ĦADD IL-KELMA TA’ ALLA

ĠUBLEW TAD-DINJA TAL-KOMUNIKAZZJONI 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 

Bażilika ta’ San Pietru

It-III Ħadd ta’ Matul is-Sena, 26 ta’ Jannar 2025

 

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jħabbrilna t-twettiq ta’ profezija mfawra bl-Ispirtu s-Santu. U jwettaqha Dak li ġej “bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (Lq 4:14): hu Ġesù, is-Salvatur.

 

Il-Kelma ta’ Alla hi ħajja: matul is-sekli timxi magħna, u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu hi taħdem fl-istorja. Fil-fatt, il-Mulej dejjem hu fidil lejn il-wegħda tiegħu, li huwa jżomm għall-imħabba tal-bnedmin. Proprju hekk jgħid Ġesù fis-sinagoga ta’ Nazaret: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (Lq 4:21).

 

Ħuti, x’koinċidenza sabiħa! Fil-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla, meta għadna fil-bidu tal-Ġublew, tiġi mxandra din il-paġna tal-Vanġelu ta’ Luqa, li fiha Ġesù juri ruħu bħala l-Messija “kkonsagrat bid-dilka” (v. 18) u mibgħut “ixandar is-sena l-grazzja tal-Mulej” (v. 19)! Ġesù hu l-Kelma Ħajja, li fih l-Iskrittura kollha ssib twettiq sħiħ. U aħna, fl-illum tal-Liturġija mqaddsa, aħna nsiru kontemporanji tiegħu: aħna wkoll, mimlijin stagħġib, niftħu qalbna u moħħna biex nisimgħuh, għax “huwa Hu li jitkellem meta fil-Knisja tinqara l-Iskrittura mqaddsa” (Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 7). Użajt kelma: stagħġib. Meta aħna nisimgħu l-Vanġelu, il-kelmiet ta’ Alla, ma nkunux biss nisimgħuhom, nifhmuhom, le. Iridu jaslu sal-qalb, u jipproduċu dak li għidt: “stagħġib”. Il-Kelma ta’ Alla dejjem tgħaġġibna, dejjem iġġeddidna, tidħol fil-qalb u ġġeddidna dejjem.

 

U f’dan l-atteġġjament ta’ fidi hienja aħna mistednin nilqgħu l-profezija antika kif ħarġet mill-Qalb ta’ Kristu, u nieqfu fuq il-ħames azzjonijiet li jikkaratterizzaw il-missjoni tal-Messija: missjoni unika u universali; unika, għaliex hu, hu biss, jista’ jwettaqha; universali, għaliex irid idaħħal fiha lil kulħadd.

 

Qabelxejn, hu “mibgħut biex iwassal l-aħbar it-tajba lill-fqajrin” (v. 18). Dan hu l-“vanġelu”, l-aħbar it-tajba li Ġesù jxandar: is-Saltna ta’ Alla waslet! U meta Alla jsaltan, il-bniedem hu salvat. Il-Mulej jiġi jżur il-poplu tiegħu, jieħu ħsieb tal-umli u tal-fqajjar. Dan il-Vanġelu hu kelma ta’ mogħdrija, li ssejħilna għall-imħabba, biex naħfru l-ħtijiet tal-proxxmu u nimpenjaw ruħna soċjalment b’mod ġeneruż. Ma ninsewx li l-Mulej hu fil-qrib, ħanin u jagħder. Qrubija, ħniena u mogħdrija huma l-istil ta’ Alla. Hekk hu magħmul: ħanin, qrib tagħna, u jagħder.

 

It-tieni azzjoni ta’ Kristu hi li “jxandar il-ħelsien lill-imjassrin” (v. 18). Ħuti, il-ħażen għandu jiemu magħduda, għax il-futur hu ta’ Alla. Bil-qawwa tal-Ispirtu, Ġesù jifdina minn kull ħtija u jeħles il-qalb tagħna, jeħlisha minn kull katina interjuri, u hekk tasal fid-dinja l-maħfra ta’ Alla. Dan il-Vanġelu hu kelma ta’ ħniena, li ssejħilna nsiru xhieda appassjonati tal-paċi, tas-solidarjetà, tar-rikonċiljazzjoni.

 

It-tielet azzjoni, li biha Ġesù jwettaq il-profezija, hi li jagħti “d-dawl mill-ġdid lill-għomja” (v. 18). Il-Messija jiftħilna l-għajnejn ta’ qalbna, spiss mogħmija mis-seħer tal-poter u tal-frugħa: mardiet tar-ruħ, li ma jħalluniex nagħrfu l-preżenza ta’ Alla u li jagħmlu lid-dgħajfa u l-batuti inviżibbli. Dan il-Vanġelu hu kelma ta’ dawl, li ssejħilna għall-verità, għax-xhieda tal-fidi u għall-koerenza tal-ħajja.

 

Ir-raba’ azzjoni hi li “jrodd il-ħelsien lill-maħqurin” (v. 18). Ebda jasar ma jista’ jirreżisti lill-opra tal-Messija, li tagħmilna aħwa f’ismu. Il-ħabsijiet tal-persekuzzjoni u tal-mewt jiġu miftuħa beraħ mill-qawwa kollha mħabba ta’ Alla; għax dan il-Vanġelu hu kelma ta’ ħelsien, li ssejħilna għall-konverżjoni tal-qalb, għall-onestà tal-ħsieb u għall-perserveranza fit-tiġrib.

 

Fl-aħħar nett, il-ħames azzjoni: Ġesù hu mibgħut “ixandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej” (v. 19). Dan hu żmien ġdid, li ma jikkonsmax il-ħajja, imma jirriġeneraha. Hu Ġublew, bħal dak li bdejna, u jħejjina fit-tama għal-laqgħa defenittiva mal-Feddej. Il-Vanġelu hu kelma ta’ ferħ, li ssejħilna għall-akkoljenza, għall-komunjoni u għall-mixja, bħala pellegrini, lejn is-Saltna ta’ Alla.

 

Permezz ta’ dawn il-ħames azzjonijiet, Ġesù diġà wettaq il-profezija ta’ Iżaija. Waqt li jwettaq il-ħelsien tagħna, hu jħabbrilna li Alla jiġi qrib tagħna fil-faqar tagħna, jeħlisna mill-ħażen, idawwal l-għajnejn tagħna, ikisser il-madmad tal-moħqrija u jdaħħalna fil-ferħ ta’ żmien u ta’ storja li fihom hu jsir preżenti, biex jimxi magħna u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Is-salvazzjoni li hu jagħtina għadha ma twettqitx b’mod sħiħ, dan nafuh; u madankollu l-gwerer, l-inġustizzji, it-tbatija, il-mewt mhux sa jkollhom l-aħħar kelma. Fil-fatt il-Vanġelu hu kelma ħajja u ċerta, li qatt ma tqarraq. Il-Vanġelu ma jqarraq qatt.

 

Ħuti, fil-Ħadd iddedikat b’mod speċjali għall-Kelma ta’ Alla, nirringrazzjaw lill-Missier li tana l-Verb tiegħu, magħmul bniedem għas-salvazzjoni tad-dinja. Din hi l-ġrajja li dwarha titkellem l-Iskrittura kollha, li għandha bħala veri awturi lill-bnedmin u lill-Ispirtu s-Santu (ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 11). Il-Bibbja tagħmel memorja ta’ Kristu u tal-ħidma tiegħu u l-Ispirtu jwettaqha fil-ħajja tagħna u fl-istorja tagħna. Meta aħna naqraw l-Iskrittura, meta nitolbu biha u nistudjawha, ma nirċevux biss informazzjoni dwar Alla, imma nilqgħu l-Ispirtu li jfakkarna f’dak kollu li Ġesù qal u għamel (ara Ġw 14:26). Hekk il-qalb tagħna, imkebbsa mill-fidi, tistenna bit-tama l-miġja ta’ Alla. Ħuti, jeħtieġ nidraw naqraw l-Iskrittura. Jien nieħu pjaċir nissuġġerixxi li kulħadd ikollu Vanġelu ċkejken, kopja żgħira tat-Testment il-Ġdid fil-but, u jġorruh fil-basket, iġorruh dejjem fuqhom, biex matul il-ġurnata jaqbduh f’idejhom u jaqraw minnu. Silta, żewġ sitiet… U hekk, matul il-ġurnata, hemm dan il-kuntatt mal-Mulej. Vanġelu żgħir hu biżżejjed.

 

Ejjew inwieġbu bil-ħeġġa għall-aħbar it-tajba ta’ Kristu! Fil-fatt, il-Mulej ma kellimniex bħallikieku konna semmiegħa muti, imma bħala xhieda, isejħilna nevanġelizzaw f’kull żmien u f’kull post. Minn tant partijiet tad-dinja ġew hawn illum erbgħin minn ħutna biex jirċievu l-ministeru tal-lettorat. Grazzi! Aħna grati lejhom u nitolbu għalihom. Nitolbu lkoll għalikom. Inħabirku lkoll biex inwasslu lil kulħadd l-aħbar it-tajba, biex inxandru lill-ħabsin il-ħelsien u lill-għomja d-dawl, biex nagħtu l-ħelsien lill-maħqurin u nxandru s-sena tal-grazzja tal-Mulej. U hekk iva, ħuti, nittrasformaw id-dinja skont ir-rieda ta’ Alla, li ħalaqha u fdieha bl-imħabba. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard