QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 

Bażilika ta’ San Pietru

Ħamis ix-Xirka, 14 ta’ April 2022

 

Fil-Qari tal-Profeta Iżaija li għadna kemm smajna, il-Mulej jagħmel wegħda mimlija tama li tmissna mill-qrib: “Lilkom isejħulkom il-qassisin tal-Mulej, / qaddejja ta’ Alla tagħna isemmukom. / Jien bis-sewwa nħallashom, / u nagħmel magħhom patt għal dejjem” (61:6,8). Għeżież ħuti, li nkunu saċerdoti hi grazzja, grazzja kbira ħafna, li qabelxejn ma hix grazzja għalina, imma għall-oħrajn;[1] u għall-poplu tagħna hu don kbir il-fatt li l-Mulej, minn qalb il-merħla tiegħu, jagħżel xi wħud li jieħdu ħsieb tan-nagħaġ tiegħu b’mod esklussiv, bħala missirijiet u ragħajja. Huwa l-Mulej innifsu li jħallas is-salarju tas-saċerdot: “Jien bis-sewwa nħallashom” (Iż 61:8). U dan nafuh, hu jħallas tajjeb, anki jekk għandu l-partikularitajiet tiegħu, bħal dik li jħallas l-ewwel lil dawk tal-aħħar u mbagħad lil tal-ewwel: dan hu fl-istil tiegħu.

 

Il-Qari mill-ktieb tal-Apokalissi jgħidilna x’inhu l-ħlas li jagħti l-Mulej. Hija l-Imħabba tiegħu u l-maħfra inkundizzjonata ta’ dnubietna għall-prezz ta’ demmu mxerred fuq is-Salib: “Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna, bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru” (1:5-6). Ma hemmx ħlas ikbar mill-ħbiberija ma’ Ġesù, tinsewhx dan. Ma hemmx paċi ikbar mill-maħfra tiegħu u dan ilkoll nafuh. Ma hemmx prezz egħżeż minn dak ta’ Demmu prezzjuż, li ma għandniex inħallu lil min iżebilħu bi mġiba mhix xierqa.

 

Jekk naqraw bil-qalb, għeżież ħuti saċerdoti, dawn huma stediniet tal-Mulej biex inkunu fidili lejh, biex nibqgħu fidili lejn il-Patt tiegħu, biex inħalluh iħobbna, biex inħalluh jaħfrilna; huma stediniet mhux biss għalina nfusna, imma anki biex hekk nistgħu naqdu, b’kuxjenza nadifa, lill-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. In-nies dan timmeritah u għandha wkoll bżonnu. Il-Vanġelu ta’ Luqa jgħidilna li, wara li Ġesù qara s-silta mill-Profeta Iżaija quddiem il-poplu tiegħu u poġġa bilqiegħda, “għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu” (4:20). Anki l-Apokalissi llum ikellimna dwar l-għajnejn imsammra fuq Ġesù, dwar l-attrazzjoni irreżistibbli tal-Mulej imsallab u rxoxt li twassalna biex nadurawh u nagħrfuh: “Arawh ġej fis-sħab u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih” (1:7). Il-grazzja finali, meta Kristu rxoxt għad jiġi lura, tkun dik ta’ għarfien immedjat: narawh minfud, u nagħrfu min huwa hu u min aħna aħna, midinbin; xejn aktar.

 

Li “nsammru għajnejna fuq Ġesù” hija grazzja li, bħala saċerdoti, jeħtieġ nikkultivaw. Fi tmiem il-jum nagħmlu sew inħarsu lejn il-Mulej, u li hu jħares lejn il-qalb tagħna, flimkien mal-qalb tal-persuni li magħhom inkunu ltqajna. Mhux biex noqogħdu ngħoddu dnubietna, imma biex nikkontemplaw bi mħabba u nħarsu lejn il-jum tagħna bil-ħarsa ta’ Ġesù, u hekk naraw il-grazzja ta’ dak il-jum, id-doni u dak kollu li hu għamel għalina, biex irroddu ħajr. U nuruh ukoll bit-tentazzjonijiet tagħna, biex nagħrfuhom u niċħduhom. Kif qed naraw, hawn qed nitkellmu fuq x’jogħġob lill-Mulej u xi jrid minna hawn u issa, fl-istorja attwali tagħna.

 

U forsi, jekk inżommu fuqna l-ħarsa tiegħu mimlija tjieba, min-naħa tiegħu hu jsemmilna wkoll biex nurulu l-idoli tagħna. Dawk l-idoli li, bħal Rakel, ħbejna taħt il-mantar tagħna (ara Ġen 31:34-35). Inħallu lill-Mulej jara l-idoli moħbija tagħna – ilkoll kemm aħna għandna minnhom, ilkoll! – u meta nħallu lill-Mulej jara l-idoli moħbija tagħna, dan jagħmilna iktar b’saħħitna quddiemhom u jneħħilhom kull poter li għandhom fuqna.

 

Il-ħarsa tal-Mulej turina li, fir-realtà, fihom aħna nkunu nigglorifikaw lilna nfusna,[2] għax hemm, f’dak l-ispazju li ngħixu fih bħallikieku kien esklussiv, jidħol ix-xitan u jżid element ħażin ħafna: mhux biss iġagħalna “nogħġbu” lilna nfusna billi nħollu r-riedni tal-passjoni jew inrawmu fina oħrajn, imma jwassalna wkoll biex dawn l-idoli moħbija npoġġuhom minflok il-preżenza tal-Persuni Divini, il-preżenza tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, li jgħammru fina. Din hi xi ħaġa li fil-fatt tiġri. Minkejja li wieħed jgħid lilu nnifsu li jaf jagħraf tajjeb bejn idolu u bejn Alla, fil-prattika nispiċċaw innaqqru mill-ispazju tat-Trinità biex nagħtuh lix-xitan, fi speċi ta’ adorazzjoni indiretta: dik ta’ min jaħbih, imma l-ħin kollu jisma’ d-diskorsi tiegħu u jikkonsma l-prodotti tiegħu, hekk li fl-aħħar mank rokna ċkejkna ma tibqa’ għal Alla. Għax hu hekk magħmul, jimxi bil-mod. U mbagħad darb’oħra tkellimt fuq ix-xjaten “edukati”, dawk li Ġesù jgħid li huma agħar minn dak li tkeċċa ’l barra. Imma huma “edukati”, idoqqu l-qanpiena, jidħlu u pass pass jieħdu pussess tad-dar. Jeħtieġ noqogħdu attenti, dawn huma l-idoli tagħna.

 

Għax l-idoli għandhom xi ħaġa – element – personali. Meta ma nikxfulhomx il-maskra, meta ma nħallux lil Ġesù jurina li fihom qed infittxu b’mod ħażin lilna nfusna mingħajr ebda motiv u li qed nagħmlu wisa’ fejn il-Ħażin jista’ jidħol. Jeħtieġ niftakru li x-xitan jesiġi li aħna nagħmlu r-rieda tiegħu u naqduh, imma mhux dejjem jitlob li naqduh u nadurawh kontinwament, le, jaf mnejn għandu jgħaddi, huwa diplomatiku tajjeb. Jirċievi l-adorazzjoni kull tant u tant biex juri li hu l-veru sid tagħna u li saħansitra jħossu alla fil-ħajja tagħna u fil-qalb tagħna.

 

Issa li għidtilkom dan, nixtieq naqsam magħkom, f’din il-Quddiesa tal-Griżma, tliet spazji ta’ idolatrija moħbija li fihom il-Ħażin jinqeda bl-idoli tiegħu biex idgħajfilna l-vokazzjoni tagħna ta’ ragħajja u, ftit ftit, jifridna mill-preżenza ta’ ġid u mħabba ta’ Ġesù, tal-Ispirtu u tal-Missier.

 

L-ewwel spazju ta’ idolatrija moħbija jinfetaħ fejn hemm mondanità spiritwali, li hi “proposta ta’ ħajja, hi kultura, kultura ta’ dak li jtir mar-riħ, kultura tad-dehra, kultura tal-irtokk”.[3] Il-kriterju tagħha hi t-trijonfaliżmu, trijonfaliżmu bla Salib. U Ġesù jitlob biex il-Missier jiddefendina minn din il-kultura tal-mondanità. Din it-tentazzjoni ta’ glorja mingħajr Salib tmur kontra l-persuna tal-Mulej, tmur kontra Ġesù li jiċċekken fl-Inkarnazzjoni u li, bħala sinjal ta’ kontradizzjoni, huwa l-unika mediċina kontra kull idolu. Li nkunu foqra ma’ Kristu fqir u “għaliex Kristu għażel il-faqar” hija l-loġika tal-Imħabba u mhux xi oħra. Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum naraw kif il-Mulej jidħol fil-kappella ċkejkna tiegħu u fir-raħal ċkejken tiegħu, dak tal-ħajja kollha, biex jagħmel l-istess Tħabbira li għad jagħmel fit-temma taż-żmien, meta għad jiġi fil-Glorja tiegħu, imdawwar mill-anġli. U għajnejna jridu jissammru fuq Kristu, fl-hawn u l-issa tal-istorja ta’ Ġesù miegħi, kif għad ikunu dakinhar. Il-mondanità ta’ min ifittex il-glorja tiegħu tisirqilna l-preżenza ta’ Ġesù umli u umiljat, Mulej qrib ta’ kulħadd, Kristu li jbati ma’ dawk kollha li jbatu, meqjum mill-poplu tagħna li jaf min huma l-veri ħbieb tiegħu. Saċerdot mondan mhuwiex ħlief pagan ikklerikalizzat. Saċerdot mondan mhuwiex għajr pagan ikklerikalizzat.

 

Spazju ieħor ta’ idolatrija moħbija jniżżel għeruqu hemm fejn jingħata l-primat lill-pragmatiżmu tan-numri. Dawk li għandhom dan l-idolu moħbi jintgħarfu mill-imħabba tagħhom għall-istatistiċi, dawk li jistgħu jikkanċellaw kull ħjiel personali fid-diskussjoni u jagħtu l-ewwel post lill-maġġoranza, li, bla dubju, issir il-kriterju ta’ dixxerniment, hi ħaġa kerha. Dan ma jistax ikun l-uniku mod kif nimxu u lanqas l-uniku kriterju fil-Knisja ta’ Kristu. Il-persuni ma tistax “tinnumerahom”, u Alla ma jagħtix l-Ispirtu “bil-kejl” (ara Ġw 3:34). F’dan is-seħer għan-numri, fir-realtà, inkunu nfittxu lilna nfusna u nieħdu pjaċir bil-kontroll li tiżguralna din il-loġika, li ma jinteressahiex mill-uċuħ u mhijiex dik tal-imħabba, tħobb in-numri. Karatteristika tal-qaddisin kbar hi li jafu jagħmlu pass lura biex iħallu l-wisa’ kollu għal Alla. Dan il-pass lura, li wieħed jinsa lilu nnifsu u jixtieq jintesa mill-oħrajn kollha hu l-karatteristika tal-Ispirtu, li ma għandux xbieha, l-Ispirtu ma għandux xbieha tiegħu sempliċiment għax hu kollu Mħabba li fiha tilma x-xbieha tal-Iben u, f’din, ix-xbieha tal-Missier. Is-sotituzzjoni tal-Persuna tiegħu, li diġà minnha nfisha “ma tħobbx tidher” – għax ma għandux xbieha –, hi dak li lejh jimmira l-idolu tan-numri, li jfittex li kollox ikollu “dehra”, imqar jekk b’mod astratt u kontabbilizzat, mingħajr inkarnazzjoni.

 

It-tielet spazju ta’ idolatrija moħbija, marbut ma’ ta’ qablu, hu dak li jinfetaħ bil-funzjonaliżmu, qasam seduċenti li fih ħafna, “iktar milli għall-mixja jitħeġġu għall-mappa tat-triq”. Il-mentalità funzjonalista ma tittollerax il-misteru, imma timmira għall-effikaċja. Ftit ftit, dan l-idolu ġewwa fina jibda jieħu post il-preżenza tal-Missier. L-ewwel idolu jieħu post il-preżenza tal-Iben, it-tieni idolu dik tal-Ispirtu, u dan il-preżenza tal-Missier. Il-Missier tagħna hu l-Ħallieq, imma mhux wieħed li sempliċiment jagħmel li l-affarijiet “jiffunzjonaw”, imma Wieħed li “joħloq” bħala Missier, bi ħlewwa, iħossu responsabbli għall-ħlejjaq tiegħu u jaħdem sa ma jara lill-bniedem iżjed ħieles. Il-funzjonalista ma jafx jifraħ bil-grazzji li l-Ispirtu jsawwab fuq il-poplu tiegħu, li minnhom jista’ “jitmantna” wkoll bħala ħaddiem li jaqla’ ħlasu. Is-saċerdot b’mentalità funzjonalista għandu n-nutriment tiegħu, li huwa l-ego tiegħu. Fil-funzjonaliżmu nwarrbu l-adorazzjoni lejn il-Missier fil-ħwejjeġ kbar u żgħar ta’ ħajjitna u noqogħdu niggustaw iżjed l-effikaċja tal-programmi tagħna. Kif għamel David meta, ittentat minn Satana, iffissa li ried jagħmel ċensiment (ara 1 Kron 21:1). Dawn huma n-namrati tal-mappa, tal-pjan tal-mixja, u mhux tal-mixja.

 

F’dawn l-aħħar żewġ spazji ta’ idolatrija moħbija (pragmatiżmu tan-numri u funzjonaliżmu) post it-tama, li hu l-ispazju tal-laqgħa ma’ Alla, jieħdu l-paragun empiriku. Hu atteġġjament ta’ vanaglorja min-naħa tar-ragħaj, atteġġjament li jfarrak l-għaqda tal-poplu tiegħu ma’ Alla u jsawwar idolu ġdid mibni fuq numri u programmi: l-idolu “l-poter tiegħi, il-poter tagħna”,[4] il-programm tagħna, in-numri tagħna, il-pjanijiet pastorali tagħna. Meta dawn l-idoli naħbuhom (bl-atteġġjament ta’ Rakel) u ma nagħrfux nikxfulhom il-maskri tagħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, inkunu nagħmlu ħsara lill-fedeltà tal-patt saċerdotali tagħna u nkunu mmewtu r-relazzjoni personali tagħna mal-Mulej. Imma xi jrid dan l-Isqof li flok jitkellem dwar Ġesù, qed ikellimna dwar l-idoli tal-lum? Xi ħadd jista’ jaħseb hekk…

 

Għeżież ħuti, Ġesù huwa l-unika triq biex ma niżbaljawx fl-għarfien tagħna ta’ x’qed inħossu, lejn fejn qed twassalna qalbna…; huwa l-unika triq biex niddixxernu tajjeb biex inqabblu lilna nfusna miegħu, ta’ kuljum, bħallikieku anki llum kien bilqiegħda fil-knisja parrokkjali tagħna u qalilna li llum seħħ dak kollu li għadna kemm smajna. Ġesù Kristu, sinjal ta’ kontradizzjoni – li mhux dejjem hu xi ħaġa ta’ dmija jew iebsa, għax il-ħniena hi sinjal ta’ kontradizzjoni u ħafna iżjed hekk hija l-ħlewwa – Ġesù Kristu, kont qed ngħid, jikxfilna dawn l-idoli, biex naraw il-preżenza tagħhom, l-għeruq tagħhom u l-funzjonament tagħhom, u hekk il-Mulej jista’ jeqridhom, din hija l-proposta: nagħmlu wisa’ biex il-Mulej jista’ jeqred l-idoli moħbija tagħna. U jeħtieġ niftakruhom, inkunu attenti, biex ma terġax tinbet is-sikrana ta’ dawn l-idoli li għarafna naħbu ġo qalbna.

 

U rrid nagħlaq billi nitlob lil San Ġużepp, missier kastissmu u bla idoli moħbija, biex jeħlisna minn kull xenqa għall-pussess, għax din, ix-xenqa għall-pussess, hija l-art għammiela fejn jikbru dawn l-idoli. U ħa jiksbilna wkoll il-grazzja li ma nċedux f’dan id-dmir iebes li ngħarblu dawn l-idoli li, tant spiss, naħbu jew jinħbew. U nitolbu wkoll lil San Ġużepp, biex, hemm fejn qed niddubitaw fuq kif l-aħjar nagħmlu l-affarijiet, jidħol għalina hu biex l-Ispirtu jdawwal il-ġudizzju tagħna, kif dawwal tiegħu meta kien ittentat jitlaq “bil-moħbi” (lathra) lil Marija, biex, b’qalb ġeneruża, nagħrfu npoġġu taħt l-imħabba dak li tgħallimna mil-liġi.[5]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Għax is-saċerdozju ministerjali qiegħed hemm għas-servizz tas-saċerdozju komuni. Il-Mulej għażel xi wħud biex “f’isem Kristu jaqdu quddiem kulħadd l-uffiċċju ta’ saċerdoti għall-bnedmin (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Presbyterorum ordinis, 2; ara Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 10). “Il-ministri, infatti, li huma mogħnija bis-setgħa mqaddsa, jaqdu lil ħuthom” (Lumen gentium, 18).

[2] Ara Katekeżi fl-Udjenza ġenerali, 1 ta’ Awwissu 2018.

[3] Omelija fil-Quddiesa f’Santa Marta, 16 ta’ Mejju 2020.

[4] J.M. Bergoglio, Meditaciones para religiosos, Bilbao, Mensajero, 2014, 145.

[5] Ara Ittra appostolika Patris corde, 4, nota 18.