IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 13 ta’ Novembru 2024

 

Ċiklu ta’ Katekeżijiet. L-Ispirtu u l-Għarus. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 13. Ittra miktuba bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj: Marija u l-Ispirtu s-Santu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fost id-diversi mezzi li bihom l-Ispirtu s-Santu jwettaq l-opra tiegħu ta’ tqaddis fil-Knisja – Kelma ta’ Alla, Sagramenti, talb – hemm wieħed partikulari li hu l-pjetà Marjana. Fit-tradizzjoni Kattolika hemm dan il-motto, dan il-qawl: “Ad Iesum per Mariam”, jiġifieri “għal għand Ġesù permezz ta’ Marija”. Il-Madonna turina lil Ġesù. Hi tiftħilna l-bibien, dejjem! Il-Madonna hija l-omm li taqbdilna jdejna u twassalna għand Ġesù. Il-Madonna qatt ma turina lilha nfisha, il-Madonna turina lil Ġesù. U din hija l-pjetà Marjana: għal għand Ġesù minn idejn il-Madonna.

 

San Pawlu lill-komunità Nisranija jsejħilha “ittra ta’ Kristu fdata f’idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj; mhux fuq it-twavel tal-ġebel, iżda fuq it-twavel tal-laħam ta’ qalbkom” (2 Kor 3:3). Marija, bħala l-ewwel dixxiplu u figura tal-Knisja, hija wkoll ittra miktuba bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj. Proprju għalhekk, hi tista’ tkun “magħrufa u moqrija minn kulħadd” (2 Kor 3:2), anki minn min ma jafx jaqra kotba tat-teoloġija, minn dawk iċ-“ċkejknin” li Ġesù jgħid li lilhom huma rivelati l-misteri tas-Saltna, moħbija għall-għorrief (ara Mt 11:25).

 

Meta qalet l-“iva” tagħha – meta Marija taċċetta u tgħid lill-anġlu: “iva, ħa jsir minni skont ir-rieda tal-Mulej” u taċċetta li ssir l-omm ta’ Ġesù –, dan bħal qisha qed tgħid lil Alla: “Hawn jien, jiena tavla ċkejkna biex tikteb fuqha: ħa jikteb il-Kittieb dak li jrid, jagħmel minni dak li jrid is-Sid ta’ kollox”.[1] F’dak iż-żmien, kienu jiktbu fuq twavel żgħar miksija bix-xama’; illum kieku ngħidu li Marija toffri li tkun paġna bajda li fuqha l-Mulej jista’ jikteb dak li jrid. L-“iva” ta’ Marija lill-anġlu – kiteb eseġeta magħruf – tirrappreżenta “l-quċċata ta’ kull imġiba reliġjuża quddiem Alla, għax hi tesprimi, bl-ogħla mod, id-disponibbiltà passiva magħquda mal-ħeffa attiva, il-vojt l-aktar profond li jissieħeb mal-ikbar milja”.[2]

 

Hekkhu, mela, kif l-Omm ta’ Alla hi strument tal-Ispirtu s-Santu fl-opra tiegħu ta’ tqaddis. Qalb ix-xmara ma tiqafx ta’ kliem imlissen u miktub dwar Alla, dwar il-Knisja u dwar il-qdusija (li ftit wisq, jew ħadd, ma hu kapaċi jaqra u jifhem b’mod sħiħ), hi tissuġġerilna biss żewġ kelmiet li kulħadd, anki l-iżjed nies sempliċi, jista’ jlissen f’kull okkażjoni: “Hawn jien” u “fiat”. Marija hija dik li qalet “iva” lill-Mulej u bl-eżempju tagħha u l-interċessjoni tagħha tħeġġiġna ngħidu aħna wkoll l-“iva” tagħna lilu, kull darba li nsibu ruħna quddiem ubbidjenza li rridu nwettqu jew prova li rridu negħlbu.

 

F’kull żmien tal-istorja tagħha, imma b’mod partikulari f’dan il-mument, il-Knisja ssib ruħha fis-sitwazzjoni li fiha l-komunità Nisranija kienet l-għada tat-Tlugħ ta’ Ġesù fis-Sema. Trid tipprietka l-Vanġelu lill-ġnus kollha, imma qed tistenna l-“qawwa mill-għoli” biex tista’ tagħmel dan. U ma ninsewx li f’dak il-mument, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli, id-dixxipli kienu miġburin madwar “Marija, omm Ġesù” (Atti 1:14).

 

Huwa minnu li kien hemm ukoll nisa oħra flimkien magħha fiċ-ċenaklu, imma l-preżenza tagħha hi differenti u unika qalb l-oħrajn kollha. Bejnha u bejn l-Ispirtu s-Santu hemm rabta waħda u li ma titfarrak qatt li hi l-istess persuna ta’ Kristu, li “ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem”, kif nistqarru fil-Kredu. L-evanġelista Luqa jisħaq apposta fuq ir-rabta bejn il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq Marija fit-Tħabbira u l-miġja tiegħu fuq id-dixxipli f’Għid il-Ħamsin, billi juża ċerti espressjonijiet identiċi f’waħda u fl-oħra.

 

San Franġisk ta’ Assisi, f’talba tiegħu, isellem lill-Verġni Marija bħala “bint u qaddejja tas-Sultan l-aktar għoli tas-Sema, Omm tal-aktar qaddis Sinjur tagħna Ġesù Kristu, għarusa tal-Ispirtu s-Santu”.[3] Bint il-Missier, Omm l-Iben, Għarusa tal-Ispirtu s-Santu! Ma setax isib kliem aktar sempliċi biex juri r-rabta waħdanija bejn Marija u t-Trinità.

 

Bħax-xbihat kollha, anki din ta’ “għarusa tal-Ispirtu s-Santu” ma rridux nassolutizzawha, imma neħduha għal dik il-verità li hemm fiha, u hi verità sabiħa ħafna. Hija l-għarusa, imma hi, qabelxejn, id-dixxiplu tal-Ispirtu s-Santu. Għarusa u dixxiplu. Nitgħallmu minnha nkunu doċli għat-tnebbiħ tal-Ispirtu, fuq kollox meta hi tissuġġerilna “nqumu u mmorru nħaffu” biex ngħinu lil xi ħadd fil-bżonn tagħna, kif għamlet minnufih hi wara li l-anġlu telaq minn quddiemha (ara Lq 1:39). Grazzi!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 


[1] Ara Oriġene, Kummentarju għall-Vanġelu ta’ Luqa, framm. 18 (GCS 49, p. 227).

[2] H. Schürmann, Das Lukasevangelium, Friburgo in Br. 1968: trad. ital. Brescia 1983, 154.

[3] Fonti Francescane, Assisi 1986, n. 281.