VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU
FL-INDONESIA, FIL-PAPUA NEW GUINEA,
F’TIMOR-LESTE, F’SINGAPORE
(2-13 ta’ Settembru, 2024)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U

MAL-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Sala tal-Palazz Presidenzjali (Dili, Timor Leste)
It-Tnejn, 9 ta’ Settembru, 2024

 

Sur President,
Sur Prim Minnistru,
distinti Membri tal-Gvern u tal-Korp Dimplomatiku,
Eminenza, ħuti Isqfijiet,
Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,
 

Sinjur!

Irroddilkom ħajr għal-laqgħa ġentili u ferrieħa f’din l-art sabiħa ta’ Timor-Leste; inħossni grat lejn il-President, José Ramos-Horta, għall-kliem ta’ kortesija li għadu kif indirizzali.

Hawnhekk, l-Asja u l-Oċeanja kważi jmissu ma’ xulxin u, f’ċertu sens, jiltaqgħu mal-Ewropa ġjografikament imbegħeda, madankollu qrib minħabba r-rwol li kellha f’dawn il-latitudnijiet tul l-aħħar ħames sekli – mhux qed nirreferi għall-pirati olandiżi! -   Infatti, fis-seklu sittax ġew l-ewwel missjunarji dumnikani mill-Portugall u ġabu r-reliġjon kattolika u l-lingwa portugiża; din tal-aħħar, flimkien mal-lingwa tetum, illum huma l-lingwi uffiċjali tal-Istat.

Il-Kristjaneżmu, li tiweled fl-Asja, wasal f’dawn it-truf tal-kontinent permezz ta’ missjunarji ewropej, li kienu xhieda tal-vokazjzoni universali tagħhom u kellhom ħila jarmonizzaw ma’ kulturi tant differenti, kulturi, li meta ltaqgħu mal-Evanġelju, sabu sintesi ġdida, għola u aktar profonda.  Il-kristjaneżmu jitwaħħad mal-kultura, jagħmel tiegħu il-kulturi u d-diversi riti orjentali tal-popli diveresi. Infatti, waħda mid-dimensjonijiet importanti tal-kristjaneżmu hi l-inkulturazzjoni tal-fidi.  U l-kristjaneżmu, min-naħa tiegħu jevanġelizza l-kultura.  Dan hu importanti għall-ħajja nisranija: inkulturazzjoni tal-fidi u evanġelizzazzjoni tal-kultura.  Mhijiex fidi ideoloġika, hu fidi radikata fil-kultura.

Din l-art, imżejna bil-muntanji, foresti u pjanuri, imdawra minn baħar meraviljuz, u minn dak li stajt nara,  għanja b’tant riżorsi, tant frott u injam…  Madankollu, fi żmien mhux imbiegħed, din l-art għaddiet minn perjodu ta’ tbatija.  Esperjenzat konfużjoni u vjolenza, li spiss jinqalgħu kull meta poplu jkun irid l-indipendenza biex ifittex l-awtonomija imma din tiċċaħħadlu u jirrifjutawhielu.

Mit-28 ta’ Novembru 1975 sal-20 ta’ Mejju, 2002, jiġifierei mill-indipendenza dikjarata sa meta din ġiet fis-seħħ b’mod definittiv, it-Timor-Leste għex is-snin tal-passjoni tiegħu u tal-prova kbira tiegħu.  Sofra.  Però, il-pajjiż għaraf iqum, isib mixja ta’ paċi u nfetaħ għal fażi ġdida li trid tfisser żvilupp, titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tar-riżorsi naturali u umani.

Niżżu ħajr ‘l Alla għaliex, meta kontu għaddejjin minn perjodu tant drammatiku tal-istorja tagħkom, intom ma tliftux it-tama, u għall-fatt li wara jiem mudlama u diffiċli, saflaħħar feġġ iż-żerniq tal-paċi u tal-libertà.

Fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet importanti kienu ta’ għajnuna kbira għalikom l-għeruq tagħkom imħawlin fil-fidi, kif kien enfasizza San Ġwanni Pawlu II meta żar pajjjiżkom.  Fl-omelija f’Tasi-Tolu kien fakkar li “tradizzjonalment, għall-kattoliċi ta’ Timor-Leste l-ħajja tal-familja, il-kultura u d-drawwiet soċjali huma radikati profondament fl-Evanġelju”; tradizzjoni għanja “bit-tagħlim u l-ispirtu tal-Beatitudni”, tradizzjoni għanja “bil-fiduċja f’Alla, bil-maħfra u l-ħniena, u meta meħtieġ, bis-sofferenza paċenzjuża waqt it-tribulazzjonijiet” (12 ta’ Ottubru, 1989).  U aħna u napplikaw dan għall-ġurnata tal-lum, jien ngħid li intom poplu lli batejtu, imma intom għorrief fis-sofferenza.

Dwar dan, nixtieq infakkar b’mod partikolari u nfaħħar l-impenn assidwu tagħkom biex wasaltu għal rikonċiljazzjoni sħiħa ma’ ħutkom tal-Indonesia, atteġġjament li nixxa mill-għajn ewlenija u safja tat-tagħlim tal-Evanġelju.  Żammejtu ħajja t-tama fin-niket, u bis-saħħa tat-temperament tal-poplu tagħkom u l-fidi tagħkom, it-tbatija bdiltuha f’ferħ!  Jalla s-Sema jippermetti wkoll li f’sitwazzjonijiet oħra ta’ kunflitt, fid-diversi nħawi tad-dinja, issaltan ix-xewqa tal-paċi.  Infatti, l-għaqda tisboq il-kunflitt, dejjem; il-paċi li ġġib l-għaqda hi superjuri għall-kunflitt.  U għal  dan hemm bżonn ukoll ftit tisfija tal-memorja, biex jitfejqu l-ġrieħi, nikkumbattu l-mibegħda bir-rikonċiljazzjoni, il-kunflitt bil-kollaborazzjoni.  Sabiħ nitkellmu dwar “politika li tnewwel idha”, hi ta’ dehen kbir, mhix ħmerija, le, għax meta l-id li toħroġ tħossha traduta, taf titqabad, taf tmexxi l-affariiet ‘il quddiem.

Hu fatt ta’ min ifaħħru ħafna li fl-għoxrin anniversarju tal-indipendenza tal-pajjiż, intom ilqajtu bħala dokument nazzjonali d-Dikjarazzjoni dwar il-Fratellanza Umana – jien grat ħafna għal dan Sur President – li jien kont iffirmajt flimkien mal-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar nhar l-4 ta’ Frar, 2019 f’Abu Dhabi.  U dan għamltuh sabiex – kif tawgura l-istess Dikjarazzjoni – din tkun tista’ tiġi mdaħħla fil-kurrikulu tal-iskejjel, u dan hu fundamentali.

Fl-istess ħin inħeġġiġkom biex b’fiduċja mġedda tkomplu tibnu b’għaqal u ssaħħu l-istituzzjonijiet tar-Repubblika tagħkom, ħalli ċ-ċittadini jħossuhom rappreżentati verament u biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu adattati kif jixraq biex iservu lill-poplu ta’ Timor-Leste.

Issa nfetaħ quddiemkom xefaq ġdid, ħieles mis-sħab iswed imma bi sfidi ġodda u problemi ġodda x’issolvu.  Għaldaqstant irrid ngħidilkom: jalla l-fidi, li dawlitkom u weżnitkom fl-imgħoddi tkompli tkun ta’ ispirazzjoni fil-preżent u għall-ġejjieni tagħkom.  “Que a vossa fé seja a vossa cultura!”; jiġifieri tkompli tnebbaħ il-kriterji, il-proġetti u l-għażliet skont l-Evanġelju.

Fost il-ħafna kwistjonijiet attwali inġib quddiem għajnejja l-fenomenu tal-emigrazzjoni, li hu sinjal li r-riżorsi mhumiex valorizzati biżżejjed u kif suppost; kif ukoll id-diffikultà li kulħadd ikollu xogħol li jħallilu profitt xieraq biex il-familji jkollhom dħul li jaqdi l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom.  Dan mhux dejjem fenomenu li ġej minn barra.  Per eżempju, fl-Italja hemm l-emigrazzjoni min-nofsinhar lejn it-tramuntana u l-popolazzjoni fir-reġjun tan-naħa t’isfel dejjem tonqos.

Naħseb ukoll fil-faqar li hemm f’tant żoni rurali, u n-neċessità ta’ azzjoni korali fuq firxa wiesa li timplika l-kollaborazzjoni bejn forzi diversi b’responsabbiltajiet speċifiċi, ċivili, reliġjużi u soċjali, bħala rimedju u biex ikun hemm alternattivi validi għall-emigrazzjoni.

U fl-aħħar naħseb f’dawk li jistgħu jkunu pjagi soċjali, bħalma hu l-abbuz tal-alkool fost iż-żgħażagħ.  Jekk jogħġobkom, hudu ħsiebu dan!  Liż-żgħażagħ rawmuhom fl-ideali ħalli jibqgħu bogħod minn dawn in-nases!  U wkoll il-fenomenu li jiffurmaw ġgajtiet imħarrġin fl-arti marzjali li minflok jużawhom għas-servizz ta’ min m’għandux difiża, jużawhom biex jeżerċitaw is-setgħa fiergħa u noċiva tal-vjolenza. U ma ninsewx lill-bosta tfal u adoloxxenti li ttebgħatilhom id-dinjità tagħhom – dan fenomenu li qed jiżdied madwar id-dinja kollha -: ilkoll kemm aħna għandna sejħa biex naħdmu bir-responsabbiltà ħalli ma nħallux dawn l-abbużi jsiru u lil uliedna niggarantulhom trobbija serena.

Għal soluzzjoni ta’ dawn il-problemi kif ukoll għal amministrazzjoni aħjar tar-riżorsi naturali tal-pajjiż – fuqnett ir-riervi tal-pitrolju u tal-gass li jistgħui joffrulkom possibbiltajiet ta’ żvilupp li qatt ma rajtu bħalu – huwa indispensabbli li jkunu mħejjija kif jixraq, b’formazzjoni adattata, dawk li għad ikunu l-klassi diriġenti tal-pajjiż fil-futur mhux imbiegħed.  Għoġobni dak li qal is-Sur President dwar l-edukazzjoni f’dal-pajjiż.  B’hekk, dawn it-talin jista’ jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istrumenti kollha indispensabbli biex ifasslu proġetti kbar li jkunu ta’ fejda esklussiva għall-ġid komuni.

Bħala bażi għal dal-proċess ta’ formazzjoni, il-Knisja toffri d-duttrina soċjali tagħha.  Din hi pilastru indispensabbli li fuqu jista’ jserraħ għarfien speċifiku li dejjem hu meħtieġ, biex wieħed jifhem jekk il-miksub jiffavorix żvilupp integrali inkella jispiċċax ikun ostaklu u jipproduċi skwilbriji inaċċettabbli u għadd kbir ta’ persuni skartati u mwarrbin fil-ġenb.  Id-duttrina soċjali tal-Knisja mhix ideoloġija, hi msejsa fuq il-fraternità.  Hi duttrina favur l-iżvilupp tal-popli, speċjalment l-aktar foqra.

Madankollu, la l-problemi qatt mhuma se jonqsu – kif dejjem ġara f’kull poplu u f’kull epoka -, nistedinkom biex timtlew bil-fiduċja u żżommu ħarsitkom mimlija tama fuq il-ġejjieni.  U hemm ħaġa li nixtieq ngħidilkom, li mhix fid-diskors għax inġorrha f’qalbi.  Dan pajjiż sabiħ, imma xhini l-isbaħ ħaġa li għandu dal-pajjiż?  Il-poplu.  Ħudu ħsieb il-poplu, ħobbuh, għinuh jikber!  Dan hu poplu merviljuz, meraviljz.  F’dal-ftit  siegħat kemm ili li wasalt stajt nara kif dal-poplu jesprimi ruħu bid-dinjità u l-ferħ.  Hu poplu ferrieħi.

Intom poplu żgħażugħ, mhux minħabba l-kultura u għax tgħammru f’din l-art, għax dawk huma antiki, imma għall-fatt li madwar 65% tal-popolazzjoni ta’ Timor-Leste għandha anqas minn tletin sena.  Qed jiġuni f’moħħi żewġ pajjiżi ewropej fejn l-età medja hi 46 u 48 sena.  U hawn, 65% huma taħt it-tletin; nistgħu nobsru li l-età medja hi ta’ 30 sena jew ftit anqas.  Din hi rikkezza.  Dan il-fatt jgħidilna li l-ewwel sfera li għandkom tinvestu fiha hi l-edukazzjoni.  Jien kuntent b’dak li smajt minn fomm il-President u b’dak li qed tagħmlu.  Ibqgħu insistu.  Nifhem li diġà hawn diversi universitajiet, forsi anki żżejjed, u wkoll ħafna skejjel sekondarji li forsi ma kinux hawn għorxin sena ilu.  Dan hu ritmu  ta’ tkabbir qawwi.  Investu fl-edukazzjoni, l-edukazzjoni fil-familja u fl-iskola.  Edukazzjoni li tqiegħed fiċ-ċentru lit-tfal u liż-żgħażagħ, li sseddqilom id-dinjità tagħhom.  Fraħt meta rajt it-tfal jitbissmu, b’dawk is-snien bojod!  Kullimkien kien mimli tfal.  L-entużjażzmu, il-freskezza, il-perspettivi għall-futur, il-kuraġġ, l-inizjattiva, tipiċi taż-żgħażagħ flimkien mal-esperjenza u l-għaqal tal-anzjani, jiffurmaw riċetta providenzjali ta’ għarfien u entużjażmu ġeneruz fit-triq lejn għada.  U hawn ipperemettuli nagħti parir: lit-tfal u lin-nanniet qegħeduhom flimkien!  Il-laqgħa bejn it-tfal u n-nanniet tkattar l-għerf.  Aħsbu ftit.  Dan l-entużjażamu u dan id-dehen, flimkien huma riżorsa kbira, huma mediċina kontra l-passività, u kontra l-pessimiżmu.

Il-Knisja Kattolika, id-duttrina soċjali tagħha, l-istituzzjonijiet ta’ assistenza u tal-karità ma’ min hu fil-bżonn, l-istrutturi edukattivi u sanitarji tagħha huma għas-servizz ta’ kulħadd u huma wkoll riżorsa prezzjuża li tippermettielkom tħarsu lejn il-futur b’għajnejn mimlijin tama.  Rigward dan, ta’ min japprezza l-fatt  li l-impenn tal-Knisja favur il-ġid komuni jista’ jserraħ ukoll fuq il-kollaborazzjoni u s-sotenn tal-Istat, fil-qafas tar-relazzjonijiet kordjali li żviluppaw bejn is-Santa Sede u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor-Leste, rikonoxxuti mill-Ftehim bejn il-Partijiet li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Marzu, 2016.  Relazzjonijiet eċċellenti.

It-Timor-Leste, li għaraf jaffaċċja mumenti ta’ tribulazzjoni kbira b’determinazzjoni, paċenzja u eroiżmu, illum jeżisti bħala pajjiż paċifiku u demokratiku, impenjat fil-bini ta’ soċjetà fraterna, u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet paċifiċi mal-ġirien fil-kwadru tal-komunità internazzjonali.  Ħarsa lejn l-imgħoddi reċenti tagħkom u lejn dak li rnexxielkom tagħmlu s’issa, hi raġuni li tkabbar il-fiduċja li n-nazzjon tagħkom ikollu ħila jaffronta b’intelliġenza, ċarezza u kreattività, id-diffikultajiet u l-problemi tal-lum.  Afdaw fl-għaqal tal-poplu.  Il-poplu għandu l-għerf tiegħu, ħalli jkollkom fiduċja f’dan id-dehen.

Inqiegħed lit-Timor-Leste u l-poplu kollu tiegħu taħt il-protezzjoni tal-Immakulata Kunċizzjoni, Patruna Ċelesti invokata bit-titlu Virgem de Aitara.  Hi takkumpanjakom u tgħinkom dejjem fil-missjoni tal-kostruzzjoni ta’ pajjiż liberu, demokratiku, solidali u ferrieħ, fejn ħadd ma jħossu mwarrab, u fejn kulħadd ikun jista’ jgħix fil-paċi u bid-dinjità.  Deus abençoe Timor-Leste!Maromak haraik bênção ba Timor-Lorosa’e!

 

Miġjub għall-Malti minn minn Joe Huber