IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Diċembru 2024

 

Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 16. Inħabbru l-Vanġelu fl-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu u l-evanġelizzazzjoni

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Wara li rriflettejna fuq l-azzjoni santifikatriċi u kariżmatika tal-Ispirtu, issa niddedikaw din il-katekeżi lil aspett ieħor: l-opra evanġelizzatriċi tal-Ispirtu s-Santu, jiġifieri lir-rwol tiegħu fil-predikazzjoni tal-Knisja.

 

L-Ewwel Ittra ta’ Pietru tiddefinixxi lill-Appostli bħala “dawk li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu mibgħut mis-sema, qegħdin jagħtukom l-Evanġelju” (1:12). F’din l-espressjoni nsibu ż-żewġ elementi kostituttivi tal-predikazzjoni Nisranija: il-kontenut tagħha, li huwa l-Vanġelu, u l-mezz tagħha, li huwa l-Ispirtu s-Santu. Ħa ngħidu xi ħaġa fuq waħda u fuq l-oħra.

 

Fit-Testment il-Ġdid, il-kelma “Vanġelu” għandha żewġ tifsiriet prinċipali. Tista’ tfisser kull wieħed mill-erba’ Vanġeli kanoniċi: Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni, u f’din it-tifsira b’Vanġelu nifhmu l-aħbar it-tajba mxandra minn Ġesù tul il-ħajja tiegħu fuq din l-art. Wara l-Għid, il-kelma “Vanġelu” tassumi t-tifsira ġdida ta’ aħbar tajba fuq Ġesù, jiġifieri l-misteru Paskwali tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej. Dan huwa dak li l-Appostlu jsejjaħ “Vanġelu”, meta jikteb: “Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu” (Rum 1:16).

 

Il-predikazzjoni ta’ Ġesù u, warajha, dik tal-Appostli, fiha wkoll id-dmirijiet morali kollha li joħorġu mill-Vanġelu, ibda mill-Għaxar Kmandamenti u spiċċa fil-kmandament “ġdid” tal-imħabba. Imma jekk ma rridux nerġgħu naqgħu fl-iżball ikkundannat mill-Appostlu Pawlu li npoġġu l-liġi qabel il-grazzja u l-opri qabel il-fidi, hemm bżonn nerġgħu nitilqu dejjem mill-ġdid mit-tħabbira ta’ dak li Kristu għamel għalina. Għalhekk fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium issir tant insistenza fuq l-ewwel miż-żewġ ħwejjeġ, jiġifieri fuq il-kerygma, jew “proklamazzjoni”, li minnha tiddependi kull applikazzjoni morali.

 

Fil-fatt, “fil-katekeżi, l-ewwel tħabbira, jew ‘kerygma’, għandha rwol fundamentali, li għandha tkun fil-qalba tal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ kull ħsieb ta’ tiġdid fil-Knisja. […] Meta qed ngħidu li din it-tħabbira hi ‘l-ewwel’, dan ma jfissirx li qiegħda fil-bidu u mbagħad wara ninsewha jew flokha nqiegħdu kontenuti oħra li huma aqwa minnha. Hi l-ewwel fis-sens kwalitattiv, għax hi t-tħabbira ewlenija, dik li dejjem għandna nerġgħu lura għaliha biex nisimgħuha fid-diversi xejriet tagħha u li dejjem għandna nduru lejha biex inħabbruha fil-katekeżi f’xi bixra jew oħra, fl-istadji u l-mumenti kollha tagħha. […] Ma rridux naħsbu li fil-katekeżi l-kerygma għandha titħalla fil-ġenb biex tagħmel wisa’ għal formazzjoni li suppost hi aktar ‘solida’. M’hemm xejn iżjed solidu, profond, żgur, konsistenti u għaref minn din it-tħabbira” (nri 164-165), jiġifieri mill-kerygma.

 

Sa hawn rajna l-kontenut tal-predikazzjoni Nisranija. Imma rridu nżommu quddiem għajnejna l-mezz tat-tħabbira. Il-Vanġelu għandu jiġi ppritkat “bil-qawwa tal-Ispirtu” (1 Piet 1:12). Il-Knisja għandha tagħmel tagħha dak li Ġesù qal fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4:18). Li nippritkaw bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu jfisser li, flimkien mal-ideat u d-duttrina, nittrasmettu l-ħajja u l-konvinzjoni tagħna. Ifisser li nafdaw mhux fid-“kliem qawwi tal-għerf, imma fil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa” (ara 1 Kor 2:4), kif kiteb San Pawl.

 

Faċli tgħidha – forsi ssib min jgħid –, imma kif ħa tpoġġiha fil-prattika jekk ma tiddependix minna, imma mill-miġja tal-Ispirtu s-Santu? Fir-realtà, hemm ħaġa li tiddependi minna, anzi tnejn, u naċċenna għalihom fil-qosor. L-ewwel waħda hi t-talb. L-Ispirtu s-Santu jiġi fuq min jitlob, għax il-Missier tas-Sema – hemm miktub – “jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu” (Lq 11:13), fuq kollox jekk nitolbuh biex inħabbru l-Vanġelu ta’ Ibnu! Ħażin għal min jipprietka mingħajr ma jitlob! Insiru bħal dawk li l-Appostlu jsejħilhom “strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku” (1 Kor 13:1).

 

Mela, l-ewwel ħaġa li tiddependi minna hi t-talb, biex jiġi l-Ispirtu s-Santu. It-tieni hi li ma rridux nippritkaw lilna nfusna, imma lill-Mulej Ġesù (ara 2 Kor 4:5).

 

Dan dwar il-predikazzjoni. Xi drabi tisma’ prietki twal, 20 minuta, 30 minuta… Imma, nitlobkom, il-predikaturi għandhom jippritkaw idea, sentiment ta’ mħabba jew stedina għall-azzjoni. Iktar minn tmien minuti l-prietka tispiċċa fix-xejn, ma tinftehimx. U dan qed ngħidu lill-predikaturi… [ċapċip] Qed nara li qed tieħdu pjaċir tisimgħu dan! Xi drabi naraw min, malli tibda l-prietka, joħroġ barra jpejjep sigarett u mbagħad jerġa’ jidħol. Nitlobkom, il-prietka trid tkun idea, sentiment ta’ mħabba jew proposta ta’ azzjoni. U ma għandha qatt taqbeż l-għaxar minuti. Dan importanti ħafna.

 

It-tieni ħaġa – kont qed ngħidilkom – hi li ma nippritkawx lilna nfusna imma lill-Mulej. Ma hemmx għalfejn intawlu fuq dan, għax kull min hu impenjat fl-evanġelizzazzjoni jaf tajjeb xi jfisser, fil-prattika, li ma nippritkawx lilna nfusna. Ħa nillimita ruħi għal applikazzjoni partikulari ta’ din l-esiġenza. Li ma nippritkawx lilna nfusna jimplika wkoll li ma nagħtux dejjem il-preċedenza lil inizjattivi pastorali promossi minna u marbuta ma’ isimna, imma nikkollaboraw minn qalbna, jekk mitluba, f’inizjattivi komunitarji, jew fdati lilna mill-ubbidjenza.

 

Ħa jgħinna l-Ispirtu s-Santu, jakkumpanjana u jgħallem lill-Knisja tipprietka b’dan il-mod il-Vanġelu lill-bnedmin ta’ żmienna! Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard