|
Ara l-vidjo tat-talba ...
Talba tal-Papa Frangisku għall-paċi fil-konflitt bejn Ukrajna u r-Russja
Aħfrilna din il-gwerra, Mulej.
Mulej Kristu Ġesù, Bin Alla, ikollok ħniena minna l-midinbin.
Mulej Ġesù, imwieled taħt il-bombi ta’ Kiev, ikollok ħniena minna.
Mulej Ġesù, mejjet f’dirgħajn ommok ġewwa bunker f’Kharkiv, ikollok ħniena minna.
Mulej Ġesù, li t’għoxrin sena bagħtuk fuq il-fruntiera, ikollok ħniena minna.
Mulej Ġesù, li taħt id-dell tas-salib għadek tara l-idejn iġorru l-armi, ikollok ħniena minna.
Aħfrilna Mulej, aħna li ma kkuntentajniex bl-imsiemer li bihom ċarratnielek idejk,
qed inkomplu nixorbu d-dmija tal-iġsma mċarrtin bl-armamenti.
Aħfrilna Mulej, jekk dawn idejna li inti ħlaqthomlna biex joffru l-protezzjoni, aħna bdilniehom fi strument tal-mewt.
Aħfrilna Mulej, jekk se nibqgħu noqtlu lil ħuna, jekk bħal Kajjin se nibqgħu niġbru l-ġebel mill-art sabiex noqtlu bih lil Abel.
Aħfrina Mulej, jekk fl-għejja tagħna se nibqgħu niġġustifikaw il-kefrija li nwettqu, jekk fl-uġigħ tagħna se nilliġittimizzaw il-kefrija ta’ għemilna.
Aħfrilna din il-gwerra, Mulej.
Mulej Kristu Ġesù, Bin Alla, nitolbuk! Waqqaf id Kajjin.
Dawlilna l-kuxjenza tagħna u tħallix li r-rieda tagħna sseħħ. Titlaqniex f’idejn l-għemejjel tagħna.
Waqqafna Mulej, waqqafna!
U meta twaqqaf id Kajjin, ħu ħsieb tiegħu wkoll. Għax dan huwa wkoll ħuna.
Mulej, waqqaf din il-vjolenza. Waqqafna Mulej.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Trevor Zahra