IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bitħa ta’ San Damasu

L-Erbgħa 30 ta’ Ġunju 2021

 

Katekeżi fuq l-Ittra lill-Galatin – 2. Pawlu Appostlu veru

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nidħlu ftit ftit kull darba fl-Ittra lill-Galatin. Rajna li dawn l-Insara sabu ruħhom f’kunflitt dwar kif għandhom jgħixu l-fidi. L-Appostlu Pawlu jibda jikteb l-Ittra tiegħu billi jfakkarhom fir-relazzjoni li kellu magħhom, in-niket tiegħu li jinsab bogħod minnhom u l-imħabba li xorta għad għandu għal kull wieħed u waħda minhom. Imma ma jonqosx milli jinnota t-tħassib tiegħu biex il-Galatin jimxu fit-triq it-tajba: huwa t-tħassib ta’ missier, li nissel il-komunitajiet fil-fidi. Il-fehma tiegħu hi ċara ħafna: iħoss il-bżonn li jisħaq fuq il-karattru ġdid tal-Vanġelu, li l-Galatin irċivew mill-predikazzjoni tiegħu, biex jibnu l-vera identità li fuqha jistgħu jwaqqfu ħajjithom. U dan hu l-prinċipju: jisħaq fuq il-karattru ġdid tal-Vanġelu, dak li l-Galatin irċivew mingħand l-Appostlu.

 

Dlonk niskopru li Pawlu jaf fil-fond x’inhu l-misteru ta’ Kristu. Sa mill-ftuħ tal-Ittra tiegħu ma jiġrix wara l-argumentazzjonijiet baxxi li nqdew bihom dawk li ħaduha kontrih. L-Appostlu “jtir fl-għoli” u jindika wkoll lilna kif għandna nġibu ruħna meta jinħolqu kunflitti fi ħdan il-komunità. Fil-fatt, hu biss lejn l-aħħar tal-Ittra li jagħmilha ċara li l-qalba tal-kontestazzjoni li tqajmet hi l-fatt taċ-ċirkonċiżjoni, jiġifieri tat-tradizzjoni ewlenija Ġudajka. Pawlu jagħżel it-triq li tmur iżjed fil-fond, għax dak li jrid iħares hi l-verità tal-Vanġelu u l-libertà tal-Insara, li hi parti integrali minnha. Ma jiqafx mal-qoxra tal-problemi, tal-kunflitti, kif spiss aħna ttentati nagħmlu aħna biex insibu soluzzjoni malajr li naħsbu li b’kompromess sa ġġib il-ftehim bejn kulħadd. Pawlu jħobb lil Ġesù u jaf li Ġesù mhuwiex bniedem-Alla tal-kompromessi. Mhux hekk jaħdem il-Vanġelu, u l-Appostlu għażel li jimxi t-triq l-aktar impenjattiva. Jikteb hekk: “Forsi jien qed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew qed infittex li jkun iġibni Alla?”. Hu ma jfittixx li jkun fil-paċi ma’ kulħadd. “Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin? Li kont għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta’ Kristu” (Gal 1:10).

 

Qabelxejn, Pawlu jħossu fid-dmir li jfakkar lill-Galatin li hu veru appostlu mhux b’xi merti tiegħu, imma minħabba s-sejħa ta’ Alla. Hu stess jirrakkonta l-istorja tal-vokazzjoni u l-konverżjoni tiegħu, li seħħet fid-dehra ta’ Kristu Rxoxt tul il-vjaġġ lejn Damasku (ara Atti 9:1-9). Interessanti nosservaw dak li jgħid dwar il-ħajja tiegħu qabel dik il-ġrajja: “Kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta’ Alla u nfittex li nħarbatha; u kemm kont ’il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha ta’ mpari, imġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti” (Gal 1:13-14). Pawlu jissogra jistqarr li hu fil-Ġudaiżmu kien aqwa minn kulħadd, kien Fariżew żelanti, “għal dik li hi ġustizzja tal-Liġi, ħadd ma sata’ jgħid xejn fija” (Fil 3:6). Darbtejn fuq xulxin jisħaq li hu kien difensur tat-“tradizzjonijiet ta’ missirijieti” u “żelanti fl-osservanza tal-Liġi”. Din hija l-istorja ta’ Pawlu.

 

Minn naħa, hu jrid jisħaq li kien ippersegwita bil-kbir lill-Knisja u li kien “dagħaj, persekutur u żeblieħi” (1 Tim 1:13), ma jibqax lura fl-aġġettivi: hu stess isejjaħ lilu nnifsu hekk; mill-banda l-oħra, juri l-ħniena ta’ Alla lejh, li jwasslu biex jgħaddi minn bidla radikali, li kulħadd kien jaf biha. Jikteb: “Il-knejjes ta’ Kristu fil-Lhudija kienu għadhom qatt ma raw wiċċi; kienu semgħu biss in-nies jgħidu li ‘dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed ixandar il-fidi li darba hu ried jeqred’” (Gal 1:22-23). Ikkonverta, inbidel, daritlu qalbu. Pawlu hekk juri l-verità tal-vokazzjoni tiegħu b’dan il-kuntrast impressjonanti li nħoloq f’ħajtu: minn persekutur tal-Insara għax ma kinux josservaw it-tradizzjonijiet u l-liġi, kien ġie msejjaħ biex isir appostlu li jħabbar il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Imma naraw li Pawlu hu bniedem ħieles: hu ħieles li jxandar il-Vanġelu u hu anki ħieles li jistqarr dnubietu. “Jiena kont hekk”: hija l-verità li tagħti l-libertà tal-qalb, hija l-libertà ta’ Alla.

 

Meta jerġa’ jħares lura lejn din l-istorja tiegħu, Pawlu hu mimli b’sens ta’ stagħġib u ta’ radd il-ħajr. Bħallikieku ried jgħid lill-Galatin li hu kollox seta’ jkun barra appostlu. Kien ġie edukat sa minn tfulitu biex ikun osservant impekkabbli tal-Liġi ta’ Mosè, u ċ-ċirkustanzi kienu wassluh biex jeħodha kontra d-dixxipli ta’ Kristu. Madankollu, seħħet xi ħaġa li ma kienx jistenna: Alla, bil-grazzja tiegħu, kien urieh lik Ibnu li miet u rxoxta, biex hu jsir xandar tiegħu f’nofs il-pagani (ara Gal 1:15-16).

 

Kemm huma misterjużi t-toroq tal-Mulej! Immissuh b’idejna ta’ kuljum, imma fuq kollox jekk nerġgħu naħsbu fil-mumenti li fihom il-Mulej sejħilna. Ma rridu qatt ninsew iż-żmien u l-mod li bih Alla daħal f’ħajjitna: inżommu msammra fil-qalb u fil-ħsieb tagħna dik il-laqgħa mal-grazzja, meta Alla bidel il-ħajja tagħna. Kemm drabi, quddiem l-għemejjel kbar tal-Mulej, toħroġ spontanja l-mistoqsija: imma kif jista’ jkun li Alla jinqeda b’midneb, b’persuna dgħajfa, biex iwettaq ir-rieda tiegħu? Imma, xejn mhu b’kumbinazzjoni, għax kollox ġie mħejji fil-pjan ta’ Alla. Hu jinseġ l-istorja tagħna, l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna: hu niseġ l-istorja tagħna u, jekk aħna nwieġbu b’fiduċja fil-pjan tas-salvazzjoni tiegħu, nintebħu b’dan. Is-sejħa dejjem iġġib magħha missjoni li għaliha aħna ddestinati; għalhekk niġu mitluba nħejju ruħna bis-serjetà, għax nafu li hu Alla nnifsu li qed jibgħatna, Alla nnifsu li jweżinna bil-grazzja tiegħu. Ħuti, inħallu dan l-għarfien imexxina: il-primat tal-grazzja jibdel il-ħajja u jagħmilha denja li tkun għas-servizz tal-Vanġelu. Il-primat tal-grazzja jgħatti d-dnubiet kollha, jibdel il-qlub, jibdel il-ħajja, jurina toroq ġodda. Ma ninsewhx dan!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard