UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Awla Pawlu VI
Is-Sibt 11 ta’ Jannar 2025
Tittama jfisser tibda mill-ġdid – Ġwanni l-Battista
Għeież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Ħafna minnkom jinsabu hawn Ruma bħala “pellegrini tat-tama”. Dalgħodu qed nibdew l-udjenzi ġubilari ta’ nhar ta’ Sibt, li idealment iridu jilqgħu u jħaddnu lil dawk kollha li minn kull naħa tad-dinja jiġu jfittxu bidu ġdid. Fil-fatt, il-Ġublew huwa bidu ġdid, il-possibbiltà għal kull persuna li terġa’ tibda mill-ġdid minn Alla. Bil-Ġublew tibda ħajja ġdida, tappa ġdida.
F’dawn is-Sibtijiet, minn darba għall-oħra, nixtieq nuri xi aspett tat-tama. Hija virtù teologali. Fil-Latin virtus tfisser “qawwa”. It-tama hi qawwa li tiġi minn Alla. It-tama mhix xi drawwa jew karatteristika tal-persuna – li jkollok jew ma jkollokx –, imma qawwa li nitolbuha. Għalhekk nimxu bħala pellegrini: niġu nitolbu don, biex nibdew mill-ġdid fil-mixja tal-ħajja.
Wasalna biex niċċelebraw il-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù u din tfakkarna f’dak il-profeta kbir tat-tama li kien Ġwanni l-Battista. Dwaru Ġesù qal xi ħaġa mill-isbaħ: li hu l-ikbar fost l-imweldin min-nisa (ara Lq 7:28). Allura nifhmu għaliex tant nies kienet tmur għandu, bix-xewqa ta’ bidu ġdid, bix-xewqa li tibda mill-ġdid. U l-Ġublew jgħinna f’dan. Il-Battista deher tassew kbir, deher kredibbli fil-personalità tiegħu. Hekk kif aħna llum ngħaddu mill-Bieb Imqaddes, hekk Ġwanni ppropona lin-nies jaqsmu x-xmara Ġordan, jidħlu fl-Art Imwiegħda kif kien għamel Ġożwè l-ewwel darba, jibdew mill-ġdid, jirċievu l-art mill-ġdid, bħall-ewwel darba. Ħuti, din hija l-kelma: nibdew mill-ġdid. Ejjew indaħħluha f’rasna u ngħiduha lkoll flimkien: “nibdew mill-ġdid”. Ngħiduha flimkien: nibdew mill-ġdid! [kollha jirrepetuha iżjed minn darba] Dik hi, tinsewhiex din: nibdew mill-ġdid.
Imma Ġesù, dritt wara dak il-kumpliment kbir, iżid xi ħaġa oħra li ġġagħalna naħsbu: “Tassew ngħidilkom: fost l-imweldin min-nisa ma qam ħadd akbar minn Ġwanni, imma l-iżgħar fis-saltna ta’ Alla hu akbar minnu” (v. 28). Ħuti, it-tama qiegħda kollha f’din il-qabża ta’ kwalità. Ma tiddependix minna, imma mis-Saltna ta’ Alla. Din hi s-sorpriża: meta nilqgħu s-Saltna ta’ Alla din teħodna f’ordni ġdid ta’ kobor. Ta’ dan id-dinja tagħna, ilkoll kemm aħna, għandna bżonn! U aħna, x’għandna nagħmlu? [Kulħadd: “Nibdew mill-ġdid!”]. Tinsewhx dan.
Meta Ġesù jlissen dawk il-kelmiet, il-Battista jinsab il-ħabs, mimli mistoqsijiet u dubji. Anki aħna fil-pellegrinaġġ tagħna nġorru magħna tant mistoqsijiet, għax ħafna huma l-“Erodijiet” li għadhom jeħduha kontra s-Saltna ta’ Alla. Imma Ġesù jurina t-triq il-ġdida, it-triq tal-Beatitudnijiet, li huma l-liġi sorprendenti tal-Vanġelu. Mela ejjew nistaqsu: jien għandi fija xewqa vera li nibda mill-ġdid? Aħsbu ftit, kull wieħed u waħda minnkom: ġewwa fija, nixtieq nibda mill-ġdid? Nixtieq nitgħallem minn Ġesù min hu tassew kbir? L-iċken wieħed, fis-Saltna ta’ Alla, hu kbir. Għax aħna rridu… [Ilkoll: “Nibdew mill-ġdid!”].
Mela minn Ġwanni l-Battista nitgħallmu nerġgħu nemmnu fina nfusna. It-tama għad-dar komuni tagħna – din l-Art tagħna hekk abbużata u midruba – u t-tama għall-essri umani kollha qiegħda fid-differenza ta’ Alla. Il-kobor tiegħu hu differenti. U aħna nerġgħu nibdew minn din l-oriġinalità ta’ Alla, li kienet tilma f’Ġesù u li llum timpenjana biex naqdu, biex inħobbu fraternament, biex nagħrfu li aħna ċkejknin. U biex naraw iż-żgħar nett, nagħtuhom widen u nkunu leħinhom. Dan hu l-bidu l-ġdid, dan hu l-ġublew tagħna. U allura aħna rridu… [Ilkoll: “Nerġgħu nibdew mill-ġdid!”]. Grazzi.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard