Dwar il-Bolla ta' Indizzjoni tal-Papa
Franġisku
Misericordiae Vultus
miktuba fl-11 ta' April 2015
li biha ħabbar
il-Ġublew
Straordinarju tal-Ħniena
(2015-2016)
Kitba ta' Fr Reuben Deguara
Waqt li l-Papa Franġisku
iddikjara
s-sena straordinarja tal-Ħniena
li bdiet
fit-8 ta’ Diċembru
2015 u
għalqet
fl-20 ta’ Novembru,
2016
qal: “Jien konvint li
f’din is-sena tal-ġublew,
il-Knisja kollha tkun kapaċi
ssib il-ferħ li terġa’ tiskopri
u toħroġ il-frott mill-Ħniena ta’
Alla li permezz tagħha aħna
msejħa li nagħtu l-konsolazzjoni
lil kull raġel u kull mara ta’
żmienna.” Għalhekk, waqt li qed
nagħtu bidu għal
din is-sena ġubilari, qed niġu
mfakkra li l-Bibbja hija mimlija
b’ ċirkustanzi li jitkellmu dwar
l-abbundanza tal-Ħniena t’Alla u
kemm kien ħanin sa mill-bidu
tal-ħolqien.
Alla huwa għani fil-Ħniena (Ef
2:4). Il-Ħniena hija mħabba
ġenwina għal kwalunkwe persuna
li qed issofri u b’xi mod
imdejqa. Li ntemmu l-miżerja
darba għal dejjem huwa l-aspett
essenzjali tal-Ħniena u l-iktar
li jidher. Skont San Tumas
ta’ Akwino, meta l-imħabba u l-mizerja
jiltaqgħu, titwieled il-Ħniena
li hija waħda mill-forom
essenzjali tal-karità, li tinsab
fil-qalba tal-ħajja Kristjana.
Il-Ħniena hija l-virtù li tmexxi
l-persuna biex tagħmel sforz
ġenwin sabiex tħaffef il-piż ta’
kull tip ta’ sfortuna tal-oħrajn.
Il-Ħniena hija l-aqwa mod kif
tgħix it-tieni kmandament
tal-imħabba tal-proxxmu, li
‘tixbaħ lill-ewwel kmandament’
(Mt 22: 36-39). Alla jgħid
espliċitament, “Jien tjieba (Ħniena)
rrid, mhux sagrifiċċju” (Ħos
6:6; Mt 9:13).
Il-Ħniena kollha mħabba u
tjubija ta’ Alla hija r-risposta
Tiegħu għall-miżerja umana.
Iktar mal-miżerja tkun kbira,
iktar tkun abbundanti l-Ħniena.
Alla jsalvana mhux
għall-merti tagħna, imma għax hu
Ħanin. Id-dinja hija mimlija
bil-Ħniena ta’ Alla (Salm 32:5,
118:64). Alla huwa Ħanin u
jagħder għaliex Huwa ġust; Huwa
jżomm Kelmtu. Ladarba
irċevew
il-Ħniena minn Alla, il-bnedmin
għandhom juru Ħniena ma’ xulxin.
San Ġwanni
Pawlu II kellu ġibda lejn id-devozzjoni
lejn il-Ħniena Divina,
stabbilixxa l-Ħadd
tal-Ħniena Divina. Fl-enċiklika
tiegħu Dives in
Misericordia (‘Għani
fil-Ħniena’) huwa jeżamina r-rwol
tal-Ħniena – kemm il-Ħniena
t’Alla kif ukoll il-bżonn
tal-Ħniena umana. Id-devozzjoni
tal-Ħniena Divina tiffoka fuq l-imħabba
t’Alla kollha Ħniena u x-xewqa
li din l-istess imħabba u Ħniena
jgħaddu bħal xmara mill-qalb ta’
dak li jkun għal għand dawk li
għandhom bżonnha.
Lanqas nafu aħna stess kemm-il
darba esperjenzajna l-Ħniena
abbundanti ta’ Alla! Kemm-il
darba konna protetti minn
aċċidenti minkejja s-sewqan
ħażin tagħna, per eżempju,
anki meta konna saħansitra
xurbana! Anki meta ma tajniex
każ tiegħU, Hu ħenn għalina
b’qalb mimlija Ħniena.
Lanqas
nistgħu nimmaġinaw kemm grazzji
tana li aħna stess ma tlabniex u
li lanqas biss irringrazzjajniH
għalihom!
Il-Ħniena t’Alla lejn il-bniedem
tfisser il-kompassjoni tiegħU,
ġentilezza, klemenza,
maħfra,
mogħdrija,
benevolenza, grazzja, tjubija u
li ma jkunx aħrax anzi jagħlaq
għajnejH. Il-bnedmin ukoll
għandhom juru dan lejn xulxin:
karità, kompassjoni, ħniena,
ġentilezza, simpatija, klemenza
maħfra ... u l-kumplament
bħall-attitudni tal-Mulej lejna.
Ġesù jkellimna ċar: “Ħenjin dawk
li jħennu għax huma jsibu ħniena”
(Mt 5:7).
Il-Ħniena tagħti merħba,
taċċetta, tirrispetta, hija
ġeneruża, tagħlaq għajnejha għal
tort li ġġarrab, hija spalla
għal min hu fil-bżonn, il-Ħniena
taħfer, tipprovdi, u tagħmel dak
kollu li hu motivat mit-tjubija
u l-imħabba.
Il-Knisja stabbiliet erbatax-il
Opra ta’
Ħniena. Il-Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika
jiddefinixxi l-Opri
tal-Ħniena
bħala: “azzjonijiet ta’ Ħniena
li permezz tagħhom aħna naslu li
ngħinu lill-proxxmu tagħna
fil-bżonnijiet tiegħu kemm
tar-ruħ kif ukoll tal-ġisem.
(KKK #2447). Il-Katekizmu
jkompli jaqsam dawn l-Opri
tal-Ħniena f’żewġ kategoriji:
tar-ruħ u tal-ġisem.
Is-sagrifiċċju ta’ Kristu huwa
x-xogħol tal-Ħniena per
eċċellenza. Meta nwettqu opra
ta’ Ħniena nagħmluha bħala
xhieda u bi gratitudni
għall-Ħniena ta’ Kristu.
Is-seba’ Opri
tal-Ħniena li jmissu l-ġisem
huma s-seba’ għemejjel ta’
karità bbażati fuq id-diskors
ta’ Ġesù dwar fuq xhiex ser
inkunu ġġudikati fil-ġudizzju
universali (Mt 25: 41): li
titma’ lil min hu bil-ġuħ; tisqi
lil min hu bil-għatx; tlibbes
lil min hu għarwien; tilqa’ lil
min hu bla dar; iżżur
lill-morda; iżżur lill-ħabsin; u
tidfen lill-mejtin.
Imbagħad hemm
l-Opri tal-Ħniena li jmissu
r-ruħ tal-proxxmu, u dawn huma:
li tgħallem lil min ma jafx;
tagħti parir tajjeb
lill-ħosbenin; twiddeb
lill-midinbin; tfarraġ
lill-imnikktin; taħfer
il-ħtijiet; tistabar b’min
idejqek; u titlob ’l Alla
għall-ħajjin u għall-mejtin.
Il-prattika ta’ dawn l-opri hija
neċessarja li ssir minna lkoll.
Hawn tkellimna fuq x’ser jiġri
fl-aħħar tad-dinja: ser
jiġġudikana dwar kif ġibna ruħna
f’ħajjitna. Sa mit-Testment
il-Qadim, Alla l-Missier wera
kif iridna naġixxu billi Hu
stess uriena li jagħder u jħenn,
hu tqil biex jinkorla u kbir
fit-tjieba u fil-fedeltà tiegħu.
Tant ħabb lill-bnedmin li meta
wasal iż-żmien, huwa bagħat lil
Ibnu, imwieled mill-Verġni
Marija, biex jurina darba għal
dejjem l-imħabba tiegħu. F’ħajtu
Ġesù Kristu wera, bil-kelma - u
fisser bil-parabboli - bil-ġesti
tiegħu u bil-persuna tiegħu,
il-ħniena kbira tal-Missier.
Il-Ħniena ta’ Alla hi raġuni ta’
ferħ għalina, kif ukoll ta’ serħan
u ta’
sliem. Alla
jiltaqa’ magħna permezz
tal-ħniena tiegħu, filwaqt li
aħna wkoll, min-naħa tagħna,
irridu nuru l-ħniena mal-oħrajn.
Nagħmlu dan meta nħarsu
b’għajnejn sinċiera lejn dawk li
niltaqgħu magħhom tul il-mixja
tal-ħajja. Il-ħniena hi t-triq
li tgħaqqadna ma’ Alla, għax
tiftaħ il-qalb għat-tama li aħna
maħbuba għal dejjem minkejja
l-limiti tad-dnub tagħna.
Hemm waqtiet li fihom aħna
msejħin b’mod aqwa biex nieqfu u
naħsbu fuq il-ħniena ta’ Alla
biex aħna stess insiru sinjal li
jidher tal-Missier li jaħdem
f’ħajjitna. Hu
għalhekk li-Papa Franġisku
jgħidilna li dan il-Ġublew
tal-Ħniena hu żmien tajjeb
għall-Knisja. Is-Sena Mqaddsa
fetħet fit-8 ta’ Diċembru 2015,
festa tal-Kunċizzjoni
Immakulata. Din il-festa turi
l-mod ta’ kif Alla ilu jaħdem sa
mill-bidu tal-istorja
tagħna. Wara d-dnub ta’ Adam u
Eva, Alla ma riedx iħalli
lill-bniedem waħdu u jintrebaħ
mill-ħażen. Għalhekk hu ħaseb u
ried lil Marija, qaddisa u bla
tebgħa fl-imħabba, biex issir
Omm il-Feddej
tal-bniedem. Quddiem il-kruha
tad-dnub, Alla jwieġeb bil-kotra
tal-ħniena tiegħu, u jaħfer.
Alla uriena li l-ħniena tiegħu
se tkun dejjem ikbar minn kull
dnub, u mhemmx limitu
għall-imħabba ta’ Alla li
jaħfer.
Għaliex il-Papa għażel id-data
tat-8 ta’ Diċembru?
Il-Papa għażel it-8 ta’ Diċembru
għaliex minbarra li din id-data
fiha tifsiriet sbieħ fl-istorja
tal-Knisja, hi wkoll il-50
anniversarju mill-għeluq
tal-Konċilju Vatikan II, u
l-Knisja tixtieq li żżomm ħajja
dik il-ġrajja.
Il-Konċilju Vatikan II beda
mixja ġdida fl-istorja
tal-Knisja, li tkellmet dwar
Alla b’mod li jinftiehem aħjar u
hekk tkun is-sinjal ħaj
tal-imħabba tal-Missier. Il-Papa
Ġwanni XXIII, li fetaħ
il-Konċilju, ħeġġeġ biex
il-Knisja tuża dejjem id-duwa
tal-Ħniena u twassal il-verità
Kattolika bħala omm li tassew
tħobb, li tieħu paċenzja u tkun
twajba anke ma’ dawk li nfirdu
minnha. Il-Konċilju kien
ingħalaq mill-Beatu Pawlu VI,
il-Papa ta’ wara Ġwanni XXIII.
Fid-diskors tal-għeluq
tal-Konċilju, Pawlu VI tkellem
dwar il-valur tal-imħabba u
r-rispett lejn il-persuna, ukoll
meta jkun hemm fehmiet
differenti. Mhux hekk għamel
Ġesù mal-mara Sammaritana? Rebaħ
il-fiduċja tagħha bl-imġiba
ħelwa tiegħu. Illum aħna qed
inkomplu l-mixja li beda
l-Konċilju Vatikan II. Li
ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena hu
parti minn dan il-pellegrinaġġ.
Irridu nirfsu l-għatba tal-Bieb
b’sentiment ta’ radd il-ħajr
għal dak li rċevejna bħala parti
mill-Knisja kif ukoll
b’responsabbiltà lejn il-ħidma
li qed tistenniena f’din
is-sena. Nidħlu mill-Bieb
b’moħħna mistrieħ li Ġesù
Kristu, li qam mill-mewt,
se jkun magħna fit-triq. U
l-Ispirtu s-Santu se jmexxi
l-passi tagħna, aħna li nemmnu
fi Kristu li fdiena u se jgħinna
nikkontemplaw il-wiċċ
tal-Ħniena, il-wiċċ t’Alla.
Hekk tibda l-ittra tal-Papa
Franġisku: Misericordiae
Vultus, il-Wiċċ tal-Ħniena.
Meta l-Bieb tal-Ħniena
jingħalaq, fil-festa ta’ Kristu
Re, nerġgħu ngħixu l-gratitudni
tagħna lit-Trinità Qaddisa
għaż-żmien speċjali ta’ grazzja
li jkun tana l-Ġublew. Il-Papa
jixtieq li s-snin li ġejjin
ikunu “mgħaddsa fil-Ħniena” biex
kull persuna li niltaqgħu magħha
nwasslulha t-tjieba u l-Ħniena
ta’ Alla! Il-Papa awgura li
l-balzmu tal-Ħniena
tal-Ġublew jilħaq lil kulħadd,
kemm dawk li jemmnu u kemm dawk
li huma mbiegħda, bħala sinjal
tas-Saltna ta’ Alla li diġà
tinsab fostna.
Hawn min jaħseb li l-mogħdrija u
l-ħniena huma dgħufija, imma
fl-istorja Alla wriena li huma
kwalitajiet ta’ min hu tassew
qawwi. Dan narawh f’Alla, li
l-ħin kollu jinsab ħdejna, lest
biex jaħfrilna u jgħinna.
Il-Bibbja turina kemm Alla jieħu
paċenzja u kif dejjem tirbaħ
it-tjieba tiegħu.
Is-Salmi fihom espressjonijiet
ta’ faraġ u kuraġġ għal min
jixtieq iduq il-ħniena t’Alla,
li jaħfer, ifejjaq u li jrid
iħaddan miegħu lil kulħadd.
Il-ħniena ta’ Alla mhix xi ħaġa
fl-ajru.
Tinsab fil-ġewwieni tiegħu u
tfur ’il barra, bħal dik ta’ omm
u ta’ missier li ma jistgħux
jaħbu l-emozzjonijiet tagħhom fl-imħabba
lejn uliedhom. F’Alla, il-ħniena
hi sentiment naturali ta’
ħlewwa, ta’ mogħdrija u maħfra.
Mhux ta’ b’xejn li wieħed
mis-Salmi (numru 136), li fih
ritornell għal 26 darba: “Għal
dejjem hi l-ħniena tiegħu”;
kien fuq
ilsienna matul din is-sena
fl-innu tal-Ġublew. B’dan
is-Salm inkantaw kif fl-istorja
tas-salvazzjoni, il-bniedem kien
dejjem taħt il-ħarsa ħanina
tal-Missier. Ġesù kanta dan
is-Salm mad-dixxipli
tiegħu ftit qabel l-Aħħar Ikla,
fejn fetaħ beraħ l-imħabba
tiegħu. Ikun tajjeb li aħna
wkoll nirrepetu kuljum fit-talb
tagħna dan il-vers: “Għal dejjem
hi l-ħniena tiegħu”.
Meta nkunu midħla tal-Vanġelu,
nifhmu għaliex l-ittra li biha
l-Papa Franġisku ta bidu
għall-Ġublew tal-Ħniena semmieha
Misericordiae Vultus,
il-Wiċċ tal-Ħniena
t’Alla, li hu Ġesù Kristu.
L-aqwa idea tal-Missier tahielna
Ibnu. U ’l quddiem, id-dixxiplu
maħbub Ġwanni ġabar fi tliet
kelmiet l-idea li tana Ġesù dwar
il-Missier: “Alla hu Mħabba”.
L-imħabba li dehret fostna
nistgħu mmissuha b’idejna
fil-ħajja kollha ta’ Ġesù, kif
missewha l-foqra, il-morda,
l-imwarrbin u l-midinbin. Fost
oħrajn, Ġesù ġietu ħasra għall-armla
ta’ Najm, li kien mitilha binha
l-waħdieni u Ġesù tahulha ħaj
mill-ġdid.
Ġesù waqaf quddiem il-mejda
tat-taxxi u ħares b’imħabba
ħanina lejn Mattew, raġel meqjus
min-nies bħala midneb. Ġesù,
minflok, iressqu lejh, juri
fiduċja fih u jsejjaħlu biex
ikun wieħed mid-dixxipli tiegħu.
Illum ukoll, il-Mulej għadu
jħares bl-istess
ħarsa ta’ ħniena, u din il-ħarsa
se tibqa’ msammra bil-ħlewwa
fuqna lkoll, għax: “Għal dejjem
hi l-ħniena tiegħu”.
Biex iwasslilna b’mod ħafif
il-Wiċċ tal-Ħniena
t’Alla (konna spjegajna dwar
l-isem li ntgħażel mill-Papa:
Misericordiae Vultus,
il-Wiċċ tal-Ħniena), Ġesù
jirrakkonta fost oħrajn tliet
parabboli li smajnihom bosta
drabi: tan-nagħġa l-mitlufa,
tal-munita li tilfet waħda mara
u tal-iben il-ħali. Dawn
jgħinuna nifhmu l-ferħ ta’ Alla
meta jsib dak li kien mitluf.
Bħar-ragħaj, bħall-mara
u bħall-missier, Alla qatt ma
jieqaf milli jinkwieta għall-kreaturi
tiegħu. Imur fuqhom hu stess
biex jilqagħhom meta jiġu lura.
Il-ferħ jidher fil-mod kif dawk
li nstabu ġabu l-ferħ, kif hemm
għal sitt darbiet fit-tliet
parabboli:
“ifirħu miegħi għax sibt
in-nagħġa l-mitlufa”, “jerfagħha
fuq spellejh ferħan”, “ifirħu
miegħi għax sibt il-munita
li kont tlift”, “ikun hemm ferħ
qalb l-anġli”, “ġibu l-għoġol ħa
nieklu u nifirħu”, “jeħtieġ li
nifirħu u nithennew għax dak li
kien mitluf, instab”.
F’dawn il-parabboli,
Alla hu dejjem
ippreżentat mimli ferħ.
Tant jifraħ waqt li jaħfer. Din
hi stedina għalina, għax aħna
wkoll imsejħin biex ngħixu
l-ħniena, kif din intweriet
lilna minn Alla. U bħala Nsara,
il-ħniena hi kmand li ma
nistgħux naħarbu minnu. Veru li
xi drabi jkun diffiċli li naħfru
imma meta nneħħu l-korla,
ir-rabja u l-vjolenza, ikollna
s-serħan tal-qalb li bih nistgħu
ngħixu henjin. Dan hu għaliex
Ġesù qalilna: “Henjin dawk li
jħennu, għax huma jsibu ħniena”.
Ġesù rrakkonta l-parabboli
tal-maħfra f’kultura fejn
il-ħniena bilkemm kienu jafu
x’inhi. Bħalma llum ukoll naraw
li l-imħabba, il-mogħdrija u
l-maħfra huma mogħtija l-ġenb
fil-ħajja ta’ kuljum, xi drabi
wkoll minn min hu mistenni li
jagħti eżempju ta’ dawn il-kwalitajiet.
Il-Papa Franġisku jgħid li,
filwaqt li hu ta’ swied il-qalb
li l-maħfra fil-kultura tagħna
qiegħda dejjem tonqos, is-Sena
tal-Ħniena hi mill-ġdid iż-żmien
li nxandru l-ferħ tal-maħfra.
F’dinja li għaddejja minn żmien
imqalleb, kull wieħed u waħda
minna għandna r-responsabbiltà
li nwasslu t-tagħlim ta’ Kristu
dwar il-maħfra, għax aħna rridu
dinja aħjar. Bħala parti
mill-Knisja, kif qalilna l-Papa
Ġwanni Pawlu II, ngħixu ħajja
vera meta nistqarru u nxandru
l-ħniena.
Meta ta bidu għall-Ġublew
tal-Ħniena, il-Papa Franġisku
ħeġġeġ lill-Knisja biex twassal
il-ħniena ta’ Alla fil-qalb u
fil-moħħ ta’ kull bniedem; li
tagħmel bħal Kristu li ltaqa’
ma’ nies ta’ kull xorta u ma
ħalla lil ħadd barra; li
l-Knisja tkun hi l-ewwel li
tagħti xhieda tal-ħniena; li
twassal il-messaġġ tal-ħniena
b’mod ġdid u b’lingwaġġ li
jinftiehem. B’hekk tinfed
il-qalb tal-bnedmin u tqanqalhom
jerġgħu jsibu t-triq it-tajba.
Il-Papa ħeġġeġ il-Knisja biex
tkun Knisja qaddejja, u dan irid
jidher fil-parroċċi, fl-għaqdiet
u kull fejn hemm l-Insara.
B’hekk kulħadd ikun jista’ jsib
fil-Knisja “oasi ta’ ħniena”.
F’din is-sena, il-Knisja qed
tagħtina l-għodod
għall-konverżjoni, fosthom il-pellegrinaġġ
li jwassal għall-Bieb
tal-Ħniena. Li ngħaddu mill-Bieb
tal-Ħniena jirrifletti x-xewqa
tagħna li nikkonvertu, li
ninbidlu għall-aħjar. Naċċettaw
l-istedina ta’ Kristu biex ma
niġġudikawx u ma nikkundannawx,
biex ma npinġux f’dawl ikrah
lill-oħrajn imma nagħrfu dak li
hemm tajjeb f’kull persuna. Imma
dan mhux kollox, għax il-Vanġelu
jitlobna aktar minn hekk, għax
Kristu jikkmandana naħfru, anzi
nkunu għodda ta’ maħfra. Jekk
nagħmlu hekk, il-Mulej ikattar
it-tjieba tiegħu fuqna
b’ġenerożità liema bħalha.
Meta l-Papa jgħidilna, kif juri
l-motto tas-Sena Mqaddsa,
biex inkunu “Ħanina
bħall-Missier”, qed jistedinna
biex ma nistennew xejn lura.
L-eżempju ta’ Ġesù għandu
jmexxina; hu ta kollox, anke
ħajtu, bla ma ried xejn lura.
Xħin ngħixu f’attitudni ta’
mogħdrija, ikun biżżejjed li
nħossu l-preżenza ta’ Alla għax
qed nieħdu sehem fil-kompassjoni
tiegħu ma’ kulħadd. Irridu
niftħu qalbna għal dawk li
d-dinja moderna qed tinsiehom,
dawk li huma mwarrba, li qed
jgħixu fl-inċertezza u qed ibatu
fis-skiet. Niftakru f’nies
f’diversi pajjiżi li m’għadx
għandhom iżjed leħen għax
il-karba tagħhom qed tintefa
minħabba l-indifferenza ta’ dawk
sinjuri. Il-Knisja, f’dan
il-Ġublew, hi msejħa turi li hi
man-naħa ta’ dawn l-imsejkna
hekk li jħossu s-sħana
tal-preżenza, il-ħbiberija u
l-fraternità tagħha.
Hawnhekk jidħlu l-erbatax l-Opra
tal-Ħniena, li l-Papa qed
jippreżentalna għal din is-Sena:
li nkunu ġenerużi fil-karità, li
nżuru l-morda u anke
lill-ħabsin, li nilqgħu
b’imħabba lill-barranin, li
nagħtu pariri tajba lil min hu
fid-dubji, li ngħallmu lil min
ma jafx, li nkunu viċin ta’ min
qalbu mtaqqla, li naħfru lil min
weġġagħna u li niftakru fit-talb
tagħna lil Alla għall-proxxmu
tagħna kollu.
Ma ninsewx li meta nagħlqu
għajnejna għal din il-ħajja,
il-Mulej se jistaqsina wieħed
wieħed u waħda waħda jekk
f’ħajjitna segwejniex jew le
dawn l-Opri tal-Ħniena.
Il-frażi s-“sena ta’ grazzja”,
jew is-“sena tal-ħniena”
niltaqgħu magħha wkoll
fl-Evanġelu ta’ Luqa, li
jirrakkonta kif, f’Sibt minnhom,
Ġesù mar fis-Sinagoga ta’
Nazaret u sejħulu biex jaqra
silta minn Iżaija u jitkellem
dwarha. Kienet okkażjoni biex
Ġesù jiddikjara li hu ġie
msejjaħ biex, fost ħidmiet oħra,
iwassal l-aħbar it-tajba
lill-fqajrin, li jdewwi l-qlub
miksura, li jħabbar il-ħelsien
lill-imjassrin u lill-ħabsin u
biex iniedi s-“sena tal-grazzja
tal-Mulej”. Dakinhar,
Ġesù
fassal il-programm tal-missjoni
tiegħu.
Imma l-istorja
ma tiqafx hawn. Dak li beda Ġesù
jrid jitkompla minna,
fix-xejriet ġodda ta’ jasar li
jeżistu fi żmienna, fil-għama
ta’ min mhux jara s-sewwa
għax iltewa fuqu nnifsu
u fin-nuqqas ta’ dinjità ta’
dawk li ġew imċaħħdin minnha.
Irridu nwieġbu
bil-fidi għax-xhieda li bħala
Nsara aħna msejħin biex noffru.
Dan għandna nagħmluh bil-qalb,
kif jgħidilna San Pawl, li:
“Min għandu d-don tal-opri
tal-ħniena, ħa jagħmel dan
bil-ferħ”. (Rum 12, 8).
Bi ftit rieda tajba, aħna wkoll
jista’ jkollna dan id-don.
Kienet ix-xewqa tal-Papa
Franġisku li din is-Sena
tal-Ġublew tgħinna biex niskopru
mill-ġdid il-wiċċ ħanin
tal-Missier! Il-konvinzjoni li
l-Missier jaħfer mingħajr limitu
hi importanti biex aħna
nissieħbu ma’ Kristu u miegħu
nwasslu l-fejqan lil min
jeħtieġ. F’din is-Sena
tal-Ħniena saret enfasi qawwija
u kontinwa li Alla hu Missier li
ma jżommx f’qalbu, li hu Alla li
jneħħi l-ħażen u jaħfer id-dnub.
Anzi l-profeta Iżaija jgħidilna
li Alla “jixħet id-dnubiet
tagħna taħt saqajh u jarmi
ħtijietna kollha f’qiegħ
il-baħar”. Espresssjoni tassew
sabiħa li rridu niftakru fiha
spiss.
Kliem bħal dan hu ta’ min
jimmeditah b’mod konkret, għax
dak li jrid minna Alla mhuwiex
biss li ngħixu ħajja tajba imma
wkoll li nagħtu kas l-oħrajn u
ngħinuhom. Niftakru f’dak li
hemm miktub f’Iżaija: “Jaqaw
mhux dan is-sawm li jiena rrid,
jiġifieri li tħoll l-irbit
tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel
tal-madmad, li tibgħat ħielsa
l-maħqurin, u tkisser kull
madmad? Mhux li taqsam ħobżok
ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal
f’darek lill-imsejken bla saqaf?
Mhux li tlibbes lil min tara
għarwien, u n-nies ta’ darek ma
tinsihomx?”
Huma twissijiet prattiċi, li
jħeġġuna nipprattikaw kemm
nistgħu l-Opri tal-Ħniena li qed
titlob minna s-Sena tal-Ġublew!
Fost l-inizjattivi li ppropona
l-Papa Franġisku għas-Sena
tal-Ħniena kien hemm dik li
l-Papa taha prominenza kbira:
l-“24 Siegħa għall-Mulej”,
maratona ta’ talb għall-maħfra.
Il-Ġublew qed juri l-frott
tiegħu, li tant nies, fosthom
ħafna żgħażagħ, qed jerġgħu
jiskopru s-sabiħ tal-maħfra
fil-Qrar. Inizjattiva oħra
kienet dik tal-“Missjunarji
tal-Ħniena”, saċerdoti li l-Papa
għażilhom u tahom l-awtorità li
jaħfru anke d-dnubiet li l-Papa
biss jista’ jaħfer. Din is-sena,
dnubiet ta’ din ix-xorta jistgħu
jinħafru mill-Missjunarji
tal-Ħniena. Fost dawn
il-Missjunarji, hemm ukoll żewġ
patrijiet u qassis Maltin.
Il-Papa xtaq li l-Missjunarji
jkunu l-“ħabbara tal-ferħ
tal-maħfra”.
Rigal ieħor li l-Papa tana f’din
is-sena hu l-eżortazzjoni
appostolika ‘Amoris Laetitia”
(il-Ferħ tal-Imħabba), iffirmata
minnu fid-19 ta’ Marzu, il-festa
ta’ San Ġużepp, u mħabbra fit-8
ta’ April. F’din l-ittra dwar il-familja,
twila 255 paġna, il-Papa
jiddedika diversi paragrafi li
fihom juri li ma hemmx limitu
għall-maħfra, lanqas fil-każ ta’
persuni li tbiegħdu mill-Knisja
minħabba li s-sitwazzjoni
tagħhom mhijiex skont ir-regoli
tal-Knisja. L-eżortazzjoni
“Amoris Laetitia” nkitbet kollha
mill-Papa nnifsu wara t-tmiem
taż-żewġ sessjonijiet tas-sinodu
dwar il-familja u tikkumplimenta
l-ittra li biha l-Papa fetaħ
is-Sena tal-Ġublew
u li qed nirriflettu dwarha din
is-sena:
“Misericordiae Vultus” (‘Il-Wiċċ
talĦniena’).
It-tnejn fihom elementi qawwija
ta’ ħniena u ta’ maħfra.
Fl-eżortazzjoni ‘Amoris
Laetitia’, il-Papa juri li
l-Knisja hi omm, li tagħder,
tifhem, tissaporti u hi lesta,
b’idejha miftuħa, biex tħaddan
fiha lill-familji kollha, għax
il-ferħ u l-paċi huma possibbli.
L-eżortazzjoni tibda hekk:
“Il-ferħ tal-imħabba, li hi
mgħixa fil-familja,
hu wkoll
il-ferħ tal-Knisja.” Fiha l-Papa
jifhem is-sitwazzjoni attwali
tal-familja, u dan jagħmlu
b’saqajh mal-art, għaliex jaf
bid-diffikultajiet
u l-isfidi li
tiffaċċja l-familja. Imma jħares
b’ottimiżmu lejn dak li l-Knisja
tista’ toffri lill-familji.
Il-Papa jaf li ħafna nies ma
jilħqux il-livell ideali u ħafna
huma dawk li mhumiex jgħixu kif
il-Knisja tistenna miż-żwieġ.
Għalhekk l-attitudni tal-Knisja
trid tkun bħal ma hi ta’ “sptar
fi gwerra, disinjata biex
iddewwi lill-feruti”. Il-Papa
jgħid li kulħadd
għandu jħossu parti mill-Knisja
u għalhekk, anke min ilu
mbiegħed mis-Sagramenti, għandu
jiġi nkuraġġit biex gradwalment
jerġa’ jkun sehem fil-komunità
nisranija.” Il-Papa Franġisku
stieden lil kull wieħed u waħda
minna biex f’din is-sena
tal-Ġublew tal-Ħniena nieħdu
sehem f’pellegrinaġġ li jwassal
għall-Bieb tal-Ħniena. Nafu li
f’Diċembru tas-sena
2015,
f’kull djoċesi tad-dinja
Kattolika, infetħu l-Bibien
tal-Ħniena biex min jgħaddi
minnhom ikun qed jiftaħ qalbu
għall-ħniena t’Alla.
Il-pellegrinaġġ tal-Ġublew hu
ikona tal-mixja
li kull persuna tagħmel
f’ħajjitha, għax il-ħajja hi
vjaġġ li fih aħna pellegrini li
qed interrqu f’mixja lejn
il-Missier li qed jistenniena.
Biex nilħqu l-Bieb tal-Ħniena
hemm bżonn li nitħabtu xi ftit,
skont kemm tagħtina saħħitna.
Dan iġibna biex nifhmu li
l-ħniena hi
destinazzjoni li rridu naslu
għaliha u li titlob impenn u
tbatija. Il-pellegrinaġġ li
forsi diġà għamilna jew li se
nagħmlu jitlob element ta’
konverżjoni, hekk li meta nirfsu
l-għatba tal-Bieb Imqaddes u
ngħaddu minnu, inħallu l-ħniena
ta’ Alla tħaddanna magħha u
nħabirku biex aħna wkoll nuru
ħniena mal-oħrajn,
kif il-Missier juri magħna.
Niftakru fil-motto
tal-Ġublew: ‘Misericordes
sicut Pater’, ‘Ħanina
bħall-Missier’.
Qabel ma nagħmlu l-pellegrinaġġ
irridu nħejju ruħna sew, billi
nieħdu l-frott mis-Sagrament
tar-
Rikonċiljazzjoni, il-Qrar, u
nieħdu sehem fl-Ewkaristija.
Hekk kif ngħaddu mill-Bieb,
ngħidu l-Magnificat,
l-għanja ta’ tifħir li Marija
qalet fuq l-għatba tad-dar ta’
Eliżabetta, u li ddedikat
lill-ħniena t’Alla; ħniena li
“tinfirex f’kull żmien”.
Nistħajlu li aħna konna preżenti
waqt li ntqalu dawk il-kelmiet
profetiċi tal-Verġni Marija. Il-Magnificat
fih kliem ta’ faraġ u jnissel
hena f’qalbna meta niġu biex
ngħaddu mill-Bieb Imqaddes u
nduqu l-frott tal-ħniena
t’Alla.
Wara li nidħlu mill-Bieb
tal-Ħniena, ngħidu l-Kredu biex
nistqarru l-fidi tagħna; ngħidu
l-Missierna, ngħidu t-talba
tal-Papa għall-Ġublew u talba
lil Ġesù ta’ Qalb Ħanina, bħal,
“Ġesù ħanin, jiena nafda
fik.” Ngħidu xi intenzjoni li
ssuġerixxa l-Papa Franġisku għal
kull xahar f’dawn l-aħħar
sentejn. Dawn huma xi eżempji:
“Biex id-djalogu sinċier bejn
l-irġiel u n-nisa ta’
reliġjonijiet differenti jġib
il-frott tal-paċi u
tal-ġustizzja” u “Biex
il-familji li huma f’diffikultà
jirċievu l-qawwa li għandhom
bżonn u biex it-tfal tagħhom
jikbru f’ambjent seren u
b’saħħtu”.
Għall-Ġublew tal-Ħniena, il-Papa
Franġisku tana r-rigal tal-indulġenza.
L-indulġenza hi l-maħfra minn
Alla tal-piena taż-żmien li
tibqa’ meta d-dnubiet ikunu diġà
maħfura. L-indulġenza
tagħtihielna l-Knisja, li hi
afdata biex tqassam il-frott
tal-Fidwa ta’ Kristu. Tingħata
mill-Papa f’okkażjonijiet
speċjali bħal ma hi s-Sena
tal-Ġublew, il-Jum Dinji
taż-Żgħażagħ u laqgħat speċjali
għall-morda
u għall-familji.
Biex nifhmu aħjar x’inhi
indulġenza, inġibu l-eżempju
ta’ dar li nqerdet bin-nar.
L-ewwel irid jintefa n-nar, li
hu l-kawża ta’ dak li ġara. Li
nitfu n-nar inxebbħuh
mas-Sagrament tal-Qrar. Imma
billi jibqa’ l-konsegwenzi li
jkun ħalla n-nar, ikun hemm
bżonn li d-dar titnaddaf, li
jiġi msewwi dak li ġratlu ħsara
u li jinġiebu oġġetti ġodda
minflok dawk li nħarqu. Dan
inxebbħuh mal-“piena taż-żmien”
li titneħħa bir-rigal tal-indulġenza.
L-indulġenza għandha
tifsira partikulari fil-Ġublew.
Il-maħfra ta’ dnubietna minn
Alla ma tafx b’limiti. Alla juri
din l-imħabba tiegħu fil-mewt u
l-qawmien ta’ Ġesù Kristu,
imħabba li tasal biex teqred
id-dnub tal-bnedmin. Huwa qatt
ma jegħja joffri l-maħfra tiegħu
lilna uliedu
b’mod dejjem ġdid. Imma meta
nkunu għaddejna mill-esperjenza
tad-dnub, din tħalli l-effett
tagħha. Għalkemm aħna msejjħin
għal ħajja kemm jista’ jkun
tajba, xorta nħossu jagħfas
fuqna l-piż tad-dnub.
