DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU LILL-

PARTEĊIPANTI TAL-PROĠETT EWROPEW

"SNAPSHOTS FROM THE BORDERS"

(ILĦNA MILL-PERIFERIJI)

IMMEXXIJA MIS-SINDKU TA’ LAMPEDUSA U LINOSA

Sala Clementina
Il-Ħamis, 10 ta’ Settembru 2020

 

Ħuti għeżież,

Nagħtikom merħba lilkom ilkoll li ngħaqadtu mal-proġett “Snapshots from the borders”.  Nirringrazzja lis-Sur Salvatore Martello, Sindku ta' Lampedusa u ta’ Linosa, tal-kliem li indirizza lili f'isem kulħadd. U grazzi wkoll għal dan is-salib sabiħ, tant sinifikanti, li intom ġibtu. Grazzi.

Dan tagħkom huwa proġett li jħares 'il quddiem. Għandu l-għan li jippromwovi mod ġdid u aktar profond ta’ kif għandna nifhmu l-migrazzjoni, li jippermetti lis-soċjetajiet Ewropej jagħtu tweġiba aktar umana u kordinata għall-isfidi tal-migrazzjoni li qed ngħixu llum. Hemm xibka sħiħa ta’ awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li minnhom twieled dan il-proġett li għandu l-għan li jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-iżvilupp ta' politika ta' migrazzjoni li tista’ twieġeb għal dan l-iskop.

Ix-xenarju tal-migrazzjoni illum huwa kumpless ħafna u spiss ikollu implikazzjonijiet drammatiċi. Ta’ min jistudja sew biex nistgħu nifhmu aħjar l-interdipendenzi globali li jiddeterminaw iċ-ċaqlieq migratorju tal-lum. L-isfidi huma diversi u jikkonċernaw lil kulħadd. Ħadd ma jista’ jibqa’ indifferenti għat-traġedji umani li qed ikomplu jseħħu fi nħawi differenti tad-dinja. Fost dawn, aħna qed nkunu sfidati minn dawk li t-teatru tat-traġedja tagħhom huwa l-Mediterran, baħar tal-fruntiera, iżda wkoll hemm l-isfida ta’ meta kulturi jiltaqgħu flimkien.

Fi Frar li għadda, waqt laqgħa pożittiva ħafna mal-Isqfijiet tal-Mediterran, f’Bari, fakkart kif “fost dawk li jbatu l-aktar fiż-żona tal-Mediterran, hemm dawk li qed jaħarbu mill-gwerra jew iħallu arthom biex ifittxu ħajja li tixraq lill-bniedem. [...] Aħna konxji li f'diversi kuntesti soċjali hemm mifrux sens kbir ta' indifferenza u anke sens ta’ rifjut  [...]. Il-komunità internazzjonali moħħha biss  f'interventi militari, filwaqt li xogħolha hu li tibni istituzzjonijiet li jiggarantixxu opportunitajiet indaqs u postijiet fejn iċ-ċittadini għandhom il-possibbiltà li jieħdu ħsieb il-ġid komuni [...]. Fl-istess ħin, aħna qatt ma nistgħu naċċettaw li dawk li qed jfittxu tama permezz tal-baħar imutu mingħajr ma jirċievu għajnuna [...]. Naturalment, li wieħed jilqa’ u jintegra b’mod dinjituż lil dawn il-persuni,  huma stadji ta’ proċess li mhux faċli; madankollu, dan ma jistax iseħħ billi wieħed jibni l-ħitan"   (23 ta' Frar, 2020).

Quddiem dawn l-isfidi, huwa ċar li s-solidarjetà konkreta u r-responsabbiltà kondiviża huma indispensabbli, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. "Il-pandemija li qed ngħixu  urietna b’mod ċar kemm aħna niddependu minn xulxin, aħna lkoll marbuta ma' xulxin, kemm fil-ħażin kif ukoll fit-tajjeb" ( Udjenza Ġenerali , 2 ta' Settembru 2020). Irridu naħdmu flimkien, u mhux kulħadd għal rasu.

Huwa wkoll fundamentali li nbiddlu l-mod kif naraw u kif nitkellmu dwar il-migrazzjoni: din hija kwistjoni li npoġġu fiċ-ċentru lill-persuni li għandhom wiċċ u għandhom storja. Għalhekk l-importanza ta’ proġetti, bħal dak li qed tipproponu intom, proġetti li jipproponu toroq differenti, ispirati mill-kultura ta’ flimkien, u dan isawwar mixja lejn umaneżimu ġdid. U meta ngħid “umaneżmu ġdid” mhux qed infisser biss bħala filosofija tal-ħajja, iżda wkoll bħala spiritwalita, bħala stil ta’ mġieba.

In-nies li joqogħdu fl-ibliet u fit-territorji tal-fruntiera - is-soċjetajiet, il-komunitajiet, il-Knejjes - huma msejħa biex ikunu l-ewwel nies li jġibu din il-bidla, bis-saħħa ta’ opportunitajiet kontinwi ta’ laqgħat li toffrilhom il-ħajja. Il-fruntieri, li dejjem kienu meqjusa bħala ħitan li jifirdu, jistgħu minflok isiru "twieqi", spazji fejn nistgħu nagħrfu aħjar lil xulxin, narrekkixxu aktar lil xulxin, fejn ngħixu l-għaqda fid-diversità; dawn jistgħu jsiru postijiet fejn nippruvaw noħolqu mudelli fejn nistgħu negħlbu d-diffikultajiet li jġarrbu n-nies tal-lokal, meta jkun hemm wasliet ġodda tal-migranti.

Inħeġġiġkom biex tkomplu taħdmu flimkien għall-kultura tal-flimkien u tas-solidarjetà. Jalla l-Mulej ibierek l-isforzi tagħkom f'dan ir-rigward, u jalla Marija tħares lilkom u lil dawk il-persuni li intom taħdmu għalihom. Nitlob għalikom, u intom, jekk jogħġbkom, tinsewx titolbu għalija. Jalla l-Mulej ibierek lilkom ilkoll, ix-xogħol tagħkom u l-isforzi tagħkom biex timxu 'l quddiem f'din id-direzzjoni. Grazzi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.