VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU
FL-INDONESIA, FIL-PAPUA NEW GUINEA,
F’TIMOR-LESTE, F’SINGAPORE
(2-13 ta’ Settembru, 2024)

ŻJARA LIT-TFAL TA’ ‘STREET MINISTRY” U “CALLAN SERVICES”

TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

“Caritas Technical Secondary School” (Port Moresby, Papua New Guinea)
Is-Sibt, 7 ta’ Settembru, 2024

  

Nifirħilkom, kemm tafu tkantaw u tiżfnu!
 

Għeżież ħuti, il-lejla t-tajba!

Insellem lill-Eminenza Tiegħu u rrodlu ħajr għall-kliem li indirizzali, lis-Superjura tal-Komunità, lid-Direttriċi, lilkom ilkoll preżenti, lajċi u reliġjużi, u speċjalment lilkom tfal, intom meraviljużi!

Hieni ħafna li qed niltaqa’ magħkom u naqsam magħkom dal-mument ta’ festa.  Irrodd ħajr ukoll lil sħabkom li għamluli żewġ mistoqsijiet impenjattivi.

Wieħed minnhom saqsieni: “Għaliex jien minix bħall-oħrajn?”  Onestament tiġini tweġiba waħda għal dil-mistoqsija, u hi: “Għaliex ħadd minna mhu bħall-oħrajn: għax aħna lkoll uniċi quddiem Alla!”  Għaldaqstant mhux biss nikkonferma li “hemm tama għal  kulħadd” – kif intqal – imma nżid ukoll li anki kull wieħed u waħda minna, fid-dinja, għandna rwol u missjoni li ħadd għajrna ma jista’ jagħmilhom u li dan, minkejja li jġib miegħu t-tbatija, fl-istess ħin jirregala baħar ta’ ferħ b’mod differenti għal kull persuna.  Il-paċi u l-ferħ huma għal kulħadd.

Hu minnu li lkoll għandna l-limitazzjonijiet tagħna, affarijiet li nafu nagħmluhom aħjar u oħrajn li nbatu biex nagħmluhom jew li ma nistgħu nagħmluhom qatt, imma mhux dan li jiddeċiedi jekk aħniex kuntenti: pjuttost hi l-imħabba li nqegħdu f’kull ħaġa li nagħmlu, nagħtu u nirċievu.  Nagħtu l-imħabba, dejjem, u nilqgħu b’dirgħajna miftuħin l-imħabba li nirċievu minn dawk li jħobbuna: din hi l-isbaħ ħaġa u l-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna, f’kull kundizzjoni li ninsabu fiha u tgħodd għal kull persuna…. għall-Papa wkoll, tafux?  Il-ferħ tagħna ma jiddependix mill-ieħor: il-ferħ tagħna jiddependi mill-imħabba!

U dan iwassalni għall-mistoqsija l-oħra: “Kif nistgħu insebbħu u nagħmlu d-dinja tagħna aktar hienja?”  Ċertament bl-istess “riċetta”: billi kull jum li jgħaddi nitgħallmu nħobbu ‘l Alla u lill-oħrajn b’qalbna kollha!  U billi nippruvaw nifhmu – fl-iskola wkoll – dak kollu li jirnexxilna nifhmu, biex nagħmluh mill-aħjar li nistgħu, nistudjaw u nimpenjaw ruħna bil-forzi tagħna kollha f’kull opportunità li tiġina biex nikbru, nitjiebu u nirfinaw id-doni li għandna u l-ħiliet tagħna.

Qatt rajtu kif jagħmel il-qattus hu u jipprepara biex jagħmel xi qabża kbira?  L-ewwel jikkonċentra u jiġbor il-forzi u l-muskoli kollha tiegħu lejn id-direzzjoni t-tajba.  Forsi dan jagħmlu f’ħakka t’għajn, u aħna mank ninnutawh, imma hekk jagħmel.  U aħna l-istess: nikkonċentraw il-forzi tagħna kollha fuq l-iskop, li hu l-imħabba għal Ġesù u fih naraw lil ħutna kollha li niltaqgħu magħhom fi triqtna, imbagħad, bl-entużjażmu nimlew kollox u lil kulħadd bl-għożża tagħna!  F’das-sens ħadd minna “mhu piż” – kif għidtu -: ilkoll kemm aħna rigali mill-isbaħ ta’ Alla, teżori għal xulxin!

Grazzi, tfal, grazzi ħafna għal dil-laqgħa, u grazzi lilkom ilkoll li taħdmu hawn flimkien bl-imħabba.  Żommu dan id-dawl dejjem jixgħel għax hu sinjal ta’ tama mhux għalikom biss imma għal dawk kollha li tiltaqgħu magħhom, u wkoll għad-dinja tagħna li kultant hi wisq egoista u mħassba dwar affarijiet fiergħa.  Żommu d-dawl tal-imħabba mixgħul!  U nirrikmandalkom, itolbu għalija wkoll!

 

Miġjub għall-Malti minn minn Joe Huber