’test memorabbli: “Jekk ma hemmx verità traxxendentali, ’il fuq minn din id-dinja, li meta l-bniedem jobdiha jilħaq l-identità sħiħa tiegħu, ma jkunx hemm prinċipju żgur ta’ garanzija għar-relazzjonijiet ġusti bejn il-bnedmin. L-interessi tagħhom bħala klassi, grupp jew nazzjon bilfors iwassluhom biex ikunu kontra xulxin. Jekk wieħed ma jammettix il-verità traxxendentali, flokha tidħol il-qawwa tas-setgħa u kull bniedem ifittex li jagħmel użu sħiħ tal-mezzi kollha li jkollu biex jimponi d-drittijiet, l-interessi u l-fehmiet tiegħu bla ma jimpurtah xejn mill-oħrajn. […] L-għerq tat-totalitarjaniżmu tal-lum nistgħu nsibuh fiċ-ċaħda tad-dinjità traxxendentali tal-persuna tal-bniedem, li, bħala xbieha li tidher ta’ Alla li ma jidhirx, għandu fin-natura tiegħu stess drittijiet li ħadd ma għandu l-jedd li jiċħadhomlu: ebda individwu, grupp, klassi jew Stat. Lanqas il-maġġoranza ta’ xi grupp soċjali ma tista’ tikser dawn id-drittijiet billi teħodha kontra l-minoranza”.[262]

 

274. Ibda mill-esperjenza tagħna tal-fidi u tal-għerf li nġema’ mal-medda tas-sekli, waqt li nitgħallmu wkoll minn ħafna dgħufijiet u waqgħat tagħna, bħala nies ta’ twemmin minn diversi reliġjonijiet nafu li hu ta’ ġid għas-soċjetajiet tagħna li nagħmlu lil Alla preżenti fihom. Li nfittxu lil Alla b’qalb sinċiera, sakemm ma ngħattuhx bl-interessi ideoloġiċi jew strumentali tagħna, għandu jgħinna nagħrfu li aħna sieħba ta’ xulxin fit-triq, tassew aħwa. Nemmnu li “f’isem xi ideoloġija, jitkeċċa Alla mis-soċjetà, il-bniedem jispiċċa jqim lill-idoli, u malajr jitlef lilu nnifsu, id-dinjità tiegħu tiġi mkasbra, u d-drittijiet tiegħu mittiefsa. Intom tafu tajjeb għal liema brutalitajiet nistgħu naslu meta nċaħħdu lill-bniedem mil-libertà tal-kuxjenza u l-libertà reliġjuża, u kif din il-ġerħa tfaqqar radikalment lill-umanità, għax nieqsa mit-tama u minn punti ta’ riferiment ideali”.[263]

 

275. Ta’ min jagħraf kif “fost il-kawżi l-aktar importanti tal-kriżi tad-dinja moderna hemm kuxjenza umana lluppjata u t-tbegħid mill-valuri reliġjużi, kif ukoll id-dominazzjoni tal-individwaliżmu u tal-filosofiji materjalistiċi li lill-bniedem qed jagħmluh Alla u minflok il-prinċipji supremi u traxxendenti qed ipoġġu l-valuri mondani u materjali”.[264] Mhuwiex aċċettabbli li fid-dibattitu politiku jkollhom leħen biss is-setgħanin u x-xjenzati. Għandu jkun hemm post għar-riflessjoni li toħroġ minn sfond reliġjuż li jiġbor sekli sħaħ ta’ esperjenza u ta’ għerf. “It-testi reliġjużi klassiċi jistgħu joffru sinifikat li jkellem lil kull żmien, għandhom qawwa li tagħti skop”, imma fil-verità jispiċċaw “jiġu mgħajra minħabba fil-viżjoni dejqa ta’ ċerti razzjonaliżmi”.[265]

 

276. Għal dawn ir-raġunijiet, għalkemm il-Knisja tirrispetta l-awtonomija tal-politika, ma tistax tillimita l-missjoni tagħha għall-qasam tal-privat. Bil-maqlub, “la tista’ u lanqas għandha twarrab fil-ġenb” fit-tiswir ta’ dinja aħjar, u lanqas tittraskura milli “tqajjem qawwiet spiritwali”[266] li bihom il-ħajja soċjali kollha tista’ ssir għammiela. Huma minnu li l-ministri reliġjużi m’għandhomx jieħdu sehem fil-politika tal-partiti, li hi ħaġa tal-lajċi, imma lanqas jistgħu jżommu barra mid-dimensjoni politika tal-ħajja[267] li timplika attenzjoni kontinwa għall-ġid komuni u t-tħassib għall-iżvilupp sħiħ tal-bniedem. Il-Knisja “għandha rwol pubbliku li ma jiqafx fl-attivitajiet tagħha ta’ għajnuna jew ta’ edukazzjoni” imma li jħabrek għall-“promozzjoni tal-bniedem u tal-għaqda universali”.[268] Ma tfittixx li tikkompeti għal poteri ta’ din l-art, imma li toffri lilha nfisha bħala “familja fost il-familji – din hi Knisja – miftuħa għax-xhieda […] fid-dinja tal-lum il-fidi, it-tama u l-imħabba lejn il-Mulej u lejn dawk li huwa jħobb b’mod preferenzjali. Dar bil-bibien miftuħin għax hi omm”.[269] U bħal Marija, Omm Ġesù, “irridu nkunu Knisja li taqdi, li toħroġ mid-dar, li toħroġ mit-tempji tagħha, mis-sagristiji tagħha, biex tkun sieħba fil-ħajja, twieżen it-tama, issir sinjal ta’ għaqda […] biex tibni l-pontijiet, iġġarraf il-ħitan, tiżra’ r-rikonċiljazzjoni”.[270]

 

L-identità Nisranija

277. Il-Knisja tapprezza l-azzjoni ta’ Alla fir-reliġjonijiet l-oħra, u “ma twarrab xejn minn dak li hu veru qaddis f’dawn ir-reliġjonijiet. Hija tħares b’rispett sinċier lejn dawk il-manjieri ta’ ħajja u ta’ mġiba, dawk ir-regoli ta’ ħajja u dak it-tagħlim li […] ħafna drabi jirriflettu raġġ minn dik il-verità li ddawwal il-bnedmin kollha”.[271] Madankollu bħala Nsara ma nistgħux naħbu l-fatt li “jekk il-mużika tal-Evanġelju ma tibqax tidwi fil-ġewwieni tagħna, inkunu tlifna l-ferħ li joħroġ mill-ħniena, il-ħlewwa li tinbet mill-fiduċja, il-ħila għar-rikonċiljazzjoni li ssib l-għajn tagħha fl-għarfien li aħna dejjem maħfura u mibgħuta. Jekk il-mużika tal-Evanġelju tieqaf iddoqq fid-djar tagħna, fil-pjazez tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-politika u fl-ekonomija, inkunu tfejna l-melodija li tqanqalna biex nitqabdu għad-dinjità ta’ kull bniedem”.[272] Oħrajn ifittxu x’jixorbu minn għejun oħra. Għalina, din l-għajn ta’ dinjità umana u ta’ fraternità tinsab fl-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Minnu “joħroġ għall-ħsieb Nisrani u għall-azzjoni tal-Knisja l-primat mogħti lir-relazzjoni, lil-laqgħa mal-misteru qaddis tal-persuna l-oħra, lill-komunjoni universali mal-umanità kollha bħala vokazzjoni ta’ kulħadd”.[273]

 

278. Imsejħa biex titlaħħam f’kull sitwazzjoni u preżenti mal-medda tas-sekli f’kull post ta’ din l-art – hekk tfisser “kattolika” –, il-Knisja tista’ tifhem, ibda mill-istess esperjenza tagħha ta’ grazzja u ta’ dnub, il-ġmiel tal-istedina għall-imħabba universali. Fil-fatt, “dak kollu li hu tal-umanità, jiġifieri l-ħajja bid-doni u bil-problemi tagħha, hu tagħna. […] Kull fejn il-kunsilli tan-nazzjonijiet qed jingħaqdu biex jistabbilixxu d-drittijiet u d-dmirijiet tal-bniedem, aħna nħossuna onorati meta niġu mogħtija l-opportunità li ningħaqdu magħhom”.[274] Għal ħafna Nsara, din il-mixja ta’ fraternità għandha wkoll Omm, li jisimha Marija. Hi taħt is-salib irċiviet din il-maternità universali (ara Ġw 19:26) u l-attenzjoni tagħha mhux biss hi fuq Ġesù imma anki fuq il-“bqija ta’ nisilha” (Apok 12:17). Bil-qawwa tal-Irxoxt, tixtieq tiled dinja ġdida, fejn inkunu lkoll aħwa, fejn hemm post għal kull mormi tas-soċjetajiet tagħna, fejn jiddu mill-ġdid il-ġustizzja u l-paċi.

 

279. Bħala Nsara nitolbu li, fil-pajjiżi fejn aħna f’minoranza, tiġi żgurata lilna l-libertà, l-istess kif aħna nħabirku għaliha fil-każ ta’ dawk li mhumiex Insara hemm fejn huma f’minoranza. Hemm dritt fundamentali uman li ma nistgħux ninsewh fil-mixja tal-fraternità u tal-paċi: hija l-libertà reliġjuża għal kull min iħaddan xi reliġjon jew oħra. Din il-libertà turi li jista’ “jintlaħaq ftehim tajjeb bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti; jagħti xhieda li dawk l-affarijiet li għandna komuni bejnietna huma tant importanti li hu possibbli nagħrfu t-triq ta’ konvivenza serena, ordnata u paċifika, waqt li nilqgħu d-differenzi u ngħixu bil-ferħ li aħna lkoll aħwa għax ulied Alla wieħed”.[275]

 

280. Fl-istess waqt, nitolbu lil Alla jsaħħilna l-għaqda fil-Knisja, għaqda li tistagħna mid-differenzi li jingħaqdu bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt, “ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12:13), fejn kulħadd jagħti s-sehem speċifiku tiegħu. Kif kien jgħid Santu Wistin, “il-widna tara mill-għajn, u l-għajn tisma’ mill-widna”.[276] Fuq kollox jeħtieġ illum qabel għada nkomplu nagħtu xhieda ta’ mixja li tlaqqa’ flimkien id-diversi konfessjonijiet Insara. Ma nistgħux ninsew ix-xewqa ta’ Ġesù: li “jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Meta nisimgħu l-istedina tiegħu, b’qalbna magħfusa nagħrfu li l-proċess ta’ globalizzazzjoni għadu nieqes minn dak il-kontribut profetiku u spiritwali tal-għaqda bejn l-Insara kollha. Minkejja dan, “anki jekk għadna fil-mixja lejn il-komunjoni sħiħa, sa minn issa nħossu d-dmir li noffru xhieda komuni tal-imħabba ta’ Alla lejn kulħadd, billi nikkollaboraw fis-servizz lill-umanità”.[277]

 

Reliġjon u vjolenza

281. Bejn ir-reliġjonijiet jista’ jkun hemm mixja ta’ paċi. Il-punt tat-tluq għandu jkun il-ħarsa ta’ Alla. Għax “Alla ma jħarisx bl-għajnejn, Alla jħares bil-qalb. U l-imħabba ta’ Alla hija l-istess għal kull persuna, hu x’inhu t-twemmin tagħna. U jekk hu ateu, l-imħabba hi l-istess waħda. Meta għad jasal l-aħħar jum u fuq l-art ikun hawn biżżejjed dawl biex nistgħu naraw kollox kif inhu tabilħaqq, se jkollna ħafna sorpriżi!”.[278]

 

282. Imqar “dawk li jemmnu għandhom bżonn isibu spazji fejn jiddjalogaw u jaġixxu flimkien għall-ġid komuni u l-promozzjoni tal-iżjed foqra. Ma jfissirx li kollha rridu nsiru iżjed light jew naħbu l-konvinzjonijiet tagħna, li magħhom aħna iżjed marbuta, biex nistgħu niltaqgħu mal-oħrajn li jaħsbuha differenti minna. […] Għax iktar ma identità hi profonda, soda u għanja, iktar tista’ tagħni lill-oħrajn bil-kontribut partikulari tagħha”.[279] Bħala nies ta’ fidi nħossu xi jqanqalna nerġgħu lura għall-għejun tagħna biex nikkonċentraw fuq l-essenzjal: il-qima ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu, biex xi aspetti tat-tagħlim tagħna, meħudin barra mill-kuntest tagħhom, ma jispiċċawx ikebbsu xi għamliet ta’ stmerrija, ta’ mibegħda, ta’ ksenofobija, ta’ rifjut tal-persuna l-oħra. Il-verità hi li l-vjolenza ma tista’ ssib bażi fl-ebda waħda mill-konvinzjonijiet reliġjużi fundamentali, imma biss fit-tagħwiġ tagħhom.

 

283. Il-qima lejn Alla, sinċiera u umli, “twassal mhux għad-diskriminazzjoni, għall-mibegħda u għall-vjolenza, imma għar-rispett tal-qdusija tal-ħajja, għar-rispett tad-dinjità u l-libertà ta’ l-oħrajn u għall-impenn mimli mħabba b’riżq il-ġid ta’ kulħadd”.[280] Fir-realtà, “dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba” (1 Ġw 4:8). Għalhekk, “it-terroriżmu mistmell li jhedded is-sigurtà tal-persuni, kemm fl-Orjent u kemm fil-Punent, kemm fit-Tramuntana u kemm fin-Nofsinhar, li joħloq paniku, terrur u pessimiżmu, mhux ġej mir-reliġjon – anki jekk it-terroristi jistrumentalizzawha – iżda hu ħtija tal-interpretazzjonijiet żbaljati mislutin mit-testi reliġjużi, tal-politika tal-ġuħ, tal-faqar, tal-inġustizzja, tal-oppressjoni, tal-arroganza; għaldaqstant hu meħtieġ li jieqaf is-sapport lill-movimenti terroristiċi permezz tal-flus, tal-armi, tal-pjanijiet jew tal-ġustifikazzjoni u wkoll bl-importanza fil-midja, u dan kollu jitqies bħala krimini internazzjonali li jhedded is-sigurtà u l-paċi tad-dinja. Jeħtieġ li dan it-terroriżmu jkun ikkundannat fil-forom u l-manifestazzjonijiet tiegħu kollha”.[281] Il-konvinzjonijiet reliġjużi dwar is-sagralità tal-ħajja umana jippermettulna “nagħrfu l-valuri fundamentali tal-umanità komuni, valuri li f’isimhom nistgħu u għandna nikkollaboraw, nibnu u niddjalogaw, naħfru u nikbru, biex il-kollettiv tal-ilħna diversi jifforma għanja nobbli u armonika, minflok ikun għajat fanatiku ta’ mibegħda”.[282]

 

284. Xi drabi l-vjolenza fundamentalista f’xi gruppi ta’ kwalunkwe reliġjon titqanqal min-nuqqas ta’ prudenza tal-mexxejja tagħhom. Madankollu, “il-kmandament tal-paċi hu miktub fil-qalba tat-tradizzjonijiet reliġjużi li nirrappreżentaw. […] Bħala mexxejja reliġjużi aħna msejħin inkunu veri nies tad-djalogu, naħdmu għall-bini tal-paċi mhux bħala intermedjarji, imma bħala medjaturi awtentiċi. L-intermedjarji jfittxu kif sa jagħtu skont lil din il-parti kif ukoll lill-oħra, għall-gwadann personali tagħhom. Imma l-medjatur hu dak li ma jżomm xejn għalih, imma jingħata b’qalb miftuħa, sakemm jikkonsma ruħu, għax jaf li l-uniku gwadann hu dak tal-paċi. Kull wieħed minna hu msejjaħ ikun bennej tal-paċi, li jgħaqqad u mhux jifred, li jeqred il-mibegħda u mhux jikkonservaha, li jiftaħ it-toroq tad-djalogu u mhux itella’ ħitan ġodda!”.[283]

 

Sejħa

285. F’dik il-laqgħa fraterna, li niftakar u ngħożż b’ferħ, mal-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tayyeb, “niddikjaraw – bil-qawwa kollha – li r-reliġjonijiet qatt m’għandhom ikesksu l-gwerra u qatt m’għandhom iħeġġu l-mibegħda, l-ostilità, l-estremiżmu, u lanqas jistiednu għall-vjolenza u t-tixrid tad-demm. Dawn it-traġedji huma frott tat-tbegħid mit-tagħlim reliġjuż, tal-użu politiku tar-reliġjonijiet u wkoll tal-interpretazzjoni ta’ gruppi ta’ bnedmin tar-reliġjon, li abbużaw – f’fażijiet differenti tal-istorja – mill-influwenza tas-sentiment reliġjuż fuq il-qlub tal-bnedmin […]. Fil-fatt, Alla li jista’ kollox m’għandu bżonn lil ħadd biex jiddefendih u ma jridx li ismu jkun użat biex jitterrorizza lin-nies”.[284] Għalhekk nixtieq nerġa’ nagħmel hawn dik is-sejħa għall-paċi, għall-ġustizzja u għall-fraternità li għamilna flimkien:

 

“F’isem Alla li ħalaq lill-bnedmin kollha ndaqs fid-drittijiet, fid-dmirijiet u fid-dinjità, u sejħilhom biex jgħixu bejniethom bħal aħwa, biex ikattru u jimlew id-dinja u fiha jxerrdu l-valuri tat-tajjeb, tal-karità u tal-paċi.

 

F’isem ir-ruħ umana innoċenti li Alla pprojbielna li noqtluha, meta stqarr li kull min joqtol persuna qisu qatel l-umanità kollha u kull min isalva waħda jkun qisu salva l-umanità kollha kemm hi.

 

F’isem il-foqra, l-imsejkna, dawk fil-bżonn u l-emarġinati li Alla kkmandana li ngħinu bħala dmir mitlub mill-bnedmin kollha, partikolarment minn min hu sinjur u benestant.

 

F’isem l-orfni, ir-romol, ir-rifuġjati u l-eżiljati minn djarhom u minn pajjiżhom; il-vittmi kollha tal-gwerer, tal-persekuzzjonijiet u tal-inġustizzji; id-dgħajfa, dawk li jgħixu fil-biża’, il-priġunieri tal-gwerra u l-ittorturati f’kull rokna tad-dinja, mingħajr ebda distinzjoni.

 

F’isem il-popli li tilfu s-sigurtà, il-paċi u l-konvivenza komuni, u saru vittmi tal-qerda, tar-rovina u tal-gwerer.

 

F’isem il-fraternità umana li tħaddan lill-bnedmin kollha, tgħaqqadhom u tagħmilhom ilkoll indaqs.

 

F’isem dil-fraternità mbiċċra mill-politika tal-integraliżmu u l-firda u mis-sistemi ta’ qligħ bla rażan u t-tendenzi ideoloġiċi ta’ mibegħda, li jimmanipulaw l-azzjoni u d-destin tal-bnedmin.

 

F’isem il-libertà li Alla rregala lill-bnedmin kollha, billi ħalaqhom ħielsa u biha tahom l-identità tagħhom.

 

F’isem il-ġustizzja u l-ħniena, pedamenti tal-prosperità u fus tal-fidi.

 

F’isem il-persuni kollha ta’ rieda tajba, preżenti f’kull rokna tad-dinja.

 

F’isem Alla, u dan kollu, […] [niddikjaraw] li qed nadottaw il-kultura tad-djalogu bħala t-triq; il-kollaborazzjoni komuni bħal mġiba; l-għarfien reċiproku bħala metodu u kriterju”.[285]

 

* * *

 

286. F’dan l-ispazju ta’ riflessjoni fuq il-fraternità universali, ħassejtni mqanqal b’mod speċjali minn San Franġisk ta’ Assisi, u anki minn aħwa oħra li mhumiex Kattoliċi: Martin Luther King, Desmond Tutu, Mahatma Gandhi u ħafna oħrajn. Imma rrid nagħlaq billi nfakkar persuna oħra ta’ fidi qawwija, li, ibda mill-esperjenza intensa li kellha ta’ Alla, għamlet mixja ta’ bidla f’ħajjitha sakemm ħasset li kulħadd hu ħuha u oħtha. Qed nirreferi għall-Beatu Charles de Foucauld.

 

287. Hu orjenta l-ideal tiegħu ta’ għotja sħiħa ta’ ħajtu lil Alla lejn identifikazzjoni ma’ dawk li huma fl-aħħar post u ċkejkna, mitluqa fil-qalba tad-deżert Afrikan. F’dan il-kuntest esprima x-xenqa tiegħu li f’kull bniedem jara lil ħuh,[286] u talab lil wieħed ħabib tiegħu: “Itlob lil Alla biex jien inkun tassew ħu l-erwieħ kollha ta’ dan il-pajjiż”.[287] Bla dubju ried ikun “ħu kulħadd”.[288] Imma wasal biex ikun ħu kulħadd biss billi sar ħaġa waħda ma’ dawk li qegħdin fl-aħħar post. Jalla l-Mulej inebbaħ dan l-ideal f’kull wieħed u waħda minna. Amen.

 

Talba lill-Ħallieq

 

Mulej u Missier tal-umanità,

li ħlaqt lill-bnedmin kollha bl-istess dinjità,

sawwab fi qlubna spirtu ta’ aħwa.

Nebbaħ fina l-ħolma ta’ laqgħa ġdida,

ta’ djalogu, ta’ ġustizzja u ta’ paċi.

Ħeġġiġna biex noħolqu soċjetajiet iktar b’saħħithom u dinja iżjed xierqa,

fejn ma jkunx hemm ġuħ, faqar, vjolenza, gwerer.

 

Ħa tinfetaħ qalbna

għall-popli u n-nazzjonijiet kollha tal-art,

biex nagħrfu t-tjieba u l-ġmiel li inti żrajt f’kull wieħed u waħda minnhom,

biex ninsġu rabtiet ta’ għaqda, ta’ proġetti komuni, ta’ tamiet maqsuma flimkien.

Amen.

 

Talba Kristjana ekumenika

 

Alla tagħna, Trinità ta’ mħabba,

mill-komunjoni qawwija tal-intimità divina tiegħek

sawwab fostna x-xmara tal-imħabba fraterna.

Roddilna l-imħabba li dehret fil-ġesti ta’ Ġesù,

fil-familja tiegħu ta’ Nazaret u fl-ewwel komunità Nisranija.

 

Lilna l-Insara agħtina li ngħixu l-Evanġelju

u li nagħrfu lil Kristu f’kull bniedem,

biex nilmħuh mislub fit-tbatijiet tal-imwarrbin u tal-minsijin ta’ din id-dinja

u rxoxt f’kull wieħed u waħda minn ħutna li jerġgħu jqumu fuq riġlejhom.

 

Ejja, Spirtu s-Santu!

Urina l-ġmiel tiegħek li jilma fil-ġnus kollha tal-art,

biex niskopru li lkoll aħna importanti, li kulħadd hu meħtieġ,

li aħna lkoll uċuħ differenti tal-istess umanità maħbuba minn Alla.

Amen.

 

Mogħtija Assisi, fuq il-qabar ta’ San Franġisk, nhar it-3 ta’ Ottubru, lejlet il-Festa tal-Qaddis Fqajjar, tas-sena 2020, it-tmien waħda tal-Pontifikat tiegħi.

 

Franġisku


 

[1] “Ħuti, ejjew ilkoll kemm aħna…”, Twissijiet, 6, 1: FF 155.

[2] Ibid., 25: FF 175.

[3] San Franġisk ta’ Assisi, Regola mhux bullata, 16, 3.6: FF 42-43.

[4] Eloi Leclerc ofm, Exilio y ternura, Ed. Marova, Madrid 1987, 205.

[5] Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 6.

[6] Diskors fil-Laqgħa ekumenika u interreliġjuża maż-żgħażagħ, Skop­je – il-Maċedonja ta’ Fuq (7 ta’ Mejju 2019): L’Osservatore Romano, 9 ta’ Mejju 2019, p. 9.

[7] Diskors lill-Parlament Ewropew, Strasburgu (25 ta’ Novembru 2014): AAS 106 (2014), 996.

[8] Laqgħa mal-Awtoritajiet, is-soċjetà ċivili u l-Korp diplomatiku, Santiago del Cile (16 ta’ Jannar 2018): AAS 110 (2018), 256.

[9] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 19: AAS 101 (2009), 655.

[10] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 181.

[11] Il-Kardinal Raúl Silva Henríquez sdb, Omelija tat-Te Deum, Santiago del Cile (18 ta’ Settembru 1974).

[12] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 57: AAS 107 (2015), 869.

[13] Diskors lill-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (11 ta’ Jannar 2016): AAS 108 (2016), 120.

[14] Diskors lill-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (13 ta’ Jannar 2014): AAS 106 (2014), 83-84.

[15] Ara Diskors lill-Fondazzjoni “Centesimus annus pro Pontifice” (25 ta’ Mejju 2013): Insegnamenti, I, 1 (2013), 238.

[16] Ara San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 14: AAS 59 (1967), 264.

[17] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 22: AAS 101 (2009), 657.

[18] Diskors lill-Awtoritajiet, Tirana – l-Albanija (21 ta’ Settembru 2014): AAS 106 (2014), 773.

[19] Messaġġ lill-parteċipanti tal-Konferenza internazzjonali Id-drittijiet umani fid-dinja tal-lum: kisbiet, nuqqasijiet, ċaħdiet (10 ta’ Diċembru 2018): L’Osservatore Romano, 10-11 ta’ Diċembru 2018, p. 8.

[20] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 212: AAS 105 (2013), 1108.

[21] Messaġġ għat-48 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2015 (8 ta’ Diċembru 2014), 3-4: AAS 107 (2015), 69-71.

[22] Ibid., 5: AAS (107 (2015), 72.

[23] Messaġġ għad-49 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2016 (8 Diċembru 2015), 2: AAS 108 (2016), 49.

[24] Messaġġ għat-53 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2020 (8 ta’ Diċembru 2019), 1: L’Osservatore Romano, 13 ta’ Diċembru 2019, p. 8.

[25] Diskors fuq l-armi nukleari, Nagasaki – il-Ġappun (24 ta’ Novembru 2019): L’Osservatore Romano, 25-26 ta’ Novembru 2019, p. 6.

[26] Diskors lill-professuri u studenti tal-Kulleġġ “San Karluta’ Milan (6 ta’ April 2019): L’Osservatore Romano, 8-9 ta’ April 2019, p. 6.

[27] Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 6.

[28] Diskors lid-dinja tal-kultura, Cagliari – l-Italja (22 ta’ Settembru 2013): L’Osservatore Romano, 23-24 ta’ Settembru 2013, p. 7.

[29] Humana communitas, Ittra lill-President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja fl-okkażjoni tal-XXV anniversarju mit-twaqqif tagħha (6 ta’ Jannar 2019), 2.6: L’Osservatore Romano, 16 ta’ Jannar 2019, pp. 6-7.

[30] Vidjomessaġġ lil TED2017 ta’ Vancouver (26 ta’ April 2017): L’Osservatore Romano, 27 ta’ April 2017, p. 7.

[31] Mument straordinarju ta’ talb fi żmien l-epidemija (27 ta’ Marzu 2020): L’Osservatore Romano, 29 ta’ Marzu 2020, p. 10.

[32] Omelija fil-Quddiesa, Skopje – il-Maċedonja ta’ Fuq (7 ta’ Mejju 2019): L’Osservatore Romano, 8 ta’ Mejju 2019, p. 12.

[33] Ara Æneis, I, 462: “Sunt lacrimæ rerum et mentem mortalia tangunt”.

[34] “Historia […] magistra vitæ” (M.T. Ċiċerun, De Oratore, II, 36).

[35] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 204: AAS 107 (2015), 928.

[36] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 91.

[37] Ibid., 92.

[38] Ibid., 93.

[39] Benedittu XVI, Messaġġ għad-99 Jum Dinji tal-Migrant u tar-Rifuġjat (12 ta’ Ottubru 2012): AAS 104 (2012), 908.

[40] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 92.

[41] Ara Messaġġ għall-106 Jum Dinji tal-Migrant u tar-Rifuġjat 2020 (13 ta’ Mejju 2020): L’Osservatore Romano, 16 ta’ Mejju 2020, p. 8.

[42] Diskors lill-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (11 ta’ Jannar 2016): AAS 108 (2016), 124.

[43] Diskors lill-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (13 ta’ Jannar 2014): AAS 106 (2014), 84.

[44] Diskors lill-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (11 ta’ Jannar 2016): AAS 108 (2016), 123.

[45] Messaġġ għall-105 Jum Dinji tal-Migrant u tar-Rifuġjat (27 ta’ Mejju 2019): L’Osservatore Romano, 27-28 ta’ Mejju 2019, p. 8.

[46] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 88.

[47] Ibid., 89.

[48] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 115.

[49] Mill-film Papa Francesco – Un uomo di parola. La speranza è un messaggio universale, ta’ Wim Wenders (2018).

[50] Diskors lill-Awtoritajiet, lis-soċjetà ċivili u lill-Korp diplomatiku, Tallin – l-Estonja (25 ta’ Settembru 2018): L’Osservatore Romano, 27 ta’ Settembru 2018, p. 7.

[51] Ara Mument straordinarju ta’ talb fi żmien l-epidemija (27 ta’ Marzu 2020): L’Osservatore Romano, 29 ta’ Marzu, p. 10; Messaġġ għar-4 Jum Dinji tal-Foqra (13 ta’ Ġunju 2020), 6: L’Osservatore Romano, 14 ta’ Ġunju 2020, p. 8.

[52] Tislima liż-żgħażagħ fiċ-Ċentru Kulturali Padre Félix Varela, Ħavana – Kuba (20 ta’ Settembru 2015): L’Osservatore Romano, 21-22 ta’ Settembru 2015, p. 6.

[53] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 1.

[54] San Irinew ta’ Lyons, Adversus hæreses, II, 25, 2: PG 7/1, 798-s.

[55] Talmud Bavli (Talmud tal-Babilonja), Shabbat, 31a.

[56] Diskors lil dawk megħjuna mill-opri tal-karità tal-Knisja, Tallin – l-Estonja (25 ta’ Settembru 2018): L’Osservatore Romano, 27 ta’ Settembru 2018, p. 8.

[57] Vidjomessaġġ lil TED2017 ta’ Vancouver (26 ta’ April 2017): L’Osservatore Romano, 27 ta’ April 2017, p. 7.

[58] Homiliæ in Mattheum, 50, 3-4: PG 58, 508.

[59] Messaġġ fl-okkażjoni tal-Laqgħa tal-movimenti popolari, Modesto – l-Istati Uniti tal-Amerika (10 ta’ Frar 2017): AAS 109 (2017), 291.

[60] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 235: AAS 105 (2013), 1115.

[61] San Ġwanni Pawlu II, Messaġġ lill-persuni b’diżabbiltà. Angelus f’Osnabrück – il-Ġermanja (16 ta’ Novembru 1980): L’Osservatore Romano, 19 ta’ Novembru 1980, Suppliment, p. XIII.

[62] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 24.

[63] Gabriel Marcel, Du refus à l’invocation, ed. NRF, París 1940, 50 (ed. Tal. Dal rifiuto all’invocazione, Città Nuova, Roma 1976, 62).

[64] Angelus (10 ta’ Novembru 2019): L’Osservatore Romano, 11-12 ta’ Novembru 2019, p. 8.

[65] Ara San Tumas ta’ Aquino, Scriptum super libros Sententiarum, III, Dist. 27, q. 1, a. 1, ad 4: “Dicitur amor extasim facere, et fervere, quia quod fervet extra se bullit, et exhalat”.

[66] Karol Wojtyła, Amore e responsabilità, Marietti, Casale Monferrato 1983, 90.

[67] Karl Rahner sj, Kleines Kirchenjahr. Ein Gang durch den Festkreis, Herder, Freiburg 1981, 30 (ed. Tal.
L’anno liturgico, Morcelliana, Brescia 1964, 34).

[68] Regula, 53, 15: “Pauperum et peregrinorum maxime susceptioni cura sollicite exhibeatur”.

[69] Ara Summa Theologiæ II-II, q. 23, art. 7; Santu Wistin, Contra Julianum, 4, 18: PL 44, 748: “Huma [ir-rgħiba] jiċċaħħdu mill-pjaċiri kemm minħabba r-regħba tagħhom biex ikattru l-ġid, u kemm minħabba l-biża’ li jitilfu minnu”.

[70] “Secundum acceptionem divinam” (Commentaria in III librum Sententiarum Petri Lombardi, Dist. 27, a. 1, q. 1, concl. 4).

[71] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 15: AAS 98 (2006), 230.

[72] Summa Theologiæ II-II, q. 27, art. 2, resp.

[73] Ara ibid. I-II, q. 26, a. 3, resp.

[74] Ibid., q. 110, a. 1, resp.

[75] Messaġġ għas-47 Jum Dinji tal-Paċi 1 ta’ Jannar 2014 (8 ta’ Diċembru 2013), 1: AAS 106 (2014), 22.

[76] Ara Angelus (29 ta’ Diċembru 2013): L’Osservatore Romano, 30-31 ta’ Diċembru 2013, p. 7; Diskors lill-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (12 ta’ Jannar 2015): AAS 107 (2015), 165.

[77] Messaġġ għall-Jum dinji tal-persuni b’diżabbiltà (3 ta’ Diċembru 2019): L’Osservatore Romano, 4 ta’ Diċembru 2019, p. 7.

[78] Diskors fil-Laqgħa għal-libertà reliġjuża mal-komunità Ispanika u immigranti oħra, Filadelfja – l-Istati Uniti tal-Amerika (26 ta’ Settembru 2015): AAS 107 (2015), 1050-1051.

[79] Diskors liż-żgħażagħ, Tokyo – il-Ġappun (25 ta’ Novembru 2019): L’Osservatore Romano, 25-26 ta’ Novembru 2019, p. 10.

[80] F’dawn ir-riflessjonijiet ħallejt inebbaħni l-ħsieb ta’ Paul Ricoeur, “Il socio ed il prossimo”, f’Histoire et vérité, Ed. du Seuil, Paris 1967, 113-127.

[81] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 190: AAS 105 (2013), 1100.

[82] Ibid., 209: AAS 105 (2013), 1107.

[83] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 129: AAS 107 (2015), 899.

[84] Messaġġ għall-avveniment “Economy of Francesco” (1 ta’ Mejju 2019): L’Osservatore Romano, 12 ta’ Mejju 2019, p. 8.

[85] Diskors lill-Parlament Ewropew, Strasburgu (25 ta’ Novembru 2014): AAS 106 (2014), 997.

[86] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 229: AAS 107 (2015), 937.

[87] Messaġġ għad-49 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2016 (8 ta’ Diċembru 2015), 6: AAS 108 (2016), 57-58.

[88] Is-solidità tinsab fl-għerq etimoloġiku tal-kelma solidarjetà. Is-solidarjetà, fit-tifsira etika-politika li kisbet fl-aħħar żewġ sekli, twassal għal binja soċjali żgura u f’saħħitha.

[89] Omelija fil-Quddiesa, Ħavana – Kuba (20 ta’ Settembru 2015): L’Osservatore Romano, 21-22 ta’ Settembru 2015, p. 8.

[90] Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari (28 ta’ Ottubru 2014): AAS 106 (2014), 851-852.

[91] Ara San Bażilju, Homilia 21. Quod rebus mundanis adhærendum non sit, 3.5: PG 31, 545-549; Regulæ brevius tractatæ, 92: PG 31, 1145-1148; San Pietru Krisologu, Sermo 123: PL 52, 536-540; San Ambroġ, De Nabuthe, 27.52: PL 14, 738s; Santu Wistin, In Iohannis Evangelium, 6, 25: PL 35, 1436s.

[92] De Lazaro, II, 6: PG 48, 992D.

[93] Regula pastoralis, III, 21: PL 77, 87.

[94] Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 31: AAS 83 (1991), 831.

[95] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 93: AAS 107 (2015), 884.

[96] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 19: AAS 73 (1981), 626.

[97] Ara Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 172.

[98] Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 22: AAS 59 (1967), 268.

[99] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 33: AAS 80 (1988), 557.

[100] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 95: AAS 107 (2015), 885.

[101] Ibid., 129: AAS 107 (2015), 899.

[102] Ara San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 15: AAS 59 (1967), 265; Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 16: AAS 101 (2009), 652.

[103] Ara Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 93: AAS 107 (2015), 884-885; Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 189-190: AAS 105 (2013), 1099-1100.

[104] Konferenza Episkopali tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti, Open wide our Hearts: The enduring Call to Love. A Pastoral Letter against Racism (Novembru 2018).

[105] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 51: AAS 107 (2015), 867.

[106] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 6: AAS 101 (2009), 644.

[107] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 35: AAS 83 (1991), 838.

[108] Diskors fuq l-armi nukleari, Nagasaki – il-Ġappun (24 ta’ Novembru 2019): L’Osservatore Romano, 25-26 ta’ Novembru 2019, p. 6.

[109] Ara Isqfijiet Kattoliċi tal-Messiku u tal-Istati Uniti, Ittra pastorali Strangers no longer: together on the journey of hope (Jannar 2003).

[110] Udjenza ġenerali (3 ta’ April 2019): L’Osservatore Romano, 4 ta’ April 2019, p. 8.

[111] Ara Messaġġ għall-104 Jum Dinji tal-Migrant u tar-Rifuġjat (14 ta’ Jannar 2018): AAS 109 (2017), 918-923).

[112] Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 7.

[113] Diskors lill-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (11 ta’ Jannar 2016): AAS 108 (2016), 124.

[114] Ibid.: AAS 108 (2016), 122.

[115] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 93.

[116] Ibid., 94.

[117] Diskors lill-Awtoritajiet, Sarajevo – il-Bożnja-Ħerzegovina (6 ta’ Ġunju 2015): L’Osservatore Romano, 7 ta’ Ġunju 2015, p. 7.

[118] Latinoamérica. Conversaciones con Hernán Reyes Alcaide, Ed. Planeta, Buenos Aires 2017, 105.

[119] Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 7.

[120] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 67: AAS 101 (2009), 700.

[121] Ibid., 60: AAS 101 (2009), 695.

[122] Ibid., 67: AAS 101 (2009), 700.

[123] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 447.

[124] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 234: AAS 105 (2013), 1115.

[125] Ibid., 235: AAS 105 (2013), 1115.

[126] Ibid.

[127] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lir-rappreżentanti tad-dinja tal-kultura Arġentina, Buenos Aires – l-Arġentina (12 ta’ April 1987), 4: L’Osservatore Romano, 14 ta’ April 1987, p. 7.

[128] Ara Id., Diskors lill-Kardinali (21 ta’ Diċembru 1984), 4: AAS 76 (1984), 506.

[129] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Querida Amazonia (2 ta’ Frar 2020), 37.

[130] Georg Simmel, Brücke und Tür. Essays des Philosophen zur Geschichte, Religion, Kunst und Gesellschaft, Köhler-Verlag, Stuttgart 1957, p. 6 (ed. Tal. Ponte e porta, f’Saggi di estetica, a cura di M. Cacciari, Liviana, Padova 1970, 8).

[131] Ara Jaime Hoyos-Vásquez sj, Lógica de las relaciones sociales. Reflexión ontológica, f’Revista Universitas Philosophica, 15-16 ta’ Diċembru 1990 – Ġunju 1991, Bogotá, 95-106.

[132] Antonio Spadaro sj, Le orme di un pastore. Una conversazione con Papa Francesco, f’Jorge Mario Bergoglio/Il-Papa Franġisku, Nei tuoi occhi è la mia parola. Omelie e discorsi di Buenos Aires 1999-2013, Rizzoli, Milano 2016, XVI; ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 220-221: AAS 105 (2013), 1110-1111.

[133] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 204: AAS 105 (2013), 1106.

[134] Ara ibid.: AAS 105 (2013), 1105-1106.

[135] Ibid., 202: AAS 105 (2013), 1105.

[136] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 128: AAS 107 (2015), 898.

[137] Diskors lill-membri tal-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (12 ta’ Jannar 2015): AAS (107) (2015), 165; ara Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari (28 ta’ Ottubru 2014): AAS 106 (2014), 851-859.

[138] Xi ħaġa simili tista’ tingħad għall-kategorija biblika ta’ Saltna ta’ Alla”.

[139] Paul Ricoeur, Histoire et vérité, Ed. du Seuil, Paris 1967, 122 (ed. Tal. A. Plé et al., L’amore del prossimo, Paoline, Alba 1958, 247).

[140] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 129: AAS 107 (2015), 899.

[141] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 35: AAS 101 (2009), 670.

[142] Diskors lill-parteċipanti għal-Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari (28 ta’ Ottubru 2014): AAS 106 (2014), 858.

[143] Ibid.

[144] Diskors lill-parteċipanti għal-Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari (5 ta’ Novembru 2016): L’Osservatore Romano, 7-8 ta’ Novembru 2016, pp. 4-5.

[145] Ibid.

[146] Ibid.

[147] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 189: AAS 107 (2015), 922.

[148] Diskors lill-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, New York (25 ta’ Settembru 2015): AAS 107 (2015), 1037.

[149] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 175: AAS 107 (2015), 916-917.

[150] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 67: AAS 101 (2009), 700-701.

[151] Ibid.: AAS 101 (2009), 700.

[152] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 434.

[153] Diskors lill-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, New York (25 ta’ Settembru 2015): AAS 107 (2015), 1037.1041.

[154] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 437.

[155] San Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għas-37 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2004, 5: AAS 96 (2004), 117.

[156] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 439.

[157] Ara Kummissjoni Soċjali tal-Isqfijiet ta’ Franza, Dikjarazzjoni Réhabiliter la politique (17 ta’ Frar 1999).

[158] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 189: AAS 107 (2015), 922.

[159] Ibid., 196: AAS 107 (2015), 925.

[160] Ibid., 197: AAS 107 (2015), 925.

[161] Ibid., 181: AAS 107 (2015), 919.

[162] Ibid., 178: AAS 107 (2015), 918.

[163] Konferenza Episkopali Portugiża, Ittra pastorali Responsabilidade solidária pelo bem comum (15 ta’ Settembru 2003), 20; ara Ittra enċiklika Laudato si’, 159: AAS 107 (2015), 911.

[164] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 191: AAS 107 (2015), 923.

[165] Piju XI, Diskors lill-Federazzjoni Universitarja Kattolika Taljana (18 ta’ Diċembru 1927): L’Osservatore Romano (23 ta’ Diċembru 1927), 3.

[166] Ara Id., Ittra enċiklika Quadragesimo anno (15 ta’ Mejju 1931), 88: AAS 23 (1931), 206-207.

[167] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 205: AAS 105 (2013), 1106.

[168] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 2: AAS 101 (2009), 642.

[169] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 231: AAS 107 (2015), 937.

[170] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 2: AAS 101 (2009), 642.

[171] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 207.

[172] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptor hominis (4 ta’ Marzu 1979), 15: AAS 71 (1979), 288.

[173] Ara San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 44: AAS 59 (1967), 279.

[174] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 207.

[175] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 2: AAS 101 (2009), 642.

[176] Ibid., 3: AAS 101 (2009), 643.

[177] Ibid., 4: AAS 101 (2009), 643.

[178] Ibid.

[179] Ibid., 3: AAS 101 (2009), 643.

[180] Ibid.: AAS 101 (2009), 642.

[181] Id-duttrina morali Kattolika, fid-dawl tat-tagħlim ta’ San Tumas ta’ Aquino, tagħżel bejn l-għemil “imqanqal” u dak “ordnat” (ara Summa Theologiæ, I-II, q. 8-17; Marcellino Zalba sj, Theologiæ moralis summa. Theologia moralis fundamentalis. Tractatus de virtutibus theologicis, ed. BAC, Madrid 1952, vol. 1, 69; Antonio Royo Marín, Teología de la Perfección cristiana, ed. BAC, Madrid 1962, 192-196).

[182] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 208.

[183] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 42: AAS 80 (1988), 572-574; Id. Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 11: AAS 83 (1991), 806-807.

[184] Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari (28 ta’ Ottubru 2014): AAS 106 (2014), 852.

[185] Diskors lill-Parlament Ewropew, Strasburgu (25 ta’ Novembru 2014): AAS 106 (2014), 999.

[186] Diskors lill-klassi tad-diriġenti u lill-Korp diplomatiku, Bangui – Repubblika tal-Afrika Ċentrali (29 ta’ Novembru 2015): AAS 107 (2015), 1320.

[187] Diskors lill-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, New York (25 ta’ Settembru 2015): AAS 107 (2015), 1039.

[188] Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari (28 ta’ Ottubru 2014): AAS 106 (2014), 853.

[189] Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 6.

[190] René Voillaume, Frère de tous, Ed. du Cerf, Paris 1968, 12-13.

[191] Vidjomessaġġ lil TED2017 ta’ Vancouver (26 ta’ April 2017): L’Osservatore Romano (27 ta’ April 2017), p. 7.

[192] Udjenza ġenerali (18 ta’ Frar 2015): L’Osservatore Romano, 19 ta’ Frar 2015, p. 8.

[193] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 274: AAS 105 (2013), 1130.

[194] Ibid., 279: AAS 105 (2013), 1132.

[195] Messaġġ għat-52 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2019 (8 ta’ Diċembru 2018), 5: L’Osservatore Romano, 19 ta’ Diċembru 2018, p. 8.

[196] Diskors fil-Laqgħa mal-klassi tal-Mexxejja, Rio de Janeiro – il-Brażil (27 ta’ Lulju 2013): AAS 105 (2013), 683-684.

[197] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Querida Amazonia (2 ta’ Frar 2020), 108.

[198] Mill-film Papa Francesco – Un uomo di parola. La speranza è un messaggio universale, ta’ Wim Wenders (2018).

[199] Messaġġ għat-48 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali (24 ta’ Jannar 2014): AAS 106 (2014), 113.

[200] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Awstralja, Dipartiment tal-Ġustizzja soċjali, Making it real: genuine human encounter in our digital world (Novembru 2019), 5.

[201] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 123: AAS 107 (2015), 896.

[202] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Veritatis splendor (6 ta’ Awwissu 1993), 96: AAS 85 (1993), 1209.

[203] Bħala Nsara aħna nemmnu wkoll li Alla jagħtina l-grazzja tiegħu biex nistgħu ngħixu bħala aħwa.

[204] Vinicius De Moraes, Samba della benedizione (Samba da Bênção), fid-diska Um encontro no Au bon Gourmet, Rio de Janeiro (2 ta’ Awwissu 1962).

[205] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 237: AAS 105 (2013), 1116.

[206] Ibid., 236: AAS 105 (2013), 1115.

[207] Ibid., 218: AAS 105 (2013), 1110.

[208] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia (19 ta’ Marzu 2016), 100: AAS 108 (2016), 351.

[209] Messaġġ għall-53 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2020 (8 ta’ Diċembru 2019), 2: L’Osservatore Romano, 13 ta’ Diċembru 2019, p. 8.

[210] Konferenza Episkopali tal-Kongo, Message au Peuple de Dieu et aux femmes et aux hommes de bonne volonté (9 ta’ Mejju 2018).

[211] Diskors fil-laqgħa kbira ta’ talb għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali, Villavicencio – il-Kolombja (8 ta’ Settembru 2017): AAS 109 (2017), 1063-1064, 1066.

[212] Messaġġ għat-53 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta Jannar 2020 (8 ta’ Diċembru 2019), 3: L’Osservatore Romano, 13 ta’ Diċembru 2019, p. 8.

[213] Konferenza tal-Isqfijiet tal-Afrika ta’ Isfel, Pastoral letter on christian hope in the current crisis (Mejju 1986).

[214] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Korea, Appeal of the Catholic Church in Korea for Peace on the Korean Peninsula (15 ta’ Awwissu 2017).

[215] Diskors lis-soċjetà ċivili, Quito – l-Ekwador (7 ta’ Lulju 2015): L’Osservatore Romano, 9 ta’ Lulju 2015, p. 9.

[216] Diskors fil-Laqgħa interreliġjuża maż-żgħażagħ, Maputo – il-Mozambique (5 ta’ Settembru 2019): L’Osservatore Romano, 6 ta’ Settembru 2019, p. 7.

[217] Omelija fil-Quddiesa, Cartagena de Indias – il-Kolombja (10 ta’ Settembru 2017): AAS 109 (2017), 1086.

[218] Diskors lill-Awtoritajiet, lill-Korp diplomatiku u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, Bogotá – il-Kolombja (7 ta’ Settembru 2017): AAS 109 (2017), 1029.

[219] Konferenza Episkopali tal-Kolombja, Por el bien de Colombia: diálogo, reconciliación y desarrollo integral (26 ta’ Novembru 2019), 4.

[220] Diskors lill-Awtoritajiet, lis-soċjetà ċivili u lill-Korp diplomatiku, Maputo – il-Mozambique (5 ta’ Settembru 2019): L’Osservatore Romano, 6 ta’ Settembru 2019, p. 6.

[221] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina u l-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 398 (ed. Tal. EDB, Bologna 2014).

[222] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 59: AAS 105 (2013), 1044.

[223] Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 14: AAS 83 (1991), 810.

[224] Omelija fil-Quddiesa għall-iżvilupp tal-popli, Maputo – il-Mozambique (6 ta’ Settembru 2019): L’Osservatore Romano, 7 ta’ Settembru 2019, p. 8.

[225] Diskors fiċ-Ċerimonja ta’ merħba, Colombo – is-Sri Lanka (13 ta’ Jannar 2015): L’Osservatore Romano, 14 ta’ Jannar 2015, p. 7.

[226] Diskors lit-tfal taċ-Ċentru Betanja u lil rappreżentanza ta’ nies megħjuna minn ċentri oħra ta’ karità fl-Albanija, Tirana – l-Albanija (21 ta’ Settembru 2014): Insegnamenti, II, 2 (2014), 288.

[227] Vidjomessaġġ lil TED2017 ta’ Vancouver (26 ta’ April 2017): L’Osservatore Romano (27 ta’ April 2017), p. 7.

[228] Piju XI, Ittra enċiklika Quadragesimo anno (15 ta’ Mejju 1931), 114: AAS 23 (1931), 213.

[229] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 228: AAS 105 (2013), 1113.

[230] Diskors lill-Awtoritajiet, lis-soċjetà ċivili u lill-Korp diplomatiku, Riga – il-Latvja (24 ta’ Settembru 2018): L’Osservatore Romano, 24-25 ta’ Settembru 2018, p. 7.

[231] Diskors fiċ-Ċerimonja ta’ merħba, Tel Aviv – Iżrael (25 ta’ Mejju 2014): Insegnamenti, II, 1 (2014), 604.

[232] Diskors fil-Memorja ta’ Yad Vashem, Ġerusalemm (26 ta’ Mejju 2014): AAS 106 (2014), 228.

[233] Diskors fil-Memorjal tal-Paċi, Hiroshima – il-Ġappun (24 ta’ Novembru 2019): L’Osservatore Romano, 25-26 ta’ Novembru 2019, p. 8.

[234] Messaġġ għat-53 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2020 (8 ta’ Diċembru 2019), 2: L’Osservatore Romano, 13 ta’ Diċembru 2019, p. 8.

[235] Konferenza tal-Isqfijiet tal-Kroazja, Letter on the Fiftieth Anniversary of the End of the Second World War (1 ta’ Mejju 1995).

[236] Omelija fil-Quddiesa, Amman – il-Ġordan (24 ta’ Mejju 2014): Insegnamenti, II, 1 (2014), 593.

[237] Messaġġ għat-53 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta Jannar 2020 (8 ta’ Diċembru 2019), 1: L’Osservatore Romano, 13 ta’ Diċembru 2019, p. 8.

[238] Diskors lill-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, New York (25 ta’ Settembru 2015): AAS 107 (2015), 1041-1042.

[239] N. 2309.

[240] Ibid.

[241] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 104: AAS 107 (2015), 888.

[242] Anki Santu Wistin, li elabora idea tal-gwerra ġustali llum m’għadniex inħaddnu, qal li “jekk tagħti l-mewt lill-gwerra bil-kelma, u tilħaq u tikseb il-paċi bil-paċi u mhux bil-gwerra, hi glorja ikbar milli tagħtiha lill-bnedmin bix-xabla” (Epistula 229, 2: PL 33, 1020).

[243] Ittra enċiklika Pacem in terris (11 ta’ April 1963), 67: AAS 55 (1963), 291.

[244] Messaġġ lill-Konferenza tal-Ġnus Magħquda għan-negozjazzjoni ta’ strument li jorbot ġuridikament dwar il-projbizzjoni tal-armi nukleari (23 ta’ Marzu 2017): AAS 109 (2017), 394-396.

[245] Ara San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 51: AAS 59 (1967), 282.

[246] Ara Ittra enċiklika Evangelium vitæ (25 ta’ Marzu 1995), 56: AAS 87 (1995), 463-464.

[247] Diskors fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (11 ta’ Ottubru 2017): AAS 109 (2017), 1196.

[248] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra lill-Isqfijiet dwar il-formulazzjoni l-ġdida tan-nru 2267 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika dwar il-piena tal-mewt (1 ta’ Awwissu 2018): L’Osservatore Romano, 3 ta’ Awwissu 2018, p. 8.

[249] Diskors lid-delegazzjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tad-Dritt Penali (23 ta’ Ottubru 2014): AAS 106 (2014), 840.

[250] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-duttrina soċjali tal-Knisja, 402.

[251] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Maġistrati (31 ta’ Marzu 2000), 4: AAS 92 (2000), 633.

[252] Divinæ Institutiones VI, 20, 17: PL 6, 708.

[253] Epistula 97 (responsa ad consulta bulgarorum), 25: PL 119, 991.

[254] Epistula ad Marcellinum, 133, 1.2: PL 33, 509.

[255] Diskors lid-delegazzjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tad-Dritt Penali (23 ta’ Ottubru 2014): AAS 106 (2014), 840-841.

[256] Ibid.: AAS 106 (2014), 842.

[257] Ibid.

[258] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Evangelium vitæ (25 ta’ Marzu 1995), 9: AAS 87 (1995), 411.

[259] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Indja, Response of the Church in India to the present day challenges (9 ta’ Marzu 2016).

[260] Omelija fil-Quddiesa, Domus Sanctæ Marthæ (17 ta’ Mejju 2020).

[261] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 19: AAS 101 (2009), 655.

[262] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 44: AAS 83 (1991), 849.

[263] Diskors lill-mexxejja ta’ reliġjonijiet u denominazzjonijiet Insara oħra, Tirana – l-Albanija (21 ta’ Settembru 2014): Insegnamenti, II, 2 (2014), 277.

[264] Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019), L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 6.

[265] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 256: AAS 105 (2013), 1123.

[266] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 28: AAS 98 (2006), 240.

[267] Il-bniedem hu annimal politiku” (Aristotli, Il-Politika, 1253a, 1-3).

[268] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 11: AAS 101 (2009), 648.

[269] Diskors lill-komunità Kattolika, Rakovsky – il-Bulgarija (6 ta’ Mejju 2019): L’Osservatore Romano, 8 ta’ Mejju 2019, p. 9.

[270] Omelija fil-Quddiesa, Santiago di Cuba (22 ta’ Settembru 2015): AAS 107 (2015), 1005.

[271] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Dikjarazzjoni Nostra ætate, 2.

[272] Diskors fil-Laqgħa ekumenika, Riga – il-Latvja (24 ta’ Settembru 2018): L’Osservatore Romano, 24-25 ta’ Settembru 2018, p. 8.

[273] Lectio divina lill-Università Pontifiċja tal-Lateran (26 ta’ Marzu 2019): L’Osservatore Romano, 27 ta’ Marzu 2019, p. 10.

[274] San Pawlu VI, Ittra enċiklika Ecclesiam suam (6 ta’ Awwissu 1964), 101: AAS 56 (1964), 650.

[275] Diskors lill-Awtoritajiet Palestinjani, Betlehem il-Palestina (25 ta’ Mejju 2014): Insegnamenti, II, 1 (2014), 597.

[276] Enarrationes in Psalmos, 130, 6: PL 37, 1707.

[277] Dikjarazzjoni Konġunta tal-Papa Franġisku u tal-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew I, Ġerusalemm (25 ta’ Mejju 2014), 5: L’Osservatore Romano, 26-27 ta’ Mejju 2014, p. 6.

[278] Mill-film Papa Francesco. Un uomo di parola. La speranza è un messaggio universale, ta’ Wim Wenders (2018).

[279] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Querida Amazonia (2 ta’ Frar 2020), 106.

[280] Omelija fil-Quddiesa, Colombo – Sri Lanka (14 ta’ Jannar 2015): AAS 107 (2015), 139.

[281] Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 7.

[282] Diskors lill-Awtoritajiet, Sarajevo – il-Bożnja-Ħerzegovina (6 ta’ Ġunju 2015): L’Osservatore Romano, 7 ta’ Ġunju 2015, p. 7.

[283] Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa internazzjonali għall-paċi organizzat mill-Komunità ta’ Sant’Eġidju (30 ta’ Settembru 2013): Insegnamenti, I, 2 (2013), 301-302.

[284] Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, Abu Dhabi (4 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 4-5 ta’ Frar 2019, p. 6.

[285] Ibid.

[286] Ara Beatu Charles de Foucauld, Meditazzjoni fuq il-Missierna (23 ta’ Jannar 1897): Opere spirituali, Ed. Paoline, Roma 1983, 555-562.

[287] Id., Ittra lil Henry de Castries (29 ta’ Novembru 1901): Id., Solo con Dio in compagnia dei fratelli, a cura di E. Bolis, Ed. Paoline, Milano 2002, 254.

[288] Id., Ittra lil Madame de Bondy (7 ta’ Jannar 1902): ċit. f’P. Sourisseau, Charles de Foucauld 1858-1916. Biografia, trad. a cura delle Discepole del Vangelo e A. Mandonico, Effatà, Cantalupa (TO), 359. Hekk ukoll sejjaħlu San Pawlu VI f’eloġju għall-ħidma tiegħu: Enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 12: AAS 59 (1967), 263.


 

FRATELLI TUTTI

Indiċi

Imħejji minn Mons. Prof. Hector Scerri

 

Ir-referenzi huma lkoll għall-paragrafi tal-enċiklika. Il-lista tal-kliem, f’ordni alfabetiku, hi għat-temi u l-kunċetti prinċipali li huma ppreżentati mill-Papa f’dan id-dokument tal-Maġisteru Pontifiċju.

 

 

A

 

Abbandun tal-persuna, 76

Aggressività soċjali, 44

Aħmad Al-Tajjeb, Imam, 5, 29, 136, 192, 285

Akkoljenza, 90, 134, 141

Aljenazzjoni, 53

Alla, 281, 282, 283, 285, 286, 287

Ambjent, 17

Anzjani, 19, 35, 98

Apprezzament, 93

Armi, 258, 260, 262

Armi nukleari, 262

Art, 178

Art twelidna, 143, 145, 149

Attenzjoni affettiva, 93

Awtorità, 172, 173

 

B

 

Babel, torri ta’, 144

Barrani, il-, 61, 84, 97, 98, 101, 129, 130, 139, 287

Benedittu, San, 90

Benevolenza, 112

Bonaventura, San, 91

 

Ċ

 

Ċittadinanza, 131, 164

 

D

 

Dar komuni, 117, 118

Dejn, 126

Dekostruzzjoniżmu, 13

Demokrazija, 169

Deterrent nukleari, 262

Dgħufija, 188

Differenzi, 215, 217, 220

Difiża leġittima, 258

Dinjità umana, 39, 68, 86, 107, 119, 122, 124, 125, 133, 162, 168, 169, 187, 188, 207, 213, 241, 247, 268, 269, 283, 285, 287

Diskussjoni pubblika, 203

Diżabbli, 98

Djalogu, 50, 134, 143, 198, 199, 200, 201, 202, 203, 211, 212, 217, 219, 221, 229, 262, 271, 282, 283, 284, 285, 287

Drittijiet umani, 22, 111, 122, 124, 126, 127, 136, 175, 188, 189, 209, 219, 232, 241, 274, 278, 285

 

E

 

Edukazzjoni, 187

Ekonomija, 33, 37, 51, 168, 169, 177, 179, 192

Etika, 211, 214, 220

Evanġelju, 277, 287

 

F

 

Familja, 114, 142, 230

Fanatiżmu, 46, 283, 284, 285

Faqar, 21, 51, 52, 123, 137, 187, 287

Fedeltà, 240

Fidwa, 85

Foqra, 119, 122, 141, 162, 169, 187, 234, 285

Formazzjoni, 114

Foucauld, Beatu Charles de, 193, 286, 287

Franġisk, San, 1, 2, 3, 4, 48, 286

Fraternità, 1, 4, 5, 6, 8, 40, 50, 77, 87, 94, 103, 106, 109, 110, 114, 142, 165, 173, 176, 180, 219, 249, 271, 272, 278, 285, 286, 287

Fruntieri, 1, 3

Ftehim, 174, 224

 

Ġ

 

Ġenerożità, 54, 174, 195

Ġesù Kristu, 287

Ġid, 119, 120, 123, 124

Ġid komuni, 172, 174, 175, 178, 179, 180, 182, 202, 205, 221, 228, 230, 232, 253, 257, 260, 262, 282

Ġirien, 152

Ġnus Magħquda, 173, 257

Ġuħ, 189, 287

Ġustizzja, 126, 173, 210, 227, 229, 241, 244, 287, 252, 257, 264

Ġwann Griżostmu, San, 74, 119

Ġwanni XXIII, Papa San, 260

Ġwanni Pawlu II, Papa San, 120, 263, 273

 

G

 

Gandhi, Mahatma, 286

Girgor il-Kbir, Papa San, 119

Globaliżmu/globalizzazzjoni, 12, 30, 100, 138, 142, 182, 189, 205, 259, 262, 280

Gratwità, 139, 140, 141

Gwerra, 256, 257, 258, 259, 261, 285, 287

 

 

Għaqda fil-Knisja, 280

Għerf, 47, 50

Għeruq, 53

 

Ħ

 

Ħajja, 87, 283

Ħbiberija, 89, 99, 106, 142, 180, 233, 245

Ħillel, 59, 60

Ħinek, tagħti, 63, 65

Ħitan, 27

Ħlewwa, 194, 222, 223, 224, 239

Ħniena, 227, 254, 265

Ħolm, 8, 10, 30, 33

 

I

 

Identità personali/kulturali, 143, 148, 203, 220, 230, 282, 285

Indifferenza, 68, 69, 73

Indiġeni, popli, 148, 220

Individwaliżmu, 43, 105, 152, 166, 170, 182, 209, 222, 275

Integrazzjoni, 53, 135, 151, 170, 187, 220

Interess immedjat, 161

Internet, 205

Intolleranza, 191, 220, 237, 238

Intraprendituri, 123, 168

Inugwaljanza, 116, 125, 126, 161, 168, 235

Ipokrezija, 75

Irinew, Sant’, 58

Istituzzjonijiet, 188

Istituzzjonijiet internazzjonali, 172, 173

 

K

 

Karità, 180, 181

Karità politika (ara Mħabba politika)

King, Martin Luther, 286

Knisja, 276. 277, 278

Komunikazzjoni, 48, 134, 204, 205

Komunikazzjoni diġitali, 42, 43, 45, 49, 96

Komunità, 8, 36, 96, 116

Komunjoni, 95, 149

Konkupixxenza, 166

Konsumiżmu, 35, 36

Konvivenza, 228, 232, 264, 272, 279, 285

Kultura/i, 135, 136, 199, 206, 216, 220, 224

Kultura tal-iskart (mormi), 188, 278

Kunflitti, 11, 12, 224, 240, 244

Kuraġġ. 174

Kuxjenza, 188, 275

 

L

 

Laqgħa, kultura tal-, 215, 216, 217, 232

Lattanzju, 265

Liberali, viżjoni, 163, 167, 168

Libertà, 103, 110, 114, 219, 274

Libertà reliġjuża, 279

Lokalizzazzjoni, 142, 143, 146

 

M

 

Mafjuża, pedagoġija, 28

Maħfra, 236, 237, 238, 240, 241, 250, 251, 253

Malik-al-Kamal, Sultan, 3

Manipulazzjoni, 201, 208, 232, 285

Mara, il-, 23, 24

Marija, il-Verġni, 278

Medjaturi, 284

Memorja, 248, 249

Mexxejja popolari, 159, 161

Mexxejja reliġjużi, 284

Mħabba, 59, 88, 89, 91, 92, 93, 94, 95, 99, 164, 165, 181, 183, 194, 185, 186, 187, 193, 197, 278, 287

Mħabba politika, 180, 181, 182, 190

Mħabba soċjali, 183

Midja, 205

Migrant/i, 129, 130, 132, 133, 141

Migrazzjoni, 37, 38, 39, 40, 41, 129, 132, 135

Movimenti popolari, 169

 

N

 

Natura, 34

Nikola I, Papa San, 265

 

O

 

Organizzazzjonijiet internazzjonali, 172

Ospitalità, 90

 

P

 

Paċi, 127, 192, 217, 225, 226, 228, 231, 232, 233, 235, 240, 242, 243, 254, 257, 260, 261, 262, 281, 283, 284, 285, 287

Pandemija, 7, 19, 32, 33, 34, 35, 54, 168

Parabbola, 56, 57, 63, 67

Patt kulturali, 220, 221

Patt soċjali, 219

Pawlu VI, Papa San, 120

Periferiji, 4, 97, 215, 235

Persuna, 18, 19, 24, 106, 107, 108, 111, 121, 124, 125, 182, 193, 195, 230, 231, 232, 271, 285

Piena tal-mewt, 263, 265, 267, 268, 269

Politika/politiku, 15, 176, 177, 178, 179, 180, 182, 186, 187, 188, 189, 191, 192, 193, 194, 185, 196, 197, 210, 276

Poplu, 157, 158, 160, 163

Populiżmu, 156, 157, 159, 160, 161, 163

Poter, 171, 177, 202, 276

Progress xjentifiku, 204

Proprjetà privata, 120, 123, 143

Proxxmu, 67, 80, 81, 102, 129

 

Q

 

Qadi, 79, 115

Qagħda dinjija, 30

Qerq, 75

Qies, 91

 

R

 

Razziżmu, 20, 41, 97, 266

Relativiżmu, 206, 209

Relazzjoni, 89

Relazzjonijiet internazzjonali, 126

Reliġjonijiet, 271, 274, 277, 279, 281, 285

Rifuġjati, 130, 285

Rikonċiljazzjoni, 229, 230, 236, 237, 242, 243, 244, 246, 276

 

S

 

Samaritan it-tajjeb, is-, 56, 62, 63, 66, 67, 69, 70, 71, 77, 78, 79, 101, 165

Sħubija (sieħba ta’ xulxin), 274, 279

Shoah, 247

Skjavitù, 24, 86

Sklerożi kulturali, 134

Soċju, 102, 104

Solidarjetà, 36, 114, 116, 127, 138, 146, 167, 168, 169, 187, 243, 249

Sovranità, 173

Spirtu s-Santu, 223, 280, 287

Stima, 52

Suq, is-, 168

Sussidjarjetà, 175, 187

 

T

 

Tama, 54, 55

Teknokrazija, 177

Teknoloġija, 31, 188

Terroriżmu, 283

Tolleranza, 192, 221

Trinità Qaddisa, it-, 85

Tumas d’Aquino, San, 91, 93

Tutu, Desmond, 286

 

U

 

Ugwaljanza, 104, 125, 126, 161, 209, 219, 272

Universali, 144, 145, 146, 151, 287

Universaliżmu, 99, 100, 142, 184

 

V

 

Valuri, 211, 213, 275

Vendetta, 242, 243, 251, 265, 266

Verità, 184, 185, 207, 208, 226, 227, 273

Vjaġġ tal-ħajja, 69, 286

Vjolenza, 25, 72, 227, 261, 266, 270, 282, 284, 285, 287

Vulnerabbiltà, 32

 

W

 

Wistin, Santu, 91, 265, 280

 

X

 

Xogħol, 162

 

Ż

 

Żgħażagħ, 133

Żogħżija, 13, 19

Żvilupp, 122, 126, 138, 169, 173, 184