Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
GĦALL-11-IL JUM DINJI

TA’ TALB U RIFLESSJONI KONTRA N-NEGOZJU TAL-PERSUNA UMAN4

 

Ambaxxaturi tat-tama:
flimkien kontra n-negozju tal-persuna umana

Għeżież ħuti!

Ningħaqad magħkom bil-ferħ f’dan il-11-il Jum Dinji ta’ talb u riflessjoni dwar in-negozjar tal-persuna umana.  Din ir-rikorrenza taħbat fil-jum li fih titfakkar liturġikament Santa Giuseppina Bakhita, mara u reliġjuża mis-Sudan, vittma tan-negozju tal-persuna umana sa minn tfulitha, li saret simbolu tal-impenn tagħna kontra dan il-fenomenu terribbli.  F’dis-sena ġjubilari, ejjew nimxu t-triq flimkien, bħala “pellegrini tat-tama”, biex niġġieldu dal-fenomenu.

Kif inhu possibbli jibqa’ jkollna t-tama quddiem miljuni ta’ persuni, l-aktar nisa u tfal, żgħażagħ, migranti u rifuġjati maqbudin fin-nassa ta’ din l-iskjavitù moderna?  Mi mnejn se nsibu dejjem ħeġġa ġdida biex niġġieldu l-kummerċ tal-organi u tat-tessuti umani, l-isfruttament sesswali tat-tfal subjien u bniet, ix-xogħol sfurzat inkluż il-prostituzzjoni, it-traffiku tad-drogi u tal-armi?  Kif nistgħu niffaċċjaw dan kollu li qed isir fid-dinja bla ma nitilfu t-tama?  Hu biss jekk nerfgħu ħarsitna lejn Kristu, tama tagħna, li nistgħu nsibu l-forza ta’ mpenn imġedded li ma jħallix id-dimensjoni tal-problemi u tad-drammi jegħlbuh, imma li fid-dlam jagħmel ħiltu kollha biex jixgħel fjammi jnemnmu, li kollha flimkien jafu jdawlu l-lejl sa ma jixref iż-żerniq.

Iż-żgħażagħ li jaħdmu madwar id-dinja kollha kontra dan-negozju jtuna eżempju: jgħidulna li hemm bżonn insiru ambaxxaturi tat-tama u naħdmu id f’id bil-perseveranza u bl-imħabba; li hemm bżonn inkunu spalla ma’ spalla mal-vittmi u ma’ min ħelisha ħafif.

Bl-għajnuna t’Alla nistgħu nevitaw li bi drawwa naċċettaw din l-inġustizzja, nitbiegħdu mit-tentazzjoni li naħsbu li ċerti fenomini ma jistgħux ikunu meqruda.  L-Ispirtu tal-Mulej irxoxt iweżinna aħna u nippromwovu, bil-kuraġġ u b’effikaċja, inizjattivi mmirati biex idgħajfu u jikkuntrastaw il-mekkaniżmi ekonomiċi u kriminali li jagħmlu l-qliegħ minn dan-negozju u l-isfruttament.  Jgħallimna, fuq kollox, nisimgħu, bil-qrubija u l-ħniena, lill-persuni li għaddew mill-esperjenza tan-negozju tal-persuna umana, biex ngħinuhom jerġgħu jqumu fuq saqajhom u flimkien magħhom infittxu l-aħjar toroq biex neħislu lill-oħrajn u biex dal-fenomenu nilqgħulu minn qabel.

Dan-negozju hu fenomenu kumpless, li dejjem jevolvi, u japprofitta ruħu mill-gwerer, mill-kunflitti, mill-karestiji u mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.  Għalhekk jitlob tweġibiet globali u sforz komuni, f’kull livell, biex niġġieldulu.

Għaldaqstant nistieden lil kulħadd, b’mod partikolari lir-rappreżentanti tal-gvernijiet u tal-organizzazzjonijiet li huma fehema waħda dwar dan l-impenn, biex jingħaqdu magħna, imqanqlin mit-talb, biex inniedu inizjattivi li jiddefendu d-dinjità umana, ħalli jkun eliminat in-negozju tal-persuni umani fil-forom kollha tiegħu, u biex nippromwovu l-paċi fid-dinja.

Flimkien – b’fiduċja fl-interċessjoni ta’ Santa Bakhita – nistgħu mmiddu għonqna biex bi sforz kbir noħolqu l-kundizzjonijiet xierqa ħalli n-negozju tal-persuna umana u l-isfruttament jinqerdu u sabiex id-drittijiet fundamentali umani jibqgħu dejjem rispettati, aħna u nagħrfu lil xulxin bħal aħwa f’umanità komuni.

Ħuti, irroddilkom  ħajr għall-kuraġġ u l-perseveranza li biha tmexxu din l-opra, waqt li tiġbdu magħkom tant persuni ta’ rieda tajba.  Komplu mexjin bit-tama fil-Mulej, li jimxi magħkom!  Inberikkom mill-qalbi.  Nitlob għalikom u intom itolbu għalija.

Mill-Vatikan, 4 ta’ Frar, 2025

Franġsiku

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber