ĠUBLEW TAL-FORZI ARMATI, TAL-PULIZIJA U TAS-SIGURTÀ

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-V Ħadd ta’ Matul is-Sena, 9 ta’ Frar 2025

 

L-atteġġjament ta’ Ġesù ħdejn l-għadira ta’ Ġennesaret l-Evanġelista jispjegah bi tliet verbi: ra, tela’, qagħad bilqiegħda. Ġesù ra, Ġesù tela’, Ġesù qagħad bilqiegħda. Ġesù mhux ippreokkupat kif ħa juri xbieha tiegħu nnifsu lill-ġmiegħi, mhux ippreokkupat kif ħa jwettaq biċċa xogħol, kif ħa jimxi ma’ skeda partikulari fil-missjoni tiegħu; bil-maqlub, fl-ewwel post iqiegħed dejejm il-laqgħa mal-oħrajn, ir-relazzjoni, il-preokkupazzjoni għal dak it-taħbit u dawk il-fallimenti li spiss itaqqlu l-qalb u jisirqu t-tama.

 

Għalhekk Ġesù, dakinhar, ra, tela’ u qagħad bilqiegħda.

 

Qabelxejn Ġesù ra. Hu għandu ħarsa attenta li, imqar qalb folla hekk kbira, biha kapaċi jilmaħ żewġ dgħajjes marbuta ħdejn ix-xatt u jintebaħ bid-delużjoni fuq wiċċ dawk is-sajjieda, li issa qed jaħslu x-xbieki battala wara lejl li mar ħażin. Ġesù jixħet ħarsa mimlija mogħdrija. Ma ninsewhx dan: il-mogħdrija ta’ Alla. It-tliet atteġġjamenti ta’ Alla huma qrubija, mogħdrija u ħlewwa. Ma ninsewx: Alla hu qrib tagħna, Alla juri ħlewwa, Alla jagħder, dejjem. U Ġesù jsammar dik il-ħarsa mimlija mogħdrija f’għajnejn dawk il-persuni, jifhem it-taqtigħ il-qalb tagħhom, il-frustrazzjoni li ħadmu lejl sħiħ bla ma qabdu xejn, is-sensazzjoni li qalbhom battala proprju bħal dawk ix-xbieki li issa qed iżommu f’idejhom.

 

U wara li ra s-swied il-qalb tagħhom, Ġesù tela’. Jitlob proprju lil Xmun biex jaqla’ d-dgħajsa ’l barra mill-art u jitla’ fuqha, jidħol fl-ispazju tal-ħajja tiegħu, u jaqdef fil-fond ta’ dak il-falliment li hemm fil-qalb tiegħu. Kemm hi sabiħa din: Ġesù ma jillimitax ruħu li josserva l-affarijiet mhumiex sejrin sew, kif spiss nagħmlu aħna u ningħalqu fit-tgergir u fl-imrar; imma hu jieħu l-inizjattiva, imur jiltaqa’ ma’ Xmun, jieqaf miegħu f’dak il-mument iebes u jiddeċiedi li jitla’ fuq id-dgħajsa tal-ħajja tiegħu, li f’dak il-lejl reġgħet lura x-xatt bla suċċess.

 

Fl-aħħar nett, wara li tela’, Ġesù qagħad bilqiegħda. U din, fil-Vanġeli, hija l-qagħda tipika tal-imgħallem, ta’ min jgħallem. Fil-fatt, il-Vanġelu jgħid li qagħad bilqiegħda jgħallem. Meta ra fl-għajnejn u fil-qalb ta’ dawk is-sajjieda l-imrar għal lejl ta’ taħbit li ntemm fix-xejn, Ġesù tela’ fuq id-dgħajsa biex jgħallem, jiġifieri biex ixandar l-aħbar it-tajba, biex iwassal id-dawl f’dak il-lejl ta’ delużjoni, biex jirrakkonta l-ġmiel ta’ Alla qalb it-taħbit tal-ħajja umana, biex itenni li għad hemm tama anki meta kollox jidher li ntilef.

 

U allura jseħħ il-miraklu: meta l-Mulej jitla’ fuq id-dgħajsa tal-ħajja tagħna biex iwasslilna l-aħbar it-tajba tal-imħabba ta’ Alla li dejjem jimxi magħna u jweżinna, allura l-ħajja terġa’ tibda, it-tama titwieled mill-ġdid, l-entużjażmu mitluf jirritorna u nistgħu nixħtu mill-ġdid ix-xibka fil-baħar.

 

Ħuti, din il-kelma ta’ tama sseħibna llum, aħna u niċċelebraw il-Ġublew tal-Forzi Armati, tal-Pulizija u tas-Sigurtà, li nirringrazzjahom għas-servizz tagħhom, u nsellem lill-Awtoritajiet kollha preżenti, l-Assoċjazzjonijiet u l-Akkademji militari, kif ukoll lill-Ordinarji militari u lill-Kappillani. Intom ġejtu fdati b’missjoni kbira, li tħaddan diversi dimensjonijiet tal-ħajja soċjali u politika: id-difiża tal-pajjiżi tagħna, l-impenn għas-sigurtà, il-ħarsien tal-legalità u tal-ġustizzja, il-preżenza fil-ħabsijiet, il-ġlieda kontra l-kriminalità u d-diversi xejriet ta’ vjolenza li jirriskjaw li jiddisturabaw il-paċi soċjali. U nfakkar ukoll lil dawk kollha li joffru s-servizz importanti tagħhom fid-diżastri naturali, għall-ħarsien tal-ħolqien, għas-salvataġġ tal-ħajjiet fil-baħar, għall-iżjed dgħajfa, għall-promozzjoni tal-paċi.

 

Lilkom ukoll il-Mulej jitlobkom tagħmlu bħalu: taraw, titilgħu, toqogħdu bilqiegħda. Taraw, għax intom ġejtu msejħin biex ikollkom ħarsa attenta, li taf tagħraf it-theddid lill-ġid komuni, il-perikli fuq il-ħajja taċ-ċittadini, ir-riskji ambjentali, soċjali u politiċi li għalihom aħna esposti. Titilgħu, għax l-uniformijiet tagħkom, id-dixxiplina li għaġnitkom, il-kuraġġ li jagħżilkom, il-ġurament li ħadtu, huma kollha ħwejjeġ li jfakkrukom kemm hu importanti mhux biss li taraw il-ħażen biex tikkundannawh, imma anki li titilgħu fuq id-dgħajsa fit-tempesta u tħabirku biex ma tispiċċax tiġġarraf, b’missjoni għas-servizz tat-tajjeb, tal-libertà, u tal-ġustizzja. U fl-aħħar, toqogħdu bilqiegħda, għax il-preżenza tagħkom fil-bliet tagħna u fil-postijiet fejn ngħixu, il-preżenza tagħkom dejjem fuq in-naħa tal-legalità u tal-iżjed dgħajfa, issir għalina lkoll tagħlima: tgħallimna li t-tajjeb jista’ jirbaħ minkejja kollox, tgħallimna li l-ġustizzja, il-lealtà u l-passjoni ċivili għadhom sal-lum valuri meħtieġa, tgħallimna li nistgħu noħolqu dinja iżjed umana, iżjed ġusta u iżjed fraterna, minkejja l-qawwiet kuntrarji tal-ħażen.

 

U f’din il-ħidma, li tħaddan il-ħajja kollha tagħkom, intom imseħbin mill-Kappillani, preżenza saċerdotali importanti f’nofskom. Huma mhumiex hemm – kif xi drabi b’xorti ħażina ġara fl-istorja – biex ibierku azzjonijiet koroh ta’ gwerra. Le. Huma qegħdin hemm bħala preżenza ta’ Kristu, li jrid iseħibkom, joffrilkom smigħ u qrubija, jagħmlilkom il-qalb biex taqdfu fil-fond u twieżnu lil xulxin fil-missjoni li qed twettqu ta’ kuljum. Bħala sostenn morali u spiritwali, huma jimxu magħkom, jgħinukom twettqu l-karigi tagħkom fid-dawl tal-Vanġelu u għas-servizz tat-tajjeb.

 

Għeżież ħuti, aħna grati lejkom għal dak li tagħmlu, xi drabi b’riskju personali. Grazzi ta’ meta titilgħu fuq id-dgħajjes tagħna fil-periklu, toffrulna l-protezzjoni tagħkom u tħeġġuna nibqgħu naqsmu. Imma rrid ukoll nistedinkom biex ma titilfux minn taħt ħaristkom l-għan tas-servizz tagħkom u tal-azzjonijiet tagħkom: li tippromovu l-ħajja, issalvaw il-ħajja, tiddefendu l-ħajja dejjem. Nitlobkom tkunu għassa: għassa kontra t-tentazzjoni li tikkultivaw spirtu ta’ gwerra; għassa biex ma tħallux iħajjarkom il-mit tal-forza u tal-istorbju tal-armi; tgħassu biex ma tkunu qatt ikkontaminati mill-velenu tal-propaganda tal-mibegħda, li jaqsam id-dinja bejn ħbieb li niddefenduhom u għedewwa li niġġeldulhom. Imma intom kunu xhieda qalbiena tal-imħabba ta’ Alla l-Missier, li jridna aħwa lkoll. U, flimkien, nimxu biex nibnu era ġdida ta’ paċi, ta’ ġustizzja u ta’ fraternità.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard