Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

GĦAD-59 JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-VOKAZZJONIJIET

 

Imsejħin nibnu l-familja umana

 

Għeżież ħuti!

 

Waqt li f’dan iż-żmien tagħna għadhom qed jonfħu l-irjieħ kiesħa tal-gwerra u tal-oppressjoni, u spiss qed nassistu għal fenomeni ta’ polarizzazzjoni, bħala Knisja bdejna proċess sinodali: inħossu l-urġenza li nimxu flimkien u nikkultivaw id-dimensjonijiet tas-smigħ, tal-parteċipazzjoni u tal-qsim flimkien. Mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba rridu nagħtu sehemna biex nibnu l-familja umana, infejqu l-ġrieħi tagħha u nindirizzawha lejn futur aħjar. F’din il-perspettiva, għad-59 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, nixtieq nirrifletti magħkom fuq it-tifsira wiesgħa tal-“vokazzjoni”, fil-kuntest ta’ Knisja sinodali li tagħti widen għal Alla u għad-dinja.

 

Imsejħin inkunu lkoll protagonisti tal-missjoni

Is-sinodalità, li nimxu flimkien, hi vokazzjoni fundamentali għall-Knisja, u f’dan ix-xefaq biss nistgħu niskopru u nagħtu valur lid-diversi vokazzjonijiet, kariżmi u ministeri. Fl-istess waqt, nafu li l-Knisja teżisti biex tevanġelizza, toħroġ minnha nfisha u xxerred iż-żerriegħa tal-Vanġelu fl-istorja. Għalhekk, missjoni bħal din hi possibbli sewwasew billi npoġġu f’sinerġija l-oqsma kollha pastorali u, qabelxejn, ninvolvu f’dan lid-dixxipli kollha tal-Mulej. Fil-fatt, “grazzi għall-Magħmudija li rċieva, kull membru tal-Poplu ta’ Alla sar dixxiplu missjunarju (ara Mt 28:19). Kull mgħammed, hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fil-Knisja u l-grad ta’ tagħlim tal-fidi tiegħu, hu suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 120). Hemm bżonn inħarsu ruħna mill-mentalità li tifred saċerdoti minn lajċi, li tqis lil tal-ewwel bħala protagonisti u lil tat-tieni bħala eżekuturi, u l-missjoni Nisranija nwettquha bħala Poplu wieħed ta’ Alla, lajċi u ragħajja flimkien. Il-Knisja kollha hija komunità li tevanġelizza.

 

Imsejħin inkunu ħarriesa ta’ xulxin u tal-ħolqien

Il-kelma “vokazzjoni” ma rridux nifhmuha f’sens restrittiv, jiġifieri tirriferi biss għal dawk li jimxu wara l-Mulej tul it-triq ta’ konsagrazzjoni partikulari. Ilkoll aħna msejħin nieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu li jiġbor flimkien l-umanità mxerrda u jħabbibha mill-ġdid ma’ Alla. B’mod iżjed ġenerali, kull persuna umana, qabel ma tgħix il-laqgħa tagħha ma’ Kristu u tħaddan il-fidi Nisranija, mad-don tal-ħajja tirċievi sejħa fundamentali: kull wieħed u waħda minna hu ħlejqa li Alla ried u ħabb, li għaliha kellu ħsieb uniku u speċjali, u din ix-xrara divina, li tgħammar fil-qalb ta’ kull raġel u ta’ kull mara, aħna msejħin niżviluppawha matul ħajjitna, billi nagħtu sehemna biex tikber l-umanità mseddqa mill-imħabba u mil-laqgħa ta’ xulxin. Aħna msejħin inkunu ħarriesa ta’ xulxin, nibnu rabtiet ta’ fehma waħda u qsim ma’ xulxin, nikkuraw il-ġrieħi tal-ħolqien biex ma jinqerdix il-ġmiel tiegħu. F’kelma waħda, biex nikbru f’familja waħda fid-dar komuni meraviljuża tal-ħolqien, fil-varjetà armonika tal-elementi tagħha. F’dan is-sens wiesa’, mhux biss l-individwi, imma anki l-popli, il-komunitajiet u l-għaqdiet ta’ bosta għamliet huma “vokazzjoni”.

 

Imsejħin nilqgħu l-ħarsa ta’ Alla

F’din il-vokazzjoni kbira komuni tidħol is-sejħa iżjed partikulari li Alla qed jagħmlilna, huwa u jilħaq il-ħajja tagħna bi Mħabbtu u jorjentaha lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħha, milja li tgħaddi saħansitra l-għatba tal-mewt. Hekk Alla ried iħares u qed iħares lejn ħajjitna.

 

Jingħad li Michelangelo Buonarroti qal dawn il-kelmiet: “Kull blokka tal-ġebel għandha ġo fiha statwa, u xogħol l-iskultur hu li joħroġha għad-dawl”. Jekk il-ħarsa tal-artista tista’ tkun hekk, iktar u iktar iħares lejna hekk Alla: f’dik ix-xbejba ta’ Nazaret hu lemaħ l-Omm ta’ Alla; fis-sajjied Xmun bin Ġona lemaħ lil Pietru, il-blata li fuqha ried jibni l-Knisja tiegħu; fil-pubblikan Levi għaraf l-appostlu u evanġelista Mattew; f’Sawl, persekutur qalil tal-Insara, ra lil Pawlu, l-appostlu tal-ġnus. Il-ħarsa tiegħu ta’ mħabba dejjem tilħaqna, tmissna, teħlisna u tibdilna billi tagħmel minna persuni ġodda.

 

Din hija d-dinamika ta’ kull vokazzjoni: il-ħarsa ta’ Alla tilħaqna, issejħilna. Il-vokazzjoni, kif fl-aħħar mill-aħħar hi l-qdusija, mhijiex esperjenza straordinarja rriservata għal ftit nies. Kif teżisti l-“qdusija tal-bieb ta’ maġenbna” (ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 6-9), hekk ukoll il-vokazzjoni hi għal kulħadd, għax Alla lejn kulħadd iħares u lil kulħadd isejjaħ.

 

Hemm proverbju tal-Lvant Imbiegħed jgħid hekk: “Wieħed għaref, meta jħares lejn il-bajda, jaf jara l-ajkla; meta jħares lejn iż-żerriegħa jilmaħ siġra kbira; meta jħares lejn midneb jaf jilmaħ qaddis”. Hekk iħares lejna Alla: f’kull wieħed u waħda minna jara l-potenzjalitajiet, li xi drabi anki għalina jkunu moħbija, u f’ħajjitna kollha jaħdem bla heda biex nistgħu nqegħduhom għas-servizz tal-ġid komuni.

 

Il-vokazzjoni hekk titwieled, grazzi għall-arti tal-Iskultur divin li, bl-“idejn” tiegħu joħroġna minna nfusna, biex jispikka fina dak il-kapulavur li aħna msejħin inkunu. B’mod partikulari, il-Kelma ta’ Alla, li teħlisna mill-egoċentriżmu, kapaċi ssaffina, iddawwalna u toħloqna mill-ġdid. Ejjew mela nagħtu widen għall-Kelma, biex ninfetħu għall-vokazzjoni li Alla qed jafdalna! U nitgħallmu nagħtu widen ukoll għal ħutna fil-fidi, għax fil-pariri u fl-eżempju tagħhom jista’ jkun hemm moħbija l-inizjattiva ta’ Alla, li jurina toroq dejjem ġodda x’nimxu.

 

Imsejħin inwieġbu għall-ħarsa ta’ Alla

Il-ħarsa kollha mħabba u kreattiva ta’ Alla laħqitna b’mod għalkollox uniku f’Ġesù. Xħin kellem liż-żagħżugħ għani, l-evanġelista Marku jinnota: “Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba” (10:21). Fuq kull wieħed u waħda minna tistrieħ din il-ħarsa ta’ Ġesù mimlija mħabba. Ħuti, ejjew inħallu din il-ħarsa tmissna u nħalluh joħroġna minna nfusna! U nitgħallmu nħarsu wkoll lejn xulxin biex il-persuni li magħhom ngħixu u niltaqgħu – ikunu min ikunu – jistgħu jħossuhom milqugħa u jiskopru li hemm Xi Ħadd li qed iħares lejhom bi mħabba u jistedihom jiżviluppaw il-potenzjalitajiet kollha tagħhom.

 

Ħajjitna tinbidel meta nilqgħu din il-ħarsa. Kollox isir djalogu vokazzjonali, bejna u bejn il-Mulej, imma anki bejna u l-oħrajn. Djalogu li, jekk ngħixuh fil-profond tiegħu, jagħmilna dejjem iżjed dak li aħna: fil-vokazzjoni għas-saċerdozju ordnat, biex inkunu strument tal-grazzja u tal-ħniena ta’ Kristu; fil-vokazzjoni għall-ħajja kkonsagrata, biex inkunu tifħir lil Alla u profezija ta’ umanità ġdida; fil-vokazzjoni għaż-żwieġ, biex inkunu don għal xulxin u nnisslu u nedukaw il-ħajja. B’mod ġenerali, f’kull vokazzjoni u ministeru fil-Knisja li jsejħilna nħarsu lejn l-oħrajn u lejn id-dinja bl-għajnejn ta’ Alla, biex nagħmlu l-ġid u nxerrdu l-imħabba, bl-għemil u bil-kliem.

 

Dwar dan, hawn nixtieq insemmi l-esperjenza ta’ Dr José Gregorio Hernández Cisneros. Huwa u jaħdem bħala tabib f’Caracas fil-Veneżwela, ried jidħol Terzjarju Franġiskan. Iktar tard, xtaq isir monaku u saċerdot, imma saħħtu ma ħallitux. Hemm fehem li s-sejħa tiegħu kienet proprju l-professjoni medika, li fiha hu kien mogħti b’mod partikulari għall-foqra. Għalhekk huwa ddedika ruħu bla riservi għall-morda milquta mill-epidemija tal-influwenza msejħa “Spanjola”, li f’dak iż-żmien kienet xterdet mad-dinja. Miet imtajjar minn karozza, huwa u ħiereġ minn spiżerija mnejn kien ġab xi mediċini għal pazjenta anzjana tiegħu. Xhud eżemplari ta’ xi jfisser tilqa’ s-sejħa tal-Mulej u tobdiha b’mod sħiħ, hu ġie bbeatifikat sena ilu.

 

Imsejħin nibnu dinja ta’ aħwa

Bħala Nsara, aħna mhux biss aħna msejħin, jiġifieri kull wieħed minna personalment b’vokazzjoni, imma anki kon-vokati, imsejħin flimkien. Aħna qisna t-tesseri ta’ mużajk, diġà sbieħ jekk teħodhom waħda waħda, imma li flimkien biss isawru xbieha. Nibbrillaw, kull wieħed u waħda minna, bħal stilla fil-qalb ta’ Alla u fil-wesgħa tal-univers, imma aħna msejħin insawru kostellazzjonijiet li juru t-triq u jiddu fil-mixja tal-umanità, ibda mill-ambjent fejn ngħixu. Dan huwa l-misteru tal-Knisja: fid-differenzi li jgħixu flimkien, hija sinjal u strument ta’ dawk li għalih il-bnedmin kollha huma msjeħin. Għalhekk il-Knisja għandha ssir dejjem iżjed sinodali: b’ħila ikbar li timxi magħquda fl-armonija tad-differenzi, fejn kollha għandhom sehem x’jagħtu u jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv.

 

Għalhekk, meta nitkellemu fuq “vokazzjoni”, dan ma jfissirx biss li nagħżlu din jew dik ix-xejra ta’ ħajja, li niddedikaw ħajjitna għal ministeru partikulari jew nissaħħru minn kariżma ta’ familja reliġjuża jew ta’ moviment jew ta’ komunità ekkleżjali waħda; ifisser li nwettqu l-ħolma ta’ Alla, il-pjan kbir tal-fraternità li Ġesù kellu f’qalbu meta talab lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Kull vokazzjoni fil-Knisja, u f’sens wiesa’ anki fis-soċjetà, taħdem b’risq għan komuni: biex terġa’ tidwi fost il-bnedmin dik l-armonija tal-bosta doni differenti li l-Ispirtu s-Santu biss jaf iwettaq. Saċerdoti, ikkonsagrati, fidili lajċi, nimxu u naħdmu flimkien, biex nagħtu xhieda li familja kbira umana mxierka fl-imħabba mhijiex xi utopija, imma hija l-proġett li għalih ħalaqna Alla.

 

Nitolbu, ħuti, biex il-Poplu ta’ Alla, qalb il-ġrajjiet drammatiċi tal-istorja, iwieġeb dejjem iżjed għal din is-sejħa. Nitolbu d-dawl tal-Ispirtu s-Santu, biex kull wieħed u waħda minna jista’ jsib postu u jagħti l-aħjar tiegħu f’dan il-pjan għoli!

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 8 ta’ Mejju 2022, ir-IV Ħadd tal-Għid.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard