MESSAĠĠ ‘URBI ET ORBI’
TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MILIED 2024

Loġġa Ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru
L-Erbgħa, 25 ta’ Diċembru, 2024

 

Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

Dal-lejl reġa’ ġġedded il-misteru li qatt ma jehda jsaħħarna u jqanqalna: il-Verġni Marija welldet lil Ġesù, Iben Alla, fisqietu u medditu f’maxtura.  Hekk sabuh ir-ragħajja ta’ Betlehem, mimlijin ferħ, waqt li l-anġli kienu jkantaw” “Glorja lil Alla u paċi fl-art lill-bnedmin” (cfr Lq 2,6-14).  Paċi lill-bnedmin.

Iva, dil-ġrajja li seħħet aktar minn elfejn sena ilu, tiġġedded bl-opra tal-Ispirtu s-Santu, l-istess Spirtu ta’ mħabba u ta’ Ħajja li għammar il-ġuf ta’ Marija u minn laħamha uman ifforma lil Ġesù.  Hekk, illum, fl-uġigħ tal-ħlas ta’ żmienna, tinkarna mill-ġdid u realment il-Kelma eterna tas-salvazzjoni, li tgħid lil kull raġel u mara, li tgħid lid-dinja kollha – dan hu l-messaġġ: “Jiena nħobbok, naħfrilek, erġa lura għandi, il-bieb ta’ qalbi miftuħ għalik!”

Ħuti, il-qalb ta’ Alla dejjem miftuħa, ejjew nerġgħu lura lejh! Ejjew immorru lura lejn dik il-qalb li tħobbna u taħfrilna!  Inħalluh jaħfrilna, inħalluh jerġa’ jħabbibna miegħu!  Alla jaħfer dejjem!  Alla jaħfer kollox.  Inħalluh jaħfrilna.

Din hi t-tifsira tal-Bieb tal-Ġublew li ftaħt ilbieraħ hawn f’San Pietru: jirrappreżenta lil Ġesù, Bieb ta’ salvazzjoni miftuħ għal kulħadd.  Ġesù hu l-Bieb; huwa l-Bieb li l-Missier ħanin fetaħ f’nofs id-dinja, fil-qalba tal-istorja, sabiex ilkoll inkunu nistgħu nerġgħu nduru lejh.  Ilkoll kemm aħna nagħaġ mitlufa u għandna bżonn Ragħaj u Bieb biex nerġgħu lura lejn id-dar tal-Missier.  Ġesù hu r-Ragħaj, Ġesù hu l-Bieb.

Ħuti, tibżgħux!  Il-Bieb miftuħ, il-Bieb miftuħ beraħ!  Mhemmx bżonn inħabbtu fuq dal-Bieb.  Miftuħ.  Ejjew!  Ejjew nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla u hekk nirrikonċiljaw ruħna magħna nfusna u nkunu nistgħu nirrikonċiljaw bejnietna, anki mal-għedewwa tagħna.  Il-ħniena t’Alla tista’ kollox, tħoll kull għoqda, iġġarraf kull ħajt ta’ firda, il-ħniena t’Alla tħoll il-mibgħeda u l-ispirtu tat-tpattija. Ejjew!  Ġesù hu l-Bieb tal-paċi.

Spiss aħna nieqfu fuq l-għatba; ma nisbux il-kuraġġ biex ngħaddu ‘l ġewwa għax għalina hi sfida.  Id-dħul mill-Bieb jitlob minna s-sagrifiċċju li nagħmlu l-pass – sagrifiċċju żgħir; immiddu l-pass minħabba xi ħaġa tant kbira -, jitlob minna li nħallu warajna t-tilwim u l-firdiet, biex nintelqu fid-dirgħajn miftuħin tat-Tfajjel li hu l-Prinċep tal-paċi.  F’dal-Milied, bidu tas-Sena tal-Ġublew, nistieden lil kull persuna, kull poplu, kull nazzjon biex isibu l-kuraġġ u jidħlu ‘l ġewwa mill-għatba, biex ikunu pellegrini ta’ tama, biex jissikktu l-armi u jegħlbu l-firdiet!

Ħalli jisktu l-armi fil-martri Ukrajna!  Ejjew bil-kuraġġ niftħu l-bieb għan-negozjati u għal ġesti ta’ djalogu u laqgħa, biex naslu għal paċi ġusta u dejjiema.

Ħalli jissikktu l-armi fil-Lvant Nofsani!  B’għajnejja msammrin fuq il-benniena ta’ Betlehem ħsiebi jdur lejn il-komunitajiet insara tal-Palestina u ta’ Iżrael u, b’mod partikolari, lejn l-għażiża komunità ta’ Gaża, fejn is-sitwazzjoni umanitarja hi dammatika għall-aħħar.  Ħalli jieqaf il-ġlied u jinħelsu l-ostaġġi u l-popolazzjoni mifnija bil-ġuħ u l-gwerra jkollha l-għajnuna li teħtieġ!  Jien qrib ukoll tal-komunità nisranija tal-Libanu, speċjalment tan-nofsinhar, u dik tas-Sirja, f’dal-mument tant delikat.  Ħalli jinfetħu l-bibien tad-djalogu u tal-paċi fir-reġjun kollu mifluġ bil-kunflitt! U rrid infakkar ukoll il-poplu tal-Libja, inħeġġiġhom biex ifittxu soluzzjonijiet li jippermettu li sseħħ ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Jalla t-twelid tas-Salvatur iġib żmien ta’ tama fil-familji ta’ eluf ta’ tfal li qed imutu minħabba epidemija ta’ ħosba fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, kif ukoll lill-popolazzjonijiet tal-orjent ta’ dak il-pajjiż u lil dawk tal-Burkina Faso, tal-Mali, tan-Niġer u tal-Mozambique.  Il-ħtija ewlenija tal-kriżi umanitarja li għaddejjin minnha bħalissa huma l-kunflitti armati u l-pjaga tat-terroriżmu, aggravati mill-effetti qerrieda tat-tibdil fil-klima li qed iħallu warajhom imwiet u miljuni ta’ persuni evakwati.  Niftakar ukoll fil-popolazzjonijiet tal-Qarn tal-Afrika u nimplora għalihom id-don tal-paċi, tal-ftehim u tal-fratellanza.  Jalla Bin l-Aktar Għoli jkun sostenn għall-komunità internazzjonali biex il-popolazzjoni ċivili tas-Sudan ikollha aċċess għall-għajnuna umanitarja u biex jitniedu negozjati ġodda bl-għan li jieqaf il-ġlied.

Jalla l-aħbar tal-Milied tagħti faraġ lill-abitanti tal-Myanmar li, minħabba l-kunflitti armati ma jaqtgħu xejn, qed isofru konsegwenzi gravi u qed ikollhom jaħarbu minn djarhom.

Jalla Ġesù Bambin idawwal lill-awtoritajiet politiċi u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba tal-kontinent amerikan, sabiex mill-aktar fis isibu soluzzjonijiet effikaċi fil-verità u l-ġustizzja sabiex jippromwovu l-armonija soċjali, niftakar partikolarment f’Haiti, fil-Venezwela, fil-Kolombja u n-Nikaragwa u speċjalment f’dis-Sena tal-Ġublew, jimpenjaw ruħhom biex jibnu l-ġid komuni u jiskopru mill-ġdid id-dinjità ta’ kull persuna, billi jegħlbu l-firdiet politiċi.

Jalla l-Ġublew ikun okkażjoni biex jiġġarrfu l-ħitan kollha tal-firdiet: dawk ideoloġiċi, li tant drabi jmexxu l-ħajja politika, u wkoll dawk fiżiċi, bħalma hi l-firda, li issa ilha kważi ħamsin sena, li hemm fil-gżira ta’ Ċipru, sitwazzjoni li selltet in-nisġa umana u soċjali.  Nawgura li jkun hemm konklużjoni maqbula, soluzzjoni li ġġib fi tmiemha l-firda b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet u d-dinjità tal-komunitajiet ċiprijotti kollha kemm huma.

Ġesù, il-Verb etern ta’ Alla magħmul bniedem, hu l-Bieb miftuħ beraħ; hu l-Bieb miftuħ beraħ li aħna mistednin ngħaddu minnu biex niskopru mill-ġdid is-sens tal-eżistenza tagħna u s-sagralità ta’ kull ħajja – kull ħajja hi sagra -, u biex nirkupraw il-valuri tas-sisien tal-familja umana.  Hu qed jistenniena fuq l-għatba.  Qed jistenna lil kull wieħed u waħda minna, speċjalment lill-aktar dgħajfa: qed jistenna lit-tfal, lit-tfal kollha li qed isofru minħabba l-gwerra u li qed isofru l-ġuħ; qed jistenna lill-anzjani, li spiss qed isibu ruħhom jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ abbandun u solitudni; qed jistenna lil kull min tilef daru u qed jaħrab minn artu bit-tama li jsib kenn żgur; qed jistenna lil dawk li tilfu jew qed ifittxu x-xogħol; qed jistenna lill-ħabsin, li, minkejja kollox, xorta waħda huma wlied Alla, dejjem ulied Alla; qed jistenna li min hu persegwitat minħabba l-fidi.  Hawn bosta minnhom.

F’dal-jum ta’ festa, m’għandhiex tiġi nieqsa l-gratitudni tagħna lejn min qed jagħmel kulma jiswa ta’ ġid fis-skiet u fedelment: niftakar fil-ġenituri, fl-edukaturi, fl-għalliema, li għandhom responsabbiltà kbira li jiffurmaw il-ġenerazzjonijiet tal-futur; niftakar fl-operaturi sanitarji, fil-forzi tal-ordni, f’kulmin hu impenjat fl-opri ta’ karità, speċjalment il-missjunarji mxerrdin madwar id-dinja li jwasslu d-dawl u l-faraġ lil tant persuni li jinsabu f’diffikultà.  Lil dawn kollha għandna ngħidulhom: grazzi!

Ħuti, jalla l-Ġublew ikun okkażjoni biex jinħafer id-dejn, speċjalment dak li qed jgħakkes lill-pajjiżi l-aktar foqra.  Kulħadd mistieden biex jaħfer l-offiżi li rċieva, għax Iben Alla, li twieled fil-kesħa u fis-satra tal-lejl, jaħfer id-dejn tagħna kollu.  Hu ġie biex ifejjaqna u jaħfrilna.  Pellegrini tat-tama, ejjew immorru niltaqgħu miegħu!  Niftħulu l-bibien ta’ qlubna.  Niftħulu l-bibien ta’ qlubna, kif Hu fetaħ beraħ il-bibien ta’ Qalbu għalina.

Nawgura lil kulħadd Milied hieni u qaddis.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber