FTUĦ TAL-BIEB IMQADDES U QUDDIESA TA’ BILLEJL
BIDU TAL-ĠUBLEW ORDINARJU
SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Bażilika ta’ San Pietru
It-Tlieta 24 ta’ Diċembru 2024
Anġlu tal-Mulej, imdawwar bid-dawl, idawwal il-lejl u jagħti lir-ragħajja l-aħbar it-tajba: “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2:10-11). Qalb l-istagħġib tal-foqra u l-kant tal-anġli, is-sema jinfetaħ fuq l-art: Alla sar wieħed minna biex aħna nsiru bħalu, niżel f’nofsna biex jerfagħna mill-ġdid u jerġa’ jeħodna fi ħdan il-Missier.
Din, ħuti, hija t-tama tagħna. Alla hu l-Għimmanu-El, hu Alla magħna. Dak li hu ta’ kobor bla tarf iċċekken; id-dawl divin idda qalb id-dlamijiet tad-dinja; il-glorja tas-sema niżlet fuq l-art. U kif? Fiċ-ċokon ta’ Tarbija. U jekk Alla jiġi, anki meta l-qalb tagħna tkun tixbah lil maxtura fqajra, allura nistgħu ngħidu: it-tama ma mititx, it-tama hi ħajja, u tgeżwer il-ħajja tagħna għal dejjem! It-tama ma tqarraqx.
Ħuti, bil-ftuħ tal-Bieb Imqaddes tajna bidu għal Ġublew ġdid: kull wieħed u waħda minna jista’ jidħol fil-misteru ta’ din it-tħabbira ta’ grazzja. Dan huwa l-lejl li fih il-bieb tat-tama nfetaħ beraħ fuq id-dinja; dan hu l-lejl li fih Alla jgħid lil kull wieħed u waħda minna: għalik ukoll hemm tama! Hemm tama għal kull wieħed u waħda minna. Imma la tinsewx, ħuti, li Alla jaħfer kollox, Alla jaħfer dejjem. La tinsewhx dan, li hu mod kif aħna nistgħu nifhmu t-tama fil-Mulej.
Biex nilqgħu dan id-don, aħna msejħin nimxu bl-istagħġib tar-ragħajja ta’ Betlehem. Il-Vanġelu jgħid li huma, malli rċivew l-aħbar, “marru jgħaġġlu” (Lq 2:16). Din hi l-indikazzjoni biex nistgħu nerġgħu nsibu t-tama li tlifna, inġedduha fina, niżirgħuha fid-deżolazzjonijiet ta’ żmienna u tad-dinja tagħna: jgħaġġlu. U hemm tant deżolazzjonijiet f’dan iż-żmien! Biżżejjed naħsbu fil-gwerer, fit-tfal milquta mit-tiri tal-isparar, fil-bombi fuq l-iskejjel u fuq l-isptarijiet. Ngħaġġlu, inħaffu l-pass, u nħallu tiġbidna l-aħbar sabiħa.
Ngħaġġlu, immorru naraw lill-Mulej li twieled għalina, b’qalbna ħielsa u mqajma, lesta għal-laqgħa, biex inkunu kapaċi nittraduċu t-tama fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja tagħna. U dan hu xogħolna: nittraduċu t-tama fid-diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja. Għax it-tama Nisranija mhijiex xi tmiem feliċi li nistennewh passivament, mhix il-happy ending ta’ xi film: hija l-wegħda tal-Mulej li nilqgħuha hawn, issa, f’din l-art li qed tbati u tokrob bl-uġigħ. Għalhekk hi titlobna ngħaġġlu, ma nintelqux fid-drawwiet tagħna, ma niqfux fil-medjokrità u fit-telqa; titlobna – kieku jgħidilna Santu Wistin – nirrifjutaw l-affarijiet li mhumiex sew u jkollna l-kuraġġ nibdluhom; titlobna nsiru pellegrini li jfittxu l-verità, ħalliema li qatt ma jegħjew, bnedmin li jħallu l-ħolma ta’ Alla tħassibhom, dik li hi l-ħolma ta’ dinja ġdida, fejn isaltnu l-paċi u l-ġustizzja.
Ejjew nitgħallmu mill-eżempju tar-ragħajja: it-tama li titwieled f’dan il-lejl ma tittollerax l-apatija ta’ min jintelaq u l-għażż ta’ min dara joqgħod fil-kumditajiet tiegħu – u ħafna minna, nirriskjaw li nidraw fil-kumditajiet tagħna –; it-tama ma tammettix il-prudenza falza ta’ min ma jżomm ma’ ħadd għax jibża’ li jikkomprometti ruħu u l-kalkolu ta’ min jaħseb biss fih innifsu; it-tama hi inkompatibbli mal-ħajja kwieta ta’ min ma jgħollix leħnu kontra l-ħażen u l-kontra l-inġustizzji li jsiru minn fuq dahar l-aktar foqra. Bil-maqlub, it-tama Nisranija, waqt li tistedinna għall-istennija kollha sabar tas-Saltna li qed twarrad u tikber, tesiġi minna l-kuraġġ li nantiċipaw illum din il-wegħda, permezz tar-responsabbiltajiet tagħna, u mhux biss, anki permezz tal-kompassjoni tagħna. U hawn forsi nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna dwar il-kompassjoni tagħna: jien għandi kompassjoni? Naf inbati ma’ ħaddieħor? Naħsbu ftit.
Meta ħares lejn kif spiss inġibu ruħna f’din id-dinja u nadattaw ruħna għall-mentalità tagħha, wieħed saċerdot kittieb bravu talab hekk fil-Milied: “Mulej, nitolbok li jkolli xi turment, xi tħassib, xi rimors. Fil-Milied nixtieq li ma nkunx sodisfatt. Kuntent, imma wkoll mhux sodisfatt. Kuntent għal dak li tagħmel int, mhux sodisfatt bit-tweġibiet neqsin tiegħi. Nitolbok, neħħilna l-paċijiet fażulli tagħna u poġġi fil-‘maxtura’ tagħna, dejjem mimlija żżejjed, ħodon xewk. Poġġilna f’ruħna x-xewqa għal xi ħaġa oħra” (A. Pronzato, In-novena tal-Milied). Ix-xewqa ta’ xi ħaġa oħra. Li ma nibqgħux weqfin. Ma ninsewx li l-ilma qiegħed hu l-ewwel ħaġa li tinten u titħassar.
It-tama Nisranija hi proprja dik ix-“xi ħaġa oħra” li titlobna “ngħaġġlu”. Fil-fatt, minna d-dixxipli tal-Mulej hu mitlub li nerġgħu nsibu fih l-akbar tama tagħna, biex imbagħad inwassluha bla dewmien, bħala pellegrini ta’ dawl qalb id-dlamijiet tad-dinja.
Ħuti, dan huwa l-Ġublew, dan huwa ż-żmien tat-tama! Jistedinna niskopru mill-ġdid il-ferħ tal-laqgħa mal-Mulej, isejħilna għat-tiġdid spiritwali u jimpenjana fit-trasformazzjoni tad-dinja, biex dan isir tassew żmien ġubilari: isir hekk għal ommna l-Art, imkasbra mil-loġika tal-profitt; isir hekk għall-pajjiżi l-iżjed foqra, mifnija mid-djun inġusti; isir hekk għal dawk kollha li huma priġuniera ta’ jasar antik u ġdid.
Tagħna lkoll hu d-don u l-impenn li nwasslu t-tama hemm fejn intilfet: fejn il-ħajja hi midruba, fix-xewqat ittraduti, fil-ħolm imfarrak, fil-fallimenti li jkissru l-qalb; fl-għeja ta’ min ma jiflaħx aktar, fis-solitudni qarsa ta’ min iħossu mirbuħ, fit-tbatija li tħaffer fil-qalb; fil-jiem twal u battala tal-ħabsin, fil-kmamar dojoq u inġazzati tal-foqra, fil-postijiet ipprofanati mill-gwerra u mill-vjolenza. Inwasslu t-tama hemm, niżirgħu t-tama hemm.
Il-Ġublew jinfetaħ biex kulħadd jirċievi t-tama, it-tama tal-Vanġelu, it-tama tal-imħabba, it-tama tal-maħfra.
U nerġgħu lura għall-presepju, ejjew inħarsu lejn il-presepju, inħarsu lejn il-ħlewwa ta’ Alla li tidher fil-wiċċ ta’ Ġesù Tarbija, u nistaqsu lilna nfusna: “Hemm f’qalbna din l-istennija? Hemm f’qalbna din it-tama? […] Aħna u nikkontemplaw l-imħabba ta’ Alla li tegħleb is-suspetti u l-biżgħat tagħna, nikkontemplaw ukoll il-kobor tat-tama li hemm tistenniena. […] Ħa tkun din il-viżjoni ta’ tama li ddawwal il-mixja tagħna ta’ kuljum” (C.M. Martini, Omelija tal-Milied, 1980).
Oħti, ħija, f’dan il-lejl għalik li qed jinfetaħ il-“bieb imqaddes” tal-qalb ta’ Alla. Ġesù, Alla magħna, jitwieled għalik, għalija, għalina, għal kull raġel u għal kull mara. U taf xiex? Miegħu jwarrad il-ferħ, miegħu l-ħajja tinbidel, miegħu t-tama ma tqarraqx.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard