IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALIPjazza San Pietru
L-Erbgħa 16 ta’ Ottubru 2024
Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. “Nemmen fl-Ispirtu s-Santu”. L-Ispirtu s-Santu fil-fidi tal-Knisja
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Bil-katekeżi tal-lum ngħaddu minn dak li wrietna l-Iskrittura Mqaddsa dwar l-Ispirtu s-Santu għal kif hu preżenti u jaħdem fil-ħajja tal-Knisja, fil-ħajja Nisranija tagħna.
Fl-ewwel tliet sekli, il-Knisja ma ħassitx il-bżonn li tagħti formulazzjoni espliċita tal-fidi tagħha fl-Ispirtu s-Santu. Ngħidu aħna, fl-aktar Kredu antik tal-Knisja, l-hekk imsejjaħ Simbolu Appostoliku, wara li nistqarru: “Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art; u f’Ġesù Kristu, Ibnu wieħed Sidna; li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni; bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilat, sallbuh, miet u difnuh; niżel bejn l-imwiet, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet; tela’ fis-smewwiet”, inżidu: “[nemmen] fl-Ispirtu s-Santu” u xejn aktar, mingħajr ebda speċifikazzjoni.
Imma kienet l-ereżija li wasslet lill-Knisja biex tippreċiża l-fidi tagħha. Meta beda dan il-proċess – ma’ San Atanasju fir-raba’ seklu – kienet proprju l-esperjenza li hi għamlet tal-azzjoni santifikatriċi u divinizzatriċi tal-Ispirtu s-Santu li wasslet lill-Knisja għaċ-ċertezza tad-divinità sħiħa tal-Ispirtu s-Santu. Dan seħħ fil-Konċilju Ekumeniku ta’ Konstantinopli, tas-sena 381, li ddefinixxa d-divinità tal-Ispirtu s-Santu bil-kliem famuż li sal-lum għadna ntennu fil-Kredu: “Nemmen fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja, li ġej mill-Missier u mill-Iben; li hu meqjum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u mal-Iben: hu li tkellem permezz tal-Profeti”.
Li tgħid li l-Ispirtu s-Santu hu “Mulej” kont qisek qed tgħid li hu jaqsam fil-“Ħakma” ta’ Alla, li tappartieni lid-dinja tal-Ħallieq, u mhux lil dik tal-ħlejjaq. L-affermazzjoni iżjed qawwija hi li lilu hi dovuta l-istess glorja u adorazzjoni li jixirqu lill-Missier u lill-Iben. Huwa l-argument tal-ugwaljanza fil-ġieħ, għażiż għal San Bażilju l-Kbir, li kien dak li prinċipalment sawwar dik il-formula: l-Ispirtu s-Santu hu l-Mulej, hu Alla.
Id-definizzjoni konċiljari ma kinitx il-punt tal-wasla, imma tat-tluq. U fil-fatt, wara li ġew megħluba r-raġunijiet storiċi li kienu ta’ impediment għal affermazzjoni iżjed espliċita tad-divinità tal-Ispirtu s-Santu, din ġiet ipproklamata trankwillament fil-kult tal-Knisja u fit-teoloġija tagħha. Diġà San Girgor Nazjanzenu, ftit wara dak il-Konċilju, afferma mingħajr iżjed dubji: “Allura l-Ispirtu s-Santu hu Alla? Ċertament! Hu tal-istess sustanza tiegħu? Iva, jekk hu veru Alla” (Oratio 31, 5.10).
X’qed jgħid lilna, li nemmnu llum, l-artiklu tal-fidi li nistqarru kull nhar ta’ Ħadd fil-Quddiesa: “Nemmen fl-Ispirtu s-Santu”? Dwar hekk, fl-imgħoddi, l-iktar li ffukaw kien fuq l-istqarrija li l-Ispirtu s-Santu “ġej mill-Missier”. Il-Knisja Latina ma damitx ma integrat din l-istqarrija u żiedet, fil-Kredu tal-Quddiesa, li l-Ispirtu s-Santu ġej mill-Missier “u mill-Iben”. Billi fil-Latin l-espressjoni “u mill-Iben” tingħad “Filioque”, nibtet il-kwistjoni magħrufa b’dan l-isem, li kienet ir-raġuni (jew il-pretest) għal tant argumenti u firdiet bejn Knisja tal-Lvant u Knisja tal-Punent. Bla dubju mhux il-każ li nittrattaw hawn din il-kwistjoni li, mill-bqija, fil-klima tad-djalogu li nħolqot bejn iż-żewġ Knejjes, tilfet il-qilla ta’ darba u llum tħallina nittamaw f’aċċettazzjoni sħiħa ta’ xulxin, bħala waħda mid-“differenzi rikonċiljati” ewlenin. Jien nieħu gost ngħid hekk: “differenzi rikonċiljati”. Fost l-Insara hemm ħafna differenzi: dan ġej minn dik l-iskola, u mill-oħra; dan Protestant, dak… L-importanti hu li dawn id-differenzi jiġu rikonċiljati, fl-imħabba ta’ min jimxi flimkien.
Issa li għelibna dan l-iskoll, illum nistgħu nagħtu valur lill-prerogattiva għalina iżjed importanti li tiġi pproklamata fl-artiklu tal-Kredu, jiġifieri li l-Ispirtu s-Santu hu “dak li jagħti l-ħajja”. Nistaqsu: x’ħajja jagħti l-Ispirtu s-Santu? Fil-bidu, fil-ħolqien, in-nifs ta’ Alla jagħti lil Adam il-ħajja naturali; minn statwa tat-tajn, jagħmlu “bniedem ħaj” (ara Ġen 2:7). Issa, fil-ħolqien ġdid, l-Ispirtu s-Santu hu dak li jagħti lil dawk li jemmnu l-ħajja ġdida, il-ħajja ta’ Kristu, ħajja sopranturali, ta’ wlied Alla. Pawlu jista’ jesklama: “Għax il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mil-liġi tad-dnub u tal-mewt” (Rum 8:2).
Fejn tinsab, f’dan kollu, l-aħbar kbira u li tfarraġna? Hi li l-ħajja li ngħatatilna mill-Ispirtu s-Santu hi ħajja ta’ dejjem! Il-fidi teħlisna mill-kruha li jkollna nammettu li kollox jintemm hawn, li ma hemm ebda fidwa għat-tbatija u l-inġustizzja li jsaltnu sovrani fuq l-art. Dan tiżgurana minnu kelma oħra tal-Appostlu: “Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom” (Rum 8:11). L-Ispirtu jgħammar fina, jinsab ġewwa fina.
Ejjew nikkultivaw din il-fidi anki għal min, spiss mhux ħtija tiegħu, hu mċaħħad minnha u ma jirnexxilux jagħti sens lill-ħajja. U ma ninsewx irroddu ħajr lil dak li, bil-mewt tiegħu, kisbilna dan id-don bla qies!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard