VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
F’LUSSEMBURGU U L-BELĠJU
(26-29 ta’ Settembru 2024)
KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
FIT-TITJIRA LURA
Titjira Papali
Il-Ħadd 29 ta’ Settembru 2024
Matteo Bruni
Il-lejla t-tajba lil kulħadd. Grazzi, Santità, ta’ dan il-ħin li ridt tiddedika għalina fi tmiem dan il-vjaġġ qasir imma intens ħafna. U forsi trid tgħidilna kelma int, qabel ma nibdew bil-mistoqsijiet min-naħa tal-ġurnalisti. Ħa ngħaddilek il-mikrofonu.
Il-Papa Franġisku
Il-ġurnata t-tajba! U jiena lest għall-mistoqsijiet.
1. Michael Merten – Luxemburger Wort
Santità, jiena Michael minn Luxemburger Wort, ġurnal fil-Lussemburgu. Il-Lussemburgu kien l-ewwel pajjiż tiegħek u ħafna nies jiftakru ż-żjara tiegħek hemm u żgur mhux forsi wkoll in-nies fl-Espresso Bar li int tajthom sorpriża hemmhekk. Sempliċement xtaqt nistaqsik x’inhuma l-impressjonijiet tiegħek minn din il-ġurnata fil-Lussemburgu, x’se tieħu miegħek lura Ruma, u forsi int ukoll kellek xi sorpriża hemm?
Il-Papa Franġisku
Grazzi, dik tal-bar kienet ċajta ħafifa, id-darba li jmiss pizzerija tkun! Il-Lussemburgu tassew impressjonani bħala soċjetà bbilanċjata ħafna, bil-liġijiet imqiegħda tajjeb u anki kultura għolja. Dan impressjonani ħafna, għax jien ma kont naf xejn fuqu. Ara l-Belġju, kont nafu għax ġejt kemm-il darba. Imma l-Lussemburgu kien sorpriża għalija, minħabba l-bilanċ, l-akkoljenza, ħaġa li ssorprendietni. Naħseb li forsi l-messaġġ li jista’ jagħti lill-Ewropa, il-Lusseumburgu, hu proprju dan… Grazzi.
Matteo Bruni
Grazzi, Santità, u grazzi lil Dr Merten. It-tieni mistoqsija hi ta’ Valérie Dupont, mill-istampa Belġjana ta’ lingwa Franċiża.
2. Valérie Dupont – TV statali Belġjana ta’ lingwa Franċiża RTBF
Eżatt, it-televiżjoni. Santità, grazzi tad-disponibbiltà tiegħek, u skużani tal-vuċi imma x-xita kagħbritni ftit. Il-kelmiet tiegħek fuq il-qabar tar-Re Baldwinu qanqlu xi ftit tal-istagħġib fil-Belġju.
Il-Papa Franġisku
Imma inti taf li l-istagħġib hu l-bidu tal-filosofija, u din ħaġa tajba!
Valérie Dupont
Mhux li kien! Kien hemm min raha wkoll bħala interferenza politika fil-ħajja demokratika tal-Belġju. Il-mistoqsija tiegħi hija din. Il-proċess ta’ beatifikazzjoni tar-Re hu marbut mal-pożizzjonijiet tiegħu? U kif nistgħu nlaqqgħu flimkien id-dritt għall-ħajja, il-ħarsien tal-ħajja, u anki d-dritt tan-nisa li jkollhom ħajja bla tbatija.
Il-Papa Franġisku
Kollha huma ħajjiet. Ir-Re kien kuraġġjuż għax, quddiem liġi tal-mewt, hu ma ffirmax u rriżenja. Trid il-kuraġġ! Trid politiku ta’ stoffa biex jagħmel hekk, trid il-kuraġġ. Din hi sitwazzjoni speċjali u hu b’hekk bagħat ukoll messaġġ. U dan hu għamlu wkoll għax kien qaddis. Dak il-bniedem hu qaddis u l-proċess tal-beatifikazzjoni tiegħu se jimxi, għax tani prova ta’ dan.
In-nisa. In-nisa għandhom dritt għall-ħajja: għall-ħajja tagħhom, għall-ħajja tal-ulied. Ma ninsewx ngħiduh dan: l-abort hu qtil. Ix-xjenza tgħid li diġà wara xahar mit-tnissil hemm l-organi kollha. Tkun qed toqtol essri uman. U t-tobba li jagħmlu dan – ippermettuli l-kelma – huma assassini mikrija. Huma assassini. U fuq dan ma hemmx diskussjoni. Hu qtil tal-ħajja umana. U n-nisa għandhom id-dritt li jipproteġu l-ħajja. Il-metodi kontra t-tnissil huma ħaġa oħra. Ma rridux inħawdu l-affarijiet. Jien bħalissa qed nitkellem biss fuq l-abort. U fuq dan ma hemmx x’tiddiskuti. Skużani, imma dik hi l-verità! Grazzi.
Matteo Bruni
Grazzi, Santità, u grazzi lil Valérie Dupont. It-tielet mistoqsija ġejja minn ġurnalista Belġjan ta’ lingwa Fjamminga, anzi Olandiża fil-verità.
3. Andrea Vreede – TV Belġjana Fjamminga u Olandiża
Santità, anki matul dan il-vjaġġ fil-Belġju kellek laqgħa twila ma’ grupp ta’ vittmi tal-abbuż sesswali. Spiss fir-rakkonti tagħhom nisimgħu karbiet ta’ disperazzjoni dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċeduri, il-bibien magħluqa li jsibu, is-silenzju fil-konfront tagħhom, id-dewmien fl-azzjonijiet dixxiplinari, dawk li jgħattu u li int tkellimt fuqhom illum, il-problemi fuq il-ħlasijiet għad-danni li jkunu saru. Fl-aħħar l-affarijiet donnhom jinbidlu meta jirnexxilhom jitkellmu miegħek, personalment, kif għamilt f’dan il-vjaġġ. Fi Brussell il-vittmi għamlulek ukoll numru ta’ talbiet. Xtaqt nistaqsik kif għandek f’moħħok li tipproċedi dwar dan. U forsi ma jkunx aħjar jekk toħloq dipartiment apposta fil-Vatikan, entità indipendenti forsi, kif qed jitolbu xi isqfijiet, biex taffronta aħjar din il-pjaga fil-Knisja u biex terġa’ tirbaħ il-fiduċja tal-fidili?
Il-Papa Franġisku
Grazzi. L-aħħar ħaġa. Dipartiment fil-Vatikan hemm. Hemm struttura, il-President tagħha issa hu l-Isqof Kolombjan, għall-abbużi, il-każi ta’ abbużi. Hemm Kummissjoni u ħoloqha l-Kardinal O’Malley. Din tiffunzjoni. U jaslu l-affarijiet kollha l-Vatikan u jiġu diskussi. Anki fil-Vatikan ilqajt lill-abbużati u nħeġġeġ biex l-affarijiet jibqgħu mexjin. Din l-ewwel ħaġa.
It-tieni. Smajt lill-abbużati. Nemmen li dan hu dover. Xi wħud jgħidu: l-istatistiċi jgħidu li l-40-42-46% tal-abbużati huma fil-familja u fl-inħawi fejn wieħed ikun joqgħod, u huma biss it-3% fil-Knisja. Mhux għax jimpurtani minn dan, għax jien nara dawk tal-Knisja. Għandna r-responsabbiltà li ngħinu lill-abbużati u nieħdu ħsiebhom. Xi wħud għandhom bżonn ta’ trattament psikoloġiku, irridu ngħinuhom fuq dan. Jitkellmu wkoll fuq kumpens għal dan, għax fid-dritt ċivili jeżisti. Fid-dritt ċivili jidhirli li huma 50 elf ewro fil-Belġju: baxx wisq, ma hux biżżejjed. Jidhirli li dik hija ċ-ċifra imma m’iniex ċert. Irridu nieħdu ħsieb tal-persuni abbużati u nikkastigaw lill-abbużaturi, nikkastigaw, għax l-abbuż mhuwiex dnub tal-lum li forsi għada ma jkunx hemm; huwa tendenza, huwa marda psikjatrika u għalhekk irridu npoġġuhom f’xi trattament u nikkontrollawhom b’dak il-mod. Ma tistax tħalli abbużatur liberu hekk fil-ħajja normali, b’responsabbiltajiet fil-parroċċi jew fl-iskejjel. Xi isqfijiet, lis-saċerdoti li għamlu dan, wara l-proċess u l-kundanna, tawhom xogħol ngħidu aħna fil-bibljoteka, imma mingħajr il-kuntatt mat-tfal fl-iskejjel, fil-parroċċi. U rridu nibqgħu mexjin ’il quddiem b’dan. Għidt lill-Isqfijiet Belġjani biex ma jibżgħux u biex jibqgħu mexjin, ’il quddiem. Il-ħaġa tal-mistħija hi li ngħattu, ngħattu, din hi l-ħaġa tal-mistħija. Grazzi lilek.
Matteo Bruni
Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Courtney Walsh, minn Fox Tv.
4. Courtney Walsh, Fox Tv
Grazzi ħafna tal-ħin tiegħek. Qrajna dalgħodu li tpoġġew bombi ta’ 900kg għall-assassinju mmirat ta’ Nasrallah. Hemm iktar minn elf persuna bla dar, ħafna mejtin. Il-mistoqsija tiegħi hi: taħseb li Iżrael forsi qabeż il-limiti fil-Libanu u f’Gaza? U kif nistgħu nsolvu dan? Hemm messaġġ għal dawn il-persuni hemm?
Il-Papa Franġisku
Ta’ kuljum inċempel fil-parroċċa ta’ Gaza. Hemm ġew hemm parroċċa u skola, fuq 600 persuna, u jgħiduli xi jkun jiġri, anki l-kefrijiet li jiġru hemm. Dwar dak li qed tgħidli, ma fhimtx eżatt kif kienu l-affarijiet. Imma d-difiża għandha dejjem tkun proporzjonata għall-attakk. Meta hemm xi ħaġa sproporzjonata tispikka tendenza ta’ dominanza li tmur lil hemm mill-moralità. Jekk pajjiż b’saħħtu jagħmel dan – qed ngħid għal kwalunkwe pajjiż –, jagħmel dawn l-affarijiet b’mod hekk “superlattiv”, huma azzjonijiet immorali. Anki fil-gwerra hemm moralità li trid tiġi mħarsa. Il-gwerra hija immorali, imma r-regoli tal-gwerra jindikaw ċerta moralità. Imma meta dan ma jsirx, jidher – fl-Arġentina aħna ngħidu – “id-demm ħażin” ta’ dawn l-affarijiet.
Matteo Bruni
Grazzi, Santità, u grazzi lil Courtney. Forsi nistgħu nagħmlu mistoqsija tal-aħħar, billi l-ħin hu xi ftit iqsar minn ta’ titjiriet oħra: hemm Annachiara Valle, minn Famiglia Cristiana.
Annachiara Valle, Famiglia Cristiana
Grazzi, Santità. Ilbieraħ wara l-laqgħa mal-Università Kattolika ta’ Leuvein ħareġ komunikat fejn, nikkwota, “l-Università tiddeplora l-pożizzjonijiet konservattivi espressi mill-Papa Franġisku dwar ir-rwol tal-mara fis-soċjetà”. Huma qed jgħidu li hu xi ftit restrittiv li titkellem dwar il-mara biss bħala maternità, fekondità, kura, u li, anzi, dan hu xi ftit diskriminatorju għax dan hu rwol li jmiss ukoll lill-irġiel. U f’rabta ma’ dan, iż-żewġ Universitajiet semmewlek il-kwistjoni tal-ministeri ordnati fil-Knisja.
Il-Papa Franġisku
Qabelxejn: dan il-komunikat ħareġ waqt li jien kont għadni nitkellem. Kien diġà maħsub u din mhix ħaġa morali. Moralità. Dwar il-mara: jien nitkellem dejjem dwar id-dinjità tal-mara u hemmhekk għidt ħaġa li ma nistax ngħidha għall-irġiel: il-Knisja hija mara, hija l-għarusa ta’ Ġesù. Li nimmaskilizzaw il-Knisja, nimmaskilizzaw in-nisa mhuwiex uman, mhuwiex Kristjan. Il-femminil għandu l-qawwa proprja tiegħu. Anzi, il-mara – dan ngħidu dejjem, u dan għidtu – hi importanti iktar mill-irġiel, għax il-Knisja hi mara, il-Knisja hi għarusa ta’ Ġesù. Jekk dan għal dawk in-nisa deher konservattiv, mela allura jiena Carlo Gardell [kantant magħruf tat-tango fl-Arġentina]. Għax m’aħniex niftiehmu… Qed nara li hemm ħsieb dejjaq li ma jridx jisma’ lil min jitkellem fuq hekk. Il-mara hi daqs ir-raġel, hi daqsu, anzi, fil-ħajja tal-Knisja l-mara hi superjuri, għax il-Knisja hi mara. Dwar il-ministeru, hija akbar il-mistika tal-mara mill-ministeru. Hemm teologu kbir [Hans Urs von Balthasar] li għamel studji dwar dan: x’inhu l-ikbar, il-ministeru Petrin jew il-ministeru Marjan? Huwa ikbar il-ministeru Marjan għax huwa ministeru ta’ għaqda li jiġbor flimkien, l-ieħor hu ministeru ta’ treġija, ta’ gwida. Il-maternità tal-Knisja hija maternità ta’ mara. Il-ministeru hu ministeru ħafna iżgħar, mogħti biex jakkumpanja l-fidili, imma dejjem fi ħdan il-maternità. U fuq dan diversi teologi studjaw, u li ngħidu dan hi ħaġa reali, mhux qed ngħid moderna, imma reali. Mhijiex antikwata. Femminiżmu esaġerat, li jfisser li l-mara hi “maskilista”, dan ma jaħdimx. Il-maskiliżmu hu ħaġa, li mhix tajba, u l-femminiżmu hu ħaġa oħra, li mhix tajba. It-tajba hi li l-Knisja hi mara u din hi ħaġa ikbar mill-ministeru saċerdotali. U dan wisq drabi ma naħsbux fuqu. Grazzi tal-mistoqsija.
U grazzi lilkom ikoll ta’ dan il-vjaġġ, tax-xogħol li għamiltu. Jiddispjaċini li l-ħin hu ristrett hawn. Imma grazzi, grazzi ħafna! Nitlob għalikom, u intom itolbu għalija. Itolbu, jekk jogħġobkom! Grazzi.
(lill-Papa jfakkruh fit-traġedja tal-50 persuna li mietu fil-baħar ħdejn il-Gżejjer Kanarji)
Ta’ swied il-qalb, dawk il-persuni mitlufa fil-Kanarji. Illum tant, tant migranti li qed ifittxu l-libertà jintilfu fil-baħar jew qrib il-baħar. Niftakru fi Crotona: 100 metru mill-art… Naħsbu f’hemm. Tal-biki dan, tal-biki. Grazzi.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard