Laikos

 

 

Talba Nisranija mal-ħolqien

Fi tmien l-Enċiklika Laudato si' tal-Papa Franġisku

24 ta' Mejju 2015

 

Infaħħruk, Missier, mal-ħlejjaq kollha tiegħek,

li ħarġu minn dirgħajk setgħana.

Huma tiegħek, u mfawra bil-preżenza tiegħek

u bil-ħlewwa tiegħek.

Tkun imfaħħar!

 

Iben ta’ Alla, Ġesù,

minnek inħalqu l-ħwejjeġ kollha.

Int issawwart fil-ġuf ta’ ommok Marija,

sirt parti minn din l-art,

u ħarist lejn din id-dinja b’għajnejn ta’ bniedem.

Illum int ħaj f’kull ħlejqa

bil-glorja tal-Qawmien tiegħek.

Tkun imfaħħar!

 

Spirtu s-Santu, li bid-dawl tiegħek

tmexxi lil din id-dinja lejn l-imħabba tal-Missier

u ssieħeb il-karba tal-ħolqien,

int ukoll tgħammar fi qlubna

biex tiġbidna lejn it-tajjeb.

Tkun imfaħħar!

 

Mulej Alla, Wieħed u Tlieta,

komunità tal-għaġeb ta’ mħabba bla tmiem,

għallimna nikkontemplawk

fil-ġmiel tal-univers,

fejn kollox ikellimna dwarek.

Qanqal fina għanja ta’ tifħir u gratitudni

għal kull ħlejqa li int għamilt.

Agħtina l-grazzja li nħossuna mwaħħda b’mod intimu

ma’ kulma jeżisti.

 

Alla ta’ mħabba, urina x’inhu postna

f’din id-dinja

bħala għodda ta’ mħabbtek

għall-ħlejjaq kollha ta’ din l-art,

għax lanqas waħda minnhom biss mhi minsija minnek.

Dawwal lil dawk li għandhom is-setgħa u l-flus

li ma jmorrux jaqgħu fid-dnub tal-indifferenza,

imma jħobbu l-ġid komuni, iwieżnu lid-dgħajfa,

u jieħdu ħsieb ta’ din id-dinja li fiha ngħixu.

Il-foqra u l-art qed jokorbu:

Mulej, bil-qawwa u bid-dawl tiegħek, agħżel lilna

biex inħarsu lil kull ħajja,

biex inħejju għal ġejjieni aħjar,

biex tiġi Saltnatek

ta’ ġustizzja, ta’ paċi, ta’ mħabba u ta’ ġmiel.

Tkun imfaħħar!

Amen.

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru, nhar l-24 ta’ Mejju, Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, tas-sena 2015, it-tielet tal-Pontifikat tiegħi.