Filwaqt li min-naħa nħossu
l-qawwa tal-grazzja,
li tibdilna għall-aħjar, fina
nġarrbu wkoll il-qawwa tad-dnub.
Għalkemm inkunu ksibna l-maħfra
bil-Qrar u bl-indiema għal
dnubietna, aħna nibqgħu nġorru
fil-ħajja tagħna l-konsegwenza
tad-dnub
tagħna. Alla jaħfer id-dnubiet,
li jiġu mħassra qishom qatt ma
kienu, imma tibqa’ l-marka
negattiva li d-dnubiet ħallew
fil-mod
kif inġibu ruħna u kif naħsbu.
Id-dnub
għandu tingiża li tibqa’
tweġġa’. Imma l-ħniena ta’ Alla
hi aqwa minn dan ukoll u ssir
indulġenza li permezz
tal-Knisja tilħaq lilna, li jkun
iddispjaċina għal dnubietna u
nkunu qerrejna d-dnub tagħna.
Alla jeħlisna minn kull fdal
tal-konsegwenza tad-dnub, u
jagħmilna kapaċi naġixxu bi
mħabba, biex nikbru fl-imħabba
iktar milli nerġgħu naqgħu
fid-dnub. Biex “nirbħu” l-indulġenza,
minbarra li ngħaddu mill-Bieb
tal-Ħniena, jrid ikollna
xewqa li nitbiegħdu mid-dnub,
inkunu qerrejna u tqarbinna u
għedna talba skont xi intenzjoni
tal-Papa.
Is-Sena tal-Ħniena wasslitna
mit-8 ta’ Diċembru 2015 sat-28
ta’ Novembru,
2016, festa ta’ Kristu Re,
imam ma tiqafx hawn,
tant li l-Papa Franġisku
jagħtina direzzjoni biex
il-Ġublew iħalli ħafna frott
għas-snin li ġejjin.
Fl-aħħar paragrafi tal-ittra
tiegħu Misericordiae Vultus,
‘Il-Wiċċ tal-Ħniena’, il-Papa
jitfa’ l-ħsieb tiegħu fuq Omm il-Ħniena,
Marija u jawgura li l-ħlewwa tal-ħarsa
tagħha tkun magħna biex tgħinna
niskopru mill-ġdid il-ferħ
tal-ħlewwa ta’ Alla. Marija hi
l-aktar persuna li għarfet
il-qawwa tal-misteru tal-Inkarnazzjoni
għax għexet fil-preżenza
tal-ħniena nnifisha, li saret
ħaġa waħda magħna. Marija ħadet
sehem mill-qrib fl-imħabba ta’
binha Ġesù. Flimkien ma’ Ġwanni,
id-dixxiplu
l-maħbub ta’ Ġesù, Marija kienet
xhud tal-kliem ta’ maħfra li
ħarġu minn fomm Ġesù fuq is-salib,
kliem li juru li l-ħniena
tal-Iben ta’ Alla ma tafx
b’limiti u tilħaq lil kulħadd
bla ma tħalli lil ħadd barra.
Il-Papa Franġisku jistedinna
nduru lejn Marija bit-talba
antika u dejjem qatt ġdida tas-Salve
Regina, biex ma tehda
ddawwar lejna dawk l-għajnejn
tagħha tal-ħniena u tagħmilna
denji li nikkontemplaw il-wiċċ
tal-ħniena, lil binha Ġesù.
Il-Papa jeżortana wkoll biex
nitolbu lil tant Qaddisin u
Beati li għamlu mill-ħniena
l-missjoni ta’
ħajjithom, b’mod
partikulari Santa Fawstina
Kowalska, li l-Papa sejħilha
appostlu tal-ħniena. Din
is-soru, li kienet imsejjħa biex
tiħdol fil-qalba tal-ħniena
divina, tinterċedi għalina u
tiksbilna l-grazzja li ngħixu u
nimxu dejjem fil-maħfra ta’ Alla
u bil-fiduċja
li mħabbtu hi bla qies.
Għalkemm il-Bieb tal-Ħniena
ingħalaq fix-xahar ta’
Novembru, aħna nibqgħu ngħixu
l-gratitudni għall-ħniena li
Alla jagħmel magħna u
għall-grazzji li tana f’din
is-sena. Fi kliem il-Papa,
is-snin li ġejjin għandhom ikunu
“mgħaddsa fil-ħniena”
biex lil kull persuna li
niltaqgħu magħha nwasslulha
l-ħniena tal-Missier, ħniena li
xerred fuqna minn dejjem. Aħna
konvinti li Alla ma jieqaf qatt
milli jiftaħ beraħ il-bieb ta’
qalbu biex jgħidilna u jerġa’
jgħidilna li jħobbna.
Il-Papa Franġisku awgura
lill-Knisja li fis-snin li
ġejjin tkun l-“eku tas-Sena
Mqaddsa”, li tkompli
tikkontempla l-Wiċċ
tal-Ħniena ta’ Alla u tkun
leħen għal kull raġel u mara,
filwaqt li ttenni b’fiduċja
u bla waqfien: “Ftakar
fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej”
(Salm 25:6).
Fr Reuben
Deguara
|