DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA

TAS-SENA ĠUDIZZJARJA

FIT-TRIBUNAL TAR-ROTA RUMANA

Sala Klementina
Is-Sibt, il-25 ta’ Jannar 2020

 

Sur Dekan, Reverendi Prelati Udituri,
Għeżież uffiċċjali fir-Rota Rumana!

Ninsab kuntent li llum stajt niltaqa’ magħkom fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ Sena Ġudizzjarja Ġdida f’dan it-Tribunal. Nirringrazzja mill-qalb lill-Eċċellenza Tiegħu d-Dekan għad-diskors sabiħ li għamilli u għall-proposti metodoliġiċi għaqlin tiegħu.

Nixtieq ngħaqqad dak li se ngħid mal-katekeżi li għamilt waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, it-13 ta’ Novembru 2019, billi llum toffrielna riflessjoni oħra dwar ir-rwol ewlieni tal-koppja miżżewġa Akwila u Prixxilla bħala mudelli ta’ ħajja miżżewġa.  Fil-fatt il-Knisja, sabiex issegwi lil Ġesù trid timxi fuq tliet kundizzjonijiet li tana l-istess Imgħallem divin: itineranzaprontezza u deċiżjoni (cfr Angelus, 30 ta’ Ġunju 2019). Il-Knisja, min-natura tagħha hija f’mixja, ma tibqax kwieta fl-ispazju magħluq tagħha, hija miftuħa għal iktar orizzonti wesgħin. Il-Knisja hija mibgħuta biex twassal l-Evanġelju fit-toroq u tilħaq il-periferiji umani u eżistenzjali. Din tfakkarna fil-koppja li nsibu fit-Testment il-Ġdid Akwila u Prixxilla.

L-Ispirtu s-Santu ried iqiegħed ħdejn l-Appostlu [Pawlu] dan l-eżempju mill-isbaħ ta’ koppja miżżewġa itineranti: fil-fatt, kemm fl-Atti tal-Appostli kif ukoll fid-deskrizzjoni li jagħti Pawlu, dawn qatt ma huma weqfin f’post wieħed, imma dejjem jiċċaqalqu. U tajjeb nistaqsu lilna nfusna għaliex dan il-mudell  ta’ koppja miżżewġa itineranti, ma kellux fil-kura pastorali tal-Knisja, għal ħafna sekli, identità tiegħu stess bħala koppja miżżewġa evanġelizzaturi. Dan hu dak li jkollhom bżonn il-parroċċi tagħna, l-iktar fl-ibliet fejn il-kappillan u l-kollaboraturi tiegħu saċerdoti ma jkollhomx il-ħin u s-saħħa li jilħqu lil-fidili li, għalkemm isejħu lilhom infushom insara, jibqgħu ʼl bogħod mill-frekwenza tas-Sagramenti, u jibqgħu ma jafux lil Kristu.

Għalhekk wara tant sekli, ix-xbieha moderna ta’ dawn il-qaddisin miżżewġin, dejjem sejrin minn post għal ieħor biex Kristu jkun magħruf, hija sorprendenti: huma evanġelizzaw għaliex ittrażmettew b’ħajjithom il-passjoni li kellhom għall-Mulej u għall-Evanġelju, passjoni tal-qalb li ssarrfet f’ġesti konkreti billi kienu qrib ta’ dawk l-aħwa li kienu l-iktar fil-bżonn, u billi laqgħu u ħadu ħsieb lill-oħrajn.

 

Fid-daħla tar-riforma tal-Proċess taż-Żwieġ, jiena sħaqt fuq żewġ ġawhriet: il-prossimità u l-gratwità. Dan m’għandniex ninsewh. San Pawl sab f’din il-koppja miżżewġa  l-mod kif ikun qrib tal-imbegħdin, u ħabbhom u baqa’ magħhom f’Korintu għal iktar minn sena, għax kienu koppja għalliema ta’ gratwità. Ħafna drabi nħoss il-biża’ quddiem il-ġudizzju li Alla se jkollu għalina fuq dawn iż-żewġ ħwejjeġ. Meta ġġudikajt, kont qrib tal-qalb tan-nies? Meta ġġudikajt ftaħt qalbi għall-gratwità, jew kont meħud minn interessi kummerċjali? Il-ġudizzju ta’ Alla se jkun iebes fuq dan.

Il-miżżewġin insara għandhom jitgħallmu minn Akwila u Prixxilla kif jinnamraw ma’ Kristu, u kif ikunu qrib tal-familji li spiss ikunu neqsin mid-dawl tal-fidi, mhux ħtija tagħhom, imma minħabba li ħallejniehom fil-ġenb fil-kura pastorali tagħna, pastorali tal-élite li tinsa lin-nies.

Kemm nixtieq li dan id-diskors ma jkunx biss sinfonija ta’ kliem, imma li jħeġġeġ lir-rgħajja, lill-isqfijiet, lill-kappillani biex ifittxu li jħobbu, bħalma għamel l-Appostlu Pawlu, koppji miżżewġin bħala missjunarji umli u disponibbli li jmorru fi pjazez u fi djar tal-ibliet tagħna, fejn id-dawl tal-Evanġelju u l-vuċi ta’ Ġesù ma jaslux u ma jippenetrawx. U fl-istess ħin, koppji miżżewġin li għandhom il-kuraġġ li jqajmu lill-oħrajn min-ngħas tagħhom, bħalma kienu jagħmlu Akwila u Prixxilla, kapaċi li ma jaħdmux għal rashom, imma ċertament mimlijin kuraġġ biżżejjed biex iqajmu mit-telqa u mir-raqda lil dawk ir-rgħajja li forsi huma mwaħħlin fiċ-ċirku żgħir tal-perfetti. Il-Mulej ġie jfittex lill-midimbin u mhux lill-perfetti!

San Pawlu VI fl-ittra Enċiklika tiegħu Ecclesiam suam, jgħid: «Qabel ma nitkellmu, irridu l-ewwel nisimgħu l-vuċi tal-oħrajn, anzi irridu nisimgħu qalbhom, nifhmuhom u nirrispettawhom, u fejn jimmerithom naqblu magħhom.» (n. 90). Nisimgħu l-qalb tal-bniedem.

Kif kont irrakkomandajt lill-Isqfijiet taljani, dan huwa każ li «nisimgħu lill-merħla, […] li nkunu viċin in-nies, attenti biex nitgħallmu l-mod kif jitkellmu huma, nisimgħu lil kull wieħed bl-imħabba, li nkunu qrib tan-nies fl-iljieli tas-solitudni tagħhom, tal-inkwiet u tal-fallimenti tagħhom» (Diskors lill—Assemblea Ġenerali taċ- C.E.I., 19 ta’ Mejju 2014).

Jeħtieġ inkunu konxji li mhumiex l-isqfijiet, minkejja r-rieda tajba tagħhom, li jagħmlu koppji insara qaddisin. Din hija ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li huwa dejjem il-protagonist tal-missjoni. Dawn huma diġa preżenti fil-komunitajiet lokali tagħna. Issa sta għalina r-rgħajja li lil dawn il-koppji ndawluhom, li nuruhom lill-oħrajn, u nagħmlu minnhom għejjun biex l-oħrajn ikunu kapaċi jgħixu l-ħajja miżżewġa nisranija. Jeħtieġ ukoll nipproteġuhom biex ma jaqgħux f’idejoloġiji oħra. Dawn il-koppji li l-Ispirtu s-Santu jkompli jqajjem, jeħtieġ ikunu lesti biex «huma msejħa joħorġu minnhom infushom u jinfetħu għall-oħrajn, biex jgħixu l-qrubija, l-istil ta’ ħajja ta’ flimkien, li jibdel kull relazzjoni interpersonali f’esperjenza ta’ fraternità» (Katekeżi 16 ta’ Ottubru 2019). Ejjew naħsbu fuq il-kura pastorali bħala katekument kemm qabel kif ukoll wara ż-żwieġ: dan għandhom jagħmluh dawn il-koppji, u jimxu ʼl quddiem.

Jeħtieġ li nkunu għassa biex dawn il-koppji ma jaqgħux fil-periklu tal-partikulariżmu, billi jagħżlu li jgħixu fi gruppi magħżula; anzi jeħtieġ li «jinfetħu għall-universalità tas-salvazzjoni» (ibid.). Fil-fatt jekk aħna ninsabu rikonoxxenti lejn Alla għall-preżenza fil-Knisja ta’ tant movimenti u għaqdiet li jieħdu ħsieb il-formazzjoni tal-miżżewġin insara, min-naħa l-oħra rridu niddikjaraw bil-qawwa li l-parroċċa hija l-post tax-xandir tal-Kelma u tax-xhieda, għax f’dan il-kuntest territorjali jgħixu koppji insara denji li jagħtu dawl lill-oħrajn, u li huma xhieda  ħajjin tas-sbuħija tal-imħabba miżżewġa u familjari. (cfr Eżort. App. Amoris laetitia, 126-130).

Għalhekk l-azzjoni pastorali fil-parroċċi u fil-Knisja tiddawwal permezz ta’ koppji bħal dawk tat-Testment il-Ġdid, kif jiddeskrivuhom Pawlu u Luqa: qatt ma huma weqfin, dejjem sejrin min naħa għal oħra, dejjem mat-tfal tagħhom, dejjem skont kif ġie mgħoddi lilna mill-ikonografija tal-Knejjes orjentali. Għaldaqstant jalla r-Rgħajja jħallu lill-Ispirtu jdawwalhom anke llum, sabiex din l-aħbar ta’ salvazzjoni tkun tista’ titwettaq minn koppji li huma preparati, imma għadhom mhumiex imsejħa. Dawn jeżistu!

Illum il-Knisja għandha bżonn ta’ koppji itineranti kullimkien fid-dinja. Idejalment nibdew mill-għeruq tal-Knisja fl-ewwel erba’ sekli, jiġifieri mill-katakombi, bħalma għamel San Pawlu VI fl-aħħar tal-Konċilju meta mar fil-Katakombi ta’ Domitilla. F’dawk il-Katakombi, il-qaddis Papa qal hekk: «Hawnhekk il-kristjaneżmu niżżel l-għeruq tiegħu  fil-faqar, meta rrifjuta l-poter, u fit-tbatija ta’ inġustizzji u persekuzzjonijiet imdemmija: hawnhekk il-Knisja kienet imneżżgħa minn kull poter uman, kienet fqira, kienet umli, kienet qaddisa, kienet maħqura, kienet erojka...[...] » (Omelija, 12 ta’ Settembru 1965).

Jekk ma nsejħux lill-Ispirtu, li allura jibqa’ mhux magħruf u assenti, (cfr Omelija a S. Marta, 9 ta’ Mejju 2016) fil-kuntest tal-knejjes lokali, aħna nkunu neqsin minn dik il-qawwa li tagħmel mill-koppji insara ir-ruħ u l-forma tal-evanġelizzazzjoni. Fil-prattika: tgħix l-esperjenza ta’ parroċċa li hija territorju ġuridiku u salvifiku, għaliex il-parroċċa hija dar fost id-djar, familja fost il-familji (cfr Omelija f’Albano, 21 ta’ Settembru 2019); Knisja – jiġifieri parroċċa – fqira fost il-fqar; katina ta’ koppji mimlijin entużjażmu u li jħobbu l-fidi tagħhom fl-Irxoxt, li kapaċi jġibu rivoluzzjoni ġdida fl-imħabba bħalma għamlu Akwila u Prixxilla, li qatt ma ħassewhom sodisfatti jew li mhumiex kapaċi.

Jagħtik x’taħseb li din il-koppja qaddisin tat-Testment il-Ġdid qatt ma kellhom il-ħin li jħossuhom għajjenin. Fil-fatt hekk jiktbu dwarhom Pawlu u Luqa, li għalihom kienu kumpanji li ma jgħaddux mingħarjhom, propju għaliex ma kienux imsejħa minn Pawlu, imma mill-Ispirtu ta’ Ġesù nnifsu. U hawn jinsab il-pedament tad-dinjità tagħhom bħala koppja nisranija u appostli. Huwa l-Ispirtu li għażilhom. Ejjew naħsbu meta missjunarju jasal f’post: l-Ispirtu s-Santu jkun wasal qablu u jkun qed jistennieh. Ċertament, is-silenzju twil tal-Knisja għal sekli twal dwar dawn il-figuri qaddisin, iħallina mħassbin.

Nistieden u nħeġġeġ lil ħuti Isqfijiet u Rgħajja biex iħarsu lejn din il-koppja qaddisa tal-Knisja tal-Bidu bħala kumpanji fidili tar-Rgħajja ta’ dak iż-żmien; huma eżempju għal-lum kif, per eżempju, il-koppji insara, kemm żgħażagħ kif ukoll anzjani, jistgħu jgħinu biex iż-żwieġ nisrani jkun iktar fekond billi jnissel iktar ulied għal Kristu. Jeħtieġ inkunu konvinti, anzi ċerti, li fil-Knisja koppji bħal dawn huma diġà don ta’ Alla, mhux mertu tagħna, imma għax huma frott tal-azzjoni tal-Ispirtu li qatt ma jitlaq lill-Knisja. Anzi, l-Ispirtu jistenna li jkun hemm ħeġġa min-naħa tar-Rgħajja, sabiex ma jintefiex id-dawl li jxerrdu dawn il-koppji fil-periferiji tad-dinja.  (cfr Gaudium et spes, 4-10).

Għalhekk inħallu lill-Ispirtu iġeddidna, u ma nirrassenjawx ruħna li nkunu Knisja tal-ftit, kważi kważi li nieħdu gost nibqgħu biss ftit ħmira waħedha, neqsin minn dik il-qawwa li kellha dik il-koppja tat-Testment il-Ġdid, li jimmultiplikaw ruħhom fl-umiltà u fl-ubbidjenza lejn l-Ispirtu. L-Ispirtu li jdawwalna hu kapaċi jagħmel mill-azzjoni umana u fqira tagħna, azzjoni li ssalva. Irridu nkunu konvinti li l-Knisja ma tikbirx billi nġiegħlu n-nies jikkonvertu, imma għax iħossuhom miġbudin lejha. U x-xhieda ta’ dawn in-nies tiġbed oħrajn. Dejjem u kullimkien hemm il-ħtieġa tax-xhieda.

Ma nafux jekk Akwila u Prixxilla mietux martri, imma ċert li dawn huma, għall-koppji tagħna llum, sinjal tal-martirju għallinqas spiritwali, jiġifieri xhieda li kapaċi jkunu ħmira li tidħol fid-dqiq u hekk ittella’ l-għaġna kollha, ħmira li tmut biex issir l-għaġna. (cfr Diskors lill-Assoċjazzjonijiet ta’ familji kattoliċi fl-Ewropa , 1 ta’ Ġunju 2017). Illum dan huwa possibbli kullimkien.

Għeżież Imħallfin tar-Rota Rumana, minn kważi għoxrin sena ‘l hawn intom qistu li d-dlam tal-fidi jew id-deżert tal-fidi huma ċirkustanzi possibbli li jikkawżaw in-nullità taż-żwieġ. Dan jagħtini l-okkażjoni, bħal ma ta anke lill-predeċessur tiegħi Benedittu XVI (cfr Allocuzioni alla Rota Romana 23 ta’ Jannar  2015 e 22 ta’ Jannar  201622 ta’ Jannar 2011; cfr art. 14 Ratio procedendi tal-Motu proprio Mitis Iudex Dominus Iesus), ir-raġuni biex nagħmel stedina serja u urġenti lill-ulied tal-Knisja tal-lum, biex kulħadd iħossu msejjaħ biex iwassal fil-ġejjieni s-sbuħija tal-familja nisranija.

Il-Knisja teħtieġ ubicunque terrarum ta’ koppji miżżewġa bħal Akwila u Prixxilla, li jitkellmu u jgħixu fl-awtorità li tagħtihom il-Magħmudija, li  «ma tikkonsistix li wieħed jikkmanda jew isemma’ leħnu, imma li jgħix dak li jemmen, li jkun xhud, u hekk ngħinu lil xulxin biex nimxu fit-Triq tal-Mulej» (Omelija S. Marta, 14 ta’ Jannar 2020).

Nirringrazzja lill-Mulej għaliex anke llum għadu jagħti lil ulied il-Knisja il-kuraġġ u d-dawl biex immorru fl-għeruq tal-fidi u hemm insibu mill-ġdid il-ħeġġa li kellhom Akwila u Prixxilla. Jalla narawhom mill-ġdid f’kull żwieġ ċelebrar fi Kristu Ġesù!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.