Laikos

Ara l-Enċiklika Fratelli tutti u aktar riżorsi dwarha ...

KWOTAZZJONIJIET MILL-ENĊIKLIKA FRATELLI TUTTI

TAL-PAPA FRANĠISKU

Introduzzjoni:

Minn fost il-pariri tiegħu (ta’ San Franġisk) nixtieq insemmi wieħed, li bih jistieden għal imħabba li tmur lil hemm mill-fruntieri tal-ġografija u tal-ispazju. Hawn hu jsejjaħ hieni lil min iħobb lill-ieħor “meta dan ikun jinsab ’il bogħod, daqskemm meta kien qrib tiegħu”. B’dawn il-ftit kelmiet sempliċi huwa fisser l-essenzjal ta’ fraternità miftuħa, li biha nistgħu nagħrfu, napprezzaw u nħobbu lil kull persuna lil hemm minn kemm tkun fiżikament qrib tagħna, lil hemm mill-post fid-dinja fejn twieldet jew fejn tgħix. (par 1)

 

1. ID-DELLIJIET TA’ DINJA MAGĦLUQA

Mingħajr proġett għal kulħadd:

In-nuqqas ta’ wlied, li minħabba fih il-popolazzjoni qed tixjieħ, flimkien mal-abbandun tal-persuni anzjani għal solitudni kiefra, huma stqarrija impliċita li kollox jieqaf magħna, li jiswew biss l-interessi individwali tagħna. (par 19)

Mingħajr dinjità umana fuq il-fruntieri:

Jiena nifhem li quddiem il-persuni migranti xi wħud jiġuhom dubji jew iħossu ċertu biża’. Dan nifhmu bħala aspett tal-istint naturali ta’ awtodifiża. Imma huwa minnu wkoll li persuna u poplu huma għammiela biss jekk jafu jintegraw b’mod kreattiv fi ħdanhom il-ftuħ għall-oħrajn. (par 41)

L-illużjoni tal-komunikazzjoni:

Hemm bżonn nifhmu li l-fanatiżmi li jaslu biex jeqirdu lill-oħrajn għandhom bħala protagonisti tagħhom anki persuni reliġjużi, mhux b’inqas Insara, li “jistgħu jsibu ruħhom f’nofs xbieki ta’ vjolenza verbali permezz tal-internet u d-diversi oqsma jew spazji ta’ skambji diġitali. Saħansitra l-midja Kattolika tista’ taqbeż il-limiti, tippermetti x-xnigħat foloz u l-kalunnja, fejn donnhom jidhru esklużi kull etika u kull rispett għall-fama tajba tal-oħrajn”. Meta nagħmlu hekk, x’kontribut inkunu qed nagħtu għall-fraternità li l-Missier tagħna lkoll jixtieq għalina? (par 46)

Il-konverżazzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar iduru mal-aħħar tagħrif li waslilna, huma biss orizzontali u kumulattivi. Imma ma nkunux nagħtu attenzjoni fit-tul u profonda lill-qalba tal-ħajja, ma nkunux nagħrfu dak li hu essenzjali biex nagħtu tifsira lill-ħajja. Hekk, il-libertà ssir illużjoni li tinbiegħ lilna u li nifxluha mal-libertà li nagħmlu li rridu quddiem skrin. (par 50)

Tama:

Il-pandemija ta’ dan l-aħħar għenitna nerġgħu niskopru u napprezzaw tant sieħba fil-vjaġġ li, fil-biża’, wieġbu billi taw ħajjithom stess. Konna kapaċi nagħrfu li l-ħajjiet tagħna huma minsuġa u mwieżna minn persuni ordinarji li, bla dubju, kitbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja li lkoll naqsmu ma’ xulxin: tobba, infermiera, spiżjara, ħaddiema fil-ħwienet tal-merċa, dawk responsabbli mit-tindif, persuni li joffru kura, burdnara, irġiel u nisa li jaħdmu biex ifornuna b’servizzi essenzjali u sigurtà, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi… dawn fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. (par 54)

 

 

 

2. BARRANI FIT-TRIQ

Il-mitluq:

Ejjew ngħiduha kif inhi, kbirna f’tant aspetti imma bqajna analfabeti f’li nsieħbu, nikkuraw u nwieżnu lill-iżjed dgħajfa tas-soċjetajiet żviluppati tagħna. Drajna ndawru wiċċna n-naħa l-oħra, ngħaddu minn maġenb dak li jkun, ninjoraw is-sitwazzjonijiet sakemm dawn ma jmissuniex fil-laħam il-ħaj. (par 64)

Nerġgħu nibdew mill-ġdid:

Nistgħu nibdew minn isfel u nimxu każ b’każ, nissieltu għal dak li hu l-iżjed konkret u lokali, sal-aħħar rokna ta’ pajjiżna u tad-dinja, bl-istess għożża li dak il-vjaġġatur mis-Samarija kellu għall kull ġerħa ta’ dak ir-raġel midrub. Infittxu lill-oħrajn u nagħmlu tagħna r-realtà li hemm tistenniena, bla ma nibżgħu mit-tbatija jew li ma nistgħu nagħmlu xejn, għax hemmhekk hemm il-ġid kollu li Alla żera’ fil-qalb tal-bniedem. Id-diffikultajiet li jidhru enormi huma l-opportunità biex aħna nikbru, u mhux l-iskuża għad-diqa mejta li tippreferi s-sottomissjoni. Imma dan ma nagħmluhx waħidna, individwalment. Is-Samaritan fittex lukandier li seta’ jieħu ħsieb ta’ dak ir-raġel, l-istess kif aħna msejħin nistiednu u niltaqgħu f’“aħna” li hu iżjed b’saħħtu mill-ġabra ta’ individwi żgħar; niftakru li “l-kollox hu wisq iktar mill-parti, u hu wkoll iktar mill-ġabra tal-partijiet flimkien”. Ejjew ngħidu le għall-faqar u r-rabja tal-partikulariżmi sterili, tat-tilwim bla tmiem. Nieqfu naħbu t-tbatija tat-telfiet tagħna u nerfgħu r-responsabbiltà tad-delitti tagħna, tal-għażż tagħna u tal-gideb tagħna. Ir-rikonċiljazzjoni li tfejjaq tista’ terġa’ tqajjimna u tkeċċi kull biża’ li hemm fina u fl-oħrajn. (par 78)

 

3. NAĦSBU U NNISLU DINJA MIFTUĦA

Lil hinn minna nfusna:

Ir-rabta ta’ koppja u ta’ ħbiberija hi orjentata biex tiftaħ il-qalb għal min hemm madwarha, u tagħtina l-ħila li noħorġu minna nfusna biex nilqgħu lil kulħadd. Il-gruppi magħluqa u l-koppji ċċentrati biss fuqhom infushom, li jaraw lilhom infushom bħala “aħna” f’kuntrast mad-dinja kollha kemm hi, soltu huma xejriet idealizzati ta’ egoiżmu u ta’ protezzjoni tagħhom infushom biss. (par 89)

Il-ftuħ ftit ftit għall-imħabba:

L-imħabba li tmur lil hemm mill-fruntieri għandha bħala bażi dik li aħna nsejħu “ħbiberija soċjali” f’kull belt u f’kull pajjiż. Meta hi ġenwina, din il-ħbiberija soċjali fi ħdan soċjetà hi kundizzjoni ta’ possibbiltà għal ftuħ universali veru. (par 99)

Imħabba universali li tippromovi l-persuni:

Soċjetà umana u fraterna jirnexxilha tħabrek biex tiżgura b’mod effiċjenti u stabbli li kulħadd iħossu msieħeb fil-mixja ta’ ħajtu, mhux biss biex il-ħtiġijiet ewlenin tiegħu jkunu moqdija, imma biex jista’ joħroġ l-aħjar minnu nnifsu, imqar jekk ir-riżultat tiegħu ma jkunx l-aqwa, imqar jekk ikollu jimxi bil-mod, imqar jekk l-effiċjenza tiegħu ftit jew xejn tkun rilevanti. (par 110)

Nippromovu l-ġid morali:

L-ewwel ħsieb tiegħi jmur lejn il-familji, imsejħin għal missjoni edukattiva primarja u essenzjali. Huma l-ewwel post li fih ngħixu u ngħaddu l-valuri tal-imħabba u tal-fraternità, tal-konvivenza u tal-qsim ma’ xulxin, tal-attenzjoni u tal-għożża tal-persuna l-oħra. (par 114)

Nipproponu mill-ġdid il-funzjoni soċjali tal-proprjetà:

Bla dubju, hemm bżonn ta’ loġika oħra. Jekk ma nagħmlux sforz biex nidħlu f’din il-loġika, il-kliem tiegħi jista’ jinstema’ biss fantasija. Imma jekk naċċettaw il-prinċipju kbir tad-drittijiet li joħorġu mill-uniku fatt tad-dinjità umana inaljenabbli, inkunu nistgħu nilqgħu l-isfida li noħolmu u naħsbu f’umanità oħra. Hu possibbli li nixtiequ pjaneta li tiżgura l-art, id-dar u x-xogħol għal kulħadd. Din hija l-vera triq tal-paċi, u mhux l-istrateġija bla sens u li tara biss sa mneħirha ta’ min jiżra’ l-biża’ u s-suspett fil-konfront ta’ theddid li ġej minn barra. (par 127)

 

4. QALB MIFTUĦA GĦAD-DINJA KOLLHA

Id-doni reċiproċi:

Għandna bżonn inkabbru l-għarfien li llum, jew ħa nsalvaw flimkien jew mhu ħa jsalva ħadd. Il-faqar, id-dekadenza, it-tbatijiet ta’ żona tal-art huma bħal ħamrija siekta li fiha hemm ibaqbqu problemi li fl-aħħar mill-aħħar se jmissu lill-pjaneta kollha. (par 137)

Teżisti l-gratwità. Hija l-ħila li nagħmlu ċerti affarijiet għas-sempliċi fatt li minnhom infushom huma tajbin, mingħajr ma nippretendu li minnhom niksbu xi riżultat għalina, mingħajr ma noqogħdu nistennew minnufih xi ħaġa lura minnhom. Hekk nistgħu nilqgħu lill-barrani, anki jekk bħalissa mhux qed iġib miegħu xi benefiċċju li nistgħu mmissuh b’idejna. (par 139)

Il-ħajja b’xejn irċivejnieha, ma ħallasniex għaliha. Għalhekk ilkoll nistgħu nagħtu mingħajr ma nistennew xi ħaġa lura, nagħmlu l-ġid mingħajr ma nippretendu daqshekk ieħor mill-persuna li ngħinu. (par 140)

 

5. L-AĦJAR POLITIKA

Populiżmi u liberaliżmi:

Dan kollu jista’ jkollu ftit li xejn konsistenza, jekk nitilfu l-ħila li nagħrfu l-ħtieġa ta’ bidla fil-qlub tal-bnedmin, fid-drawwiet u fl-istili ta’ ħajja. Dan hu li jiġri meta l-propaganda politika, il-midja u dawk li jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika jibqgħu jkebbsu kultura individwalistika u inġenwa quddiem l-interessi ekonomiċi bla regoli u l-organizzazzjoni tas-soċjetajiet għas-servizz ta’ dawk li diġà għandhom wisq poter. (par 166)

L-impenn edukattiv, l-iżvilupp tad-drawwiet ta’ solidarjetà, il-ħila li naħsbu fil-ħajja tal-bniedem b’mod iżjed integrali, il-profondità spiritwali huma realtajiet meħtieġa biex nistgħu nagħtu kwalità lir-relazzjonijiet umani, hekk li tkun l-istess soċjetà li tirreaġixxi quddiem l-inġustizzji tagħha, quddiem l-anomaliji, quddiem l-abbuż tal-poter ekonomiku, teknoloġiku, politiku u medjatiku. (par 167)

Il-ħidma tal-imħabba politika:

Din il-karità, li hi l-qalba tal-ispirtu tal-politika, hi dejjem imħabba preferenzjali għall-foqra, li tinsab wara kull azzjoni li ssir għall-ġid tagħhom. B’ħarsa biss li x-xefaq tagħha hu mibdul mill-imħabba, li twasslu biex jagħraf id-dinjità tal-persuna l-oħra, il-foqra huma rikonoxxuti u apprezzati fid-dinjità immensa tagħhom, irrispettati fl-istil proprju tagħhom u fil-kultura tagħhom, u għalhekk tassew integrati fis-soċjetà. (par 187)

 

 

6. DJALOGU U ĦBIBERIJA SOĊJALI

Id-djalogu soċjali lejn kultura ġdida:

Spiss nifxlu d-djalogu ma’ xi ħaġa differenti ħafna: qsim marradi ta’ opinjonijiet fix-xbieki soċjali, ħafna drabi orjentat minn tagħrif medjatiku li mhux dejjem tista’ toqgħod fuqu. Huma biss monologi li jimxu biswit xulxin, li forsi jimponu ruħhom fuq l-attenzjoni ta’ ħaddieħor minħabba fit-ton għoli u aggressiv tagħhom. (par 200)

Id-djalogu soċjali awtentiku jitlob minna l-ħila li nirrispettaw kif jaħsibha l-ieħor, u naċċettaw il-possibbiltà li għandu konvinzjonijiet jew interessi leġittimi. (par 203)

Bażi għal kunsens:

Ir-relattiviżmu mhuwiex is-soluzzjoni. Taħt il-velu ta’ taparsi tolleranza, jispiċċa biex jiffavorixxi l-fatt li l-valuri morali jiġu interpretati mis-setgħanin skont x’jaqblilhom f’dak il-mument. (par 206)

L-individwaliżmu indifferenti u bla ħniena li fih waqajna mhuwiex forsi wkoll frott tat-telqa tagħna li nfittxu l-ogħla valuri, li jmorru lil hemm mill-bżonnijiet tal-mument? (par 209)

Kultura ġdida:

Fil-fatt, minn kulħadd nistgħu nitgħallmu xi ħaġa, ħadd mhu bla siwi, ħadd mhu hemm għalxejn. (par 215)

 

8. IR-RELIĠJONIJIET GĦAS-SERVIZZ TAL-FRATERNITÀ FID-DINJA

Il-bażi aħħarija:

Hemm dritt fundamentali uman li ma nistgħux ninsewh fil-mixja tal-fraternità u tal-paċi: hija l-libertà reliġjuża għal kull min iħaddan xi reliġjon jew oħra. (par 279)