VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU
FL-INDONESIA, FIL-PAPUA NEW GUINEA,
F’TIMOR-LESTE, F’SINGAPORE
(2-13 ta’ Settembru, 2024)

ANGELUS

Fi tmiem il-Quddiesa

Stadium “Sir John Guise” (Port Moresby, Papua New Guinea)
Il-Ħadd, 8 ta’ Settembru, 2024

 

Għeżież ħuti,

 

qabel ma ntemmu din iċ-ċelebrazzjoni, induru lejn il-Verġni Marija bit-talba tal-Angelus.  Lilha nafdalha l-mixja tal-Knisja fil-Papua New Guinea u fil-Gżejjer Salomon.  Marija għajnuna tal-insara – Marija Helpim takkumpanjakom u tipproteġikom dejjem: jalla ssaħħaħ l-għaqda fil-familji, issebbaħ u tkun xprun tal-ħolm taż-żgħażagħ, twieżen u tikkonsla lill-anzjani, tfarraġ lill-morda u lil min hu batut!

 

U minn din l-art tant imbierka mill-Ħallieq, nixtieq li flimkien magħkom nitlob bil-ħrara, bl-interċessjoni ta’ Marija Santissma, id-don tal-paċi għall-popli kollha.  B’mod partikolari dan nitolbu għal dan ir-reġjun kbir: l-Asja, l-Oċeanja u l-Oċean Paċifiku.  Paċi, paċi għan-nazzjonijiet u wkoll għall-ħolqien.  Le għar-riarm u għall-isfruttament tad-dar komuni!  Iva għal-laqgħa bejn il-popli u l-kulturi, iva għall-armonija tal-bniedem mal-kreaturi!

 

Maria Helpim, Reġina ta-paċi għinna nikkonvertu lejn il-pjanijiet ta’ Alla, li huma pjanijiet ta’ paċi u ġustizzja għall-familja kbira umana!

F’dal-Ħadd, li fih taħbat il-festa liturġika tat-Twelid ta’ Marija, ħsiebna jmur lejn is-Santwarju ta’ Lourdes, li sfortunatament intlaqat minn għarar.

  

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber