L-EWWEL GĦASAR TAS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA
U TE DEUM TA’ RADD IL-ĦAJR GĦAS-SENA LI GĦADDIET
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Bażilika ta’ San Pietru
It-Tlieta 31 ta’ Diċembru 2024
Din hi s-siegħa tar-radd il-ħajr, u bil-ferħ kollu nistgħu ngħixuha billi niċċelebraw lill-Omm Imqaddsa ta’ Alla. Hi, li tgħożż fil-qalb tagħha l-misteru ta’ Ġesù, tgħallem lilna wkoll naqraw is-sinjali taż-żminijiet għad-dawl ta’ dan il-misteru.
Is-sena li qed tagħlaq kienet waħda impenjattiva għall-belt ta’ Ruma. Iċ-ċittadini, il-pellegrini, it-turisti u dawk kollha li kienu għaddejjin minn hawn daqu l-fażi tipika li tiġi qabel Ġublew, bl-għadd ta’ siti ta’ kostruzzjoni u xogħlijiet kbar u żgħar. Illejla huwa l-mument ta’ riflessjoni għarfa, biex nikkunsidraw kif dan ix-xogħol kollu, barra l-valur li għandu fih innifsu, kellu sens li jikkorrispondi għall-vokazzjoni proprja ta’ Ruma, il-vokazzjoni universali tagħha. Għad-dawl tal-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna, din il-vokazzjoni nistgħu nesprimuha hekk: Ruma hi msejħa tilqa’ lil kulħadd biex kulħadd jista’ jagħraf li hu iben u bint ta’ Alla u aħwa bejniethom.
Għalhekk f’dan il-mument irridu nerfgħu r-radd ta’ ħajr tagħna lejn il-Mulej għax tana li nistgħu naħdmu, u naħdmu ħafna, u fuq kollox għax tana li nagħmlu dan b’dan is-sens kbir, b’dan ix-xefaq wiesa’ li hu t-tama tal-fraternità.
Il-motto tal-Ġublew, “Pellegrini tat-tama”, hu għani b’tifsiriet, skont id-diversi perspettivi possibbli, li huma bħal tant “toroq” ta’ pellegrinaġġ. U waħda minn dawn it-toroq kbar ta’ tama li fiha rridu nimxu hi l-fraternità: hija t-triq li pproponejt fl-Enċiklika Fratelli tutti. Iva, it-tama tad-dinja tinsab fil-fraternità! U kemm hi ħaġa sabiħa meta naħsbu kif il-Belt tagħna fix-xhur li għaddew saret sit ta’ kostruzzjoni għal dan il-għan, b’dan is-sens kollu: biex tħejji ruħha ħa tilqa’ rġiel u nisa mid-dinja kollha, Kattoliċi u Nsara mill-konfessjonijiet l-oħra, nies ta’ twemmin minn kull reliġjon, fittiexa tal-verità, tal-libertà, tal-ġustizzja u tal-paċi, il-pellegrini kollha tat-tama u tal-fraternità.
Imma jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: din il-perspettiva għandha bażi? It-tama ta’ umanità fraterna hi biss slogan rettoriku jew għandha bażi “blatija” li fuqha nistgħu nibnu xi ħaġa stabbli u fit-tul?
It-tweġiba tagħtihielna l-Omm Qaddisa ta’ Alla billi turina lil Ġesù. It-tama ta’ dinja fraterna mhijiex ideoloġija, mhijiex sistema ekonomika, mhijiex il-progress teknoloġiku. It-tama ta’ dinja fraterna hija Hu, l-Iben inkarnat, mibgħut mill-Missier biex ilkoll kemm aħna nistgħu nsiru dak li aħna, jiġifieri wlied tal-Missier li qiegħed fis-smewwiet, u allura aħwa bejnietna.
U allura, waqt li nammiraw bi gratitudni r-riżultati tax-xogħlijiet li saru fil-belt – irroddu ħajr għall-ħidma ta’ bosta, tant irġiel u nisa li għamluh, u rroddu ħajr lis-Sur Sindku għal dan ix-xogħol għall-ġid tal-belt –, ejjew nagħrfu liema hu x-xogħol ta’ kostruzzjoni deċiżiv, li jinvolvi lil kull wieħed u waħda minna: dan is-sit hu dak li fih, ta’ kuljum, għandi nħalli lil Alla jibdel fija dak li mhux denn ta’ iben – jibdel! –, dak li mhuwiex uman, u li fih se nimpenja ruħi, ta’ kuljum, biex ngħix bħala ħu u oħt il-proxxmu tiegħi.
Ħa tgħinna l-Omm Imqaddsa tagħna biex nimxu flimkien, bħala pellegrini tat-tama, fit-triq tal-fraternità. Il-Mulej iberikna, lilna lkoll; jaħfrilna dnubietna u jagħtina l-qawwa biex nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħna tul is-sena li ġejja. Grazzi.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard