Laikos

 

TALBA TAR-RUŻARJU MQADDES GĦALL-PAĊI

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, Ruma

Il-Ħadd 6 ta’ Ottubru 2024

 

O Marija, Omm tagħna, arana hawn mixħuta mill-ġdid quddiemek. Int taf x’inhuma t-tbatijiet u t-taqbid li qed jagħfsu fuq qlubna f’din is-siegħa. Lejk ngħollu ħarsitna, nintelqu taħt il-ħarsa tiegħek, u nafdaw ruħna fil-qalb tiegħek.

 

Int ukoll, Omm tagħna, kellek tħabbat wiċċek mat-tiġrib u l-biżgħat umani, imma int kont kuraġġjuża u qalbiena. Int fdajt kollox f’idejn Alla, weġibtu bi mħabba, u offrejt lilek innifsek bla ma żammejt xejn lura. Bħala Mara qalbiena ta’ karità, int mort tħaffef biex tgħin lil Eliżabetta, u minnufih rajt x’kienu l-ħtiġijiet ta’ dik il-koppja waqt it-tieġ ta’ Kana; b’qalbek qawwija, fuq il-Kalvarju dawwalt id-dlam tan-niket bit-tama tal-Għid. Fl-aħħar nett, bi ħlewwa ta’ omm, int imlejt bil-kuraġġ lid-dixxipli mbeżżgħa fil-Kamra ta’ Fuq u, magħhom, ilqajt id-don tal-Ispirtu.

 

U issa aħna nitolbuk: agħti widen għall-karba tagħna! Aħna neħtieġu l-ħarsa kollha mħabba tiegħek li tistedinna nafdaw f’Ibnek Ġesù. Int li inti lesta biex tħaddan miegħek in-niket tagħna, ħaffef aqbeż għalina f’dawn iż-żminijiet mifnija mill-inġustizzji u l-gwerer, ixxotta d-dmugħ minn fuq l-uċuħ imnikkta ta’ dawk li qed jibku t-telfa tal-għeżież tagħhom, qajjimna mir-raqda li dallmet it-triq tagħna, u żarma lil qlubna mill-armamenti tal-vjolenza, biex il-profezija ta’ Iżaija ma ddumx ma sseħħ: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed” (2:4).

 

Dawwar il-ħarsa materna tiegħek fuq il-familja tal-bnedmin, li tilfet il-ferħ tal-paċi u s-sens ta’ fraternità. Idħol għad-dinja tagħna li tinsab fil-periklu, biex tista’ tgħożż il-ħajja u tiċħad il-gwerra, tieħu ħsieb ta’ dawk li qed ibatu, il-foqra, dawk li ma għandhomx min jiddefendihom, u l-maħqurin, u tipproteġi d-Dar Komuni tagħna.

 

Aħna nittallbu mingħandek il-ħniena ta’ Alla, o Sultana tal-Paċi! Ibdel il-qlub ta’ dawk li jkebbsu l-mibegħda, sikket l-għagħa tal-armamenti li jġibu l-mewt, itfi l-vjolenza li hemm tinġema’ fil-qalb tal-umanità, u ħeġġeġ proġetti għall-paċi fl-azzjonijiet ta’ dawk li jmexxu l-ġnus.

 

O Sultana tar-Rużarju Mqaddes, ħoll l-għoqiedi tal-egoiżmu u xerred is-sħab mudlam tal-ħażen. Imliena bit-tjieba tiegħek, erfagħna bid-driegħ ħanin tiegħek, u agħtina ż-żegħila materna tiegħek, li tgħinna nittamaw fil-wasla ta’ umanità ġdida fejn “…id-deżert jinbidel f’art għammiela, u l-art għammiela ssir foresta. U tistrieħ il-ġustizzja fid-deżert, u s-sewwa jgħammar f’art għammiela. Is-sliem ikun frott il-ġustizzja…” (Iż 32:15-17).

 

Omm tagħna, Salus Populi Romani, itlob għalina!

 

 

Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard